|
30.7.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 218/1 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-“Pakkett dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ”
2013/C 218/01
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
|
— |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-“Pakkett dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ” bħala tentattiv biex jiġu proposti sensiela ta’ miżuri konkreti sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiffaċċjaw il-livelli mhux aċċettabbli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali li dan joħloq; |
|
— |
jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-qgħad kif ukoll sabiex jagħtu opportunitajiet liż-żgħażagħ u appoġġ fl-iskambju tal-aħjar prattiki; |
|
— |
jenfasizza wkoll l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażgħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-istrateġiji; |
|
— |
minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, il-Kumitat jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jaqbel li jantiċipa l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sa mill-2013; |
|
— |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiffinalizza l-Qafas Ewropew ta’ Kwalità dwar l-Iskemi ta’ Taħriġ, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-proposta tar-Regolament EURES il-ġdid; |
|
— |
jappella lill-Kummissjoni biex issaħħaħ u tintegra l-azzjonijiet tal-Istati Membri fis-settur tal-politika tat-taħriġ vokazzjonali, billi tipproponi, f’forma ta’ rakkomandazzjoni, standards minimi ta’ kwalità fir-rigward tal-apprendistati fil-livell Ewropew sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-ħiliet akkwistati fl-Ewropa kollha. |
|
Relatur |
Is-Sur ROSSI (IT/PSE), President tar-Reġjun ta’ Toscana |
|
Dokumenti ta’ referenza |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi” COM(2012) 727 final Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Għall-istabbiliment ta’ Qafas ta’ Kwalità dwar l-Iskemi ta’ Taħriġ: Konsultazzjoni tat-tieni stadju tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew skont l-Artikolu 154 TFUE” COM(2012) 728 final |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Kuntest ġenerali
|
1. |
japprezza l-isforzi li qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea biex tħeġġeġ il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, peress li din hija mingħajr dubju waħda mill-aktar problemi serji li qed tiffaċċja l-UE u li teħtieġ b’mod urġenti impenn politiku koordinat u sistematiku (1) kif ukoll fondi adegwati; |
|
2. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-“Pakkett dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ” (2) bħala tentattiv biex jiġu proposti sensiela ta’ miżuri konkreti sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiffaċċjaw il-livelli mhux aċċettabbli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali li dan joħloq; |
|
3. |
iqis bħala pożittiv l-approċċ doppju (rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri u koordinazzjoni, inizjattivi u miżuri fil-livell Ewropew), kif ġie propost mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni “Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi”. Fl-istess waqt jenfasizza l-bżonn ta’ azzjonijiet adatti u proporzjonati u miżuri fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, fir-rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; |
|
4. |
jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-qgħad kif ukoll sabiex jagħtu opportunitajiet liż-żgħażagħ u appoġġ fl-iskambju tal-aħjar prattiki, u jenfasizza wkoll l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażgħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-kollaborazzjoni fi strateġiji li jridu jitwettqu; |
|
5. |
jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 li jalloka EUR 6 biljun għall-Inizjattva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, miftuħa għar-reġjuni kollha (NUTS 2) fejn il-livell tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jisboq il-25 %. Iżda jaħseb li minkejja li dan huwa sinjal inkoraġġanti, ir-riżorsi previsti għadhom mhux biżżejjed biex tiġi indirizzata sew il-problema; |
|
6. |
minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, il-Kumitat jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jaqbel li jantiċipa l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sa mill-2013; |
|
7. |
jaħseb li parti sostanzjali mir-riżorsi ddedikati għall-inizjattiva tal-Impjieg taż-Żgħażagħ trid tingħata lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex ikollhom possibbiltà akbar li jwettqu inizjattivi favur l-impjieg taż-żgħażagħ b’mod li jkun l-iżjed adatt għall-kundizzjonijiet lokali; |
|
8. |
jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiffinalizza l-Qafas Ewropew ta’ Kwalità dwar l-Iskemi ta’ Taħriġ, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-proposta tar-Regolament EURES il-ġdid; |
|
9. |
jenfasizza l-importanza ta’ approċċ orizzontali, konċertat u sostenibbli fil-proċess ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi żgurata sinerġija bejn l-inizjattivi strateġiċi kollha – Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi (3), Żgħażagħ Attivi (4), Unjoni tal-Innovazzjoni, Aġenda Diġitali għall-Ewropa – u bejn dawn u l-politika ta’ koeżjoni 2014-2020; |
|
10. |
jappoġġja bil-qawwa l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-istrumenti tagħha, u jappoġġja l-impenn li jintlaħqu l-objettivi fil-qasam tal-impjieg, inkluż it-tnaqqis tar-rata ta’ abbandun bikri mill-iskola, u jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-proċess ta’ tkabbir u innovazzjoni definit minnha stess, filwaqt li tiġi promossa kollaborazzjoni ikbar bejn id-diversi livelli ta’ gvern. F’dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-ħtieġa li l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma jiġu implimentati permezz tal-kollaborazzjoni bejn id-diversi livelli ta’ gvern; |
|
11. |
jenfasizza l-importanza li tiġi ffaċċjata b’impenn sod il-problema dejjem tikber fl-Ewropa taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ u li jiġu valutati l-ispejjeż tagħhom fuq medda qasira u anke twila ta’ żmien fid-dawl tal-impatt soċjali u ekonomiku tagħhom, kif ukoll il-konsegwenzi u r-riskji (soċjali u demokratiċi) marbuta man-nuqqas ta’ emanċipazzjoni tagħhom. Jaħseb ukoll li l-fenomenu tan-nuqqas ta’ integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol jiddependi fuq fatturi bħall-livell ta’ effikaċja tas-servizzi ta’ impjieg, ir-relazzjoni bejn id-dinja tat-tagħlim u dik tax-xogħol, u l-preżenza qawwija jew dgħajfa tal-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u tat-tielet settur f’dan il-kuntest. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-aħjar riżultati jinkisbu meta l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-servizzi tal-impjieg, il-korpi li jagħtu l-pariri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jikkooperaw bejniethom; |
|
12. |
jinnota li l-aqwa riżultati f’termini ta’ impjieg fost iż-żgħażagħ huma reġistrati fil-pajjiżi fejn iż-żgħażagħ għandhom il-possibbilità li jibdew skemi ta’ taħriġ ta’ kwalità u għandhom aċċess għal sistemi ta’ apprendistat sodi (5) li jkunu parti integrali minn sistema ta’ taħriġ u ta’ kollokament f’impjieg. Jinnota wkoll li dan kollu jseħħ jekk ikun hemm servizzi ta’ impjieg effiċjenti. Fid-dawl ta’ dan jenfasizza l-importanza li jiġu individwati prattiki tajbin tas-sistemi u s-servizzi pubbliċi li jeżistu fil-livell Ewropew biex joffru gwida u appoġġ għal dawk li jkunu qed ifittxu impjieg. Barra minn hekk, jaħseb li jkun tajjeb li jiġu assoċjati l-ikbar numbru possibbli ta’ organizzazzjonijiet lokali taż-żgħażagħ fl-attivitajiet tas-servizzi tal-impjieg u ta’ gwida professjonali; |
