15.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 114/90


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pakkett Leġiżlattiv “Fruntieri Intelliġenti”

2014/C 114/15

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa' l-adozzjoni reċenti tal-Pakkett leġislattiv dwar il-Governanza ta' Schengen, li huwa magħmul mill-mekkaniżmu l-ġdid ta' evalwazzjoni u ta' segwitu intiż biex jikkontrolla l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen (1) u tar-regoli komuni dwar l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali (2);

2.

jagħraf li l-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen jiddependi mill-fiduċja reċiproka u l-kapaċità tal-Istati Membri biex jikkontrollaw il-fruntieri esterni b'konformità mar-regoli komuni;

3.

iqis b'mod favorevoli l-introduzzjoni ta' responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu l-ġdid ta' evalwazzjoni ta' Schengen, li m'għadux jagħmel parti biss minn sistema purament intergovernattiva, li tista' tikkontribwixxi biex tikkompensa għad-dgħufijiet u tippromovi l-fiduċja reċiproka kif ukoll testendiha għall-aspetti kollha tal-acquis ta' Schengen, inkluż in-nuqqas ta' kontroll fil-fruntieri interni, sabiex jiġu evitati kontrolli illegali li jxekklu l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-individwi;

4.

jenfasizza li kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għandha tkun soġġetta għal koordinazzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet unilaterali li jistgħu jxekklu l-eżerċizzju sħiħ tal-moviment ħieles tal-individwi f'żona mingħajr fruntieri interni;

5.

iqis li l-eżistenza ta' flussi migratorji fil-fruntieri esterni ma tikkostitwixxix fiha nnifisha theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna li tista' tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni;

6.

ifakkar li, f'sitwazzjoni ta' pressjoni fil-fruntiera esterna ta' Stat Membru, il-prinċipju tas-solidarjetà Ewropea jitlob il-mobilizzazzjoni tal-miżuri kollha ta' appoġġ tekniku u finanzjarju, nazzjonali u Ewropej, u l-għajnuna mill-korpi tal-Unjoni Ewropea, bħall-Aġenzija FRONTEX u l-EASO (l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil);

7.

jilqa' miżuri li jiżguraw kontrolli aktar stretti fil-fruntieri u infurzar aħjar tal-liġi u miżuri li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra u li jnaqqsu l-migrazzjoni illegali;

8.

għaldaqstant iqis li l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni bħala risposta għan-nuqqasijiet gravi u persistenti tal-kontrolli fil-fruntieri esterni għandha tidħol fil-qafas ta' proċess ta' evalwazzjoni oġġettiva u għandha tiġi awtorizzata b'mod eċċezzjonali u fl-aħħar istanza biss;

9.

jirrakkomanda li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-evalwazzjoni u fl-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet gravi u persistenti nnutati fil-kontrolli fil-fruntieri esterni sabiex jiġi garantit li kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tkun ir-riżultat ta' evalwazzjoni korretta tas-sitwazzjoni fir-realtà, abbażi ta' sorsi differenti ta' informazzjoni u bil-kontribut ta' atturi differenti;

10.

jagħraf l-importanza tal-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-UE biex tiġi garantita mhux biss is-sigurtà iżda wkoll il-mobbiltà ġewwa din iż-żona (3);

11.

jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni reċenti tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) li hija miżura ta' tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni permezz tal-iskambju ta' informazzjoni operattiva u ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tal-fruntieri esterni, marittimi u terrestri, u l-FRONTEX; jenfasizza li l-prevenzjoni tal-imwiet fil-baħar għandha tkun il-mira ewlenija ta' dan il-mekkaniżmu flimkien mar-rwol tiegħu sabiex jinstabu l-immigranti illegali u tissaħħaħ is-sigurtà interna permezz tal-prevenzjoni tal-kriminalità transkonfinali, bħat-traffikar tal-bnedmin u tad-droga;

12.

madankollu jwissi li din is-sistema m'għandhiex tikkomprometti l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u m'għandux ikollha prevalenza fuq id-dritt li wieħed jitlob asil jew fuq il-protezzjoni f'dak li jirigwarda n-'non-refoulement', garantiti mill-Artikoli 18 u 19 (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; (4);

13.

jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tat-tendenzi osservati biex terġa' tinkiseb setgħa diskrezzjonali fl-oqsma “Ewropizzati” bħall-moviment ħieles, u jinsab inkwetat b'mod partikolari dwar il-proposta reċenti ta' ċerti Stati Membri li jipprevedu possibbiltajiet usa' ta' restrizzjoni tad-dritt ta' moviment ħieles, li huma essenzjali għall-istatus taċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

14.

jerġa' jafferma li l-moviment ħieles tal-individwi f'żona mingħajr fruntieri interni huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE u wieħed mill-aktar benefiċċji tanġibbli u sinifikanti tagħha għaċ-ċittadini, li m'għandux jiġi kkontestat;

15.

iqis li huwa fil-kuntest globali tal-funzjonament taż-żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja li għandu jiġi apprezzat il-Pakkett “Fruntieri Intelliġenti”, magħmul mill-proposti għar-regolamenti li ġejjin: il-ħolqien ta' Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) intiża biex tirreġistra d-dħul u l-ħruġ taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-UE (5) , il-ħolqien ta' programm ta' vjaġġaturi rreġistrati (6) kif ukoll l-emenda tal-kodiċi tal-fruntieri ta' Schengen bil-għan li jkun possibbli li jiġu implimentati ż-żewġ sistemi (7);

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Kummenti speċifiċi dwar il-pakkett “Fruntieri Intelliġenti”

16.

jagħraf l-importanza tat-teknoloġiji l-ġodda biex tiġi garantita l-effikaċja tal-ġestjoni tal-fruntieri u biex tiġi indirizzata ż-żieda sinifikanti fl-għadd ta' dawk li jaqsmu l-fruntieri esterni kif ukoll biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-kontroll tagħhom abbażi ta' dak li qed isir diġà fl-Istati Membri;

17.

jinnota li l-EES hija maħsuba biex tissostitwixxi s-sistema attwali tal-ittimbrar manwali ta' timbri tad-dħul u l-ħruġ fuq il-passaporti permezz ta' reġistru elettroniku li jinkludu d-data u l-post tad-dħul u tal-ħruġ taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu daħlu għal soġġorni ta' perjodu qasir fiż-żona ta' Schengen (sa tliet xhur), li jippermetti li jsir kalkolu awtomatiku tas-soġġorni awtorizzati;

18.

jilqa' l-objettiv ferm pożittiv tal-programm tal-vjaġġaturi rreġistrati li jiffaċilita d-dħul u l-ħruġ mill-fruntieri esterni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jivvjaġġaw ta' spiss u li diġà kienu s-suġġett ta' kontroll preċedenti fir-rigward tas-sigurtà u d-dokumenti tagħhom, permezz ta' tranżizzjoni lejn sistemi awtomatizzati ta' kontroll fil-fruntieri, sistemi li jiffaċilitaw id-dħul fiż-żona Ewropea ta' individwi li jivvjaġġaw ta' spiss u b'intenzjonijiet tajbin;

Kummenti dwar l-impatt tal-Pakkett “Fruntieri Intelliġenti” fuq id-drittijiet fundamentali

19.

ifakkar fit-tħassib tiegħu fir-rigward tat-twaqqif ta' EES u l-implikazzjonijiet possibbli tagħha għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali (8);

20.

jagħraf li l-ġbir ta' kwantità konsiderevoli ta' data personali, inkluża d-data bijometrika, joħloq ċertu tensjoni bejn dawn is-sistemi u d-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari, fir-rigward tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali, li jirrikjedu li jiġi limitat b'mod strett l-użu aħħari u speċjalment li dawn jiġu sottomessi għal kontroll dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tagħhom;

21.

itenni l-importanza li jagħti lil-livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali u l-preokkupazzjoni tiegħu fir-rigward taż-żieda esponenzjali tal-informazzjoni diġitali dwar iċ-ċittadini, li hija r-riżultat tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (9);

22.

iwissi kontra r-riskju li, mil-lat tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u tal-protezzjoni tad-data personali, is-sistemi proposti jikkostitwixxu sors ta' preokkupazzjoni serja minħabba l-implikazzjonijiet tagħhom f'termini ta' drittijiet fundamentali, b'mod partikolari dawk taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u dawk li jitolbu l-asil huma u jipprovaw jidħlu fit-territorju tal-UE;

