17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/59


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Fond għal għajnuna Ewropea għall-persuni l-aktar fil-bżonn”

2013/C 139/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

itenni l-bżonn ta’ approċċ Ewropew għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħaq l-objettiv li stabbilixxiet l-Unjoni Ewropea stess fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 li mill-inqas 20 miljun persuna ma jibqgħux fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali sal-2020;

jirrikonoxxi l-bżonn li tinbidel il-bażi legali tal-programm (Artikolu 174 tat-TFUE) iżda jissuġġerixxi li tintuża bażi legali doppja mill-2014 ’il quddiem, waqt li ssir referenza wkoll għall-Artikolu 39 tat-TFUE sabiex tinżamm il-kontinwità u r-rabta mal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni;

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tmur lil hinn mill-objettiv bażiku tal-programm attwali għall-persuni l-aktar fil-bżonn għax jemmen li l-għajnuna alimentari għall-persuni l-aktar fil-bżonn, flimkien ma’ miżuri li jnaqqsu l-faqar fost it-tfal u n-nuqqas ta’ dar, u b’koordinazzjoni mal-FSE, ser ikunu opportunità sabiex jitwettqu attivitajiet multifunzjonali u fl-istess waqt jiġu indirizzati l-problemi li bdew ħerġin fir-rigward tal-bosta ħtiġijiet bażiċi;

jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tagħti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-possibbiltà li jaqdu rwol attiv fid-distribuzzjoni tal-għajnuna lill-persuni l-aktar fil-bżonn;

jirrifjuta l-prinċipju ta’ parteċipazzjoni fuq bażi volontarja tal-Istati Membri peress li prinċipju bħal dan jista’ jċaħħad lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-aċċess għall-fond mingħajr ma jkun hemm mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni parteċipattiva u demokratika fil-livell nazzjonali jew Ewropew u mingħajr ma jitqiesu l-isfidi tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni fil-livell sottonazzjonali;

jemmen li fir-reġjuni milquta mill-kriżi finanzjarja u r-reġjuni ta’ koeżjoni, il-finanzjament tal-programm għall-persuni l-aktar fil-bżonn mill-baġit tal-Komunità huwa ġustifikat bħala simbolu ta’ koeżjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej, ir-reġjuni u l-persuni;

jemmen li l-ammont ta’ finanzjament propost huwa baxx wisq u li l-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet ser ikompli jitnaqqas b’mod sinifikanti (b’30 % skont il-proposta tal-Kummissjoni u b’40 % skont il-proposta tal-Kunsill) u jitob tal-anqas li jinżamm il-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet.

Relatur

Is-Sur Ossi MARTIKAINEN (FI/ALDE), President tal-Kunsill Muniċipali ta’ Lapinlahti

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

COM(2012) 617 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

itenni l-bżonn ta’ approċċ Ewropew għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħaq l-objettiv li stabbilixxiet l-Unjoni Ewropea stess fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 li mill-inqas 20 miljun persuna ma jibqgħux fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali sal-2020. Dan l-objettiv isir aktar akut fid-dawl tal-fatt li fl-2011, 119,6 miljun persuna kienu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, jiġifieri 6 miljun persuna aktar mill-2009. Dan it-tbegħid mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 jagħmilha aktar diffiċli li wieħed jifhem id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 fejn ippropona li jnaqqas b’EUR 1 biljun il-baġit allokat għall-għajnuna Ewropea għal dawk l-aktar fil-bżonn;

2.

jirrikonoxxi l-bżonn li tinbidel il-bażi legali tal-programm (Artikolu 174 tat-TFUE) iżda jissuġġerixxi li tintuża bażi legali doppja mill-2014 ’il quddiem, waqt li ssir referenza wkoll għall-Artikolu 39 tat-TFUE sabiex tinżamm il-kontinwità u r-rabta mal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni;

3.

jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fit-tfassil ta’ strateġija effikaċi ta’ għajnuna lill-persuni l-aktar fil-bżonn;

4.

jikkritika n-nuqqas ta’ konsistenza tal-proposta tal-Kummissjoni mal-Istrateġija Ewropa 2020 peress li l-proposta tonqos milli tirreferi għall-indikatur tan-numru ta’ persuni fir-riskju tal-faqar minkejja li dan huwa wieħed mit-tliet indikaturi użati fl-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex jiġi evalwat l-objettiv Ewropew fir-rigward tal-inklużjoni soċjali u tat-tnaqqis tal-faqar;

