52013DC0037

GREEN PAPER DWAR PRATTIKI KUMMERĊJALI INĠUSTI FIL-KATINA TAL-PROVVISTA ALIMENTARI U MHUX ALIMENTARI MINN NEGOZJU GĦAL NEGOZJU FL-EWROPA /* COM/2013/037 final - 2012/ () */


WERREJ

1........... INTRODUZZJONI 3

2........... Definizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti 6

2.1........ Il-Kunċett ta’ Prattiki Kummerċjali Inġusti 6

2.2........ Eżempji ta’ Prattiki Kummerċjali Inġusti 8

2.3........ L-Effetti Potenzjali ta’ Prattiki Kummerċjali Inġusti 9

3........... Oqfsa legali dwar prattiki kummerċjali inġusti 11

3.1........ Oqfsa Legali Frammentati fuq Livell Nazzjonali 11

3.2........ Protezzjoni kontra Prattiki Kummerċjali Inġusti fil-livell tal-UE. 13

4........... L-infurzar tar-regoli kontra prattiki kummerċjali inġusti 16

4.1........ Mekkaniżmi ta' Infurzar fil-Livell Nazzjonali 16

4.2........ Mekkaniżmi ta' Infurzar fil-Livell tal-UE. 17

5........... TIPI ta’ prattiki kummerċjali inġusti 18

5.1........ Termini Kuntrattwali Ambigwi 19

5.2........ Nuqqas ta' Kuntratti bil-Miktub. 19

5.3........ Bidliet Kuntrattwali Retroattivi 19

5.4........ Trasferiment Inġust ta' Riskju Kummerċjali 19

5.5........ L-użu inġust tal-Informazzjoni 20

5.6........ Terminazzjoni Inġusta ta’ Relazzjoni Kummerċjalii 21

5.7........ Restrizzjonijiet Territorjali fuq il-Provvista. 21

5.8........ Karatteristiċi Komuni tal-UTPs. 22

6........... RIMARKI ĠENERALI 23

7........... IL-PASSI LI JMISS. 24

1.           INTRODUZZJONI

Il-katina tal-provvista minn negozju għal negozju (business-to-business - B2B) hija element importanti tal-ekonomija Ewropea. Din tidderiġi l-prodotti u s-servizzi mill-fornituri għall-konsumaturi u għandha impatt dirett fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Is-servizzi għall-konsumaturi jirrappreżentaw 4.3 % tal-PDG tal-UE, 18.7 miljun (jew 8.3 %) tal-impjegati tal-UE u 17 % tal-SMEs tal-UE[1]. Dawn jiżguraw id-distribuzzjoni lill-konsumaturi ta' oġġetti u servizzi li ġejjin minn setturi ekonomiċi oħra, bħall-agrikoltura, il-manifattura, il-loġistika u s-servizzi tal-IT.

Din il-Green Paper tindirizza l-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B, li hija l-katina ta' tranżazzjonijiet bejn l-intrapriżi infushom jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-kunsinna ta' oġġetti destinati l-aktar għall-pubbliku ġenerali għall-użu jew konsum personali jew domestiku. Il-katina tal-provvista hija magħmula minn għadd ta' atturi (produtturi/proċessuri/distributuri) li lkoll għandhom impatt fuq il-prezz finali li jitħallas mill-konsumatur. Dan l-impatt ivarja skont is-subsettur alimentari u mhux alimentari ikkonċernat. Katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B li taħdem sew hija kruċjali sabiex jintlaħaq l-akbar potenzjal ekonomiku ta' dawk is-setturi.

Matul dawn l-aħħar żewġ deċennji, il-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B inbidlet b'mod konsiderevoli għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali u demografiċi. Konċentrazzjoni u integrazzjoni vertikali akbar mal-UE kollha wasslu għal bidliet strutturali fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B. Tfaċċaw alleanzi tax-xiri internazzjonali differenti tal-bejjiegħa u dawn qed ifittxu ekonomiji ta' skala fil-forniment permezz ta' saħħa akbar ta’ akkwist. L-espansjoni tal-marki kummerċjali tal-bejjiegħa stess ittrasformat xi negozjanti f'kompetituri diretti tal-fornituri tagħhom. Jidher li għadd żgħir ta' atturi relattivament b’saħħithom għandu saħħa ta’ negozjar konsiderevoli.

F’ċerti każijiet, dawn il-fatturi jistgħu jwasslu għal prattiki kummerċjali inġusti (unfair trading practices - UTPs) f’relazzjonijiet tul il-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B. UTPs huma prattiki li jitbiegħdu ħafna minn imġiba kummerċjali tajba u huma kontra l-bona fide u t-trattament ġust. Il-UTPs huma normalment imposti f’sitwazzjoni ta’ żbilanċ minn parti aktar b’saħħitha fuq parti iktar dgħajfa u jistgħu jkunu preżenti fuq kwalunkwe naħa tar-relazzjoni B2B u fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-provvista.

Fil-livell tal-UE, il-UTPs kienu diskussi għall-ewwel darba fis-settur alimentari tal-UE fl-2009 meta l-prezzijiet għall-konsumaturi żdiedu fl-isfond ta' żieda fil-prezzijiet agrikoli. In-nuqqas ta’ trasparenza fis-suq, l-inugwaljanzi fis-saħħa tan-negozjar u l-prattiki li jmorru kontra l-kompetizzjoni wasslu għal distorsjonijiet fis-suq b'effetti negattivi potenzjali fuq il-kompetittività tal-katina tal-provvista alimentari b'mod ġenerali. Dan wassal għall-ħtieġa li jiġi analizzat il-funzjonament tal-katina tal-provvista alimentari. Il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li l-konsumaturi ma kinux offruti trattamenti ġusti biżżejjed f’termini ta’ firxiet u prezzijiet ta’ prodotti u li l-intermedjarji/il-partijiet industrijali fl-ipproċessar tal-ikel/ il-bejjiegħa għamlu pressjoni fuq il-marġni tal-produtturi agrikoli[2]. Tabilħaqq, il-prestazzjoni tal-katina tal-provvista alimentari taffettwa l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE, peress li madwar 14 % tan-nefqa domestika tagħhom tintefaq fuq l-ikel[3], kif ukoll il-funzjonament ta’ setturi ekonomiċi bħall-agrikoltura, l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u l-bejjiegħa. Barra minn hekk, fl-2008 biss il-prezzijiet tal-ikel reali żdiedu b’iktar minn 3 % [4], bil-konsegwenza li kien hemm livell aktar baxx fis-saħħa ta’ akkwist u l-fiduċja tal-konsumatur, u b’hekk saru wieħed mill-katalizzaturi ewlenin tal-inflazzjoni tal-prezzijiet globali. Bħala reazzjoni, fl-2010 kienet stabbilita Pjattaforma Esperta dwar Prattiki Kuntrattwali B2B, fi ħdan il-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari li Taħdem Aħjar, biex taħdem fuq soluzzjoni għal din il-kwistjoni. Fl-2011, il-Pjattaforma Esperta pprovdiet sett ta’ prinċipji u eżempji ta' prattiki ġusti u inġusti f’relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista alimentari iffirmat minn ħdax-il organizzazzjoni li jirrappreżentaw interessi differenti fil-katina Ewropea tal-provvista alimentari[5]. Fl-2012, il-Pjattaforma ħadmet fuq mekkaniżmu ta’ infurzar. Minkejja l-isforz komuni, il-qafas propost naqas milli jidentifika rimedji effettifvi għan-nuqqas ta’ konformità u naqas milli jikseb l-appoġġ tar-rappreżentanti mill-katina tal-provvista kollha kemm hi sat-tielet laqgħa tal-Forum ta' Livell Għoli fil-5 ta' Diċembru 2012. Madankollu, tmienja mill-ħdax-il organizzazzjoni ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jniedu l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' prattika ġusta fuq bażi volontarja fil-bidu tal-2013[6]. Fl-istess waqt, għaddejja ħidma fost il-partijiet interessati biex jinstab kompromess permezz ta’ dan l-approċċ speċifiku għas-settur. Il-Kummissjoni tħeġġeġ il-partijiet interessati kollha biex jilħqu ftehim fix-xhur li ġejjin. Il-Kummissjoni estendiet ukoll il-perjodu tal-mandat tal-Forum ta' Livell Għoli sal-31 ta' Diċembru 2014[7] u se tkompli timmonitorja l-iżviluppi speċifiċi fil-katina tal-provvista tal-ikel u ssegwi r-riżultati miksuba s'issa.

B’mod parallel, il-Kummissjoni se tibda taħdem fuq valutazzjoni tal-impatt tal-opzjonijiet differenti biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-UTPs  Il-valutazzjoni tal-impatt se teżamina wkoll sa fejn din il-problema tistax tiġi ttrattata fuq livell lokali jew jekk tkunx meħtieġa soluzzjoni fil-livell tal-UE. Dan l-approċċ se jħares il-kisbiet tal-Forum ta’ Livell Għoli fis-settur tal-ikel filwaqt li jitiqesu s-soluzzjonijiet possibbli kollha li varjaw bejn l-awtoregolamentazzjoni għal-leġiżlazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tipproponi passi li jmiss xierqa fit-tieni nofs tal-2013.

Il-UTPs kienu soġġetti għal għadd ta' sħarriġiet u inkjesti f'bosta Stati Membri[8]. Rapport riċenti tan-Netwerk Ewropea għall-Kompetizzjoni (ECN) ikkonferma li għadd kbir ta' Awtoritajiet Nazzjonali għall-Kompetizzjoni identifikataw l-eżistenza ta' UTPs[9] bħala kwistjoni fis-settur alimentari.