Kummenti dwar il-valur miżjud u l-karattru neċessarju u proporzjonali tal-pakkett “Fruntieri intelliġenti”

23.

iqis li peress li ż-żewġ sistemi tal-Pakkett “Fruntieri Intelliġenti” jimplikaw il-ġbir tad-data, inkluża dik bijometrika, fuq skala kbira, jeħtieġ li dawn is-sistemi jintalbu juru b'mod affidabbli l-ħtieġa, il-leġittimità u l-proporzjonalità tagħhom, peress li l-objettivi tagħhom ma jistgħux jinkisbu b'sistemi anqas intrużivi fuq il-ħajja privata u li jkunu anqas għaljin;

24.

jieħu nota tal-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-Data (KEPD) li kkritika u kkontesta n-neċessità u n-natura proporzjonali tal-Pakkett “Fruntieri Intelliġenti” fin-nuqqas ta' provi affidabbli li jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta' sistemi ġodda. B'mod partikolari, il-KEPD iqis li l-EES jikkostitwixxi ksur tad-dritt tar-rispett għall-privatezza u li l-bilanċ bejn l-ispiża u l-effikaċja huwa dubjuż kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll b'rabta mad-drittijiet fundamentali (10);

25.

jinnota li l-Parlament Ewropew, il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 u l-maġġoranza tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili wkoll esprimew dubji dwar il-ħtieġa u l-valur miżjud tal-EES (11);

26.

jagħraf li l-kwistjoni tal-ħtieġa u n-natura proporzjonali tal-ħolqien b'mod partikolari tal-EES hija kontroversjali peress li ma jeżistux provi ċari tal-effikaċja tagħhom biex jiksbu l-objettivi proposti fir-rigward tal-effiċjenza tal-kontrolli fil-fruntieri, tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-forom gravi ta' kriminalità organizzata;

27.

jinnota li l-għan prinċipali tal-EES huwa li jiġu identifikati ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jidħlu b'mod legali fiż-żona ta' Schengen, b'viża ta' perjodu qasir jew mingħajr viża, u li jibqgħu fiż-żona aktar mill-perjodu awtorizzat. Għal dan il-għan, il-perjodu tas-soġġorn awtorizzat huwa kkalkulat b'mod elettroniku u jintbagħat avviż lill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-persuni li jkunu qabżu l-perjodu ta' soġġorn, u dan jippermetti li jinqabdu l-immigranti f'sitwazzjoni illegali u li jintbagħtu lura;

28.

jikkunsidra li l-valur miżjud tal-EES biex jintlaħaq dan il-għan mhuwiex ovvju peress li l-eżistenza ta' sistema ta' twissija dwar soġġorn illegali hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-persuni li jidħlu fit-territorju tal-UE b'viża għal perjodu qasir jew mingħajr viża bilfors jiġu obbligati li jitilqu fi żmien massimu ta' tliet xhur. B'hekk ma jitqisux iċ-ċirkostanzi partikolari bħal talba għall-asil jew regolarizzazzjoni tas-soġġorn skont il-liġijiet nazzjonali;

29.

jinnota li l-valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-EES hija iktar neċessarja peress li jekk ma jkunx hemm detenzjoni għal residenza irregolari, is-sistema ma tkunx tista' tiskopri l-immigranti illegali ħlief meta huma joħorġu miż-żona ta' Schengen, li jfisser li l-EES tkun mekkaniżmu għoli ħafna tal-ġbir tal-istatistika dwar l-immigrazzjoni (12);

30.

jinnota li l-EES ma tistax tidentifika dawk li r-residenza tagħhom ġiet regolarizzata b'applikazzjoni tal-leġislazzjoni dwar id-dritt tal-asil jew ir-regoli nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni. Dawn il-persuni jinsabu fil-periklu li jispiċċaw f'detenzjoni illegalment fuq il-bażi ta' twissija li l-EES tibgħat li tkun ibbażata fuq kalkolu awtomatiku tat-tul tas-soġġorn, li ma jkunx qies, u lanqas jista' jqis dawn it-tipi ta' ċirkostanzi;

