24.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 436/160


P7_TA(2013)0473

Mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà – finanzjament tal-programmi ta' Fondi Strutturali Ċiprijotti

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà (COM(2013)0647 – C7-0302/2013 – 2013/2223(BUD))

(2016/C 436/28)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ Baġit tal-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2013)0450), ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2013, kif emendat mill-Ittra ta’ Emenda Nru 1 ippreżentata mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Settembru 2013 (COM(2013)0644),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0647 – C7-0302/2013),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (1), u b’mod partikolari [l-Artikolu 11] tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (2), u b'mod partikolari l-Punt 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fit-23 ta' Ottubru 2013 dwar l-abbozz ġenerali tal-baġit tal-2014,

wara li kkunsidra t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-12 ta' Novembru 2013 (16106/2013 ADD 1-5 – C7-0413/2013),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0388/2013),

A.

billi, wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonjiet ta’ impenn taħt l-intestatura 1b, jidher li huwa meħtieġ li l-Istrument ta’ Flessibbiltà jiġi mobilizzat għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn,

B.

billi l-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza l-Istrument ta’ Flessibbiltà biex tikkumplimenta l-iffinanzjar fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, lil hinn mil-livell massimu tal-intestatura 1b, ta' EUR 78 miljun lejn l-iffinanzjar tal-programmi ta' Fondi Strutturali Ċiprijotti biex tingħata allokazzjoni addizzjonali mill-Fondi Strutturali lil Ċipru għas-sena 2014 b'ammont totali ta' EUR 100 000 000,

1.

Jieħu nota li minkejja tisħiħ ristrett f'approprijazzjonijiet ta' impenn fuq għadd limitat ta' partiti tal-baġit u bosta tnaqqis fuq partiti oħrajn tal-baġit, il-livelli massimi tal-2014 tas-subintestatura 1b f’impenji ma jippermettux li jkun hemm finanzjament adegwat ta' prijoritajiet politiċi importanti u urġenti tal-Unjoni mwettqa mill-Parlament u l-Kunsill;

2.

Jaqbel mal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà f'approprijazzjonijiet ta' impenn għall-iffinanzjar – taħt is-subintestatura 1b – tal-programmi ta' Fondi Strutturali Ċiprijotti għal ammont totali ta’ EUR 89 330 000;

3.

Itenni li l-mobilizazzjoni ta’ dan l-istrument, kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013, tenfasizza, għal darb’oħra, il-bżonn kruċjali li l-baġit tal-Unjoni jkun dejjem iżjed flessibbli;

4.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti għall-pibblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/97/UE.)