Madankollu, minn perspettiva usa’, ġie argumentat li l-UTPs jistgħu jseħħu mhux biss fis-settur alimentari iżda wkoll fis-setturi mhux alimentari. Din il-Green Paper se tgħin fil-ġbir ta’ informazzjoni fuq din il-kwistjoni, li tista’ tkun marbuta ma’ għadd ta’ fatturi. L-ewwelnett, l-evoluzzjoni fis-settur tal-bejgħ alimentari u dak mhux alimentari lejn format "imħallat", fejn il-maġġoranza kbira tal-bejjiegħa jipprovdu firxiet ta' ikel, oġġetti għad-dar u prodotti oħra taħt l-istess ġestjoni u taħt l-istess termini u kundizzjonijiet. It-tieni, il-fatt li xi wħud mill-ikbar manifatturi jipproduċu ikel kif ukoll tipi oħra ta' oġġetti bħal deterġenti, kosmetiċi, prodotti tal-iġjene, eċċ. flimkien mal-importanza ta’ xi marki kummerċjali, jista’ jaffettwa wkoll ir-relazzjoni bejn il-fornitur u l-bejjiegħ. Ġew identifikati prattiki f’għadd ta’ setturi, inklużi dawk tal-għamara u tat-tessuti[10]. Fis-settur tal-ħwejjeġ, rapport tal-2007 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali fil-katina tal-ħwejjeġ tal-UE identifika disa’ prattiki bejn il-manifatturi u l-bejjiegħa li kienu pperċepiti bħala inġusti. Dawn jinkludu, fost oħrajn: spiża promozzjonali tal-bejjiegħ imposta awtomatikament, ħlasijiet lura lill-konsumatur, ħlasijiet imdewma, ritorn ta’ oġġetti mhux mibjugħin, terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjoni ta’ provvista u l-isfruttar ta' ideat innovattivi inkorporati fil-kampjuni[11].

L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tas-suq tal-konsumaturi[12] min-naħa tal-Kummissjoni jsemmi l-preżenza ta’ UTPs f’setturi tal-konsumaturi differenti. Il-Parlament Ewropew ikkonferma wkoll il-ħtieġa li mmorru lil hinn mill-industrija agroalimentari u ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni f'dan ir-rigward[13]. Fl-Att dwar is-Suq Uniku I[14], il-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni tagħha li tniedi inizjattiva biex tiġġieled l-UTPs fir-relazzjonijiet kummerċjali. Barra minn hekk, għadd ta’ konsultazzjonijiet riċenti man-negozji kkonfermaw l-eżistenza ta’ din il-kwistjoni[15].

Il-UTPs jistgħu jkollhom effetti detrimentali fuq l-ekonomija tal-UE u għall-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B b'mod partikolari. Prattiki bħal dawn jistgħu jaffetwaw il-kapaċità tal-kumpaniji, inkluża dik tal-SMEs, li jinvestu u jagħmlu innovazzjonijiet. Barra minn hekk, l-eżistenza ta' regoli nazzjonali fframmentati tista' tikkostitwixxi ostaklu addizzjonali għall-forniment u d-distribuzzjoni transfruntiera fis-Suq Uniku.

Din il-Green Paper tinkludi valutazzjoni preliminari u tipprova tikseb evidenza u fehmiet ulterjuri relatati mal-kwistjonijiet possibbli li jirriżultaw minn UTPs f’relazzjonijiet tul il-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B u relatati mal-kwistjoni tal-infurzar effiċjenti tar-regoli nazzjonali eżistenti mmirati lejn il-ġlieda kontra l-UTPs, kif ukoll l-impatt li jirriżulta fuq is-Suq Uniku. L-għan tal-Green Paper huwa li tniedi konsultazzjoni mal-partijiet interessati dwar din l-analiżi, li tiġbor informazzjoni u, fejn xieraq, tidentifika l-passi possibbli li jmiss fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni.

Tħaddim aħjar tal-katina tal-provvista se jħeġġeġ aktar integrazzjoni ekonomika u jindirizza n-nuqqasijiet sinifikanti tas-Suq Uniku kkawżati minn UTPs u mill-frammentazzjoni tar-regoli nazzjonali mmirati lejn il-ġlieda kontrihom. Dan għandu jikkontribwixxi għall-mira usa' tal-UE li ssir ekonomija iktar intelliġenti, iktar sostenibbli u iktar inklużiva sal-2020.

2.           Definizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti

2.1.        Il-Kunċett ta’ Prattiki Kummerċjali Inġusti

Il-libertà kuntrattwali hija l-bażi ta’ kwalunkwe relazzjoni B2B fl-ekonomija tas-suq u l-partijiet għandhom ikunu kapaċi jfasslu l-kuntratti li huma l-iktar addattati għall-ħtiġijiet tagħhom. Dan jikkonċerna speċjalment il-UTPs f'negozjati prekuntrattwali li huma sussegwentement inkorporati f’termini kuntrattwali. Sabiex jinkisbu benefiċċji reċiproċi minn din il-libertà kuntrattwali, il-partijiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jinnegozjaw verament it-termini kuntrattwali. Madankollu, f'xi każijiet fejn waħda mill-partijiet kontraenti għandha pożizzjoni ta’ negozjar aktar b’saħħitha, din tista’ unilateralment timponi termini fuq il-kontroparti aktar dgħajfa – u b’hekk ir-relazzjoni kummerċjali titfassal eċċessivament biex tiffavorixxi esklużivament l-interessi ekonomiċi tagħha stess. B'mod partikolari, il-parti kontraenti tista' tuża termini u kondizzjonijiet sostanzjalment żbilanċjati u minħabba s-saħħa ta' negozjar tagħha ma tinnegozjahomx individwalment. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, il-parti aktar dgħajfa tista’ ma tkunx f'pożizzjoni li tirrifjuta tali kondizzjonijiet żvantaġġużi imposti unilateralment minħabba l-biża’ li ma tikkonkludix il-kuntratt jew saħansitra jfalli n-negozju tagħha. Tali pożizzjonijiet mhux ugwali tan-negozjar jistgħu jkunu dovuti għal diversi fatturi, eż., differenza sinifikanti fid-daqs/fil-fatturat relattiv tal-partijiet, id-dipendenza ekonomika jew spejjeż mitlufa diġà mġarrba minn waħda mill-partijiet (eż., investimenti għolja bil-quddiem).

Il-UTPs huma normalment imposti f'sitwazzjoni ta’ żbilanċ minn parti iktar b’saħħitha fuq oħra iktar dgħajfa - li ħafna drabi mhijiex f'pożizzjoni li tabbanduna r-relazzjoni inġusta u taqleb għal sieħeb kummerċjali ieħor minħabba l-ispejjeż implikati minn din il-bidla jew min-nuqqas ta' alternattivi għall-kuntrattant. Huwa importanti li jiġi nnutat li s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ tista’ teżisti fi kwalunkwe naħa tar-relazzjoni: il-bejjiegħa kif ukoll il-fornituri jistgħu jkunu vittimi ta’ UTPs u jistgħu jseħħu fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-provvista B2B. Tali sitwazzjonijiet jistgħu jinqalgħu, pereżempju, għall-produtturi agrikoli, li ta’ spiss ikollhom għażla limitata ta’ sħab kummerċjali għat-teħid tal-produzzjoni tagħhom u li, minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi ta’ ħafna prodotti, jistgħu ma jkunux kapaċi li jaħżnu l-produzzjoni għal perjodu itwal ta' żmien sabiex jinkisbu l-aħjar termini tax-xiri.

Prattiki bħal dawn jinkludu, pereżempju, li ma tingħatax biżżejjed informazzjoni dwar termini kuntrattwali, pagamenti eżiġenti għal oġġetti jew servizzi li mhuma ta’ ebda valur għall-kuntrattant, bidliet unilaterali jew retroattivi ta' termini kuntrattwali, kif ukoll pagamenti għal servizzi fittizji, li minħabba fihom il-kuntrattanti jinżammu milli jfornu lilhom infushom minn Stati Membri oħra — li jwassal għal tqassim territorjali tas-Suq Uniku.

Il-UTPs jistgħu jseħħu fi kwalunkwe stadju tar-relazzjoni B2B. Dawn jistgħu jiġu applikati meta jiġi nnegozjat kuntratt, ikunu parti mill-kuntratt innifsu jew jistgħu jiġu imposti f'fażi postkuntrattwali, (eż. bidliet kuntrattwali retroattivi).

Wara li jiġi konkluż kuntratt, UTPs jistgħu sempliċiment jikkonsistu fl-eżekuzzjoni tat-termini inġusti. Madankollu, anke fejn it-termini kuntrattwali jidhru bħala aċċettabbli għaż-żewġ partijiet, jistgħu xorta jitfaċċaw kwistjonijiet potenzjali. Ġeneralment, il-kuntratti ma jkoprux l-aspetti kollha tal-imġiba tal-partijiet fil-fażi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew tant huma kumplessi li l-partijiet ma jifhmux kompletament x’qed jimplikaw it-termini fil-prattika. Barra minn hekk, il-partijiet jistgħu ma jkollhomx l-istess livell ta’ informazzjoni dwar it-tranżazzjoni, li jista’ jwassal għal kondotta inġusta mill-parti l-aktar b’saħħitha fil-konfront tal-kontroparti aktar dgħajfa. F’dan ir-rigward, l-SMEs ġeneralment huma f'pożizzjoni aktar dgħajfa meta mqabbla mal-kontropartijiet ikbar, billi dawn jistgħu ma jkollhomx l-għarfien speċjalizzat meħtieġ biex japprezzaw l-implikazzjonijiet kollha tat-termini miftiehma.

F'suq li jaħdem bl-aħjar mod, in-nuqqas ta' fiduċja bejn il-partijiet jirriżulta f’bidla lejn sieħeb kummerċjali ieħor. Spejjeż għolja tal-bdil jew in-nuqqas stess ta' tali possibbiltà b’mod konkret ifissru pożizzjoni ta’ negozjar favorevoli li tista’ tħeġġeġ il-parti l-aktar b’saħħitha li ġġib ruħha b'mod inġust.

L-inabbiltà li jinbidel is-sieħeb kummerċjali u li tintemm ir-relazzjoni eżistenti hija fattur ewlieni fl-iżvilupp ta' UTPs. Barra minn hekk, il-parti aktar dgħajfa ta’ spiss tibża’ li r-relazzjoni kummerċjali tista’ tintemm f’każ ta' lment min-naħa tagħha. Dan il-“fattur ta’ biża’” jrendi dawn l-ilmenti sostanzjalment anqas probabbli li jseħħu u għalhekk hiwaħda mill-aktar kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu eżaminati meta tiġi vvalutata l-adegwatezza ta’ mekkaniżmu ta’ infurzar. Pereżempju, jidher li 87 % tal-fornituri ma jieħdu ebda azzjoni lil hinn minn diskussjoni mal-klijent tagħhom. Kważi żewġ terzi (65 %) ta’ dawn ma jieħdu ebda azzjoni minħabba biża’ ta’ ritaljazzjoni u 50 % jiddubitaw mill-effettività ta' rimedji pubbliċi[16]. Reċentement, kważi l-fornituri u l-produtturi kollha mistiedna biex jidhru quddiem il-Kumitat Parlamentari Irlandiż dwar ir-relazzjonijiet bejn il-fornitur u l-bejjiegħ fis-Suq Irlandiż tal-Merċa, sabiex jiddiskutu r-rabtiet tagħhom mal-bejjiegħa, irrifjutaw li jagħmlu dan[17]. Sabiex tinġabar l-informazzjoni rilevanti, il-Kumitat għażel kuntatti diretti, fuq bażi kunfidenzjali.

