KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar “IR-RABA’ PAKKETT FERROVJARJU – IT-TLESTIJA TAŻ-ŻONA FERROVJARJA UNIKA EWROPEA GĦAT-TRAWWIM TAL-KOMPETITTIVITÀ U T-TKABBIR EWROPEJ” /* COM/2013/025 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar
“IR-RABA’ PAKKETT FERROVJARJU – IT-TLESTIJA TAŻ-ŻONA FERROVJARJA
UNIKA EWROPEA GĦAT-TRAWWIM TAL-KOMPETITTIVITÀ U T-TKABBIR EWROPEJ” (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. INTRODUZZJONI Il-White Paper
tal-2011 dwar it-Trasport[1]
żvelat viżjoni għall-istabbiliment ta’ Żona Ferrovjarja
Unika Ewropea (SERA) u stabbiliet l-approċċ tal-Kummissjoni biex
tiżgura l-kompetittività tat-trasport tal-UE fit-tul, filwaqt li
tindirizza t-tkabbir mistenni, is-sigurtà tal-fjuwil u d-dekarbonizzazzjoni.
Aspett importanti tal-politika huwa li jissaħħaħ l-irwol
tal-ferrovija, minħabba li f’setturi oħra hija diffiċli li
titnaqqas id-dipendenza miż-żejt. Madankollu, dan jista’ jinkiseb
biss jekk is-settur ferrovjarju jipprovdi servizzi effiċjenti u attraenti,
jekk jelimina l-fallimenti regolatorji u tas-suq, l-ostakoli
għad-dħul fis-suq u l-proċeduri amministrattivi
problematiċi li jfixklu l-effiċjenza u l-kompetittività. L-industrija
ferrovjarja Ewropea tiġġenera dħul ta’ EUR 73 biljun[2] u għandha 800 000
impjegat[3].
Kull sena, l-awtoritajiet pubbliċi jinvestu somom konsiderevoli fis-settur
ferrovjarju. Fl-2009, dan ammonta għal EUR 20 biljun fi ħlasijiet
tal-gvern għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (OSP) u EUR 26 biljun
f’investiment pubbliku għall-infrastruttura[4]. F’ħafna
mill-Istati Membri (SM) tal-UE, il-ħlasijiet tal-gvern żdiedu b’mod
sostanzjali, filwaqt li ż-żieda fil-kilometri tal-passiġġieri
kienet iktar moderata. B’mod ġenerali, il-kilometri
tal-passiġġieri żdiedu b’4.3 % bejn l-2005 u l-2010[5]. L-investiment sostanzjali
tas-settur pubbliku, b’mod partikolari fl-Istati Membri tal-UE l-ġodda
fejn il-ħlasijiet ta’ sussidji żdiedu b’aktar mid-doppju f’sitt snin,
ma ggarantewx żidiet ekwivalenti fid-domanda ferrovjarja. Dan huwa
parzjalment dovut għall-inabilità li jitrażżnu
l-ineffiċjenzi operazzjonali kkawżati min-nuqqas ta’ inċentivi
kompetittivi xierqa. Madankollu, f’xi Stati Membri, il-finanzjament pubbliku
jingħata direttament mingħajr sejħa għall-offerti
kompetittiva. Hemm bżonn urġenti ta’ titjib fl-effiċjenza biex
jinħoloq tkabbir sostenibbli u għall-benefiċċju tal-finanzi
pubbliċi. Għalkemm f’xi swieq kien hemm
żviluppi pożittivi, is-sehem modali tat-trasport ferrovjarju
tal-merkanzija naqas minn 11.5 % għal 10.2 % mill-2000[6]. Matul l-istess perjodu,
it-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fi ħdan l-UE baqa'
pjuttost kostanti, madwar 6 %. Mill-2005 sal-2010, l-iżvilupp ta’
taqsimiet tas-suq ferrovjarju nazzjonali ma kienx l-istess fl-Istati Membri,
tant li jvarja minn tnaqqis ta' aktar minn 10 % fl-Ungerija għal
żieda ta' aktar minn 20 % fl-Isvezja[7].
Dan seħħ minkejja l-introduzzjoni ta’ madwar
6 000 kilometru ta’ binarju ta’ veloċità għolja matul
l-istess perjodu[8].
In-netwerks b’veloċità għolja kisbu sehem mis-suq fuq it-trasport,
tant li saru l-għażla ppreferuta tal-passiġġieri meta
mqabbla ma’ ċerti rotot, u dawn jippermettu wkoll li t-trasport
ferrovjarju jikkompeti b’mod aktar effiċjenti fuq għadd ta’ rotot
differenti. Fost il-diversi modi ta’ transport, is-settur ferrovjarju
b’veloċità għolja huwa mistenni li jkollu l-ogħla żieda
fid-domanda matul il-perjodu 2020 – 2035[9], billi jipprovdi tkabbir
konsiderevoli fl-investimenti u fl-opportunitajiet ta’ xogħol, li
għandhom jiġu żviluppati aktar b’dan il-pakkett. L-aħħar
stħarriġ tal-Ewrobarometru[10]
jissuġġerixxi li 6 % biss tal-Ewropej jużaw it-trejn
mill-inqas darba fil-ġimgħa[11].