31.

iqis li l-EES timponi wkoll li titqajjem il-mistoqsija dwar l-għaġla tal-kontrolli peress li tobbliga l-ġbir ta' ammont kbir ta' data alfanumerika u bijometrika, li jtawwal iż-żmien ta' stennija tal-vjaġġaturi waqt il-kontrolli fil-fruntieri u bħala konsegwenza ser ikollha impatt negattiv fuq il-mobbiltà transkonfinali, li ma jistax jiġi kumpensat b'mod effikaċi mill-programm ta' vjaġġaturi rreġistrati. Wieħed jista' jistaqsi wkoll jekk l-ispejjeż tal-programm ta' vjaġġaturi rreġistrati humiex proporzjonali għan-numru baxx ta' persuni li jibbenefikaw minnu kull sena skont il-Kummissjoni (5 miljuni) jiġifieri 0,7 % tal-għadd totali tal-persuni li kull sena jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE (madwar 700 miljun) (13). L-eżistenza ta' programmi għall-vjaġġaturi frekwenti f'ċerti pajjiżi turi li dawn jistgħu jiġu implimentati mingħajr EES. Stati Membri differenti diġà żviluppaw sistemi awtomatizzati ta' kontroll għaċ-ċittadini tal-UE li għandhom passaport bijometriku.

32.

josserva li għandhom jiġu eżaminati l-kwistjonijiet dwar il-proporzjonalità u l-leġittimità ta' dawn is-sistemi f'termini ta' kemm jiswew, ammont stmat għal EUR 1,1 biljun li huwa previst li jiġi kopert mill-Fond għas-sigurtà interna, sa EUR 4 600 miljun, tul il-perjodu 2014-2020. Ifakkar li dan l-ammont huwa ħafna ogħla minn dak li l-Kummissjoni stmat fl-2008, barra mill-fatt li m'hemmx garanzija li ser ikun biżżejjed, kif osserva l-KEPD (14);

33.

ifakkar fid-dubji tiegħu li investiment tant kbir fuq il-kontroll tal-fruntieri huwa l-aktar mod effikaċi biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali b'mod sinifikanti u fit-tul (15);

34.

jagħraf li analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji trid tqis ukoll l-ispejjeż kbar u l-piż amministrattiv li dawn is-sistemi jistgħu jimponu fuq l-Istati Membri meta mqabbel man-numru żgħir ta' vjaġġaturi li jaqsmu l-fruntieri esterni;

Ir-rwol tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali fl-introduzzjoni gradwali ta' sistema integrata ta' ġestjoni tal-fruntieri esterni

35.

jikkunsidra li l-koerenza ta' approċċ Ewropew fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri esterni tinvolvi diversi livelli u toħloq għadd ta' sfidi għall-awtoritajiet nazzzjonali responsabbli, li jaġixxu f'kooperazzjoni mal-atturi reġjonali u lokali differenti;

36.

jiddispjaċih li d-dimensjoni tal-governanza f'diversi livelli ma titqiesx biżżejjed fid-dibattiti politiċi tal-UE dwar liż-żona ta' Schengen, filwaqt li l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipju tas-sussidjarjetà tirrikjedi li tiġi żgurata parteċipazzjoni aktar sistematika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

37.

jappella għal parteċipazzjoni akbar mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-korpi tal-Kumitat tar-Reġjuni biex jiġi garantit approċċ minn isfel għal fuq f'dan il-qasam, li jikkontribwixxi biex l-esperjenzi u l-preokkupazzjonijiet ta' dawn l-awtoritajiet jiġu kkunsidrati fl-istadji differenti tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, l-effikaċja u l-valur miżjud tal-finanzjament tal-UE kif ukoll il-komponent tal-governanza f'diversi livelli tal-pakkett “Fruntieri intelliġenti”;

38.

jappella lil dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kodiċi tal-fruntieri ta' Schengen fil-livell lokali li jippromovu azzjonijiet ta' taħriġ u kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar il-leġislazzjoni Ewropea fil-qasam tal-fruntieri u d-drittijiet taċ-ċittadini, biex jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi lokali prinċipali, tiġi promossa l-fiduċja reċiproka ħalli jiġu evitati l-effetti negattivi fiż-żona ta' moviment ħieles u fuq id-drittijiet fundamenali;