5.

jifhem u jqis importanti li l-Kummissjoni 1) proponiet bażi leġislattiva ġdida li tevita l-kunflitt li ħolqot il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-akkwist tal-prodotti tal-ikel fis-suq u 2) fasslet programm ġdid b’funzjonijiet iktar mifruxa li joħloq qafas li fuqu jistgħu jkomplu jingħataw il-miżuri ta’ għajnuna, u li fl-istess waqt jiżgura li r-riżultati ta’ dawn il-miżuri jkunu iktar effettivi u sostenibbli;

6.

jemmen li l-għajnuna alimentari għall-persuni l-aktar fil-bżonn, flimkien ma’ miżuri li jnaqqsu l-faqar fost it-tfal u n-nuqqas ta’ dar, u b’koordinazzjoni mal-FSE, ser ikunu opportunità sabiex jitwettqu attivitajiet multifunzjonali u fl-istess waqt jiġu indirizzati l-problemi li bdew ħerġin fir-rigward tal-bosta ħtiġijiet bażiċi;

7.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tmur lil hinn mill-objettiv bażiku tal-programm attwali għall-persuni l-aktar fil-bżonn iżda jibża’ ħafna li l-lista estiża tal-aspetti tal-faqar li suppost għandu jindirizza l-fond il-ġdid għal għajnuna Ewropea għall-persuni l-aktar fil-bżonn, ser ittaffi biss l-impatt finali tiegħu, partikolarment peress li l-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew tfisser li hemm possibbiltà li r-riżorsi jitnaqqsu bi kważi 30 % (EUR 3,5 biljun għall-programm għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-2007-2013 u EUR 2,5 biljun fl-2014-2020);

8.

jindika li ħafna drabi, il-proċeduri amministrattivi tal-FSE wrew li huma ta’ piż għall-partijiet interessati, għalhekk fir-rigward tal-istrument il-ġdid li għandu l-għan li jaqdi l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-UE, iħeġġeġ li tiġi evitata regolamentazzjoni f’ħafna dettall mingħajr bżonn;

9.

jemmen li billi l-kriżi ekonomika għadha għaddejja, l-istrument li jassisti l-persuni l-aktar fil-bżonn m’għandux jieħu mir-riżorsi tal-FSE iżda jirrikjedi l-finanzjament fit-tul tiegħu bl-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet meħtieġa minn intestatura 2 tal-qafas finanzjarju pluriennali;

10.

jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tagħti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-possibbiltà li jaqdu rwol attiv fid-distribuzzjoni tal-għajnuna lill-persuni l-aktar fil-bżonn u jemmen li dan ir-rwol attiv jista’ jnaqqas il-piżijiet u l-proċeduri amministrattivi fil-livell nazzjonali u tal-UE, billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fl-attivitajiet tagħhom jużaw proċeduri u regoli tal-awditjar żviluppati tajjeb u bbażati fuq il-leġislazzjoni nazzjonali u tal-UE;

11.

ifakkar fl-istrateġija tal-WHO intitolata Health 21 – Health for All in the 21st Century (Is-Saħħa 21 – is-Saħħa għal Kulħadd fis-Seklu 21) li tenfasizza l-bżonn urġenti li jonqsu l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi sabiex tittejjeb is-saħħa tal-popolazzjoni kollha. B’mod parallel, il-WHO tappella sabiex jittieħdu għadd ta’ miżuri li jindirizzaw partikolarment lill-persuni l-aktar fil-bżonn u li jbatu minn saħħa ħażina u sabiex jiġu indirizzati s-servizzi inadegwati tas-saħħa kif ukoll l-iżvantaġġi sanitarji u soċjali (punt II tal-preambolu tad-Dikjarazzjoni tal-WHO bl-isem Health 21 (Is-Saħħa 21), adottata matul il-51 assemblea tal-organizzazzjoni);

12.

jinnota li minkejja li l-programm tal-għajnuna alimentari għall-persuni l-aktar fil-bżonn, fil-forma l-ġdida tiegħu huwa marbut ma’ strumenti ta’ integrazzjoni soċjali u solidarjetà oħra, l-isfond u l-attivitajiet preċedenti tiegħu bħala parti mill-PAK kienu ġustifikati għal kollox billi essenzjalment il-PAK tfittex li tiżgura biżżejjed ikel u ikel affordabbli għaċ-ċittadini tal-UE (Artikolu 39(1)(e)) u sabiex tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista (Artikolu 39(1)(d));