Fost il-konsumaturi[12],
is-servizzi ferrovjarji huma kklassifikati fis-27 post fost 30 suq
ta' servizz, b'punteġġi partikolarment baxxi fejn jidħlu
l-komparabilità u s-sodisfazzjon. Is-suq jinsab fit-tieni post
għall-għadd ta’ problemi u ta’ diverġenzi li għandu fost l-UE
kollha. Il-konsumaturi mhumiex tal-fehma li l-problemi jistgħu jissolvew
b’mod sodisfaċenti. Sa min-nofs is-snin disgħin, f'partijiet tal-UE
(b'mod partikolari fl-Istati Membri relattivament ġodda), in-nuqqas ta’
investiment ħoloq cirku vizzjuż ta’ nuqqas ta’ tkabbir,
bid-degradazzjoni tal-infrastruttura u tal-vetturi ferrovjarji li jagħmlu
l-ferroviji mhux attraenti, speċjalment minħabba t-tkabbir importanti
fis-sjieda tal-karozzi, xprunat mill-ġid. Il-karozzi għandhom sehem
kbir mit-trasport urban, tant li 59 % tal-Ewropej qatt ma jużaw
trejns suburbani. F’dan l-isfond, u bil-fatt li l-UE-27 għandha rata ta'
urbanizzazzjoni ta’ 75 %, hemm potenzjal enormi ta’ żvilupp tas-suq
għat-trasport ferrovjarju suburban u reġjonali
tal-passiġġieri, speċjalment fid-dawl taż-żieda
fil-konġestjoni tat-toroq[13]. 2. FEJN NINSABU? Bil-għan li
jiġi stabbilit suq intern tas-servizzi ferrovjarji u, għalhekk, biex
jinħoloq settur aktar effiċjenti u attent għall-bżonnijiet
tal-klijenti, il-leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE stipulat il-prinċipji
bażiċi għat-titjib fl-effiċjenza tat-trasport ferrovjarju
permezz tal-ftuħ progressiv tas-suq, tal-istabbiliment ta’ impriżi
ferrovjarji u ta’ amministraturi tal-infrastruttura indipendenti, u
tas-separazzjoni tal-kontijiet bejniethom it-tnejn. Mill-2000, dawn
il-prinċipji bdew progressivament isiru realtà, b’mod partikolari
bl-adozzjoni ta’ tliet pakketti konsekuttivi ta’ leġiżlazzjoni
tal-UE. Madankollu, is-sehem modali tas-settur ferrovjarju baqa’ modest,
parzjalment minħabba l-kwistjonijiet ta’ idoneità (pereżempju
t-trasport ferrovjarju mhuwiex prattiku għal ħafna vjaġġi
urbani ta’ distanza qasira bħal mawra sas-supermarket), iżda wkoll
minħabba l-ostakoli għad-dħul fis-suq li jfixklu l-kompetizzjoni
u l-innovazzjoni. Fl-2012,
partijiet minn din il-leġiżlazzjoni ġew issimplifikati, ikkonsolidati
u rinfurzati aktar bid-Direttiva 2012/34/UE li tistabbilixxi
ż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea[14],
biex issaħħew id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar
il-kompetizzjoni, is-sorveljanza regolatorja u l-arkitettura finanzjarja
tas-settur ferrovjarju. Din issaħħaħ is-setgħa
tar-regolaturi nazzjonali, ittejjeb il-qafas għall-investiment fis-settur
ferrovjarju, u tiżgura aċċess iktar ġust
għall-infrastruttura ferrovjarja u għas-servizzi relatati mal-ferroviji.
Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2012,
bit-traspożizzjoni meħtieġa sa nofs l-2015. B’mod parallel
mal-ftuħ tas-suq, miżuri oħra tal-UE tejbu l-interoperabilità u
s-sikurezza tan-netwerks nazzjonali. Approċċ aktar Ewropew
għat-trasport ferrovjarju huwa maħsub biex jiffaċilita l-movimenti
transfruntieri li jippermettu li s-settur ferrovjarju jisfrutta
l-vantaġġ kompetittiv tiegħu fuq distanzi twal, u li jipprovdu
suq uniku għall-fornituri ta’ tagħmir ferrovjarju b’inqas
spejjeż. Pereżempju, l-inizjattiva Shift2Rail[15] se tikkontribwixxi għall-iżvilupp
tal-ferroviji bħala mezz ta’ transport billi tippromwovi innovazzjonijiet
konsiderevoli fil-vetturi ferrovjarji, fit-trasport tal-merkanzija, fis-sistemi
ta’ ġestjoni tat-traffiku u fl-infrastruttura ferrovjarja. Somom kbar ġew investiti fl-infrastruttura
ferrovjarja. Il-politika l-ġdida TEN-T[16]
għandha l-għan li tikseb netwerk Ewropew ta’ trasport effiċjenti
ħafna b'linji ferrovjarji ewlenin sodi. Għall-qafas finanzjarju
pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet li toħloq strument
ġdid ta’ finanzjament għall-infrastruttura li jappoġġa dawn
il-prijoritajiet, b’mod partikolari: il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
(FNE)[17].
Il-politika l-ġdida tal-UE għall-infrastruttura tipprovdi l-qafas
regolatorju u l-finanzjament neċessarji biex jitlesta n-netwerk
ferrovjarju ewlieni bħala s-sinsla għas-suq intern. Huwa vitali li
jsir investiment fl-infrastruttura, iżda mhuwiex biżżejjed biex
jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-ferrovija. Dan jeħtieġ
ukoll bidliet strutturali li jagħtu spinta lill-effiċjenza operattiva
u lill-kwalità tas-servizz permezz ta’ governanza aktar solida u trasparenti u
ta’ ftuħ tas-suq. Fil-Kunsill
Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012, il-Kapijiet ta’ Stat
jew ta’ Gvern adottaw “Il-Patt għal Tkabbir u Impjiegi”[18], li jfittex li jsaħħaħ
is-suq uniku billi jneħħi l-ostakoli sabiex jippromwovi t-tkabbir u
l-impjiegi fl-industriji tan-netwerks. Meta f’Ottubru 2012 ġie
adottat l-Att dwar is-Suq Uniku II[19],
il-Kummissjoni, konsegwentament, identifikat ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju
bħala l-inizjattiva ewlenija li tiġġenera t-tkabbir fl-UE. Dan il-pakkett
tħejja biex jindirizza l-ostakoli li fadal għaż-Żona
Ferrovjarja Unika Ewropea. 3. X’INHUMA L-PASSI LI JMISS? 3.1
Governanza tal-infrastruttura Għalkemm
ċerti partijiet tad-dinja (b’mod partikolari l-Amerika ta’ Fuq)
għandhom infrastrutturi ferrovjarji li jikkompetu bejniethom,
il-biċċa l-kbira tan-netwerk tal-UE kien iddisinjat fuq livell
nazzjonali biex ikun netwerk uniku. Barra minn hekk, l-użu effiċjenti
tal-infrastruttura jiddependi fuq l-użu intensiv ta’ dan l-istess netwerk.
B’hekk, l-infrastruttura fl-UE hija, u x’aktarx se tibqa’, monopolju naturali.