Mistoqsijiet:

1) Taqbel mad-definizzjoni ta' UTPs mogħtija hawn fuq ?

2) Il-kunċett ta’ UTPs huwa rikonoxxut fl-Istat Membru tiegħek? Jekk iva, jekk jogħġbok spjega kif.

3) Fl-opinjoni tiegħek, il-kunċett ta' UTPs għandu jkun limitat għal negozjati kuntrattwali jew għandu jinkludi wkoll il-fażi prekuntrattwali jew/u l-fażi postkuntrattwali ?

4) F’liema stadju tal-katina tal-provvista B2B għall-konsumaturi jistgħu jseħħu UTPs?

5) X’taħsbu dwar il-kunċett ta' "fattur ta’ biża”? Tikkondividi l-valutazzjoni mwettqa hawn fuq dwar din il-kwistjoni? Jekk jogħġbok spjega.   

2.2.        Eżempji ta’ Prattiki Kummerċjali Inġusti

Il-UTPs kienu s-suġġett ta’ għadd ta’ stħarriġiet u inkjesti li ta’ spiss iffukaw fuq is-settur alimentari.

L-investigazzjoni tal-2008 mill-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni tar-Renju Unit dwar il-provvista ta' prodotti tal-merċa fir-Renju Unit[18] identifikat 52 prattika, li minnhom 26 kellhom “il-potenzjal li joħolqu inċertezza għall-fornituri fir-rigward tad-dħul jew l-ispejjeż tagħhom bħala riżultat tat-trasferiment ta’ riskji eċċessivi jew spejjeż mhux mistennija lill-fornituri ”. Dawn inkludew aġġustamenti retrospettivi tal-prezzijiet, finanzjament retrospettiv ta' promozzjonijiet, jew prattiki oħra li effettivament wasslu għal aġġustament retrospettiv tal-arranġamenti tal-provvisti miftiehma minn qabel.

Ir-rapport tal-Awtorità Spanjola dwar il-Kompetizzjoni dwar relazzjonijiet bejn il-fornituri u l-bejjiegħa fis-settur alimentari[19] identifika 18-il prattika bejn il-manifatturi u l-bejjiegħa u qasamhom fi tliet kategoriji: (i) pagamenti kummerċjali (eż. tariffi għall-ġarr u t-tqegħid tal-prodotti); (ii) kontribuzzjonijiet għal attivitajiet anċillari mwettqa mill-bejjiegħ (eż. tariffi ta’ promozzjoni); (iii) pagamenti atipiċi (eż. dawk meqjusa mill-manifatturi bħala li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ).

Ir-Rapport tal-Kumitat Parlamentari Irlandiż jiġbed l-attenzjoni lejn asserzjonijiet li xi bejjiegħa huma involuti f’azzjonijiet ta’ “kondotta ħażina serja ”, “ibbulljar u intimidazzjoni” u saħansitra “prattiki illegali” kontra fornituri u jistqarr ukoll li ħafna fornituri kienu ġew soġġetti għal prattiki minn bejjiegħa li inkludew domandi mhux raġonevoli għal “kontribuzzjonijiet finanzjarji” kieku dawn kellhom jonqsu milli jikkonformaw mad-domandi tal-bejjiegħa[20].

2.3.        L-Effetti Potenzjali ta’ Prattiki Kummerċjali Inġusti

L-impożizzjoni ta’ UTPs tul il-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B tista’ taffetwa lin-negozji li jistgħu, sussegwentement, jirriżultaw f'effetti detrimentali għall-ekonomija kollha kemm hi.

L-impatt ta’ UTPs fuq il-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat, primarjament minħabba n-natura tal-kwistjoni iżda wkoll minħabba diffikultajiet fil-kejl. Madankollu, huwa allegat li l-impatti detrimentali potenzjali ta’ UTPs kemm fuq medda ta’ żmien qasira kif ukoll fuq dik twila jistgħu jinkludu effetti fuq l-investiment u l-innovazzjoni[21]. Il-Kummissjoni reċentement nediet studju dwar l-evoluzzjoni tal-għażla u l-innovazzjoni fil-bejgħ tal-ikel bil-għan li jiġi kwantifikat kemm dawn inbidlu matul l-aħħar snin wara l-immodernizzar u l-konċentrazzjoni fis-settur tal-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea.

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport ta’ Monitoraġġ dwar is-Suq tal-Konsumaturi ikkwota bħala eżempju l-każ tal-ħalib UHT fi Franza, fejn skont l-Observatoire des prix et des marges amministrat minn FranceAgrimer, is-sehem tal-prezz tal-produtturi (mhux il-marġni) fil-prezz finali tal-konsumatur għall-ħalib UHT kien naqas minn 32.2% għal 25.9% fil-perjodu 2005 - 2009 – u b’hekk, saret ħsara b’mod ċar lill-ħila tal-prodotturi li jinvestu. Barra minn hekk, id-dokument "Analiżi fuq trażmissjoni tal-prezz tul il-katina alimentari fl-UE" li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar"[22] jidentifika għall-perjodu 2007-2009 trażmissjoni pjuttost baxxa u asimmetrika ta’ prezzijiet minn produtturi agrikoli għall-konsumaturi fis-swieq analizzati (pereżempju, tal-majjal u tal-ħalib), li tista’ tkun dovuta, parzjalment, għal żbilanċi possibbli fis-saħħa tan-negozjar u/jew prattiki antikompetittivi fil-katina alimentari.

Ħafna UTPs jistgħu jkunu relatati ma’ kwistjonijiet ta’ pagament li huma direttament marbuta mal-mod kif il-prezzijiet bejn il-fornituri, l-intermedjarji u l-bejjiegħa huma strutturati. Pereżempju, l-istudju reċenti tal-awtorità Finlandiża għall-kompetizzjoni dwar il-kummerċ ta’ oġġetti tal-konsum ta' kuljum juri li 90 % tal-kumpaniji li wieġbu kienu ħallsu l-hekk imsejħa “konċessjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni” marbuta ma’ benefiċċji mhux ċari. Xi drabi, tali pagamenti kienu prekundizzjoni għall-kummerċ mingħajr ebda kumpens "reali"[23].

Il-UTPs jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin l-investiment u l-innovazzjoni minħabba inqas dħul u inċertezza. Termini inġusti imposti retrospettivament, b’mod partikolari, jistgħu jagħtu lok għal inċertezza f'termini ta' ppjanar kummerċjali u jistgħu jirriżultaw f'inqas investiment. Kalkoli fuq ir-redditu mill-investiment jinkludu valutazzjoni tar-riskji potenzjali. Bidliet retrospettivi jew l-użu “inġust” tal-informazzjoni jistgħu jnaqqsu l-ħila tal-kumpaniji li jinvestu, jinnovaw, jespandu l-kapaċità jew li jiżviluppaw linji ta' prodotti ġodda. Dan ikun il-każ fejn oġġetti mhux mibjugħa ritornati lura lill-fornituri ma jitħallsux anki jekk l-arranġamenti kuntrattwali kienu qed jiddikjaraw l-oppost (eż., prodotti domestiċi staġjunali jew prodotti b’perjodu ta’ użu limitat). Minħabba dan il-fornituri jkollhom iġarrbu spejjeż bla bżonn, tinħoloq l-inċertezza u jkun hemm riperkussjonijiet fuq l-investiment. L-effetti detrimentali possibbli tal-UTPs japplikaw għall-atturi kollha involuti tul il-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B iżda jista’ jkollhom effetti sproporzjonati fuq l-SMEs, li ta’ spiss ikollhom nuqqas ta’ għarfien speċjalizzat dwar kuntratti kumplessi, ikollhom spejjeż ta’ tibdil ogħla u inqas relazzjonijiet kummerċjali, ikunu inqas lesti li jużaw mekkaniżmi formali ta' infurzar u jkollhom anqas saħħa ta’ kontrobilanċ fil-konfront ta’ sħab kummerċjali b’saħħithom.

Barra minn hekk, jiġi argumentat li l-UTPs jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kummerċ transfruntiera u jxekklu t-tħaddim xieraq tas-Suq Uniku. Pereżempju, il-fornituri jistgħu ma jkunux daqshekk ħerqana li jittrattaw ma’ bejjiegħa barranin minħabba l-biża’ li jkunu vittmi ta’ UTPs f’kuntest ġuridiku nazzjonali mhux familjari. Naturalment dan mhuwiex l-uniku ostaklu: il-livell ta' kkuntrattar transfruntiera fi ħdan il-katina tal-provvista tal-UE ivarja minn Stat Membru għal ieħor, skont il-preżenza ta’ bejjiegħa kbar integrati vertikalment, is-sehem ta' bejjiegħa onlajn, is-subsettur tal-qasam tal-konsumaturi u r-rwol tal-bejjiegħa fil-livell tal-operaturi[24]. Madankollu, irrispettivament minn dawn il-fatturi, il-UTPs jistgħu jxekklu l-iżvilupp tar-relazzjonijiet transfruntiera, l-aktar minħabba d-diffikultà li jiġu infurzati r-regoli li jindirizzawhom f'kuntest transfruntiera.

Mistoqsijiet:

6) Mill-esperjenza tiegħek, sa liema livell u kemm –il darba jseħħu każijiet ta’ UTPs fis-settur alimentari? F'liema stadju tar-relazzjoni kummerċjali u b'liema mod iseħħu l-aktar?

7) Il-UTPs huma preżenti wkoll fis-setturi mhux alimentari? Jekk dan huwa l-każ, jekk jogħġbok ipprovdi eżempji konkreti.

8) Il-UTPs għandhom impatt negattiv, partikolarment, fir-rigward tal-abbiltà tal-kumpanija tiegħek li tinvesti u tinnova? Jekk jogħġbok ipprovdi eżempji konkreti u, kemm jista’ jkun possibbli, ikkwantifikahom.

9) Il-UTPs jaffettwaw il-konsumaturi (eż. permezz tal-influwenzar tal-prezzijiet, tal-għażla jew tal-innovazzjoni tal-prodotti)? Jekk jogħġbok ipprovdi eżempji konkreti u, kemm jista’ jkun possibbli, ikkwantifikahom.