13.

jemmen għalhekk li l-programmi l-ġodda għandu jibqa’ jkollhom il-possibbiltà li jużaw kwalunkwe fdal ta’ prodotti agrikoli li jista’ jakkumula (stokkijiet ta’ intervent). L-użu ta’ dan il-fdal madankollu m’għandux jitnaqqas mill-baġit tal-fond għal għajnuna Ewropea għall-persuni l-aktar fil-bżonn;

14.

jemmen li huwa importanti li l-leġislazzjoni proposta tagħti lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, sett ċar ta’ regoli u l-possibbiltà li jindirizzaw kwalunkwe problema, billi dan il-qasam ta’ attività huwa sensittiv ħafna mil-lat tal-fiduċja tal-pubbliku u l-leġittimità tal-UE. F’bosta Stati Membri u r-reġjuni tagħhom, jeżistu fehmiet differenti dwar il-bżonn, it-tħaddim u r-riżultati ta’ dan il-qasam ta’ attività;

15.

jirrifjuta l-prinċipju ta’ parteċipazzjoni fuq bażi volontarja tal-Istati Membri peress li prinċipju bħal dan jista’ jċaħħad lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-aċċess għall-fond mingħajr ma jkun hemm mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni parteċipattiva u demokratika fil-livell nazzjonali jew Ewropew u mingħajr ma jitqiesu l-isfidi tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni fil-livell sottonazzjonali;

16.

jemmen li fil-każ tar-reġjuni milquta mill-kriżi ekonomika u r-reġjuni ta’ koeżjoni, il-programm għandu jiġi finanzjat kollu kemm hu mill-fondi tal-UE;

17.

jitlob lill-istituzzjonijiet jikkunsidraw li l-kofinanzjament jista’ jirriżulta f’li l-istrument ma jiġix introdott, minkejja li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ ħafna reġjuni turi li strument bħal dan huwa neċessarju;

18.

B’konformità mal-opinjoni preċedenti tiegħu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tevalwa jekk l-approprjazzjonijiet allokati għal din il-miżura humiex suffiċjenti u jindika li l-livell preċedenti ta’ finanzjament diġà kien inadegwat (EUR 500 miljun fis-sena); għal bosta raġunijiet dan il-bżonn kompla jikber li jfisser li l-ammont ta’ finanzjament propost huwa baxx wisq u li l-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet ser ikompli jitnaqqas b’mod sinifikanti (b’30 % skont il-proposta tal-Kummissjoni u b’40 % skont il-proposta tal-Kunsill). Il-Kumitat jitob tal-anqas li jinżamm il-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet;

L-ispjegazzjonijiet dettaljati u r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-Kumitat

19.

jagħraf li dieta suffiċjenti, varjata u tajba hija dritt bażiku affermat f’bosta ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li dan id-dritt għandu jiġi żgurat għaċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE, fil-livelli kollha;

20.

jindika li nutrizzjoni ħażina fost il-persuni l-aktar fil-bżonn ġejja minn bosta fenomeni differenti u marbuta bħal:

tendenzi demografiċi u tibdil globali fis-suq tal-prodotti agrikoli u l-politika tal-agrikoltura u tal-kummerċ;

dgħufijiet fis-suq intern fil-qasam tal-prodotti agrikoli u nuqqas ta’ trasparenza fil-katina tal-valur tal-ikel;

inqas art adatta għall-produzzjoni tal-ikel u użu eċċessiv tal-art għall-produzzjoni tal-għelejjel għall-enerġija;

miżuri speċifiċi tal-UE u ostakli burokratiċi li jfixklu l-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli għall-użu proprju jew il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fuq skala żgħira;

tibdil strutturali f’bosta żoni rurali;

l-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-impjieg u l-kapaċità tal-akkwist;

il-qgħad u għalhekk il-faqar iktar mifrux tal-familji u tat-tfal;

l-instabbiltà fir-reġjuni tal-viċinat;

21.

jemmen li sabiex tinstab soluzzjoni effettiva għal dawn il-problemi mifruxa u varjati, hemm bżonn politiki u finanzjament tal-UE effettivi;

22.