Għalhekk, il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE
teħtieġ grad ta’ separazzjoni bejn l-amministraturi tal-infrastruttura
(IMs) li jmexxu n-netwerk, u l-impriżi ferrovjarji (RUs) li fuqu jmexxu
s-servizzi ferrovjarji, bil-għan li jiżguraw trattament ġust u
ugwali tal-impriżi ferrovjarji kollha. Jeħtieġ li jkun hemm
indipendenza sħiħa fir-rigward tas-sistemi ta’ imposti u
l-allokazzjoni ta’ kapaċità, għaliex dawn huma meqjusa bħala
fundamentali biex jiżguraw aċċess ugwali. Madankollu,
bħala monopolji naturali, l-amministraturi tal-infrastruttura mhux dejjem
jirreaġixxu għall-bżonnijiet tas-suq u evidenza mill-utenti
tissuġġerixxi li l-governanza attwali ma tipprovdilhomx
inċentivi biżżejjed biex dawn iwieġbu
għall-bżonnijiet tal-utenti. Fil-każ ta’ amministraturi
tal-infrastruttura fl-istruttura ta' parteċipazzjoni, hemm kritika qawwija
mill-parteċipanti tas-suq li, xi drabi, l-istess amministraturi
tal-infrastruttura żiedu b’mod konsiderevoli l-imposti
għall-aċċess tal-binarji u tal-istazzjon għas-servizzi
tal-passiġġieri meta dawn jitqabblu mar-rati tal-operaturi
stabbiliti. L-assimetriji
fl-informazzjoni jwasslu għal vantaġġi kompetittivi għall-operaturi
stabbiliti u hemm riskju persistenti ta’ sussidju inkroċjat minħabba
n-nuqqas ta' trasparenza finanzjarja sħiħa. Eżempju ċar ta’
dan il-vantaġġ jidher fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku (PSC)
tas-settur ferrovjarju f’Saxony-Anhalt li ngħata lil Deutsche Bahn (DB)
abbażi tal-impenn tas-sussidjarju ta' DB, jiġifieri DB Regio, li
jikkumpensa kwalunkwe żieda fl-imposti għall-aċċess
tal-binarji għal 15-il sena[20].
Dawn l-ispejjeż addizzjonali ta’ imposti fuq l-aċċess
għall-impriżi ferrovjarji se jiġu mbagħad ikkompensati, fuq
il-livell tal-azjenda, miż-żieda fuq id-dħul li tiġi minn
dawn l-istess imposti miġbura mill-amministraturi tal-infrastruttura. Dan
il-kumpens huwa disponibbli biss għall-istrutturi ferrovjarji integrati. Ir-rekwiżiti
eżistenti ta’ separazzjoni ma jevitawx il-kunflitti ta' interess, u
l-funzjonijiet li mhumiex attwalment iddefiniti bħala essenzjali
(bħall-ippjanar tal-investiment, il-finanzjament u l-manutenzjoni)
irriżultaw f'diskriminazzjoni kontra xi applikanti ġodda.
Pereżempju, l-Awtorità Taljana għall-Kompetizzjoni ssanzjonat lil
Ferrovie dello Stato (FS) u imponiet multa li tammonta għal
EUR 300 000 wara li sabet li FS, permezz tas-sussidjarji tagħha,
stabbiliet “strateġija kumplessa u unifikata” biex iżomm lil
Arenaways (kompetitur li laħaq falla sa ma ttieħdet
id-deċiżjoni) barra mir-rotta ta’ profitt bejn Milan u Turin bejn
l-2008 u l-2011[21].
Bl-istess mod, l-Awtorità Franċiża għall-Kompetizzjoni dan
l-aħħar issanzjonat lil SNCF billi imponiet multa ta’ EUR 60.9
miljun għal diversi prattiki mhux kompetittivi wara li fl-2006
infetaħ is-suq Franċiż tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.
Bħala amministratur iddelegat tal-infrastruttura, SNCF ġabret
informazzjoni kunfidenzjali fuq talbiet ta’ mogħdijiet ferrovjarji
ppreżentati mill-kompetituri tagħha u użat din l-informazzjoni
għall-interessi kummerċjali tas-sussidjarju tal-merkanzija
tagħha, SNCF Fret[22]. Taħt
is-sistema attwali, ma hemm l-ebda inċentiv għal kooperazzjoni
Ewropea u intermodali. Hemm bżonn ta’ sistema ċentrali ferrovjarja
tal-UE li timmassimizza l-effetti pożittivi tan-netwerk. Filwaqt li
l-politika eżistenti TEN-T tal-Kummissjoni, il-proposta l-ġdida
għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u r-regoli eżistenti
tal-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija[23] (RFCs) għandhom
l-għan li jżidu l-kapaċità, l-effiċjenza u l-attrattività
ferrovjarja għall-klijenti, il-qligħ potenzjali minn dawn
il-miżuri jista’ jinkiseb bis-sħiħ biss jekk jiġu eliminati
l-ostakoli għat-tħaddim effiċjenti tal-amministraturi
tal-infrastruttura u jekk dawn jiksbu dimensjoni tassew Ewropea. Barra minn hekk,
ir-rekwiżiti eżistenti ta’ separazzjoni li jiżguraw
l-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura rriżultaw li kienu
diffiċli biex jiġu trasposti u infurzati. Diversi proċedimenti
ta’ ksur huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Peress li l-oqsfa legali attwali mhumiex biżżejjed biex
ineħħu r-riskji ta’ kunflitti ta’ interess u t-tagħwiġ
possibbli tal-kompetizzjoni, hemm bżonn ta’ intervent
leġiżlattiv ulterjuri. Min-naħa l-oħra, saru diversi lmenti[24] li l-arranġamenti
eżistenti jistgħu jirriżultaw f’operazzjonijiet
ineffiċjenti u f’deċiżjonijiet ta’ investiment fit-tul li
mhumiex xierqa. Il-Kummissjoni ma tqisx li dawn l-istudji juru li
s-separazzjoni hija neċessarjament ineffiċjenti. Madankollu,
dawn jimplikaw li biex tinkiseb l-effiċjenza, l-amministraturi
tal-infrastruttura jridu jkunu responsabbli għall-kompiti ċentrali
kollha relatati mal-ġestjoni tal-infrastruttura, mill-ippjanar fit-tul tal-investiment,
permezz tal-iskedar u l-ġestjoni tat-ferroviji fil-ħin reali,
sal-manutenzjoni. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni xierqa trid tkun
iffaċilitata bejn l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi
ferrovjarji kollha li jużaw rotta partikolari, sabiex l-istrutturi
xierqa ta’ governanza jiżguraw l-allinjament tal-interessi ta’ għadd
ta’ parteċipanti li qiegħed dejjem jiżdied f’suq miftuħ. Diversi operaturi
ferrovjarji stabbiliti ppreżentaw studji biex juru li l-kumpaniji
ferrovjarji integrati jistgħu jikbru b’mod sinifikanti fis-suq, iżda
dan irid jiġi pparagunat mat-tħassib serju li l-kumpaniji ferrovjarji
li għandhom pożizzjonijiet dominanti u li huma mħarsa minn
strutturi integrati fis-suq "nazzjonali" tagħhom, jistgħu
jiksbu benefiċċji finanzjarji li jagħtuhom vantaġġ
kompetittiv mhux ġust meta jikkompetu f’żoni oħra tal-UE jew
anke f'pajjiżhom stess kontra operaturi ġodda fis-suq.