10) Il-UTPs għandhom impatt fuq il-kummerċ transfruntiera tal-UE? Il-UTPs jirriżultaw fi frammentazzjoni tas-Suq Uniku? Jekk iva, jekk jogħġbok spjega sa fejn il-UTPs ikollhom impatt fuq l-abbiltà tal-kumpanija tiegħek li tagħmel kummerċ transfruntiera.

3.           Oqfsa legali dwar prattiki kummerċjali inġusti

3.1.        Oqfsa Legali Frammentati fuq Livell Nazzjonali

Tul is-snin, prattiki inġusti fir-relazzjonijiet bejn il-fornituri u x-xerrejja tqiesu dejjem aktar mill-awtoritajiet pubbliċi bħala kwistjoni politika importanti. Bħala riżultat, ħafna Stati Membri ħadu azzjonijiet biex jittrattaw il-kwistjoni tal-UTPs iżda għamlu dan b'modi differenti. Dan wassal għal livell għoli ta' diverġenza f’termini tal-livell, tan-natura u tal-forma legali ta' protezzjoni pprovduta fil-konfront tal-UTPs fil-livell nazzjonali.

Il-punt tat-tluq ta’ spiss kien l-analiżi mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex jivvalutaw il-kompetizzjoni fis-settur tal-konsumaturi u r-rwol tal-prattiki kummerċjali fir-relazzjoni bejn il-bejjiegħ u l-fornitur[25].

Ir-relazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni u liġijiet dwar prattiki kummerċjali inġusti

F’dan il-kuntest, wieħed għandu jiddistingwi bejn il-liġi tal-kompetizzjoni u liġijiet immirati lejn l-evitar ta’ prattiki inġusti. Regoli kummerċjali inġusti fil-biċċa l-kbira għandhom għan differenti minn liġi tal-kompetizzjoni peress li dawn jirregolaw relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-kumpaniji billi jistipulaw it-termini u l-kundizzjonijiet li, pereżempju, il-fornituri għandhom joffru lil distributuri, irrispettivament mill-effetti reali jew preżunti fuq il-kompetizzjoni fis-suq. Dan huwa partikolarment il-każ meta leġiżlazzjoni li tipprojbixxi lill-intrapriżi milli jimponu fuq is-sħab kummerċjali tagħhom jew milli jiksbu jew jippruvaw jiksbu mingħandhom termini u kundizzjonijiet li mhumiex ġustifikati, li huma sproporzjonati jew mingħajr kunsiderazzjoni[26].

Il-liġi tal-kompetizzjoni tista’ tkopri ċerti UTPs fir-relazzjonijiet tul il-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B. Madankollu, din mhux se tkopri dawn il-prattiki kollha waqt li tipprova tilħaq l-għan li tipproteġi l-kompetizzjoni fis-suq u normalment din tindirizza sitwazzjonijiet ta’ saħħa fis-suq[27]. Għadd ta’ Stati Membri kellhom regoli tal-kompetizzjoni fuq kondotta unilaterali li, pereżempju, jipprojbixxu jew jimponu sanzjonijiet fuq l-imġiba abbużiva lejn intrapriżi li huma ekonomikament dipendenti u/jew l-abbuż minn pożizzjoni ta’ negozjar superjuri.

Ir-rapport reċenti min-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, li hu kompost mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni Ewropea, ikkonkluda li “ċerti prattiki kummerċjali li huma kkunsidrati inġusti minn bosta partijiet interessati 'ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-livell tal-UE jew fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri”[28].

Id-dritt ċivili u kummerċjali u prattiki kummerċjali inġusti

Fir-rigward tal-ekwità f'relazzjonijiet kummerċjali individwali, il-prinċipji bażiċi tad-dritt ċivili u/jew dak kummerċjali jistgħu joffru xi livell ta' protezzjoni fil-konfront tal-UTPs. Kunċett ġenerali ta’ dmir ta’ ewkità jeżisti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Dan ġeneralment jikkonċerna kunċetti bħal kondotta contra bonos mores, prestazzjoni/negozjati skont il-prinċipji ta' bona fide, morali tajba, ekwità jew lealtà. Nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-prinċipji normalment irendi l-kuntratti nulli u bla effett jew mhux infurzabbli quddiem il-qrati.

Oqfsa nazzjonali speċifiċi dwar prattiki kummerċjali inġusti

Xi Stati Membri estendew il-protezzjoni offruta taħt id-dritt ċivil biex jiġi indirizzat l-għadd dejjem jikber ta’ każijiet ta’ UTP[29]. Meta sar dan, intużaw strumenti nazzjonali differenti. Filwaqt li l-opzjoni ppreferuta ta’ xi Stati Membri kienet li tiġi adottata leġiżlazzjoni speċifika dwar il-kwistjoni[30], oħrajn stabbilixxew jew ippromwovew kodiċi ta’ kondotta jew qed jikkunsidraw il-possibbiltà li jagħmlu dan[31].

Bl-istess mod, hemm differenzi sostanzjali fl-approċċi tal-Istati Membri lejn l-ambitu tal-istrumenti statutorji jew ta’ awtoregolamentazzjoni. Filwaqt li f’xi Stati Membri jiġi pprovdut ħarsien fil-konfront ta’ UTPs fil-katina ta' provvista għall-konsumaturi jew f’settur tal-konsumaturi partikolari, f'oħrajn, ir-regoli japplikaw kullimkien. Pereżempju, fil-Portugall[32], fis-Slovenja[33], fi Spanja[34], fil-Belġju[35] u fir-Renju Unit[36] hemm kodiċi ta’ kondotta ffukati fuq il-katina ta’ provvista ta’ prodotti tal-merċa[37], filwaqt li fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Irlanda hemm pjanijiet biex jiġu adottati tali kodiċi. Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Italja adottaw liġijiet li jkopru l-UTPs fis-settur agroalimentari. Bl-istess mod, fis-settur tal-karozzi, l-awtoregolamentazzjoni kienet il-mezz ippreferut biex jiġu indirizzati l-UTPs. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt kummerċjali Franċiż jindirizzaw l-UTPs li japplikaw kullimkien għar-relazzjonijiet B2B kollha.

Barra minn hekk, il-problemi fis-Suq Uniku li jirriżultaw minn liġijiet diverġenti probabbilment jiżdiedu biż-żmien fid-dawl tal-użu akbar tal-kummerċ elettroniku u l-globalizzazzjoni b’mod aktar ġenerali.

Id-diverġenza li tirriżulta fil-protezzjoni fil-konfront tal-UTPs tista’ tiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jibdew attivitajiet barra mill-Istat Membru ta' oriġini tagħhom. Is-sitwazzjoni hija aggravata aktar billi oqfsa legali nazzjonali huma soġġetti għal bidliet frekwenti, li jindika li l-miżuri biex jiġu miġġielda l-UTPs mhux dejjem jirnexxu billi għandhom isegwu l-iżvilupp ta’ UTPs ġodda. Għaldaqstant, kumpaniji milquta minn UTPs jallegaw li hija diffiċli u tiswa ħafna flus biex tiġi segwita s-sitwazzjoni tad-drittijiet legali tagħhom disponibbli fl-Istati Membri differenti, speċjalment meta dawn ikunu SMEs.

Fl-Istati Membri fejn ma jeżistu ebda oqfsa speċifiċi dwar il-UTPs, ir-raġunament ipprovdut normalment huwa li l-liġi ġenerali tal-kompetizzjoni hi effettiva biżżejjed biex tindirizza l-kwistjoni (ir-Repubblika Ċeka) jew li hemm ċertu nuqqas ta' rieda li jkun hemm indħil fil-libertà kuntrattwali tal-partijiet (UK), speċjalment fin-nuqqas ta' ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni[38]. Xi drabi jsir argument aktar ġenerali dwar l-effettività u l-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni dwar l-UTPs u l-impatt potenzjali tagħha, inkluż fuq il-prezzijiet.

3.2.        Protezzjoni kontra Prattiki Kummerċjali Inġusti fil-livell tal-UE

Għalkemm il-kwistjoni tal-UTPs tqajmet fil-kuntest ta' għadd ta' inizjattivi riċenti[39], għalissa, mhemm l-ebda qafas regolatorju speċifiku tal-UE dwar il-kwistjoni tal-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B.

Il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE timmira għall-kostruzzjoni u l-ħarsien tas-Suq Uniku u t-tisħiħ tal-benesseri tal-konsumatur[40]. Hija maħsuba biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiffunzjona sew is-suq u per se ma tikkonċernax l-ekwità fir-relazzjonijiet kummerċjali individwali, sakemm dawk ma jinvolvux funzjonament ħażin tas-suq minħabba l-eżistenza ta’ saħħa fis-suq. Bħala riżultat, il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE tista’ titratta ftit UTPs iżda mhux kollha.

Strumenti transettorjali oħra tal-UE jindirizzaw ukoll prattiki inġusti fir-relazzjonijiet kummerċjali. Id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti[41] tkopri biss il-lat bejn in-negozju u l-konsumatur tal-kwistjoni, filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtieġa ta' azzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam B2B[42]. Din il-leġiżlazzjoni tarmonizza bis-sħiħ il-protezzjoni tal-konsumaturi qabel, matul u wara tranżazzjonijiet kummerċjali kontra prattiki li jmorru kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u li jistgħu jaffettwaw l-imġiba ekonomika tagħhom. L-Istati Membri huma liberi li jestendu dawk ir-regoli għal prattiki minn negozju għal negozju, u wħud minnhom diġà għamluha. Din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għal-liġi kuntrattwali u, b'mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effett ta' kuntratt. Fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni, id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieq u Komparattiv[43] diġà tipprovdi regoli ta’ protezzjoni minima mal-Ewropa kollha u tipproteġi n-negozjanti, kemm il-klijenti kif ukoll il-kompetituri, kontra reklamar qarrieq. Reċentement, il-Kummissjoni ddeskriviet azzjonijiet futuri fil-qasam ta' prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni[44] minn negozju għal negozju li se jinkludu t-tisħiħ tar-regoli ta’ infurzar u dawk sostantivi biex jitħarsu n-negozji kontra skemi qarrieqa fl-Ewropa. B'mod partikolari, il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta reviżjoni leġiżlattiva tad-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieq u Komparattiv.