|
13. |
jilqa’ l-hekk imsejħa “garanzija għaż-żgħażagħ” li fi żmien erba’ xhur wara tmiem l-edukazzjoni formali jew wara li jintemm impjieg, iż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ kwalità tajba biex jaħdmu, ikomplu jistudjaw, jibdew apprendistat jew jidħlu fi skema ta’ taħriġ; it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa sfida ewlenija għall-futur tal-Ewropa; |
|
14. |
ser ikun ferm attent għall-implimentazzjoni prattika ta’ din il-garanzija għaż-żgħażagħ u jfakkar li dan huwa strument li jqum ħafna flus, u għalhekk l-Istati Membri, speċjalment dawk f’diffikultajiet finanzjarji serji, ser ikollhom bżonn appoġġ deċiżiv mill-UE sabiex jimplimentawha; |
|
15. |
itenni l-importanza li jiġu estiżi l-benefiċċji ta’ din il-miżura biex jinkludu ż-żgħażagħ, anke dawk gradwati, sa 30 sena u mhux sa 25; |
|
16. |
għandu jassigura li fin-negozjati interistituzzjonali dwar id-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Fond Soċjali Ewropew relatati mal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ adottati mill-Kunsill Ewropew nhar is-7 u t-8 ta’ Frar 2013, l-allokazzjoni baġitarja ta’ dan l-istrument toffri kundizzjonijiet aktar flessibbli f’aspetti bħar-rati ta’ kofinanzjament jew il-pagamenti minn qabel, b’tali mod li s-sitwazzjoni diffiċli tat-territorji f’dan il-qasam tkun tista’ tiġi indirizzata b’mod aktar effettiv u persistenti. Il-Kumitat jitlob ukoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu informati fil-ħin dwar il-funzjonament ta’ din l-inizjattiva u l-ammonti li jistgħu jiġu miż-żewġ mezzi ta’ finanzjament tagħha, sabiex ikunu jistgħu jqisuhom fit-tħejjija tal-istrateġiji tagħhom fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u fl-iskemi ta’ garanzija tagħhom; |
Il-kontribut tal-apprendistat għall-awtonomija taż-żgħażagħ
|
17. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kompetenti biex iwettqu programmi ta’ taħriġ li jappoġġjaw u jantiċipaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol b’mod li jiġi evitat li ż-żgħażagħ jibqgħu għal wisq żmien fis-sistema edukattiva u ta’ taħriġ mingħajr ma jkollhom prospetti għal impjieg. Madankollu, l-antiċipazzjoni tad-dħul fis-suq tax-xogħol trid tkun imsejsa fuq il-possibbiltà li wieħed jerġa’ lura għat-taħriġ biex itejjeb jew jaġġorna l-ħiliet tiegħu, f’perspettiva ta’ taħriġ kontinwu; fl-istess waqt, jirrakkomanda li jitfasslu u jitwettqu strateġiji reġjonali mmirati lejn l-impjiegi u t-taħriġ vokazzjonali, f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, korpi involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ u aġenziji governattivi tal-impjieg u s-settur tan-negozju bil-għan li tiġi ffaċilitata l-inklużjoni tax-xogħol f’qafas ta’ sistemi ekonomiċi integrati; |
|
18. |
jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata wkoll b’urġenza d-dimensjoni tal-ġeneru tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, peress li n-nisa żgħażagħ għandhom tendenza ikbar li jsibu impjieg prekarju u li jbatu mill-konsegwenzi tad-distakk fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa, anke fl-iskemi ta’ taħriġ, u tan-nuqqas ta’ miżuri biex jinsab bilanċ adatt bejn il-ħajja u x-xogħol; jappella għalhekk biex l-iskemi kollha mmirati lejn it-tisħiħ tal-impjieg taż-żgħażagħ iqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll id-dimensjoni tal-ġeneru tal-problema; |
|
19. |
ifakkar li programmi ta’ apprendistat jiffaċilitaw b’mod konsiderevoli t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, u jippermettu liż-żgħażagħ jakkwistaw kemm esperjenzi ta’ xogħol fil-prattika, kif ukoll għarfien teoretiku barra mill-kuntest ta’ impjieg, bis-saħħa tal-kooperazzjoni ta’ kumpaniji u istituzzjonijiet tat-taħriġ tul il-proċess edukattiv; għaldaqstant, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromovu programmi ta’ apprendistat “doppji” jew “fuq żewġ binarji”, anke matul l-edukazzjoni għolja; |