Iż-żamma ta’ swieq nazzjonali bħala sistemi dominati minn
operaturi stabbiliti integrati se jostakola wkoll l-iżvilupp tas-servizzi
pan-Ewropej fuq distanza twila. Il-Kummissjoni
qed tipproponi li temenda d-Direttiva li tistabbilixxi ż-Żona
Ferrovjarja Unika Ewropea biex tiżgura li l-amministraturi
tal-infrastruttura jistgħu jwettqu l-funzjonijiet kollha
meħtieġa biex imexxu l-infrastruttura b’mod ottimizzat,
effiċjenti u mhux diskriminatorju. Peress li din hija s-soluzzjoni l-aktar
sempliċi u effiċjenti biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn
l-operaturi ta' trasport, il-Kummissjoni qed tipproponi s-separazzjoni istituzzjonali
tal-ġestjoni tal-infrastruttura u tat-tħaddim tat-trasport.
Madankollu, jekk l-Istati Membri jkunu jixtiequ jżommu l-istrutturi
parteċipanti eżistenti bis-sjieda tal-amministratur
tal-infrastruttura, il-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta’ miżuri
stretti ta’ salvagwardja biex iħarsu l-indipendenza tal-amministratur
tal-infrastruttura bi proċess ta' verifika magħmul mill-istess
istituzzjoni, sabiex jiżgura l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi u
ġenwini għall-impriżi ferrovjarji kollha. Din id-Direttiva
se toħloq regoli komuni għal struttura ta’ governanza
tal-amministraturi tal-infrastruttura li jiggarantixxu t-trattament ugwali
tal-impriżi ferrovjarji u jassiguraw l-involviment xieraq tal-awtoritajiet
pubbliċi u tal-utenti tal-infrastruttura fit-tħejjija ta'
deċiżjonijiet li għandhom impatt fuqhom. Hemm bżonn li
l-amministraturi tal-infrastruttura jistabbilixxu korp ta' koordinazzjoni
mal-impriżi ferrovjarji, il-klijenti u l-awtoritajiet pubbliċi biex
jagħmluhom parteċipanti ċentrali fl-ippjanar tal-investiment u
fit-twettiq tal-effiċjenza. Dan il-korp ta’ koordinazzjoni se
jistabbilixxi inċentivi ekonomiċi u indikaturi ta' prestazzjoni biex
ikejlu u jtejbu l-effiċjenza tal-amministraturi tal-infrastruttura u,
fl-aħħar nett, se jistabbilixxi Netwerk Ewropew tal-amministraturi
tal-infrastruttura biex jippromwovi l-kooperazzjoni transfruntiera, billi
tingħata attenzjoni partikolari lill-operazzjonijiet li jsiru tul
il-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u r-rotot internazzjonali
tat-trasport tal-passiġġieri. 3.2
Ftuħ tas-suq għas-servizzi domestiċi tat-trasport ferrovjarju
tal-passiġġieri Hemm bżonn ta’ titjib fil-kwalità
tas-servizz u fl-effiċjenza biex il-ferroviji jkunu għażla aktar
attraenti għall-passiġġieri u biex titħeġġeġ
il-bidla modali. Huwa possibbli li jinkiseb valur aħjar għall-flus li
ġejjin minn fondi pubbliċi limitati. Is-swieq għas-servizzi ferrovjarji
tal-merkanzija diġà nfetħu bis-sħiħ
għall-kompetizzjoni minn Jannar 2007[25]
u dawk għas-servizzi internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri
nfetħu mill-1 ta’ Jannar 2010[26]. Madankollu, is-swieq
nazzjonali għas-servizzi domestiċi tat-transport ferrovjarju
tal-passiġġieri għadhom fil-biċċa l-kbira
magħluqa u huma s-swar tal-monopolji nazzjonali[27]. Biex jiġu
żgurati servizzi integrati ta’ kwalità għolja li jipprovdu
benefiċċji soċjali usa' u inqas impatti esterni, mill-modi
l-oħra ta’ transport, hemm bżonn li l-biċċa l-kbira
tas-servizzi ferrovjarji tal-UE (66 % tal-kilometri tal-passiġġieri)
jiġu pprovduti abbażi ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku (PSCs),
speċifikati u ssussidjati mill-Istati Membri, jew mill-awtoritajiet
reġjonali jew lokali. It-tneħħija
tal-ostakolu legali, sempliċiment billi jiġi permess
l-aċċess miftuħ, ikollu effetti pjuttost limitati peress li
ħafna mis-servizzi domestiċi huma koperti mill-kuntratti ta’ servizz
pubbliku. Għalhekk, il-kompetizzjoni fis-swieq domestiċi għandha
tkun indirizzata fuq żewġ livelli, b’kompetizzjoni “fis-suq”
għal dawk is-servizzi li jistgħu jiġu pprovduti permezz ta’
aċċess miftuħ, u b’kompetizzjoni “għas-suq”, li tippermetti
l-għoti trasparenti u kosteffiċjenti tal-kuntratti ta’ servizz
pubbliku, kif inhu esperjenzat illum il-ġurnata f’xi Stati Membri. Ir-regoli eżistenti joffru
lill-awtoritajiet kompetenti (CAs) kamp ta’ applikazzjoni estensiv biex
jagħtu direttament kuntratti ta' servizz pubbliku lit-trasport
ferrovjarju, u b’hekk jiġu evitati proċeduri ta’ offerti kompetittivi
(li ġeneralment huma meħtieġa għall-kuntratti ta’ servizz
pubbliku f’modi oħra ta’ transport pubbliku)[28]. Il-kuntratti ta’ servizz
pubbliku mogħtija direttament jammontaw għal 42 % tal-kilometri
tal-passiġġieri tal-UE[29],
u jikkontribwixxu għall-fatt li f’16-il Stat Membru minn 25 li
għandhom sistema ferrovjarja, l-operatur stabbilit għandu ‘l fuq minn
90 % tas-sehem mis-suq[30]. L-evidenza tal-kompetizzjoni
għall-kuntratti għal servizz pubbliku fil-Ġermanja, l-Isvezja u
l-Pajjiżi l-Baxxi wriet li l-offerti jakkumulaw tfaddil
għall-awtoritajiet kompetenti, xi drabi sa 20-30 %[31], li jista’ jiġi investit
mill-ġdid biex itejjeb is-servizzi jew jiġi użat għal
skopijiet oħra. L-esperjenza fi swieq oħra liberalizzati bħal
tal-Isvezja u tar-Renju Unit uriet titjib fil-kwalità u fid-disponibilità
tas-servizzi, bis-sodisfazzjon tal-passiġġieri tiżdied kull sena
u b'żieda fl-għadd tal-passiġġieri ta' aktar minn 50 %
f’għaxar snin. Servizzi mtejba jistgħu jġibu
benefiċċji evidenti għall-passiġġieri u ffrankar ta’
madwar EUR 30-40 biljun għall-kontribwenti[32]. Il-partijiet interessati jirrappurtaw li
l-aċċess għall-vetturi ferrovjarji (trejns) huwa l-ixkiel
ewlieni għall-impriżi l-ġodda. F’mill-inqas tmien Stati Membri,
is-sjieda tal-vetturi ferrovjarji tibqa’ ddominata mill-impriżi