jemmen li l-iżgurar ta’ dieta varjata u adegwata għaċ-ċittadini tal-UE għandu jibqa’ funzjoni prinċipali bażika tal-PAK. Il-Kumitat isejjaħ għal riforma tal-politika agrikola sabiex l-ipprezzar tal-ikel fis-suq ikun trasparenti u l-produzzjoni agrikola primarja tibqa’ tħalli qligħ fir-reġjuni kollha tal-UE;

23.

jemmen li minkejja li t-tendenzi fis-suq, l-iżvilupp tar-rendimenti dawn l-aħħar snin u t-tibdil fit-tendenzi tal-konsum naqqsu l-ammont ta’ prodotti agrikoli li jkun fadal, fil-ġejjieni dawn jistgħu jkomplu jinġabru. Li dawn ikomplu jintużaw bħala għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn huwa importanti għal-leġittimità tal-UE;

24.

jenfasizza li punt 12 jista’ jiġi ġustifikat mill-fatt li l-PAK mill-bidu nett kienet waħda mill-oqsma prinċipali tal-politika tal-UE u hekk ser tibqa’. Jekk tiġi inkorporata fil-bażi leġislattiva tal-istrument il-ġdid (bażi leġislattiva doppja), nistgħu niżguraw li l-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn tkompli tingħata fuq perjodu twil minkejja l-fatt li l-isfidi attwali jistgħu jimponu piż fit-tul fuq il-finanzjament tal-politiki l-oħra tal-UE, bħall-koeżjoni soċjali;

25.

jindika li s-sitwazzjoni soċjoekonomika tar-reġjuni Ewropej tvarja fl-Istati Membri u jemmen li l-programm propost huwa meħtieġ biex jikkomplementa l-miżuri tal-koeżjoni Ewropea u s-solidarjetà li jwettqu l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom. Għalhekk il-programm propost huwa bbażat fuq is-sett ta’ valuri komuni tal-UE u l-idea fundamentali tal-integrazzjoni Ewropea;

26.

iħoss li huwa importanti li l-għanijiet differenti jinġabru fil-qafas tal-fond il-ġdid bil-għan tal-prevenzjoni tal-kawżi tal-faqar u l-esklużjoni, billi n-nuqqas ta’ dar, in-nutrizzjoni ħażina u l-privazzjoni tal-familji bit-tfal għandhom impatt fuq xulxin. Il-Kumitat jinnota madanakollu, li minkejja li l-programmi li ġew qabel dan l-istrument iffukaw fuq in-nutrizzjoni, huwa ċar li n-nutrizzjoni reġgħet saret problema ġenwina u permanenti f’bosta reġjuni. Konsegwentement jitlob lill-Istati Membri u r-reġjuni jenfasizzaw l-importanza tal-għajnuna alimentari fl-implimentazzjoni tal-programmi u abbażi ta’ dan jgħinu liċ-ċittadini biex jibbenefikaw mill-programmi u l-miżuri li jtaffu n-nuqqas ta’ dar u l-esklużjoni soċjali;

27.

jinnota li l-punti 16-18 huma bbażati fuq il-fatt li:

Fir-reġjuni l-iktar milquta, il-finanzjament tal-programm għall-persuni l-aktar fil-bżonn mill-baġit tal-Komunità huwa ġustifikat bħala simbolu ta’ koeżjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej, ir-reġjuni u l-persuni.

L-idea ta’ kofinanzjament għall-istrument propost tista’ titqies minn żewġ angoli. Minn naħa, f’ċerti każijiet, permezz tal-kofinanzjament il-programmi jistgħu jkunu iktar effettivi u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jistgħu jkunu iktar impenjati favurihom, min-naħa l-oħra l-kofinanzjament jista’ jnaqqas l-interess fl-involviment fil-programmi u b’hekk jonqsu wkoll l-opportunitajiet li hemm bżonn f’ħafna reġjuni. Il-KtR jenfasizza li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ekonomiċi attwali, dan l-aħħar xenarju huwa iktar probabbli u għalhekk jitlob lill-istituzzjonijiet sabiex jerġgħu jikkunsidraw rata ta’ kofinanzjament ta’ 85 %.

Tkun soluzzjoni limitata li l-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet jitnaqqas b’30-40 %, billi fis-segwitu tal-programm preċedenti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn u fir-rapporti tal-laqgħat tal-partijiet interessati, ġie suġġerit li hemm bżonn ta’ livell ta’ approprjazzjoni ta’ madwar EUR 680 miljun kull sena. Dan ifisser li l-ammont ta’ finanzjament addizzjonali li hemm bżonn huwa sostanzjali u kważi daqs it-tnaqqis pjanat fil-livell attwali ta’ finanzjament.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Preambolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(3) u l-Artikolu 39(1) tiegħu,

Raġuni

Ir-raġunar huwa indikat fil-punti 2 u 12 tal-ewwel parti tal-Opinjoni (Rakkomandazzjonijiet ta’ Politika).