39.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fil-livelli differenti (16), inkluż il-fruntieri interni u esterni tal-UE;

40.

jinnota li l-finanzjament tal-UE dedikat għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni jikkonċentra fuq is-sigurtà, u jinjora l-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw rwol aktar importanti fid-definizzjoni tal-prijoritajiet baġitarji tal-UE fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-finanzjament tal-politiki tal-immigrazzjoni u tal-asil, b'mod li r-riżorsi finanzjarji jingħataw lill-infrastrutturi u s-servizzi fil-fruntieri li għandhom l-akbar bżonn ta' għajnuna f'dan il-qasam;

41.

bl-istess mod jissuġġerixxi li jiddaħħal l-obbligu ta' konsultazzjoni aktar vinkolanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-gvernijiet nazzjonali fuq l-ipprogrammar tal-finanzi tal-UE f'dan il-qasam;

42.

itenni l-appell tiegħu għal konsolidazzjoni akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-asil “b’konformità mal-kompetenzi tagħhom fil-kuntest nazzjonali, permezz ta’ strumenti li jqisuhom bħala entitajiet destinatarji tal-finanzjament tal-Unjoni, anke mingħajr l-intervent tal-awtoritajiet ċentrali tal-gvern u kumpatibbli mad-differenzi eżistenti bejn bosta Stati Membri” (17);

43.

jikkunsidra li s-sistemi tal-EES u l-programm ta' vjaġġaturi rreġistrati jimplika trasferiment gradwali tal-kompetenzi fil-qasam tal-kontroll u l-użu tad-data miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali għall-korpi tal-UE, li għandhom implikazzjonijiet fuq il-kwistjoni tas-sussidjarjetà;

44.

għaldaqstant, jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni jiġu konsultati aktar dwar it-tfassil tas-sistemi, fid-dawl tal-impatt fuq ir-reġjuni transkonfinali u minħabba fil-perċezzjoni li l-ġestjoni tal-fruntieri fil-livell lokali tista' tkun differenti mill-interessi li jagħtu direzzjoni lill-għażliet tal-awtoritajiet ċentrali nazzjonali, li huma aktar imħassba dwar is-sigurtà nazzjonali milli huma attenti li jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni transkonfinali, li hija aktar preokkupazzjoni tar-reġjuni transkonfinali;

Rakkomandazzjonijiet dwar il-pakkett leġislattiv “Fruntieri intelliġenti”

45.

iħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jipproċedu b'analiżi fid-dettall tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-EES u l-programm ta' vjaġġaturi rreġistrati, li qed jiddaħħlu f'kuntest ta' reċessjoni ekonomika u ta' awsterità baġitarja, u biex jivvalutaw kemm huma meħtieġa, proporzjonati u effikaċi qabel ma jkomplu bin-negozjati marbutin magħhom;

46.

jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jakkumpanjaw l-EES b'garanziji, fil-każ li titkompla l-implimentazzjoni tiegħu biex jiġu evitati twissijiet li jistgħu jwasslu għad-detenzjoni abbużiva ta' persuni li s-sistema tidentifikahom bħala residenti illegali meta fil-fatt huma jkunu kisbu permess ta' soġġorn minn Stat Membru u għaldaqstant igawdu mid-dritt tal-moviment ħieles fiż-żona Ewropea mingħajr fruntieri interni;

47.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li f'perjodu ta' awsterità baġitarja jiġi garantit li kull sistema li titwaqqaf tkun tista' titħaddem flimkien mas-sistemi nazzjonali attwali, biex ma tfixkilx il-funzjonament tagħhom u ma jinħlewx investimenti nazzjonali li jkunu saru;

48.

jirrakkomanda li jiddaħħlu garanziji sodi ta' nondiskriminazzjoni u ta' salvagwardji biżżejjed għad-dritt tal-ħarsien tad-data, ir-rispett tal-ħajja privata u l-possibbiltà li jsir appell fil-qrati għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari biex jiġi evitat rimpatriju abbużiv fuq il-bażi ta' twissija falza li tkun intbagħtet mill-EES;

49.

f'każ li s-sistema tiġi implimentata, jissuġġerixxi li jiġu promossi azzjonijiet ta' taħriġ dwar id-drittijiet tal-persuni u kampanji ta' sensibilizzazzjoni fost il-professjonisti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, b'mod partikolari dwar ir-riskji u l-mod korrett/inkorrett ta' applikazzjoni, biex jiġu evitati użi illeċiti u diskriminatorji.