ferrovjarji stabbiliti, li mhumiex kapaċi jew lesti li jagħmluhom
disponibbli f’termini kummerċjali attraenti. Pereżempju, fl-Awstrija
diversi impriżi ġodda lmentaw mar-regolatur nazzjonali
Schienen-Control dwar l-istrateġija ta’ ÖBB li
jiskreppja l-vetturi ferrovjarji mhux neċessarji, jew li jbigħhom
esklussivament lil impriżi ferrovjarji li jaħdmu barra l-Awstrija,
bil-kundizzjoni li ma jerġgħux jbigħuhom lill-impriżi
l-ġodda Awstrijaċi. Is-sistemi obbligatorji
għall-ħruġ tal-biljetti mmexxija minn operaturi stabbiliti
nazzjonali, bħal dawk fil-Ġermanja u fir-Repubblika Ċeka,
jitolbu kummissjonijiet li jammontaw sa 25 % fuq il-bejgħ kollu
tal-biljetti. Dan l-effett diskriminatorju ma jħeġġiġx
id-dħul ġdid fis-suq. F’xi Stati Membri, ir-rimborż
għall-impriżi l-ġodda jieħu sa sentejn filwaqt li
f’oħrajn il-ħlasijiet isiru fi żmien tmint ijiem b’kummissjoni
ta’ 1.5 %[33]. Biex jiġu eliminati l-ostakoli legali,
bl-emenda tad-Direttiva li tistabbilixxi ż-Żona Ferrovjarja Unika
Ewropea, il-Kummissjoni tipproponi l-ftuħ tas-suq għas-servizzi
tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri bil-possibilità li
s-swieq jillimitaw l-aċċess meta l-ekwilibriju ekonomiku ta’ kuntratt
ta’ servizz pubbliku jiġi kompromess. Bl-emendar tar-Regolament[34] li għandu x’jaqsam
mal-obbligi ta’ servizz pubbliku fit-trasport pubbliku bit-triq u
bil-ferrovija, il-Kummissjoni għandha l-għan li tintroduċi
offerti obbligatorji ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku sa Diċembru 2019.
Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-kuntratti u tal-obbligi sottostanti ta’
servizz pubbliku (PSOs) iridu jiġu ddefiniti f’konformità mal-kriterji
bbażati fuq il-prinċipji ġenerali tat-Trattat. Sabiex jiġi
evitat kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku eċċessiv tal-kuntratti,
u li dan jintuża biex jimmonopolizza s-swieq, il-Kummissjoni tipproponi
definizzjoni flessibbli tal-volum massimu tal-kuntratt. Limitu minimu li
taħtu l-kuntratti jistgħu jingħataw direttament, se jevita li l-awtoritajiet
kompetenti jorganizzaw proċedura ta’ offerti jekk l-iffrankar mistenni
tal-fondi pubbliċi ma jkunx se jaqbeż l-ispejjeż tal-offerta.
Il-kuntratti mogħtija direttament wara l-adozzjoni ta’ dan il-pakkett
leġiżlattiv mhux se jkunu jistgħu jkomplu lil hinn
mill-31 ta’ Diċembru 2022. Biex jiġi żgurat li l-Istati Membri
u l-awtoritajiet kontraenti reġjonali u lokali jistabbilixxu kuntratti ta'
servizz pubbliku b'mod koerenti, integrat u effiċjenti,
id-dispożizzjonijiet proposti jinkludu l-obbligu għall-awtoritajiet
kompetenti li jistabbilixxu pjanijiet ta’ transport pubbliku li jiddefinixxu
objettivi għall-politika ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri
li jinkludu t-tendenzi ġenerali tal-prestazzjoni tas-servizzi
għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri. Dawn il-pjanijiet
għandhom jiġu abbozzati skont ir-rekwiżiti tal-pjanijiet ta’
azzjoni dwar il-mobilità urbana[35].
Kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali relatat mal-proċeduri
tal-offerti li huma imposti fuq l-awtoritajiet kompetenti, ġeneralment
jiġu kkummpensati mill-iffrankar mistenni fis-sussidji. Biex tiġi
żgurata t-trasparenza massima, l-awtoritajiet kompetenti se jkunu
meħtieġa li jipprovdu ċerta dejta operattiva, teknika u
finanzjarja lill-offerenti potenzjali kollha għal kuntratti ta’ servizz
pubbliku, li tippermettilhom jħejju offerta infurmata sew, u b'hekk
issaħħaħ il-kompetizzjoni u tippermetti li jinkisbu
benefiċċji għaċ-ċittadini. Biex jiġu ppreżervati l-effetti
tan-netwerk, l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-impriżi
ferrovjarji se jkunu mħeġġa li jistabbilixxu skemi integrati
għall-ħruġ ta’ biljetti fuq livell nazzjonali,
suġġetti għal rekwiżiti mhux diskriminatorji. Fl-Istati Membri li ma għandhomx swieq
tal-kera li jaħdmu sew għall-vetturi ferrovjarji, l-awtoritajiet
kompetenti se jkunu meħtieġa li jieħdu l-miżuri
neċessarji biex jiżguraw aċċess mhux diskriminatorju
għall-vetturi ferrovjarji xierqa, sabiex jiġi ffaċilitat livell
għoli ta’ kontestabbiltà għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku. F’kelma waħda, dawn il-proposti se
jħeġġu l-bidla modali tat-trasport bit-triq u bl-ajru, se
joħolqu valur aħjar għall-flus li ġejjin mill-fondi
pubbliċi użati, u se jkomplu l-ftuħ tas-suq li diġà nkiseb
fit-trasport tal-merkanzija, fit-trasport internazzjonali tal-passiġġieri
u fi swieq oħra tat-trasport. 3.3 Interoperabilità
u sikurezza Statistikament,
it-trasport ferrovjarju huwa ħafna iktar sikur għal kull kilometru
tal-passiġġieri mill-ivvjaġġar bit-triq (b’62 fatalità ta’
passiġġieri fl-2010 meta mqabbla mal-31 000 fit-toroq tal-UE[36]), u kompla jitjieb f’dawn l-aħħar
għaxar snin. B’hekk, il-benefiċċji tas-sikurezza jakkumulaw
permezz tal-bidla modali. Filwaqt li
s-sistema attwali ta’ standards tekniċi u ta’ approvazzjonijiet hija
sikura ħafna, din hija frammentata bejn l-Aġenzija Ferrovjarja
Ewropea (ERA) u l-awtoritajiet nazzjonali, u b’hekk toħloq spejjeż
amministrattivi eċċessivi u ostakoli għall-aċċess
tas-suq, speċjalment għall-applikanti l-ġodda u
għall-manifatturi tal-vetturi ferrovjarji. Ir-regoli tekniċi u ta’
sikurezza nazzjonali jimxu flimkien mal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi
ta’ Interoperabilità (TSIs) tal-UE u b’hekk joħolqu komplessitajiet
żejda għall-impriżi ferrovjarji. L-Aġenzija Ferrovjarja
Ewropea tistma li attwalment hemm ‘il fuq minn 11 000 regola bħal din
fl-UE[37].