|
20. |
jittama li jkun hemm il-possibbiltà li jiġi adottat qafas komuni, b’rispett tad-diviżjoni tal-kompetenzi, li jwassal biex ikunu kompatibbli l-inizjattivi ta’ taħriġ doppju li jeżistu f’diversi Stati Membri, li jiġbor fih l-aħjar benefiċċji tal-apprendistat u li jindika l-aqwa strumenti sabiex jitwettaq; |
|
21. |
jappella lill-Kummissjoni biex issaħħaħ u tintegra l-azzjonijiet tal-Istati Membri fis-settur tal-politika tat-taħriġ vokazzjonali, billi tipproponi, f’forma ta’ rakkomandazzjoni, standards minimi ta’ kwalità fir-rigward tal-apprendistati fil-livell Ewropew sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-ħiliet akkwistati fl-Ewropa kollha; |
|
22. |
japprezza l-passi ’l quddiem li saru lejn it-twettiq ta’ Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, bħala strument Ewropew utli li jwieġeb għad-domanda għal ħiliet u li jikkontribwixxi għall-forniment ta’ qafas ta’ referenza tajjeb għall-kwalifiki li jinksibu; |
|
23. |
jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tippromovi tipi ta’ kooperazzjoni li jinkoraġġixxu l-iżvilupp u t-tixrid tat-taħriġ doppju. Iżda dawn iridu jgħaqqdu flimkien lill-awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-politiki tax-xogħol fil-livell nazzjonali, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-FSE, ir-rappreżentanti tal-kumpaniji u tal-imsieħba soċjali. L-għan huwa li jiġu identifikati, fis-suq tax-xogħol u fis-sistema skolastika tal-Istat Membru, strateġiji utli għat-tisħiħ tal-apprendistat u modalitajiet ta’ użu effikaċi tal-allokazzjonijiet nazzjonali tal-FSE fit-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ taħriġ doppju; |
|
24. |
jaħseb li l-aqwa riżultati f’termini ta’ impjieg u ta’ tagħlim jintlaħqu meta jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn il-partijiet interessati kollha (6). Għaldaqstant jipproponi lill-Istati Membri biex jiffavorixxu l-kooperazzjoni effikaċi bejn l-iskejjel, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet tat-tagħlim u t-taħriġ vokazzjonali, id-dinja tal-intrapriżi u s-servizzi tal-impjieg. Dan jista’ jsir permezz ta’ interventi kulturali u strutturali u ta’ inċentivi finanzjarji u fiskali promossi, meta jkun adatt, mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
25. |
jaħseb li huwa neċessarju li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs, li jistgħu jikkontribwixxu biex iż-żgħażagħ jingħataw dawk il-ħiliet li s-suq tax-xogħol jesiġi, iżda li għandhom riżorsi limitati u li ta’ sikwit isibu lilhom infushom jiffaċċjaw ostakli organizzattivi, burokratiċi u kulturali dejjem ikbar; |
|
26. |
jaħseb li huwa neċessarju li l-korpi u l-aġenziji tal-impjieg amministrati mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jippromovu l-organizzazzjoni ta’ skemi ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ, u li jkollhom il-kompetenza ta’ kontroll u jsegwu l-allokazzjoni ta’ persuni li qed jitħarrġu, u jadattaw il-qafas istituzzjonali għall-bżonnijiet tagħhom; |
Ir-rwol tal-iskemi ta’ taħriġ għad-dħul fid-dinja tax-xogħol
|
27. |
ifakkar li sistemi bħall-iskemi ta’ taħriġ, anke jekk huma fuq medda qasira ta’ żmien, iridu jirrappreżentaw mumenti ta’ taħriġ utli li jippermettu liż-żgħażagħ li jidħlu kemm jista’ jkun malajr, u b’mod stabbli, fis-suq tax-xogħol. Għal dan il-għan, l-iskemi ta’ taħriġ iridu jkunu ta’ kwalità tajba mil-lat tal-kontenut tat-tagħlim kif ukoll mil-lat tal-ħarsien soċjali. Għaldaqstant il-Kumitat tar-Reġjuni jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex joffru massimu ta’ skemi ta’ taħriġ liż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu jsiru familjari ma’ firxa wiesgħa ta’ professjonijiet u snajja’. Jaħseb li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jkunu ta’ eżempju fit-twettiq ta’ programmi ta’ skemi ta’ taħriġ ta’ kwalità, u għaldaqstant jissuġġerixxi li huma jikkollaboraw mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni biex jaqdu rwol ta’ xprun fid-dħul u l-impjieg ta’ persuni li qed jiġu mħarrġa kif ukoll joħolqu forums ta’ kooperazzjoni mas-settur intraprenditorjali bil-għan li ż-żgħażagħ jidħlu malajr fis-suq tax-xogħol; |
|
28. |
jinnota li f’ħafna Stati Membri hemm użu mhux proporzjonali tal-istrument tal-iskemi ta’ taħriġ, li jsir sors ta’ abbużi sabiex jiġu akkwistati ħaddiema bl-irħis, jew saħansitra b’xejn, u li ta’ sikwit jiġu użati minflok il-kuntratti tax-xogħol normali, f’ħafna każi fi żmien meta jkun hemm l-aktar xogħol; |
|
29. |
jirrimarka li d-definizzjoni ta’ skema ta’ taħriġ trid tagħti valur lill-istrument bħala proċess ta’ taħriġ li jqarreb lill-istudent lejn ix-xogħol; barra minn hekk josserva li definizzjoni korretta trid tinkludi kunċett wiesa’ ta’ “katina” magħmula mill-gwida, it-taħriġ u x-xogħol; |
|
30. |
jappoġġja bis-sħiħ ir-rwol tal-UE fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ kwalità rikonoxxuti fil-livell Ewropew. Barra minn hekk, soluzzjoni fil-livell tal-UE għandha ġġib magħha vantaġġi ċara f’termini ta’ mobilità tal-parteċipanti fl-iskemi ta’ taħriġ kemm ġewwa l-UE kif ukoll barra minnha, u tikkontribwixxi għal aktar intergrazzjoni tas-suq tax-xogħol; |
|
31. |
jilqa’ b’mod favorevoli l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Qafas Ewropew ta’ Kwalità dwar l-Iskemi ta’ Taħriġ bħala grupp ta’ miżuri li jiffaċilitaw id-dħul taż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol; |
|
32. |
jitlob bil-qawwa li tiġi adottata b’urġenza r-Rakkomandazzjoni Ewropea dwar l-iskemi ta’ taħriġ u li din tiddefinixxi standards minimi fil-livell Ewropew li jkunu komuni għall-Istati Membri kollha. Din ir-Rakkomandazzjoni trid tqis b’mod adatt it-tipi kollha ta’ skemi ta’ taħriġ mingħajr ma tkun limitata biss għal dawk l-iskemi tas-suq ħieles (ekstrakurrikulari); |
|
33. |
jittama li jiġu adottati (fil-livell tal-Istati Membri individwali) rekwiżiti minimi bħall-istipular ta’ kuntratt bil-miktub bejn il-parteċipant fl-iskema ta’ taħriġ u l-organizzazzjoni ospitanti, u possibbilment mal-organizzazzjoni ta’ taħriġ jew mal-entità li tippromovi l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ taħriġ, biex jiġu speċifikati aspetti bħall-objettivi professjonali u ta’ tagħlim, it-tul, il-ħin meta ssir l-iskema u, jekk ikun il-każ, l-assigurazzjoni soċjali u r-rimborż tal-ispejjeż jew l-indennizzi. Il-kontenut tat-tagħlim formalizzat fil-kuntratt irid jiġi assigurat, u fl-organizzazzjoni ospitanti għandhom jinħatru superviżuri jew tuturi bil-ħiliet professjonali adegwati u koerenti mal-attività tal-iskema ta’ taħriġ; |
|
34. |
jirrakkomanda li jiġi rispettat proċess ta’ tagħlim trasparenti għall-parteċipant fl-iskema ta’ taħriġ u jenfasizza l-importanza li jiġi previst rimborż tal-ispejjeż (jew indennizzi) ekwu li jista’ jiġi finanzjat bis-saħħa tal-kontribut tal-FSE u li jista’ jirrappreżenta element validu ta’ kwalità sabiex jiġi żviluppat “vantaġġ reċiproku” għaż-żagħżugħ u għall-impriża, fil-kuntest ta’ dinjità għall-parteċipant fl-iskema; |
|
35. |
itenni l-bżonn li l-organizzazzjoni ospitanti li tilqa’ lill-parteċipant fl-iskema jkollha r-rekwiżiti obbligatorji kollha, bħal pereżempju tirrispetta r-regoli dwar is-sigurtà soċjali, dwar is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, ir-regoli relatati mad-diżabbilità, eċċ.; |
|
36. |
jenfasizza l-ħtieġa ta’ ċertifikazzjoni formali tal-għarfien u l-ħiliet akkwistati mill-parteċipanti matul l-iskema; |
|
37. |
jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-modernizzar tad-direttiva dwar il-kwalifiki professjonali (7), fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jiġi estiż biex jinkludi skemi ta’ taħriġ li jsiru fi Stati Membri oħra; barra minn hekk jittama li jiġi analizzat jekk id-direttiva tapplikax biss għal skemi ta’ taħriġ neċessarji għall-aċċess għal professjoni regolata jew anke għal dawk l-iskemi fis-suq ħieles u l-iskemi ta’ taħriġ kurrikulari; |