Emenda 2

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sabiex tistabbilixxi qafas finanzjarju xieraq, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, analiżi annwali tar-riżorsi globali skont l-Istat Membru permezz ta’ metodu oġġettiv u trasparenti li jirrifletti d-differenzi f’termini ta’ faqar u ta’ privazzjoni materjali.

Sabiex tistabbilixxi qafas finanzjarju xieraq, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, analiżi annwali tar-riżorsi globali skont l-Istat Membru permezz ta’ metodu oġġettiv u trasparenti li jirrifletti d-differenzi f’termini ta’ faqar u ta’ privazzjoni materjali, inkluż il-livell ta’ faqar relattiv.

Raġuni

Peress illi l-faqar relattiv huwa indikatur użat fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fil-Eurostat, għandu jintuża wkoll mill-fond il-ġdid.

Emenda 3

Premessa ġdida wara Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Sabiex il-bżonnijiet tal-persuni l-aktar fil-bżonn jiġu indirizzati kemm jista’ jkun b’mod effettiv u adegwat u b’konsistenza mal-Qafas Strateġiku Komuni, il-prinċipju tas-sħubija għandu japplika għall-istadji kollha tal-fond.

Emenda 4

Premessa 35

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-frekwenza tal-eżerċizzji ta’ awditjar fuq l-operazzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-livell ta’ sostenn tal-Unjoni mill-Fond. B’mod partikolari, l-għadd ta’ verifiki mwettqa għandu jitnaqqas fejn it-total tan-nefqa eliġibbli għal operazzjoni ma tkunx taqbeż il-EUR 100 000. Madankollu, għandu jkun possibbli li jsiru eżerċizzji ta’ awditjar fi kwalunkwe ħin fejn ikun hemm evidenza ta’ irregolarità jew ta’ frodi, jew bħala parti minn kampjun ta’ awditjar. Sabiex il-livell tal-awditjar mill-Kummissjoni jkun proporzjonali għar-riskju, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tnaqqas il-ħidma ta’ awditjar fir-rigward tal-programmi operazzjonali fejn ma jkun hemm l-ebda nuqqas sinfikanti jew fejn l-awtorità tal-awditjar tkun affidabbli. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzji ta’ awditjar għandu jikkunsidra bis-sħiħ l-objettiv u l-karatteristiċi tal-popolazzjonijiet fil-mira tal-Fond.

Il-frekwenza tal-eżerċizzji ta’ awditjar fuq l-operazzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-livell ta’ sostenn tal-Unjoni mill-fond. B’mod partikolari, l-għadd ta’ verifiki mwettqa għandu jitnaqqas fejn it-total tan-nefqa eliġibbli għal operazzjoni ma tkunx taqbeż il-EUR 100 000. Madankollu, għandu jkun possibbli li jsiru eżerċizzji ta’ awditjar fi kwalunkwe ħin fejn ikun hemm evidenza ta’ irregolarità jew ta’ frodi, jew bħala parti minn kampjun ta’ awditjar. Sabiex il-livell tal-awditjar mill-Kummissjoni jkun proporzjonali għar-riskju, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tnaqqas il-ħidma ta’ awditjar fir-rigward tal-programmi operazzjonali fejn ma jkun hemm l-ebda nuqqas sinfikanti jew fejn l-awtorità tal-awditjar tkun affidabbli. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzji ta’ awditjar għandu jikkunsidra bis-sħiħ l-objettiv u l-karatteristiċi tal-popolazzjonijiet fil-mira tal-fond. Hija u tiġi valutata l-ħtieġa tal-awditjar, jeħtieġ li għal kull miżura jitqiesu wkoll il-prattiki u l-poteri pubbliċi tal-awditjar li ġew żviluppati u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà jistgħu japplikaw għall-miżuri li jieħdu u l-azzjonijiet li jappoġġjawhom. Bl-istess mod, jeħtieġ li jitqies ukoll jekk l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet imsieħba li qed iwettqu xi miżura, jistgħux jaqgħu taħt l-iskop tal-finanzjament pubbliku u l-prattiki assoċjati ta’ awditjar, u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni u l-esperjenza li għandha.