Il-proċeduri
biex jawtorizzaw vetturi ferrovjarji ġodda jistgħu jieħdu sa
sentejn u jiswew sa EUR 6 miljun meta mqabbla ma’ perjodi ħafna iqsar
u ma’ spejjeż aktar baxxi għall-awtorizzazzjoni ta’ inġenju
tal-ajru. Iċ-ċifri tal-partijiet interessati jissuġġerixxu
li l-awtorizzazzjoni proċedurali tirrappreżenta sa 10 %
tal-ispejjeż tal-lokomotivi għal kull pajjiż, u għalhekk,
l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-vetturi f’massimu ta’ tliet Stati
Membri tista’ tikkostitwixxi it-30 % tal-prezz tax-xiri. Barra minn hekk,
biex jinkisbu ċ-ċertifikati ta’ sikurezza, l-impriżi ferrovjarji
jridu jħallsu lill-Aġenziji Nazzjonali ta' Sikurezza (ANS), u
għal din ir-raġuni, f’ċerti każijiet, l-impriżi
ferrovjarji nefqu sentejn fi snin ta’ xogħol u sa EUR 70 000
għall-ispejjeż amministrattivi u ta’ konsulenza[38]. Il-burokrazija zejda
fil-proċess tad-dħul fis-suq kienet identifikata bħala
partikolarment qawwija għall-impriżi ferrovjarji l-ġodda, peress
li din il-kategorija ta' operaturi hija iktar vulnerabbli
għall-kumplessitajiet u d-dewmien fil-proċeduri, minħabba
r-riżorsi umani u finanzjarji limitati tagħha. Hemm diversi
diskrepanzi bejn kif l-Aġenziji Nazzjonali ta’ Sigurtà jmexxu
l-proċessi ta' awtorizzazzjoni tal-vetturi u ċ-ċertifikazzjoni
tas-sikurezza, u ċerti Aġenziji jevitaw b’mod sistematiku l-perjodi
stabbiliti għall-ħruġ ta’ ċertifikati u awtorizzazzjonijiet
billi jitolbu dokumentazzjoni u testijiet addizzjonali. Biex jiġi
sfruttat il-potenzjal tas-suq uniku, hemm bżonn ta’ aktar armonizzazzjoni
fuq livell tal-UE, sabiex il-Kummissjoni tipproponi r-reviżjoni
tar-Regolament ERA dwar l-Aġenzija biex b’hekk jiġu trasferiti,
għand din l-istess Aġenzija, il-kompetenzi għall-ħruġ
tal-awtorizzazzjonijiet tal-vetturi mqiegħda fis-suq u
ċ-ċertifikati tas-sikurezza għall-impriżi ferrovjarji.
Filwaqt li r-responsabbiltà legali se tkun f’idejn l-ERA, din se taħdem
mill-qrib mal-Aġenziji Nazzjonali ta’ Sikurezza rilevanti. Fl-istess
ħin, se jkollha rwol importanti fis-superviżjoni tar-regoli
nazzjonali, fil-monitoraġġ tal-Aġenziji Nazzjonali ta’ Sikurezza
kif ukoll fl-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea
tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). Il-bidliet proposti
fl-irwol tal-ERA se jiġu riflessi fl-emendi tad-Direttivi dwar
is-Sikurezza u l-Interoperabilità Ferrovjarja, billi jipprovdu l-opportunità li
jiġu ċċarati u s-simplifikati d-dispożizzjonijiet
eżistenti, jiġu kkonsolidati l-emendi preċedenti, u tiġi
aġġornata l-leġiżlazzjoni. Minbarra dawn il-bidliet,
l-istruttura ta’ governanza u l-metodi operattivi interni tal-ERA se jiġu
mtejba u allinjati mad-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni
dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE[39]. L-għan ta'
dawn il-proposti huwa li jitnaqqas b'20 % iż-żmien
meħtieġ għall-kummerċjalizzazzjoni tal-impriżi
ferrovjarji l-ġodda u li jitnaqqsu ukoll b’20 % l-ispejjeż u
ż-żmien neċessarji biex tinħareġ l-awtorizzazzjoni
tal-vetturi ferrovjarji. Dan għandu jwassal għal iffrankar ta’
EUR 500 miljun matul perjodu ta’ ħames snin[40], u għandu jikkontribwixxi
għat-titjib tal-kompetittività tal-industrija ferrovjarja Ewropea u
tal-pożizzjoni tagħha fis-swieq dinjija. 3.4 Id-dimensjoni soċjali Fl-għaxar snin li ġejjin, is-settur
ferrovjarju se jaffaċċja b'mod simultanju l-isfidi tat-tixjiħ
tal-popolazzjoni impjegata u tal-effetti ta’ effiċjenza tal-ftuħ
tas-suq. Madwar 30 % tal-ħaddiema ferrovjarji kollha se jirtiraw
fl-għaxar snin li ġejjin[41],
u b’hekk se jkun hemm nuqqasijiet fil-forza tax-xogħol. Fl-istess
ħin, diversi impriżi ferrovjarji jista' jkollhom bżonn li
jiġu ristrutturati biex itejbu l-produttività u l-effiċjenza.
Is-separazzjoni bejn l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi
ferrovjarji se teħtieġ aktar riżorsi umani biex iwettqu kompiti
kumplimentari f’iqsar żmien. Huwa importanti li s-settur ferrovjarju jkun
jista' jtejjeb l-attrattività tiegħu bħala impjegatur ta'
professjonijiet innovattivi u kkwalifikati ħafna b'livell adegwat ta'
kumpens. Biex il-ħaddiema jiġu pprovduti
s-salvagwardji neċessarji wara l-ftuħ tas-suq,
il-leġiżlazzjoni eżistenti bħad-Direttiva tat-Trasferiment
tal-Impriżi[42]
tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-trasferiment obbligatorju
tal-persunal meta jingħata kuntratt ta’ servizz pubbliku u l-assi
bħal vetturi ferrovjarji jiġu trasferiti għand impriża
ferrovjarja oħra. Ir-Regolament OSP jippermetti li l-awtoritajiet
kompetenti jeħtieġu li l-persunal jiġi trasferit[43] u/jew li jiġu stabbiliti
standards u kriterji meta kuntratt għal servizz pubbliku jingħata lil
kumpanija ferrovjarja oħra. L-effett tal-operazzjoni tal-aċċess
miftuħ x'aktarx se jkun pjuttost progressiv, bl-applikanti l-ġodda
jħeġġu t-tkabbir u l-iżvilupp tal-opportunitajiet tas-suq
tax-xogħol. L-impriżi ferrovjarji Ewropej
jistgħu jieħdu sehem fil-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali tas-Settur
Ferrovjarju permezz tal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali Ewropej. Id-disponibilità fis-settur
ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata u mmotivata ħafna, hija essenzjali
għall-forniment ta’ servizzi ta' transport effiċjenti u kompetittivi.