Barra minn hekk id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard[45] tikkonċerna l-kwistjoni speċifika tat-termini tal-ħlas. Ir-Regolamenti 593/2008 u 864/2007 dwar il-liġi applikabbli, rispettivament, għall-obbligi kuntrattwali u dawk mhux kuntrattwali, min-naħa l-oħra, jipprovdu sett komprensiv ta' regoli li jiddeterminaw liema liġi tapplika għal tilwim li jinvolvi prattiki kummerċjali inġusti sa fejn dawn jinvolvu l-obbligi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali bejn il-partijiet.

F'termini ta' setturi, il-prinċipji ta’ ekwità fir-relazzjonijiet kuntrattwali ġew introdotti fis-settur tal-ħalib/tal-prodotti tal-ħalib[46]. Dawn jinkludu, inter alia, kuntratti bil-miktub obbligatorji bejn il-bdiewa u l-proċessuri u obbligu biex ix-xerrejja joffru lill-bdiewa tul ta’ żmien minimu ta’ kuntratt. Xi soluzzjonijiet settorjali awtoregolatorji wkoll ġew esplorati fil-livell tal-UE. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-konsumaturi biss huma protetti kontra termini inġusti fil-kuntratti bid-Direttiva dwar it-Termini Inġusti[47]. Skont din il-leġiżlazzjoni, terminu kuntrattwali li ma jkunx ġie negozjat individwalment se jitqies inġust jekk, kontra r-rekwiżiti ta’ bona fide, jikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. Fil-kuntest tal-proposti leġiżlattivi għar-riforma tal-Politiki Komuni tas-Sajd, il-Kummissjoni ħadet ukoll sensiela ta’ inizjattivi settorjali biex tippromwovi trattament ġust fir-relazzjoni B2B fl-oqsma tas-sajd u tal-akkwakultura[48].

Xi dispożizzjonijiet legali fil-livell tal-UE jistgħu jindirizzaw parzjalment UTPs fir-relazzjonijiet kummerċjali. Madankollu, dan jista' joħloq taħlita ta' regoli li jistgħu jkunu invokati skont il-prattiki speċifiċi kkonċernati jew meta l-kumpanija li qed tuża l-prattiki jkollha s-saħħa fis-suq. Madankollu, b’mod ġenerali, kumpanija li tiffaċċja UTPs minn sieħeb kummerċjali ma tkunx tista’ tibbenefika minn protezzjoni konsistenti mal-UE kollha. Din il-frammentazzjoni legali mas-Suq Uniku kollu tista’ tiskoraġġixxi l-kumpaniji jew iżżommhom milli jieħdu sehem f'attivitajiet barra mill-Istat Membru ta' oriġini tagħhom.

Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet sett uniformi ta’ regoli tal-liġi dwar il-bejgħ li jistgħu jintużaw għal bejgħ transfruntiera ta’ oġġetti tanġibbli mobbli u ta' kontenut diġitali[49]. Din il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ (Common European Sales Law - CESL) se tkun fakultattiva: Il-partijiet għal kuntratt jistgħu jagħżlu meta jużawha, iżda mhux se jkunu obbligati li jagħmlu dan. Sabiex din tkun applikabbli fir-relazzjonijiet B2B tal-anqas parti waħda għandha tkun SME. B’mod partikolari din tindirizza l-SMEs sabiex tipproteġihom kontra kundizzjonijiet żvantaġġużi imposti unilateralment. Ċerti regoli se jkunu regoli standard: pereżempju, is-CESL tiddikjara li jekk il-prezz ma ġiex miftiehem espliċitament, il-prezz li għandu jitħallas huwa dawk normalment mitlub f’sitwazzjonijiet komparabbli jew li kuntratt għal perjodu indefinit jista' jintemm minn kwalunkwe parti billi jingħata biss perjodu raġonevoli ta' notifika. Xi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu bilanċ ġust bejn l-interessi taż-żewġ naħat tant huma importanti li se jkunu obbligatorji:

· Kull parti għandha d-dmir li taġixxi b'bona fide u b'trattament ġust.

· Kundizzjonijiet kuntrattwali mhux innegozjati individwalment f'kuntratti B2B huma meqjusa bħala inġusti jekk l-użu tagħhom jiddevja ħafna minn prattika kummerċjali tajba, kontra l-bona fide u n-negozjar ġust. Dawn jistgħu biss jiġu invokati kontra l-parti l-oħra jekk il-parti l-oħra kienet taf dwarhom, jew jekk il-parti ħadet passi raġonevoli biex tiġbed l-attenzjoni tal-parti l-oħra għalihom.

· Fejn parti waħda hija intitolata li tiddetermina l-prezz unilateralment u d-determinazzjoni ta’ din il-parti mhija xejn raġonevoli għandu jitħallas il-prezz li normalment jintalab.

· Kuntratt jista’ jiġi evitat jekk parti kienet sfruttata b'mod inġust, pereżempju, billi din ma jkollhiex esperjenza u l-parti l-oħra kienet taf jew seta’ kien mistenni li tkun taf dan u sfruttat is-sitwazzjoni tal-ewwel parti billi ħadet benefiċċju eċċessiv jew vantaġġ inġust minnha. Il-partijiet ma jistgħux iqassru l-perjodu ta’ preskrizzjoni bbażat fuq għarfien reali jew preżunt tal-fatti għal inqas minn sena u ma jistax jiġi estiż għal aktar minn għaxar snin.

Mistoqsijiet:

11) L-oqfsa regolatorji/awtoregolatorji nazzjonali fis-seħħ jindirizzaw biżżejjed il-UTPs f'xi Stati Membri? Jekk le, għaliex?

12) In-nuqqas ta' oqfsa regolatorji /awtoregolatorji nazzjonali speċifiċi li jindirizzaw il-UTPs huwa problema f’ġuriżdizzjonijiet fejn dawn ma jeżistux?

13) Miżuri li jippruvaw jindirizzaw il-UTPs għandhom effett biss fuq is-swieq domestiċi jew għandhom ukoll fuq il-kummerċ /forniment transfruntiera tas-servizzi? Jekk iva, jekk jogħġbok spjega l-impatt fuq il-ħila tal-kumpanija tiegħek li tagħmel kummerċ transfruntiera. Id-differenzi bejn oqfsa regolatorji/awtoregolatorji nazzjonali fis-seħħ jirriżultaw fi frammentazzjoni tas-Suq Uniku?

14) Fil-fehma tiegħek għandha tittieħed azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE?

15) Fejn dan jeżisti, ir-regolamentazzjoni dwar il-UTPs għandha impatt pożittiv? Hemm żvantaġġi/tħassib possibbli marbuta mal-introduzzjoni ta’ regolamentazzjoni dwar il-UTPs, pereżempju billi jiġu imposti restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fuq il-libertà kuntrattwali? Jekk jogħġbok spjega.

4.           L-infurzar tar-regoli kontra prattiki kummerċjali inġusti

4.1.        Mekkaniżmi ta' Infurzar fil-Livell Nazzjonali

Il-livell ta' protezzjoni tal-parti kontraenti aktar dgħajfa f'relazzjoni B2B bħalissa jvarja bejn l-Istati Membri. Jintużaw diversi mekkaniżmi ta' infurzar fuq livell nazzjonali biex jindirizzaw l-UTPs. Dawn jinkludu, inter alia, rimedju ġudizzjarju (fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri), azzjonijiet possibbli mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni taħt ir-regoli nazzjonali dwar il-kondotta unilaterali (eż., Spanja), rimedju amministrattiv (pereżempju, Franza) u ombudsmen (eż., ir-Renju Unit).

L-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet tal-infurzar ivarja skont l-istrument ta’ infurzar użat minn kull Stat Membru. Xi korpi ma jistgħux jaċċettaw ilmenti anomimi (eż. il-qrati), oħrajn ma jistgħux jipproteġu l-anonimità ta’ min jilmenta matul il-proċedimenti sħaħ (eż. l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f'ċerti Stati Membri), filwaqt li t-tielet kategorija hija permessa li tvara investigazzjonijiet biss abbażi ta’ evidenza kredibbli (eż., il-ġudikant tar-Renju Unit taħt il-Kodiċi ta’ Provvista tal-Merċa jew il-Ministeru Franċiż tal-Ekonomija).

Il-varjetà ta’ approċċi adottati mill-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-kwistjoni tal-UTPs tista' tirriżulta fi frammentazzjoni sinfikanti tas-Suq Uniku. Il-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, isibuha diffiċli li jidentifikaw ir-rimedji disponibbli fl-Istati Membri differenti.

Fl-aħħarnett, minbarra l-approċċi diverġenti użati mill-Istati Membri, konsultazzjoni reċenti tan-negozji turi li l-mekkaniżmi eżistenti ta' infurzar huma meqjusa bħala mhux suffiċjenti (ara l-Grafika 1, hawn taħt).

Grafika 1: Suffiċjenza perċepita ta’ mekkaniżmi ta' infurzar eżistenti skont l-Istat Membru ta' operazzjoni (EBTP, 2012)                        

Skont dawk li wieġbu l-istħarriġ tal-EBTP, in-nuqqas prevalenti ta' mekkaniżmi adegwati ta' infurzar li jipproteġu l-partijiet aktar dgħajfa minn UTPs ixekkel l-iżvilupp tan-negozju u l-kummerċ, partikolarment f'sitwazzjonijiet transfruntiera. Dan għandu impatt sinifikanti fuq l-SMEs, li huma l-inqas probabbli li jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom il-mezzi meħtieġa biex ikopru spejjeż potenzjalment għolja ta' rappreżentanza legali, minħabba l-kumplessità ta' proċessi bħal dawn u n-nuqqas ta’ għarfien dwar kif jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fid-dawl tar-rimedji disponibbli.

4.2.        Mekkaniżmi ta' Infurzar fil-Livell tal-UE

Kif spjegat fit-taqsima 3.2 hawn fuq, f'dan l-istadju, ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu speċifiku ta’ infurzar kontra UTPs fil-livell tal-UE. Madankollu, jeżistu bosta strumenti transettorjali li jkopru b’mod ġenerali l-litigazzjoni u b’hekk il-litigazzjoni anke fir-rigward tal-UTPs[50].

Fir-rigward tal-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni qarrieqa B2B, il-Kummissjoni ħabbret fir-reviżjoni tagħha tal-2012 tad-Direttiva 2006/114/KE li toħloq mekkaniżmu ta' kooperazzjoni fl-infurzar[51] biex issaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera u tiżgura protezzjoni aħjar kontra l-iskemi ta' kummerjalizzazzjoni qarrieqa li joħolqu l-aktar ħsara.