Emenda 5

Artikolu 4(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Fond għandu jappoġġja skemi nazzjonali ta’ sostenn fejn prodotti tal-ikel u prodotti bażiċi għall-konsumatur għall-użu personali ta’ persuni jew tat-tfal mingħajr dar jitqassmu lill-persuni l-aktar fil-bżonn permezz ta’ organizzazzjonijiet imsieħba magħżula mill-Istati Membri.

Il-fond għandu jappoġġja skemi nazzjonali ta’ sostenn li, bil-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiżguraw fejn prodotti tal-ikel tajbin għas-saħħa u varjati kemm jista’ jkun u prodotti bażiċi għall-konsumatur għall-użu personali ta’ persuni jew tat-tfal mingħajr dar jitqassmu lill-persuni l-aktar fil-bżonn permezz ta’ organizzazzjonijiet imsieħba magħżula mill-Istati Membri.

Emenda 6

Artikolu 5(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Is-sostenn mill-Fond għandu jiġi implimentat b’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Is-sostenn mill-Fond għandu jiġi implimentat jitqassam b’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, u l-Istati Membri, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati u l-organizzazzjonijiet imsieħba kkonċernati sabiex jiġi massimizzat l-impatt tiegħu.

Raġuni

Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġislattiva tistabbilixxi fl-Anness II (paġna 3) it-tliet sistemi diversi ta’ ġestjoni għall-programm tal-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn identifikati fl-Istati Membri tal-UE, li wħud minnhom jinvolvu direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-organizzazzjonijiet imsieħba li huma iktar qrib tal-benefiċjarji.

Emenda 7

Artikolu 5(6)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni mal-Fond Soċjali Ewropew, u mal-politiki u l-istrumenti l-oħra tal-Unjoni.

Skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni mal-Fond Soċjali Ewropew, u mal-politiki u l-istrumenti l-oħra tal-Unjoni, partikolarment mal-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-politika tas-saħħa bħal, pereżempju, it-Tielet Programm ta’ Azzjoni Pluriennali tal-UE dwar is-saħħa għall-2014-2020.

Raġuni

Fl-Opinjoni tiegħu CdR 67/2012 dwar il-programm ta’ azzjoni dwar is-saħħa, il-Kumitat tar-Reġjuni enfasizza li “politika tas-saħħa sostenibbli għandha dejjem tikkunsidra l-fatturi l-oħra relatati mal-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, bħal pereżempju l-kundizzjonijiet soċjali, l-istil ta’ ħajja, il-kultura, l-edukazzjoni, l-aspetti relatati mal-ambjent u l-istrutturi soċjali.”

Emenda 8

Artikolu 5(8)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effikaċja tal-Fond, b’mod partikolari permezz ta’ monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effikaċja tal-fond, b’mod partikolari permezz ta’ monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni kif ukoll permezz ta’ konsultazzjoni mill-qrib u regolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet imsieħba li jimplimentaw il-miżuri tal-fondi fil-valutazzjonijiet tal-impatt.

Emenda 9

Artikolu 5 punt ġdid wara punt 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

It-Tipoloġija Ewropea tal-Persuni Mingħajr Dar u l-Esklużjoni Abitattiva (ETHOS) tista’ tkun wieħed mill-kriterji għall-allokazzjoni tal-fond.

Raġuni

Il-perċezzjoni u l-approċċ lejn il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u l-esklużjoni abitattiva jvarjaw bejn il-pajjiżi diversi tal-UE. It-tipoloġija tal-ETHOS tfasslet abbażi ta’ analiżi fil-fond tad-definizzjonijiet nazzjonali attwali u r-realtà ta’ kuljum li jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tal-karità.

Emenda 10

Artikolu 5 punt ġdid wara (12)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet imsieħba jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel f’kull fażi tal-katina tad-distribuzzjoni, inkluż l-għoti tal-ikel u l-edukazzjoni tal-benefiċjarji għal dan il-għan.