Mingħajr ma tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kwalità tax-xogħol,
probbabilment mhux se jinkiseb progress ottimali lejn sistema ta’ transport
sostenibbli. Il-kompetizzjoni, fejn ġiet introdotta, ma waslitx għal
deterjorament tas-salarji fis-settur ferrovjarju[44]. Eżempji meħuda
mis-swieq miftuħa juru li l-impriżi l-ġodda joffru salarju
b’kundizzjonijiet attraenti biex jiżguraw li jattiraw l-aħjar
persunal u biex ikabbru s-servizzi tagħhom. Il-livelli ta’ impjiegi wara
l-ftuħ tas-suq mhumiex mistennija li jonqsu, kif uriet l-esperjenza
tal-Istati Membri li s-swieq ferrovjarji nazzjonali tagħhom huma diġà
miftuħa għalkollox, bħar-Renju Unit u l-Isvezja[45]. Fil-fatt, il-livelli ta’
impjiegi naqsu ħafna iktar malajr f’pajjiżi li għandhom swieq
magħluqa. Iż-żieda fil-produttività u l-attrattività
tat-trasport ferrovjarju se twassal għal żieda fid-domanda u
fl-investimenti, pereżempju fil-livelli ta' vetturi ferrovjarji ġodda
li minnhom se jibbenefikaw il-ħaddiema. 4. IR-RABA’ PAKKETT FERROVJARJU Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju jinkludi proposti
leġiżlattivi biex jemendaw: ·
id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi
żona ferrovjarja unika Ewropea (Riformulazzjoni) ·
ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi
pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq ·
ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi
Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji ·
id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji
tal-ferrovija tal-Komunità ·
id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità
tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità u biex iħassru r-Regolament
(KEE) 1192/69 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet
ta' intrapriżi tal-ferrovija. 5. IL-BŻONN TA’
APPROĊĊ STRATEĠIKU U INTEGRAT L-effiċjenza u l-kwalità baxxa ta’ xi
servizzi ferrovjarji huma prinċipalment ir-riżultat ta’ kompetizzjoni
baxxa, ta’ tagħwiġ li għad fadal fis-swieq, u ta’ strutturi
subottimali. Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju jadotta approċċ olistiku u
jindirizza l-proċeduri twal u li jiswew il-flus, l-ostakoli
għall-aċċess ta' impriżi ġodda u r-regoli differenti
għall-aċċess tas-suq fl-Istati Membri. L-inizjattivi fil-pakkett isaħħu
reċiprokament lil xulxin: kollha kemm huma jikontribwixxu biex
joħolqu industrija aktar effiċjenti u attenta
għall-bżonnijiet tal-klijenti, kif ukoll biex joħolqu
l-attrattività relattiva tas-settur ferrovjarju meta mqabbel ma' modi oħra
ta’ transport. Il-miżuri kollha jiffaċilitaw id-dħul ta’
operaturi ġodda fis-suq. Is-sinerġiji se jinkisbu permezz ta’
taħlita tal-effetti tal-inizjattivi individwali. Biex tiġi
żgurata l-effettività tal-ftuħ tas-suq de jure, hemm
bżonn li ċerti "kundizzjonijiet ta’ qafas" ikunu
fis-seħħ u jkunu effettivi, bħall-aċċess mhux
diskriminatorju għall-infrastruttura, għall-vetturi ferrovjarji
idonei, għall-istazzjonijiet ferrovjarji jew għall-allokazzjoni
tal-mogħdijiet tal-ferroviji li tinkludi l-ġestjoni tat-traffiku.
Biex jiġi żgurat is-suċċess tal-ftuħ tas-suq, hemm
bżonn li jiġu ppreżervati l-benefiċċji tal-effetti
tan-netwerk. Uħud minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ qafas se jiġu
indirizzati permezz tal-inizjattivi relatati mal-ftuħ tas-suq
għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri
u oħrajn permezz tal-proposta msaħħa dwar il-ġestjoni
tal-infrastruttura. Biex jitnaqqsu l-ostakoli ta’ aċċess
għall-impriżi l-ġodda, huma mistennija sinerġiji permezz
tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni fl-aċċess għall-infrastruttura,
u billi jiġu pprovduti proċeduri ssimplifikati
għall-ħruġ ta’ ċertifikati tas-sikurezza għal
impriżi ferrovjarji u awtorizzazzjonijiet tal-vetturi
għat-tqegħid fis-suq. Dawn il-bidliet se jgħollu l-livell ta’
kompetizzjoni, se jiggarantixxu t-trasparenza finanzjarja sħiħa u se
jeliminaw kwalunkwe riskju ta' sussidju inkroċjat bejn l-amministraturi
tal-infrastrutturi (ta’ spiss iffinanzjati mis-settur pubbliku) u l-forniment
ta' servizz ferrovjarju mill-impriżi ferrovjarji. Il-bidliet għandhom
jirriżultaw f’kundizzjonijiet finanzjarji ġusti u jnaqqsu r-riskji
ta’ kunflitti ta’ interess. L-aċċess ġust għas-suq u
l-għadd dejjem jiżdied ta' operaturi se jiġġeneraw attività
kummerċjali ġdida u traffiku addizzjonali. Il-pressjoni kompetittiva
dejjem tiżdied u l-ispeċjalizzazzjoni tal-parteċipanti tas-suq
se jkollhom ukoll effett pożittiv fuq il-produttività u l-effiċjenza,
u b’hekk se jwasslu għal żidiet fl-investiment tal-infrastruttura
tat-trasport ferrovjarju. It-taħlita ta’ "aċċess
miftuħ" u ta’ proċeduri ta’ offerti kompetittivi għal
kuntratti ta’ servizz pubbliku se tippermetti l-ftuħ aħjar tas-suq,
bħal dak li nkiseb diġà fis-suq tat-trasport tal-merkanzija u
tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri. Fil-każ tas-suq
aktar matur tat-trasport tal-merkanzija, xi elementi juru li dan il-ftuħ
wassal biex is-settur ferrovjarju jkollu sehem ikbar mis-suq. Il-proposta hija
pass importanti fil-kisba taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea. Iż-żieda fil-kompetizzjoni
għandha ssaħħaħ l-attrattività tas-settur ferrovjarju li
għandu jkun aktar attent għall-bżonnijiet tal-klijenti, sabiex
l-operaturi ferrovjarji jkunu jistgħu jikkompetu ma' modi oħra ta'
trasport. Is-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri b'veloċità
għolja se jagħmlu s-settur ferrovjarju aktar kompetittiv meta mqabbel
mat-trasport bl-ajru, u t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija se jżid