Kif imsemmi hawn fuq, rappreżentanti ta' atturi tal-katina alimentari fi ħdan il-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari li Taħdem Aħjar kienu qed iħarsu wkoll lejn diversi alternattivi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim għall-infurzar tal-prinċipji identifikat ta’ prattika tajba. Dan l-approċċ huwa speċifiku għas-settur, billi din il-Green Paper tiddiskuti l-kwistjoni tal-UTPs fir-relazzjonijiet tul il-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B b’approċċ transettorjali. B’mod parallel għall-konsultazzjoni mnedija b'din il-Green Paper, il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi speċifiċi tal-katina tal-provvista tal-ikel u tibda taħdem fuq valutazzjoni tal-impatt ta' opzjonijiet differenti biex tipprovdi soluzzjoni ġusta u effettiva għall-kwistjoni tal-UTPs.

Minkejja dawn l-istrumenti transettorjali li diġà japplikaw għall-UTPs, sabiex jiġu indirizzati t-tipi differenti ta’ UTPs imsemmija fit-Taqsima 5 hawn taħt, jista’ jinħtieġ li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ sett komuni ta’ prinċipji tal-infurzar fl-Istati Membri kollha. Il-kwistjonijiet koperti jistgħu jinkludu rimedju xieraq għall-“fattur ta' biża'” deskritt hawn fuq billi jingħataw setgħat lill-awtoritajiet investigattivi nazzjonali biex iniedu azzjonijiet ex-officio u biex jaċċettaw l-ilmenti anonimi. Barra minn hekk, tali sett komuni ta’ prinċipji ta’ infurzar jista’ jipprevedi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom id-dritt li jimponu sanzjonijiet xierqa. Dawn jistgħu jinkludu l-possibbiltà li tiġi ordnata konformità ma' prattiki ġusti, jiġu rkuprati d-danni, jiġu imposti multi b'effett ta’ deterrent, u jirrapportaw pubblikament dwar is-sejbiet tagħhom. Ir-regoli nazzjonali eżistenti jistgħu jipprovdu eżempji tal-aktar mekkaniżmi ta' infurzar effiċjenti biex ikunu inklużi f'tali sett komuni ta' prinċipji ta' infurzar.

Mistoqsijiet:

16) Hemm diskrepanzi sinifikanti fit-trattament legali tal-UTPs bejn l-Istati Membri? Jekk dan huwa l-każ, dawn id-diskrepanzi qed ixekklu l-kummerċ transfruntiera? Jekk jogħġbok ipprovdi eżempji konkreti u, kemm jista’ jkun possibbli, ikkwantifika l-impatt.

17) F’każ ta’ impatti negattivi bħal dawn, sa fejn taħseb li approċċ komuni tal-UE lejn l-infurzar ikun jista’ jindirizza l-kwistjoni?

18) Korpi tal-infurzar rilevanti għandhom jingħataw setgħat investigattivi, inkluż id-dritt li jitniedu azzjonijiet ex officio, li jiġu imposti sanzjonijiet, u li jiġu aċċettati lmenti anonimi?  

5.           TIPI ta’ prattiki kummerċjali inġusti

Ir-riżultati tal-istħarriġ u tal-inkjesti deskritti hawn fuq juru li l-UTPs huma perċepiti bħala fenomenu komuni preżenti tul il-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B f’ħafna Stati Membri tal-UE. Barra minn hekk, ġew identifikati tipi differenti ta’ UTPs u kwistjonijiet relatati u dawn huma deskritti hawn taħt. Abbażi tal-prinċipji u l-eżempji ta' prattiki ġusti u inġusti f’relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista alimentari tal-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari li Taħdem Aħjar u l-ħidma imwettqa mill-Kummissjoni fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari B2B, ġew identifikati seba’ tipi ta’ UTPs. Dawn il-UTPs huma spjegati hawn taħt, flimkien ma’ prattiki ġusti possibbli li jistgħu jgħinu fl-indirizzar tagħhom.

5.1.        Termini Kuntrattwali Ambigwi

L-aktar forma komuni ta’ UTPs (rikonoxxuti fl-istħarriġiet u l-inkjesti msemmija hawn fuq) tirriżulta minn termini kuntrattwali ambigwi li tagħmilha possibbli li jiġu imposti obbligi addizzjonali fuq partijiet kontraenti dgħajfa.

L-elementi ta’ prattika ġusta jistgħu jkunu li partijiet kontraenti għandhom jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi, inklużi sanzjonijiet f’kuntratti jkunu previsti b'mod ċar, trasparenti u mhux ambigwu. Il-partijiet kontraenti għandhom jipprovdu informazzjoni preċiża u komprensiva dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Dan jista’ jinkludi wkoll li sanzjonijiet kuntrattwali għandhom ikunu proporzjonali mal-ħsara mġarrba. Il-kuntratti għandhom jinkludu klawżoli li jfasslu ċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet li taħthom ikun permess tibdil sussegwenti fl-ispiża jew fil-prezz ta' prodotti jew servizzi.

5.2.        Nuqqas ta' Kuntratti bil-Miktub

Għandhom jiġu kkunsidrati iċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jitfaċċaw UTPs. Il-UTPs huma imposti aktar faċilment meta l-kuntratti ma jkunux stabbiliti bil-miktub billi l-partijiet ma għandhom l-ebda prova dejjiema tat-termini miftiehma.

L-elementi ta’ prattika ġusta jistgħu jkunu li l-partijiet kontraenti għandhom jiżguraw li l-ftehimiet għandhom isiru bil-miktub, sakemm dan ma jkunx prattikabbli għal parti waħda jew it-tnejn. Il-kontenut ta' kuntratti orali għandu jkun ikkonfermat bil-miktub minn tal-anqas parti kontraenti waħda wara l-konklużjoni tagħhom .

5.3.        Bidliet Kuntrattwali Retroattivi

Bidliet retroattivi, bħal tnaqqis mill-ammont iffatturat biex ikopri tariffi promozzjonali, skonti unilaterali bbażati fuq il-kwantitajiet mibjugħa, tariffi ta’ elenkar, eċċ. jistgħu jidhru mal-ewwel daqqa ta’ għajn bħala leġittimi iżda jistgħu jkunu inġusti jekk dawn ma kinux miftiehma b'mod preċiż biżżejjed.

L-elementi ta’ prattika ġusta jistgħu jkunu li t-termini u l-kundizzjonijiet għandhom ikunu ġusti għaż-żewġ partijiet. Kwalunkwe ftehim għandu jinkludi ċirkostanzi preċiżi u regoli dettaljati li taħthom il-partijiet jistgħu jimmodifikaw b’mod konġunt it-termini tiegħu, f’waqthom u b’mod infurmat, inkluż il-proċess għall-istabbiliment tal-kumpens meħtieġ għal kwalunkwe spiża li tirriżulta minn tali modifika kuntrattwali fuq inizjattiva ta' waħda mill-partijiet kontraenti.

5.4.        Trasferiment Inġust ta' Riskju Kummerċjali

Xi prattiki għandhom jiġu eżaminati irrispettivament minn jekk ikunux ġew miftiehma bil-quddiem jew le.

Kategorija partikolari ta' tali prattiki hija t-trasferiment tar-riskju lill-parti l-oħra, pereżempju, billi ir-responsabbiltà għal oġġetti misruqa titqiegħed għalkollox fuq il-fornitur (tariffi għal prodotti mitlufa sal-punt tal-bejgħ), anke jekk il-bejjiegħ huwa normalment fl-aħjar pożizzjoni biex jikkontrolla s-serq jew l-għajbien tal-merkanzija fil-bini tiegħu. Madankollu, ladarba r-riskju ta’ serq huwa ttrasferit lejn il-fornitur, l-inċentiv għall-bejjiegħ biex jieħu l-miżuri preventivi xierqa jonqos b'mod sostanzjali. Prattiki oħra f’din il-kategorija jinkludu finanzjament ta’ attivitajiet proprjetarji kummerċjali tal-parti l-oħra (bħalma huma l-investimenti eżiġenti fl-istabbilimenti kummerċjali ġodda), obbligi biex jiġi kkumpensat telf imġarrab mis-sieħeb kummerċjali, jew dewmien twil fil-ħlas.

Tip ieħor ta’ UTPs li jeħtieġ li tingħatalu attenzjoni huwa l-hekk imsejħa prattiki ta’ “marġni invertita”. Dan il-mudell huwa parti minn bosta mudelli kummerċjali moderni tal-bejjiegħa u jikkonsisti fl-iggruppar tal-akkwist ta' oġġetti b'xi servizzi addizzjonali li l-bejjiegħa joffru lil fornituri bi ħlas (eż., tariffi promozzjonali u ta’ trasport, servizzi marbuta mal-użu ta’ spazju fuq l-ixkafef, eċċ.). Dawn il-prattiki huma leġittimi skont il-biċċa l-kbira taċ-ċirkustanzi. Madankollu, f’xi każijiet, jistgħu jkunu wkoll eċċessivi u inġusti: f’xi ġuriżdizzjonijiet tal-UE (eż., Franza), il-qrati jiddikjaraw li t-tariffi tal-elenkar għandhom jitqiesu bħala leġittimi biss jekk dawn huma marbuta ma’ servizzi reali, huma proporzjonati u qed jiġu imposti b’mod trasparenti.

L-elementi ta’ prattika ġusta jistgħu jkunu li l-partijiet kontraenti għandhom jaqblu li kull operatur jieħu responsabbiltà għal riskji tiegħu stess u ma jippruvax jittrasferixxi r-riskji tiegħu lill-partijiet oħra iktar milli suppost. Il-partijiet kontraenti għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-kontribuzzjoni tagħhom lill-attivitajiet proprjetarji u/jew promozzjonali taż-żewġ partijiet. Tariffi għal servizzi leġittimi għandhom jikkorrispondu għall-valur tagħhom. Jista’ jinkludi wkoll li, meta jiġu miftiehma t-tariffi tal-elenkar bejn iż-żewġ partijiet, dawn għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju imġarrab. Il-partijiet kontraenti ma għandhomx jitolbu ħlas għal servizzi mhux mogħtija jew oġġetti mhux ikkunsinjati u ma għandhom qatt jitolbu ħlas li ma jikkorrispondix b’mod ċar għall-valur/l-ispiża tas-servizz mogħti.