II.

RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

COM(2013) 95 final

Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Kull awtorità kompetenti awtorizzata biex taċċessa l-EES skont dan ir-Regolament għandha tiżgura li l-użu tal-EES huwa neċessarju, xieraq u proporzjonat mat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti.

Kull awtorità kompetenti awtorizzata biex taċċessa l-EES skont dan ir-Regolament għandha tiżgura li l-użu tal-EES huwa neċessarju, xieraq u proporzjonat mat-twettiq tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti u jirrispetta d-dispożizzjonijiet kollha rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-ħarsien tal-data personali.

Raġuni

Huwa importanti li jiġi stabbilit ir-rispett tal-leġislazzjoni rilevanti dwar il-ħarsien tad-data mill-'awtoritajiet kompetenti' bħala “prinċipju ġenerali” ta' dan ir-regolament.

Brussell, 28 ta' Novembru 2013

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  COM(2011) 559 final.

(2)  COM(2011) 560 final.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Programm ta' Stokkolma, relatur: is-Sinjura Terrón i Cusi,ĠU C 79, 27.3.2010, p. 52.

(4)  F'dan ir-rigward ara wkoll l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Migrazzjoni u mobbiltà – Approċċ globali”, relatur: is-Sur Vendola.

(5)  COM(2013) 95 final.

(6)  COM(2013) 97 final.

(7)  COM(2013) 96 final.

(8)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Programm ta’ Stokkolma: sfidi u opportunitajiet fil-kuntest ta’ programm multiannwali ġdid fiż-żona tal-UE ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”ĠU C 79, 27.3.2010, punt 56

(9)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Programm ta’ Stokkolma: sfidi u opportunitajiet fil-kuntest ta’ programm multiannwali ġdid fiż-żona tal-UE ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”ĠU C 79, 27.3.2010, punt 37.

(10)  Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ppublikata fuq https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2013/13-07-18_Smart_borders_EN.pdf Ara wkoll il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2008), Kummenti Preliminari dwar il-proposta dwar il-Pakkett tal-“Fruntieri intelliġenti”, 3 ta' Marzu 2008, p. 4, pubblikati fuq http://www.edps.europa.eu. Ara wkoll l-opinjoni tal-KEPD dwar il-Programm ta' Stokkolma, ĠU C 276, 17.11.2009, punt 71.

(11)  Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni “Impact Assessment accompanying the Proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council establishing a Registered Traveller Programme” [Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm ta' Vjaġġaturi rreġistrati], SWD(2013) 47 final, Brussell, 28.2.2013.

(12)  Bigo, Didier, Carrera, Sergio et al (2012), “Evaluating current and forthcoming proposals on JHA data bases and a smart borders system at EU external borders”, (Valutazzjoni proposti attwali u futuri fuq il-bażijiet tad-data tal-JHA u sistema ta' fruntieri intelliġenti fil-fruntieri esterni tal-UE) studju mfassal mill-Parlament Ewropew, p. 37.

(13)  Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni “Impact Assessment accompanying the Proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council establishing a Registered Traveller Programme” [Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm ta' Vjaġġaturi rreġistrati], SWD(2013) 50 final, Brussell, 28.2.2013.

(14)  Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2008), Kummenti Preliminari dwar il-proposta dwar il-Pakkett tal-“Fruntieri intelliġenti”, 3 ta' Marzu 2008, p. 4, pubblikati fuq http://www.edps.europa.eu.

(15)  Opinjoni dwar l-istrumenti finanzjarji tal-UE għall-Affarijiet Interni, li r-relatur tagħha kien is-Sur Azzopardi, CdR 12/2012, punt 47.

(16)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 9, 11.1.2012.

(17)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Migrazzjoni u mobilità – approċċ globali”, is-96 sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta' Lulju 2012.