is-sehem tiegħu fis-suq u se jikkontribwixxi għall-kisba tal-miri
previsti fir-rigward tat-tibdil fil-klima. It-tkabbir fl-attività ferrovjarja se
jżid id-domanda ta’ ħaddiema ferrovjarji kkwalifikati fl-impriżi
ferrovjarji, ta’ operaturi li joffru faċilitajiet ta’ servizzi
ferrovjarji, u tad-domanda tal-vetturi ferrovjarji, u b’hekk se jinħolqu
impjiegi ġodda fil-manifattura ferrovjarja. L-effiċjenza akbar fil-proċessi għaċ-ċertifikazzjoni
tas-sikurezza u fl-awtorizzazzjoni tal-vetturi, li jiżguraw li dawn
jiġu mogħtija u rikonoxxuti fuq bażi mhux diskriminatorja madwar
l-UE, u l-fatt li l-oqfsa legali nazzjonali jsiru aktar konsistenti, se
jgħinu biex jiżguraw li ż-żmien
għall-kummerċjalizzazzjoni ta' impriżi ferrovjarji ġodda
ikun iqsar u iktar attent għall-bżonnijiet tal-impriżi. Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju jiggarantixxi
approċċ integrat li se joħloq kundizzjonijiet għat-tkabbir
tat-traffiku ferrovjarju ġenerali, u li se jżid is-sehem tiegħu
fis-suq hekk kif isir aktar affidabbli u effiċjenti. Il-Pakkett se
jikkontribwixxi biex itejjeb is-servizzi u se jippermetti li s-settur
ferrovjarju jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu, biex isir alternattiva
reali u attraenti. Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju jinkludi wkoll: ·
Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar
sabiex tinkiseb l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja; ·
Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-profil u
l-kompiti tal-membri l-oħra ta’ ekwipaġġ ferrovjarju; ·
Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni
tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/58/KE dwar il-ftuħ
tas-suq ta’ trasport ferrovjarju internazzjonali tal-passiġġieri; ·
Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt relatata mar-reviżjoni
tar-Regolament ERA; ·
Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt relatata mal-ftuħ tas-suq
għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku
tal-passiġġieri; ·
Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni
dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt relatata mal-governanza tal-infrastruttura
ferrovjarja fiż-żona ferrovjarja unika Ewropea. [1] Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea
tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża
r-riżorsi b’mod effiċjenti, COM(2011) 144 finali. [2] Tinkludi l-Amministraturi tal-Infrastruttura (IMs) li
huma integrati mal-Intrapriżi Ferrovjarji (RUs) (azjendi) [3] 463 000 jaħdmu fit-trasport ferrovjarju
tal-passiġġieri [4] Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-ftuħ tas-suq
għas-servizzi domestiċi tat-trasport ferrovjarju
tal-passiġġieri (IA). [5] Il-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport. [6] SWD(2012) 246 final/2. [7] Rapport SDG – “Further action at European Level” (2012). [8] Studju Everis dwar l-għażliet regolatorji
għall-ftuħ tas-suq (2010). [9] Rapport SDG – “Further action at European Level” (2012). [10] http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_388_en.pdf [11] http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_326_en.pdf [12] http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/cms_en.htm [13] Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-ftuħ tas-suq
għas-servizzi domestiċi tat-trasport ferrovjarju
tal-passiġġieri. [14] Id-Direttiva 2012/34/UE. [15] http://www.unife.org/page.asp?pid=194 [16] COM (2011) 650 finali/2 [17] COM/2011/665 finali [18] EUCO 76/12 / EUCO 156/12 [19] COM(2012) 573 final [20] Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-Governanza. [21] Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-Governanza.
Reċentament, FS appella din id-Deċiżjoni tal-Awtorità Taljana
għall-Kompetizzjoni quddiem it-tribunal amministrattiv reġjonali
(TAR) iżda dan għadu ma ħax deċiżjoni dwar
il-każ. [22] Id-Deċiżjoni 12-D-25
tat-18 ta’ Diċembru 2012. [23] Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010. [24] “EVES-Rail Economic effects of Vertical Separation”
(Novembru 2012).
“Realising the potential of GB Rail “(Sir Roy McNulty Mejju 2011). [25] Id-Direttiva 2004/51/KE li temenda
d-Direttiva 91/440/KEE. [26] Id-Direttiva 2007/58/KE li temenda
d-Direttiva 91/440/KEE. [27] Ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Isvezja u l-Italja
fetħu b’mod unilaterali s-swieq domestiċi tagħhom. [28] Ir-Regolament 1370/2007. [29] Valutazzjoni tal-Impatt dwar is-Swieq Ferrovjarji
Domestiċi tal-Passiġġieri. [30] Is-sehem mis-suq huwa inqas minn 50 % fir-Renju Unit,
fl-Isvezja u fl-Estonja biss. [31] Valutazzjoni tal-Impatt dwar is-Swieq Ferrovjarji
Domestiċi tal-Passiġġieri. [32] Rapport tal-SDG. [33] Valutazzjoni tal-Impatt dwar is-Swieq Ferrovjarji
Domestiċi tal-Passiġġieri. [34] Ir-Regolament (KE) 1370/2007 li jħassar
ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70. [35] COM(2009) 490 finali [36] Dejta tal-Eurostat. [37] Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-Interoparabilità u
s-Sikurezza. [38] Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-Interoparabilità u
s-Sikurezza. [39] Il-Kunsill tal-UE (2012) 11450/12. [40] Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-Interoparabilità u
s-Sikurezza. [41] Valutazzjoni tal-Impatt dwar is-Swieq Ferrovjarji Domestiċi
tal-Passiġġieri. [42] Id-Direttiva 2001/23/KE. [43] Lil hinn mill-applikazzjoni
tad-Direttiva 2001/23/KE. [44] Valutazzjoni tal-Impatt dwar is-Swieq Ferrovjarji
Domestiċi tal-Passiġġieri. [45] Valutazzjoni tal-Impatt dwar is-Swieq Ferrovjarji
Domestiċi tal-Passiġġieri.