5.5.        L-użu inġust tal-Informazzjoni

Użu “inġust” tal-informazzjoni minn parti waħda jista’ jikkaratterizza għadd ta' UTPs. Filwaqt li huwa leġittimu għal parti li titlob xi informazzjoni dwar il-prodotti proposti, id-dettalji li jaslulha ma għandhomx jintużaw, pereżempju, sabiex tiżviluppa prodotti tagħha stess li jistgħu jikkompetu, li ċċaħħad il-parti d-dgħajfa mir-riżultati tal-innovazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni kienet ippubblikat studju dwar l-aspetti ekonomiċi u ġuridiċi marbuta mal-użu, mal-miżapproprjazzjoni u mal-litigazzjoni fuq informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u sigrieti kummerċjali[52]. Prattiki oħra f'din il-kategorija jistgħu jinkludu rifjut li jiġu ffirmati ftehimiet ta’ kunfidenzjalità jew li ma tiġix irrispettata l-kunfidenzjalità.

L-elementi ta’ prattika ġusta jistgħu jkunu li l-informazzjoni pprovduta lil parti kontraenti f’relazzjoni kummerċjali għandha tintuża b’mod ġust (partikolarment f'sitwazzjonijiet fejn is-sħab kummerċjali huma wkoll parzjalment kompetituri). Jistgħu jinkludu wkoll li kull parti għal ftehim għandha tagħti attenzjoni raġonevoli li tiżgura ruħha li l-informazzjoni pprovduta lill-partijiet l-oħra hija korretta u mhux qarrieqa.

5.6.        Terminazzjoni Inġusta ta’ Relazzjoni Kummerċjalii

Terminazzjoni f’daqqa u mhux ġustifikata ta’ relazzjoni kummerċjali jew terminazzjoni mingħajr perjodu raġonevoli ta' notifika jistgħu wkoll ikunu tip prinċipali ta’ UTPs. Filwaqt li t-tmien ta' relazzjoni huwa parti mill-ħajja kummerċjali, ma għandux jintuża bħala mezz sabiex tiġi bbuljata parti kontraenti billi jiġi rrifjutat li ssir ġustifikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew billi ma jiġix rispettat perjodu raġonevoli ta’ notifika.

L-elementi ta’ prattika ġusta jistgħu jkunu li l-partijiet kontraenti għandhom jiżguraw it-terminazzjoni ġusta tal-kuntratti. Il-kuntratti għandhom jintemmu b’konformità mal-liġi applikabbli għall-kuntratt, filwaqt li tingħata notifika suffiċjenti lill-parti li fuqha hija imposta t-terminazzjoni biex tirkupra l-investiment tagħha.

5.7.        Restrizzjonijiet Territorjali fuq il-Provvista

Ir-restrizzjonijiet territorjali fuq il-provvista imposti minn xi fornituri multinazzjonali jistgħu jostakolaw il-bejjiegħa milli jipprovdu merkanzija identika b’mod transfruntiera f'post ċentrali u jkunu distribwiti lejn Stati Membri oħrajn[53]. Meta huma jikkontrollow effettivament il-livell loġistiku jew dak tal-operaturi, il-manifatturi ta’ oġġetti ewlenin tad-ditta jistgħu ma jkollhom l-ebda interess dirett li jnaqqsu l-prezzijiet u se jippruvaw jinnegozjaw kuntratti fuq livell nazzjonali biex iżommu d-differenzi fil-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, il-bejjiegħa li jippruvaw jiġu fornuti mill-istabbilimenti kummerċjali għall-operaturi jew fornituri sussidjarji bl-orħos prezzijiet u jagħmlu pressjoni fuq il-manifatturi billi jikkuntrattaw direttament fornituri kompetituri li joffru prodotti b’marka privata. Bejjiegħa fl-Istati Membri żgħar jissuġġerixxu li meta jippruvaw isibu forniment għal provvisti mingħand bejjiegħa mhux domestiċi għall-operaturi jew anke direttament mingħand fornituri fi swieq ġirien aktar kompetittivi u bi prezzijiet aħjar, dawn jiġu ridirezzjonati lis-sussidjarju responsabbli għal dak is-suq ġeografiku partikolari jew il-bejjiegħa nazzjonali tagħhom għall-operaturi li jkollhom kuntratti territorjali mal-fornituri. Tali restrizzjonijiet jippermettu li jiġi maqsum is-suq u jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fil-prezz bejn il-pajjiżi fil-livell tal-operaturi.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2009 "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar", il-Kummissjoni analizzat id-differenzi fil-livelli ta’ prezzijiet għal prodotti magħżula fl-Istati Membri kollha[54].

Pereżempju, fl-Irlanda, skont l-informazzjoni pprovduta f'laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Irlandiż fi Frar 2009, il-prezzijiet ta' prodotti mibjugħa fl-Irlanda u fir-Renju Unit rispettivament jistgħu jvarjaw sa 130%, billi l-bejjiegħa Irlandiżi jkunu obbligati jakkwistaw abbażi tal-lista tal-prezzijiet li tapplika għall-Irlanda. Filwaqt li fatturi bħas-salarji u l-ispejjeż soċjali, il-kost tal-enerġija, it-taxxi u l-loġistika jistgħu jispjegaw parti mid-differenzi fil-prezzijiet għall-konsumatur bejn is-swieq għall-istess prodott tad-ditta, limiti territorjali fuq il-provvista jistgħu jkollhom impatt detrimentali. Fl-2012 twettaq studju simili fil-Belġu[55].

Jekk ma jkunux ġustifikati fuq raġunijiet oġġettivi ta' effiċjenza (bħal-loġistika), dawn ir-restrizzjonijiet fuq il-forniment transfruntiera x'aktarx iwasslu għal diskriminazzjoni fil-prezz ibbażata fuq il-pajjiż tal-istabbiliment tax-xerrej. Bħala konsegwenza, il-konsumaturi huma affettwati negattivament minn prezzijiet ogħla u għażla iżgħar ta’ prodotti u ma jibbenefikawx mill-aċċess għal prezzijiet aħjar u l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku. Ir-raġunijiet tekniċi mressqa mill-fornituri bħat-tikkettar jistgħu jkunu validi f'ċerti każijiet iżda ġeneralment ma japplikawx għal merkanzija identika.

5.8.        Karatteristiċi Komuni tal-UTPs

It-trasferiment tal-ispejjeż imġarrba u tar-riskju intraprenditorjali lill-parti aktar dgħajfa fir-relazzjoni jirrappreżentaw denominatur komuni għall-biċċa l-kbira tal-UTPs ta’ hawn fuq. Pressjoni eċċessiva, inabbiltà li jitwettaq ippjanar kummerċjali kif suppost u nuqqas ta’ ċarezza dwar il-kontenut reali tal-kuntratt, kollha jxekklu l-aħjar teħid tad-deċiżjonijiet, iwasslu għal pressjoni fuq il-marġini li potenzjalment inaqqsu l-kapaċità tal-kumpaniji li jinvestu u jinnovaw.

Mistoqsijiet:

19) Il-lista msemmijja hawn fuq tiddeskrivi l-aktar UTPs sinifikanti? Hemm tipi oħra ta' UTPs?

20) L-istabbiliment ta’ lista ta’ UTPs ipprojbiti jista’ jkun mezz effettiv biex tiġi indirizzata l-kwistjoni? Lista bħal din ikollha tiġi aġġornata regolarment? Jeżistu soluzzjonijiet alternattivi possibbli?

21) Għal kull waħda mill-UTPs u l-prattiki ġusti possibbli korrispondenti identifikati hawn fuq, jekk jogħġbok: a)       Indika jekk taqbel jew ma taqbilx mal-analiżi tal-Kummissjoni. Jekk applikabbli, ipprovdi l-informazzjoni addizzjonali. b)       Spjega jekk il-UTP hijiex rilevanti għas-settur li int attiv fih. c)       Spjega jekk il-prattika ġusta possibbli korrispondenti tistax tapplika kullimkien fis-setturi differenti kollha?          d)       Spjega jekk il-UTP għandha tkun ipprojbita per se jew jekk il-valutazzjoni tagħha għandhiex issir fuq bażi ta' każ każ. 

22) Fir-rigward speċifiku tar-Restrizzjonijiet Territorjali tal-Provvista, jekk jogħġbok spjega:          a)       Fil-fehma tiegħek x’jistgħu jkunu raġunijiet oġġettivi ta’ effiċjenza li jiġġustifikaw każ fejn fornitur ma jfornix lil klijent partikolari? Għaliex? b)       Xi jkunu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' projbizzjoni fuq il-limiti territorjali fuq il-provvista (kif deskritt hawn fuq)? X’effetti prattiċi jista’ jkollha tali projbizzjoni fuq kif il-kumpaniji jistabbilixxu s-sistemi ta' distribuzzjoni tagħhom fl-Ewropa?

23) Il-prattiki ġusti possibbli ta' hawn fuq għandhom jiġu inkorporati f'qafas fuq livell tal-UE? Ikun hemm xi żvantaġġi ta’ approċċ bħal dan?

24) Jekk, fil-fehma tiegħek, għandha tittieħed azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE, din għandha tkun strument leġiżlattiv vinkolanti? Wieħed mhux vinkolanti? Inizjattiva awtoregolatorja?

6.           RIMARKI ĠENERALI

Mistoqsija:

25) Din il-Green Paper tindirizza l-UTPs u l-ekwità tar-relazzjonijiet B2B fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari. Taħseb li kien hawn xi kwistjoni importanti li ġiet omessa jew li ma ġietx rappreżentata biżżejjed?     

7.           IL-PASSI LI JMISS

Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli taħdem flimkien mal-partijiet interessati rilevanti kollha u tevalwa l-kontribuzzjonijiet kollha li se jipprovdu lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb it-tħaddim u l-effiċjenza tal-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari.

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom b’reazzjoni għall-mistoqsijiet ta’ hawn fuq. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej u għandhom jaslu għand il-Kummissjoni, mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2013: markt-retail@ec.europa.eu.

Mhemmx bżonn li l-kontribuzzjonijiet mibgħuta jkopru l-kwistjonijiet kollha mqajma f’din il-Green Paper. Għaldaqstant, jekk jogħġbok indika b’mod ċar l-aspetti li magħhom huwa relatat il-kontribut tiegħek. Fejn possibbli, jekk jogħġbok agħti argumenti speċifiċi favur jew kontra l-opzjonijiet u l-approċċi ppreżentati f'din il-paper.

Bħala segwitu għal din il-Green Paper u abbażi tar-reazzjonijiet li jaslu, il-Kummissjoni se tħabbar il-passi li jmiss sa nofs l-2013.

Il-kontribuzzjonijiet ikunu ppubblikati fuq l-Internet. Huwa importanti li tinqara d-dikjarazzjoni speċifika ta' privatezza li hija mehmuża ma' din il-Green Paper għal informazzjoni dwar kif se jiġu ttrattati d-dejta personali u l-kontribut tiegħek.