Il-mobilità bħala fattur ta’ żvilupp tal-potenzjal taż-żgħażagħ
|
38. |
iqis li l-mobilità ġeografika tal-ħaddiema żgħażagħ hi strument importanti li jikkontribwixxi biex jiġu solvuti l-iżbilanċi lokali bejn id-domanda u l-offerta ta’ xogħol. Għal dan il-għan, l-iskemi ta’ taħriġ żviluppati bi kriterji speċifiċi fi ħdan settur partikolari (pereżempju skemi ta’ taħriġ tal-artiġjanat jew tat-turiżmu) jistgħu jkunu strumenti effikaċi sabiex tiġi promossa l-mobilità bil-għan li ż-żgħażagħ jerġgħu lura fit-territorji tagħhom, b’aktar possibbiltajiet sabiex isibu xogħol hemmhekk permezz tal-kwalifiki ogħla miksuba. Dan huwa partikolarment importanti sabiex tiġi ssalvagwardjata l-koeżjoni territorjali u jiġu megħjuna r-reġjuni li jbatu minn problemi demografiċi bħat-tixjiħ u t-tnaqqis fil-popolazzjoni; |
|
39. |
jittama li l-programmi Ewropej li ser jitfasslu biex jappoġġjaw il-mobilità, bħal dawk fi ħdan il-qafas tal-proposta “Erasmus għal Kulħadd”, jirċievu finanzjament adegwat u sostenibbli sabiex iktar żgħażagħ ikunu jistgħu jqattgħu perjodu barra minn pajjiżhom matul l-istudji jew it-taħriġ tagħhom, filwaqt li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari taż-żgħażagħ fir-reġjuni ultraperiferiċi; |
|
40. |
jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li n-netwerk Ewropew tat-tiftix tal-impjiegi jiġi trasformat fi strument li jqabbel id-domanda u l-offerta ta’ impjiegi ffokat fuq ir-riżultati, bl-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” sabiex iċ-ċittadini tal-UE bejn it-18 u t-30 sena jiġu megħjuna jsibu xogħol fi Stat Membru ieħor; |
|
41. |
jaħseb li huwa neċessarju li jkun hemm il-possibbiltà li jiġu allokati riżorsi, kemm permezz tal-FSE kif ukoll permezz tal-fondi nazzjonali u/jew reġjonali, li jikkompletaw il-programmi ta’ taħriġ tal-UE. Dawn ir-riżorsi jridu jiġu mmirati lejn il-promozzjoni ta’ skemi speċifiċi ta’ mobilità, li jippermettu liż-żgħażagħ kollha tal-UE biex igawdu minn din il-mobilità b’kundizzjonijiet ugwali independentement mill-post ta’ residenza tagħhom, filwaqt li s-servizzi pubbliċi tal-impjieg tal-Istati Membri jiġu mħeġġa jiżviluppaw programmi li jirreklamaw l-opportunitajiet li jinħolqu mis-sistema EURES u jintegrawhom fl-attivitajiet regolari tagħhom; |
Xi prijoritajiet trażversali
|
42. |
jilqa’ b’mod favorevoli t-tnedija tal-Panorama ta’ Ħiliet tal-UE u tal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet għad-definizzjoni tal-ħiliet. Fil-fatt, dawn l-istrumenti jistgħu jirreaġixxu aħjar għad-domanda għal ħiliet adegwati u jikkontribwixxu biex joffru qafas ta’ referenza adatt għall-kwalifiki, li jinkludi mhux biss il-ħiliet li jinkisbu fi ħdan skemi formali, iżda anke dawk marbuta ma’ metodi ta’ taħriġ informali u mhux formali; |
|
43. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw politiki u strumenti li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ biex jiftħu negozju, anke permezz ta’ għoti ta’ garanzija fuq il-finanzjament u operazzjonijiet ta’ self u kontributi biex jitnaqqsu r-rati ta’ interess fuq is-self, bħalma jiġri fil-każ tal-istrument ta’ mikrokreditu; |
|
44. |
jaħseb li huwa fundamentali li jinħoloq pont bejn id-dinja akkademika u dik tax-xogħol, u jiġu valorizzati strumenti bħall-programm Erasmus għaż-żgħażagħ intraprendituri; b’mod partikolari dan tal-aħħar qed juri li huwa strument effettiv għall-istimolu tal-intraprenditorija, kif kien diġà ġie enfasizzat f’Opinjoni preċedenti tal-KtR (8); |
|
45. |
jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza li tingħata spinta qawwija lis-setturi strateġiċi li għandhom potenzjal ta’ impjieg għoli (is-settur tas-saħħa, is-settur soċjali, l-ekonomija ekoloġika u l-ICT), kemm fil-kuntest ta’ negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu kif ukoll fil-promozzjoni tal-impjieg inġenerali. Il-livell reġjonali jista’ jaqdi rwol partikolari fl-appoġġ għall-iżvilupp tal-kompetenzi billi jiffoka fuq dawk is-setturi li fihom ir-reġjun inkwistjoni hu b’saħħtu u l-opportunitajiet ta’ xogħol huma tajbin; |
|
46. |
iqis ta’ importanza kbira li jiġu integrati l-kunċetti tas-sikurezza u l-flessibilità tas-suq tax-xogħol (flessigurtà) billi jinstab bilanċ bejn il-ħtiġijiet ta’ min joffri x-xogħol biex ikollhom ħaddiema flessibbli, u l-bżonn tal-ħaddiema stess li jgawdu mis-sikurezza u l-protezzjoni f’kuntest ta’ xogħol dejjem iktar prekarju; |
|
47. |
jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali għad-definizzjoni ta’ strateġija speċifika għall-ippjanar u l-ġestjoni globali tal-politiki tal-impjieg taż-żgħażagħ fit-territorju. F’dan il-kuntest is-sistemi integrati ta’ politiki tal-impjieg taż-żgħażagħ jistgħu jiġu ġestiti b’mod innovattiv, sabiex jippromovu l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-ġenerazzjonijiet żagħżugħa u n-negozji; |
|
48. |
jenfasizza l-bżonn li jiġu involuti bis-sħiħ l-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ġodda, billi dawn jirrappreżentaw il-livell l-iżjed adegwat għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tat-territorji u tal-kuntest lokali, u għaldaqstant anke f’dak li jikkonċerna l-impjieg u l-programmi speċifiċi għaż-żgħażagħ; |
|
49. |
ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fil-biċċa l-kbira tagħhom diġà kompetenti responsabbli għall-politiki tal-impjieg, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Fl-istess waqt, jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ma tinkludix referenza speċifika għall-kompetenzi tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali (9) la rigward it-tfassil u lanqas it-twettiq tal-politiki fl-oqsma msemmija hawn fuq; |
|
50. |
jirrakkomanda li l-istrument tal-iskemi ta’ taħriġ, fi ħdan il-Pakkett dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, u fl-ambitu usa’ tal-promozzjoni ta’ skemi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ, jingħata pożizzjoni tajba u l-appoġġ meħtieġ min-naħa tal-UE sabiex jindirizza, fil-qafas tal-politiki tagħha dwar l-impjieg taż-żgħażagħ, l-akbar sfida tas-soċjetà Ewropea: li jingħalaq id-distakk ġenerazzjonali u li ż-żgħażagħ jkollhom aċċess għall-opportunitajiet sabiex isiru awtonomi; |
|
51. |
iqis li huwa essenzjali li ammont sinifikanti ta’ riżorsi jiġi allokat għat-taħriġ sabiex titħeġġeġ l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ. Din l-attivazzjoni għandha tkun orjentata lejn dawk is-setturi emerġenti li ġew identifikati mid-diversi strateġiji reġjonali fi ħdan il-kuntest ekonomiku globali. L-għarfien akkumulat u r-rieda taż-żgħażagħ sabiex jitgħallmu huma sors ta’ tkabbir għas-soċjetà Ewropea. L-esperjenza tgħallimna li m’għandniex niggwidaw lill-intraprendituri żgħażagħ tagħna lejn setturi bi prospetti ekonomiċi foqra. F’dan ir-rigward u fil-kuntest ta’ soċjetà ekonomikament kumplessa, huwa importanti li “ngħallmu kif nitgħallmu”, b’attivitajiet ta’ taħriġ li jippermettu liż-żgħażagħ jgħaddu minn idea intraprenditorjali astratta għal proġett intraprenditorjali konkret. Il-finanzjament huwa essenzjali. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jallokaw perċentwali mill-istrumenti finanzjarji tagħhom, bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti direttament relatati mar-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, sabiex jiġu ffinanzjati b’kundizzjonijiet vantaġġużi proġetti ppreżentati minn intraprendituri żgħażagħ. |
Brussell, 30 ta’ Mejju 2013.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) CdR 2562/2012 fin.
(2) COM(2012) 727 final, COM(2012) 728 final, COM(2012) 729.
(3) CdR 401/2010 fin.
(4) CdR 292/2010 fin.
(5) SWD(2012) 406 final.
(6) COM(2012) 669.
(7) COM(2011) 883.
(8) CdR 1186/2012 fin.
(9) CdR 1186/2012 fin.