Raġuni

Bħalma appella l-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2012, il-ħela tal-ikel għandha tkun kwistjoni tal-Unjoni Ewropea. Ta’ min jinnota li l-Kummissjoni tistma li l-ħela tal-ikel tul il-katina tal-provvista kollha hija ta’ madwar 190 kg fis-sena għal kull persuna Ewropea. Il-passi li jittieħdu biex tiġi miġġielda l-ħela jistgħu jinvolvu: il-kjarifika ta’ xi tikkettar relatat mas-saħħa li hu marbut mal-leġislazzjoni tal-UE u li jidher fuq il-prodotti agrikoli u tal-ikel, pereżempju d-dati ta’ skadenza u ta’ “uża qabel”; reviżjoni tar-regolamenti Ewropej dwar l-istandards fil-kummerċjalizzazzjoni (b’mod partikolari fil-qasam tal-frott u l-ħaxix) sabiex jiġi promoss il-bejgħ ta’ frott u ħaxix mhux ikklassifikat; u l-obbligu tal-katini tas-supermarkits li jagħtu b’donazzjoni ikel li ma jkunx inbiegħ.

Emenda 11

Artikolu 6(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Ir-riżorsi globali disponibbli għall-impenn baġitarju mill-Fond għall-perjodu 2014-2020 għandhom ikunu ta’ EUR 2 500 000 000 skont il-prezzijiet tal-2011, skont it-tqassim annwali stabbilit fl-Anness II.

Ir-riżorsi globali disponibbli għall-impenn baġitarju mill-fond għall-perjodu 2014-2020 għandhom ikunu ta’ EUR 2 500 000 000 3 500 000 000 skont il-prezzijiet tal-2011, skont it-tqassim annwali stabbilit fl-Anness II.

Emenda 12

Artikolu 6(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi l-analiżi annwali tar-riżorsi globali għal kull Stat Membru, skont l-Artikolu 84 (5) tar-Regolament (UE) Nru… (CPR), mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li jitqiesu l-indikaturi li ġejjin stabbiliti mill-Eurostat: 3.

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi l-analiżi annwali tar-riżorsi globali għal kull Stat Membru, skont l-Artikolu 84 (5) tar-Regolament (UE) Nru… (CPR), mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li jitqiesu l-indikaturi li ġejjin stabbiliti mill-Eurostat: 3.

 

(a)

il-livell limitu ta’ faqar relattiv ikun il-perċentwali tal-popolazzjoni li tgħix fi djar bi dħul tal-anqas daqs 60 % tad-dħul medjan nazzjonali;

(a)

il-popolazzjoni li tbati minn privazzjoni materjali severa;

(a) (b)

il-popolazzjoni li tbati minn privazzjoni materjali severa;

(b)

il-popolazzjoni li tgħix fi djar b’intensità tax-xogħol vera baxxa.

(b) (c)

il-popolazzjoni li tgħix fi djar b’intensità tax-xogħol baxxa ħafna.

Emenda 13

Artikolu ġdid wara l-Artikolu 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Kumitat nazzjonali ta’ monitoraġġ:

1.

L-Istati Membri għandhom iwaqqfu kumitat nazzjonali ta’ monitoraġġ biex jassiguraw implimentazzjoni effikaċi tal-Programm Operattiv tagħhom.

2.

Dan il-kumitat nazzjonali ta’ monitoraġġ jinkorpora l-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jikkumbattu l-faqar u jistabbilixxi sħubija mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-persuni fil-bżonn u l-organizzazzjonijiet involuti fid-distribuzzjoni tal-għajnuna għall-persuni fil-bżonn.

Emenda 14

L-Artikolu 15 punt ġdid wara (3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni intermedja tal-fond qabel Marzu 2018 u tippreżentaha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Emenda 15

Artikolu 17(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Matul l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni, il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet imsieħba għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar is-sostenn mill-Fond billi jqiegħdu mill-inqas poster wieħed b’informazzjoni dwar l-operazzjoni (daqs minimu ta’ A3), inkluż dwar is-sostenn finanzjarju mill-Unjoni, f’post faċilment viżibbli għall-pubbliku, f’kull post fejn jiġi pprovdut l-ikel, il-prodotti u kull miżura ta’ sostenn, ħlief jekk dan ma jkunx possibbli minħabba ċ-ċirkostanzi tad-distribuzzjoni.

Dawk il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet imsieħba li għandhom websajts għandhom jipprovdu wkoll deskrizzjoni qasira tal-operazzjoni, inklużi l-għanijiet u r-riżultati tagħha, u jenfasizzaw l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni.