[1]           Eurostat, 2010.

[2]           Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar, COM(2009) 591, 28 ta’ Ottubru 2009).

[3]           Eurostat, 2012.

[4]           Ibid.

[5]           AIM, CEJA, CELCAA, CLITRAVI, Copa Cogeca, ERRT, EuroCommerce, Euro Coop, FoodDrinkEurope, UEAPME u UGAL.

[6]           AIM, CELCAA, ERRT, EuroCommerce, Euro Coop, FoodDrinkEurope, UEAPME u UGAL.

[7]               Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju fir-rigward tal-applikabbiltà tagħha u l-komposizzjoni tal-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari li Taħdem Aħjar

(2012/C 396/06), ĠU C-396/17, 21.12.2012.

[8]           Dawn jinkludu l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit.

[9]           Ir-Rapport tal-ECN dwar l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni u attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-suq minn awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fis-settur tal-ikel, Mejju 2012, p. 116-120.

[10]             Business relations in the EU clothing chain: from industry to retail and distribution. Bocconi University. ESSEC Business School. Baker & McKenzie. 2007, p.124.

[11]             Business relations in the EU clothing chain: from industry to retail and distribution, p.126.

[12]             Rapport ta' sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi "Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġusti sal-2020", COM(2010)355, 5 ta’ Lulju 2010.

[13]             Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust (2010/2109(INI)) 5 ta’ Lulju 2011.

[14]             Att dwar is-Suq Uniku Tnax il-xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - "Flimkien għal tkabbir ġdid", COM(2011)206, 13 ta’ April 2011.

[15]             Stħarriġ tal-Istati Membri dwar il-UTPs ; Ir-Rapport tal-ECN dwar l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni u attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-suq minn awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fis-settur alimentari, Mejju 2012, p. 117. Il-Bord bi Prova dwar in-Negozju Ewropew; Konsultazzjoni dwar id-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieq u komparattiv u dwar prattiki kummerċjali inġusti li jaffettwaw lin-negozji.

[16]             Dedicated Research, AIM-CIAA Survey on Unfair Commercial Practices in Europe, March 2011, disponibbli fuq: http://www.dlf.no/filestore/CIAAAIMSurveyonUCP-Europe.pdf

[17]             Ir-rapport parlamentari dwar ir-relazzjoni bejn il-Fornitur u l-Bejjiegħ fis-Suq Irlandiż tal-Merċa, Kumitat dwar l-Intrapriża, il-Kummerċ u l-Impjiegi, Marzu 2010, p. 19.

[18]             Competition Commission, Final Report of the supply of groceries in the UK market investigation, 30 ta’ April 2008.

[19]             Comisión Nacional de la Competencia, Rapport dwar ir-relazzjonijiet bejn il-manifatturi u l-bejjiegħa fis-settur alimentari, Ottubru 2011.

[20]             Ara n-nota 15 ta’ hawn fuq.

[21]             Dan huwa skont is-sejbiet tal-istħarriġ minn Dedicated Reserach dwar il-perċezzjonijiet tal-fornituri, li turi li l-UTPs kellhom effett negattiv fuq l-ispejjeż, il-bejgħ u l-innovazzjoni (għal 83%, 77% u 40% ta’ dawk li wieġbu, rispettivament). Ara n-nota 15 ta’ hawn fuq.

[22]             SEC(2009) 1450.

[23]             Kilpailuviraston Päivittäistavarakauppaa koskeva selvityksiä I/2012, paġna 119.

[24]             Ara "The functioning of the food supply chain and its effect on food prices in the European Union", European Economy, Occasional Papers 47, Mejju 2009

[25]             Ara, inter alia, għall-Portugall, Autoridade da Concorrência, Rapport dwar ir-Relazzjonijiet Kummerċjali bejn Gruppi Kbar fis-Settur tal-Konsumaturi u l-Fornituri tagħhom, Ottubru 2010; għall-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni tar-Renju Unit, The supply of groceries in the UK market investigation, 30 ta' April 2008, għall-Isvezja, Konkurrensverket, mat och marknad — från bonde till bord, April 2011; dħal Spanja, Comisión Nacional de la Competencia, tal-5 ta' Ottubru 2011, Informe sobre el código de buenas prácticas de distribución del automóvil u Informe sobre el anteproyecto de ley de contratos de distribución; għal-Litwanja, Kilpailuviraston Päivittäistavarakauppaa koskeva selvityksiä. Huma msemmija studji oħra fir-Rapport tal-ECN ikkwotat fin-nota 8.

[26]             Premessa 9 tar-Regolament 1/2003 tagħmel b’mod ċar demarkazzjoni bejn il-liġi tal-kompetizzjoni (li tinkludi r-regoli nazzjonali dwar kondotta unilaterali li huma aktar stretti milli l-Artikolu 102) u liġijiet dwar prattiki kummerċjali inġusti.

[27]             Ibid.

[28]             Ara r-Rapport tal-ECN, para 26, nota 8 ta’ hawn fuq.

[29]             Dan sar jew fi ħdan l-ambitu tad-dritt ċivili, pereżempju billi ġew adottati dispożizzjonijiet speċifiċi għad-dritt kummerċjali (eż., Franza), jew taħt il-liġi amministrattiva.

[30]             Pereżempju, Franza, il-Belġju, l-Italja u Spanja.

[31]             Pereżempju, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja.

[32]             Kodiċi ta' prattika kummerċjali tajba (1997), imfassal mill-Assoċjazzjoni ta' Distributuri u l-Konferenza tal-Industrija.

[33]             Kodiċi ta' prattika kummerċjali tajba.

[34]             Kodiċi ta’ prattiki kummerċjali tajba fis-settur tad-distribuzzjoni tal-karozzi ffirmat minn ANFAC, ANIACAM, FACONAUTO y GANVAM fl-10.06.2011, il-ftehim tal-1.08.2007 bejn FIAB u ASEDAS fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ prattiki kummerċjali tajba biex tittejjeb il-ġestjoni permezz tal-katina ta' valur u biex titrawwem il-kooperazzjoni kummerċjali u l-ftehim tad-29.07.2011 il-kodiċi ta’ kondotta kummerċjali fil-katina alimentari fil-Katalunja.

[35]             Kodiċi ta' Kondotta għal relazzjonijiet ġusti bejn il-fornituri u x-xerrejja fil-Katina Agroalimentari tal-20 ta’ Mejju 2010.

[36]             Kodiċi ta’ Prattiki għall-Provvista tal-Merċa (GSCOP).

[37]             Network Ewropea għall-Kompetizzjoni, Rapport dwar l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni u attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-suq minn awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fis-settur tal-ikel, Mejju 2012, p. 118.

[38]             Ara l-Programm Speċjali tal-ICN għall-Konferenza Annwali ta’ Kjoto. Rapport dwar l-Abbuż minn Pożizzjoni Superjuri ta’ Negozjar 2008.

[39]             Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar, COM(2009) 591, 28 ta’ Ottubru 2009). Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21, COM (2007) 725, 20 ta’ Novembru 2007), Rapport dwar il-Monitoraġġ tas-Suq tal-Konsumaturi (Ara n-nota 11 ta’ hawn fuq), l-Att dwar is-Suq Uniku (ara n-nota 13 ta’ hawn fuq).

[40]             Ara r-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2010, COM (2011) 328 finali, para. 9.

[41]             Ibid., Premessa 8 li “tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur” […] Hemm prattiċi kummerċjali oħrajn li, għalkemm ma jagħmlux ħsara lil konsumatur, jistgħu jagħmlu ħsara lil kompetituri u klijenti kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-ħtieġa għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali lil hinn mill-ambitu ta’ din id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposta leġiżlattiva li tkopri dawn l-aspetti oħra tal-kompetizzjoni żleali”.

[42]             Id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-Suq Intern

[43]             Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv

[44]             Il-protezzjoni tan-negozji fil-konfront ta’ prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-iżgurar ta’ infurzar effettiv. Reviżjoni tad-Direttiva 2006/114/EC li tikkonċerna r-reklamar qarrieq u komparattiv (COM(2012)702).

[45]             Id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali.

[46]             Ir-Regolament (UE) Nru 261/2012 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

[47]             Id-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur

[48]             COM (2011) 416 finali tat-13 ta’ Lulju 2011.

[49]             Proposta għal Regolament dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, COM (2011) 635

[50]             Id-Direttiva 2002/8 dwar l-għajnuna legali (li toħloq qafas sabiex tinkiseb l-għajnuna legali f'tilwim transfruntiera); Id-Direttiva 2008/52 dwar il-medjazzjoni (li tiżgura l-koordinazzjoni mingħajr intoppi ta’ proċedimenti ta' medjazzjoni u tal-qorti); Ir-Regolament 44/2001 dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qrati u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (li jiddetermina liema qrati fl-UE għandhom il-ġuriżdizzjoni biex jittrattaw tilwima partikolari u kif sentenzi mogħtija fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stati Membri oħra - innota li dan ir-Regolament ġie mfassal mill-ġdid bir-Regolament 1215/2012 li permezz tiegħu se titneħħa l-proċedura intermedjarja kollha għar-rikonoxximent u l-infurzar); Ir-Regolamenti 1896/2006 u 861/2007 (li jistabbilixxu proċeduri uniformi tal-Qorti Ewropea għal pretensjonijiet mhux ikkontestati u dawk żgħar rispettivament), kif ukoll ir-Regolamenti 593/2008 u 864/2008 imsemmija hawn fuq, li joħolqu ċertezza legali rigward l-ezitu ta’ tilwim fl-Ewropa.

[51]             COM(2012) 702 finali.

[52]             http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/trade_secrets/index_en.htm#maincontentSec1  

[53]             Għandu jiġi nnutat l-limiti territorjali tal-provvista f'dan il-kuntest huma ddefiniti bħala projbizzjoni għall-fornituri li jbiegħu lil rivendituri, li waħedhom jippruvaw jiġu fornuti mingħand il-fornitur. Din ma titqisx bћala restrizzjoni territorjali fuq il-provvista meta, pereżempju, distributur li ngħata territorju esklussiv f’ żona ġeografika partikolari ikun protett minn bejgħ attiv ta' distributuri oħra f'din iż-żona.

[54]             COM(2009) 591 finali.

[55]             SPF Economie, Etude sur les niveaux de prix dans les supermarchés, Frar 2012.