Matul l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni, il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet imsieħba għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar is-sostenn li jinkiseb fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-ikel u l-oġġetti b’mod kompatibbli mal-prattiki u ċ-ċirkustanzi ta’ distribuzzjoni tagħhom, bħal pereżempju posters jew fuljetti li jippreżentaw l-attività u l-appoġġ li nkiseb għaliha mill-Unjoni Ewropea u tiġi provduta informazzjoni dwar kif jistgħu jinkisbu miżuri oħra li jappoġġjaw l-istess għan; dan jista’ jsir bl-użu ta’ mekkaniżmi li jinkludu l-informazzjoni, direzzjoni u l-proċessi ta’ inklużjoni soċjoprofessjonali, imfassla sabiex itemmu l-faqar interġenerazzjonali. mill-Fond billi jqiegħdu mill-inqas poster wieħed b’informazzjoni dwar l-operazzjoni (daqs minimu ta’ A3), inkluż dwar is-sostenn finanzjarju mill-Unjoni, f’post faċilment viżibbli għall-pubbliku, f’kull post fejn jiġi pprovdut l-ikel, il-prodotti u kull miżura ta’ sostenn, ħlief jekk dan ma jkunx possibbli minħabba ċ-ċirkostanzi tad-distribuzzjoni.

Dawk il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet imsieħba li għandhom websajts għandhom jipprovdu wkoll deskrizzjoni qasira tal-operazzjoni, inklużi l-għanijiet u r-riżultati tagħha, u jenfasizzaw l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni.

Raġuni

L-emenda ttejjeb it-test oriġinali billi testendi l-approċċ tal-informazzjoni ġenerali għal kull tip ta’ miżura li tappoġġja l-għan li jrid jintlaħaq bl-effett li tinkludi strumenti oħra għat-titjib tal-kundizzjonijet fl-istrutturi tas-servizzi pubbliċi. L-għan huwa li d-distribuzzjoni tal-prodotti u l-ikel isservi ta’ forum għall-parteċipazzjoni attiva ta’ dawk milquta f’riżorsi għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjal u l-impjieg.

Emenda 16

Artikolu 21(3) l-ewwel inċiż

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-ikel u l-prodotti għall-persuni jew għat-tfal mingħajr dar jistgħu jinxtraw mill-organizzazzjonijiet imsieħba nfushom.

L-ikel u l-prodotti għall-persuni jew għat-tfal mingħajr dar għall-benefiċjarji finali jistgħu jinxtraw mill-organizzazzjonijiet imsieħba nfushom.

Raġuni

Il-fond huwa mmirat lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Din hija kategorija ta’ nies li tmur oltre l-persuni jew tfal mingħajr dar biss. Fost oħrajn, l-Artikolu 2(1) u (7) u l-Artikoli 3 u 21(4), jirreferu b’mod speċifiku għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn. B’hekk, din l-emenda tfittex li toħloq aktar konsistenza fir-Regolament.

Emenda 17

Artikolu 24(1)(a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(a)

l-ispejjeż tax-xiri tal-ikel, u ta’ prodotti bażiċi għall-konsumatur għall-użu personali ta’ persuni jew ta’ tfal mingħajr dar;

(a)

l-ispejjeż tax-xiri tal-ikel, u ta’ prodotti bażiċi għall-konsumatur għall-użu personali ta’ persuni jew ta’ tfal mingħajr dar tal-benefiċjarji finali;

Raġuni

Ir-raġuni hija l-istess waħda li ngħatat għall-emenda 16.

Emenda 18

Artikolu 24(1)(b)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(b)

meta korp pubbliku jixtri l-ikel jew il-prodotti bażiċi tal-konsumatur għall-użu personali tal-persuni jew ta’ tfal mingħajr dar u jipprovdihom lill-organizzazzjonijiet imsieħba, l-ispejjeż tat-trasport tal-ikel jew ta’ prodotti lill-imħażen tal-organizzazzjonijiet imsieħba b’rata fissa ta’ 1 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a);

(b)

meta korp pubbliku jixtri l-ikel jew il-prodotti bażiċi tal-konsumatur għall-użu personali tal-persuni jew ta’ tfal mingħajr dar tal-benefiċjarji finali u jipprovdihom lill-organizzazzjonijiet imsieħba, l-ispejjeż tat-trasport tal-ikel jew ta’ prodotti lill-imħażen tal-organizzazzjonijiet imsieħba b’rata fissa ta’ 1 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a);

Raġuni

Ir-raġuni hija l-istess waħda li ngħatat għall-emenda 16.

Brussell, 11 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO