24.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 436/380


P7_TA(2013)0505

L-Istatistika Ewropea ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea (COM(2012)0167 – C7-0101/2012 – 2012/0084(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2016/C 436/59)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0167),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0101/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati preżentati, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, mill-Kungress tad-Deputati ta' Spanja u s-Senat Spanjol u l-Kunsill Federali Awstrijak, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-6 ta' Novembru 2012 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0436/2012),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 374, 4.12.2012, p. 2.


P7_TC1-COD(2012)0084

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Novembru 2013 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regoalment (UE) Nru …/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE u għall-Isvizzera)

[Emenda 43]

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Is-Sistema Statistika Ewropea (is-SSE), bħala partenarjat, irnexxielha ġeneralment tikkonsolida b'suċċess l-attivitajiet tagħha biex tiżgura l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea ta' kwalità għolja, regolata u affidabbli, inkluż bit-titjib tal-governanza tas-sistema.

(2)

Madankollu, ġew identifikati dgħufijiet , b'mod partikolari fir-rigward tal-qafas tal-immaniġġar tal-kwalità statistika. Dawn id-dgħufijiet servew biex enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi żgurata indipendenza tal-awtoritajiet tal-istatistika minn pressjoni politika possibbli fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(3)

Il-Kummissjoni ssuġġeriet li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet u biex tissaħħaħ il-governanza tas-SSE fil-Komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea” . B'mod partikolari, din issuġġeriet emenda mmirata tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill ECOFIN laqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni u saħaq fuq l-importanza li jitjiebu kontinwament il-governanza u l-effiċjenza tas-SSE.

(5)

Barra minn hekk, għandu jitqies l-impatt fuq id-dominju tal-istatistika tal-iżviluppi riċenti fil-kuntest tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni, b'mod partikolari, l-aspetti marbuta mal-indipendenza statistika bħall-proċeduri trasparenti tar-reklutaġġ u tas-sensja, l-allokazzjonijiet baġitarji u t-tħabbir minn qabel tad-dati tar-rilaxx tal-istatistika, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll dawk marbuta mar-rekwiżit għall-korpi responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regoli fiskali nazzjonali li jgawdu minn awtonomija funzjonali kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(6)

Dawk l-aspetti li jirrelataw mal-indipendenza professjonali, bħar-reklutaġġ trasparenti u l-proċessi ta' ssensjar, l-allokazzjonijiet tal-baġit u l-kalendarji tar-rilaxx tal-istatistika ma għandhomx jibqgħu limitati għall-istatistika prodotta għall-finijiet tas-sistema tas-sorveljanza fiskali u l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv iżda għandhom japplikaw għall-istatistika Ewropea kollha żviluppata, prodotta u mxerrda mis-SSE.

(6a)

Il-kwalità tal-istatistika Ewropea u r-rilevanza tagħha għal-teħid ta' deċiżjonijiet abbażi ta' evidenza għandha tiġi rieżaminata fuq bażi kontinwa, inter alia billi jiġi analizzat il-valur miżjud tagħha għall-kisba tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, inkluż dik relatata mat-tkabbir, l-impjiegi u l-ekonomija soċjali. Meta tkun rilevanti, il-kopertura tal-istatistika Ewropea għandha tiġi adattata.

(7)

Barra minn hekk, l-adegwatezza tar-riżorsi attribwiti fuq bażi annwali jew multiannwali u maħsuba biex jissodisfaw il-ħtiġijiet statistiċi, hija kundizzjoni meħtieġa għall-iżgurar tal-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika u tal-kwalità għolja tad-dejta tal-istatistika .

(8)

Għal dan il-għan, l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika għandha tissaħħaħ u għandhom jiġu żgurati standards minimi, applikabbli mal-Unjoni kollha, u għandhom jiġu pprovduti garanziji speċifiċi lill-kapijiet tal-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs), ▌f'termini tal-prestazzjoni tal-kompiti statistiċi, l-immaniġġar organizzazzjonali u l-allokazzjoni tar-riżorsi. Il-proċeduri għar-reklutaġġ ta' kapijiet tal-NSIs għandhom ikunu trasparenti u bbażati biss fuq kriterji professjonali, b'attenzjoni dovuta għall-opportunitajiet ugwali u, b'mod partikolari, il-bilanċ tal-ġeneru. Għal dan il-għan, il-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom ukoll rwol sħiħ u għandhom, fejn xieraq u f'konformità mal-liġi nazzjonali, isaħħu l-indipendenza tal-proċeduri tal-istatistika u jżidu r-responsabilità demokratika tal-politika tal-istatistika.

(8a)

Filwaqt li statistika Ewropea kredibbli teħtieġ indipendenza professjonali qawwija min-naħa ta' dawk li jipproduċu l-istatistika, l-istatistika Ewropea għandha tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-politika u għandha tipprovdi appoġġ statistiku għal inizjattivi ġodda tal-politika fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(8b)

Huwa neċessarju li l-indipendenza tal-Eurostat tiġi kkonsolidata u ggarantita permezz ta' skrutinju u kontroll parlamentari effettiv.

(9)

Barra minn hekk, ir-rwol ta' koordinazzjoni li diġà ġie attribwit lill-NSIs għall-istatistika Ewropea prodotta permezz tas-SSE għandu jiġi ċċarat fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, sabiex tinkiseb , fil-livell nazzjonali, koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-attivitajiet statistiċi fi ħdan is-SSE , inkluż l-immaniġġar tal-kwalità , filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kompiti statistiċi mwettqa mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni kontinwi bejn l-NSIs u l-Eurostat hija wkoll parti importanti tal-koordinazzjoni effiċjenti tal-attivitajiet statistiċi fi ħdan is-SSE. Is-separazzjoni istituzzjonali tas-SEBĊ u l-indipendenza tal-banek ċentrali għandha tiġi rispettata fil-qafas tal-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta' statistika Ewropea taħt l-istruttura ta' governanza rispettiva u l-programmi ta' ħidma tal-istatitika tas-SSE u s-SEBĊ .

(10)

Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet tal-istatistika u dawk li jwieġbu, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra għandhom ikollhom aċċess immedjat u bla ħlas għar-rekords amminsitrattivi, inklużi dawk mimlija b'mod elettroniku, u jkunu jistgħu jużaw u jintegraw dawn ir-rekords mal-istatistika.

(10a)

L-istatistika Ewropea għandha tkun faċli biex titqabbel u biex isir aċċess għaliha u għandha tiġi aġġornata fil-pront u regolarment sabiex jiġi żgurat li l-politiki u l-inizjattivi ta' finanzjament tal-Unjoni jikkunsidraw bis-sħiħ l-iżviluppi fl-Unjoni, b'mod partikolari l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika.

(11)

L-NSIs għandhom ukoll jiġu kkonsultati fi stadju bikri dwar it-tfassil tar-rekords amministrattivi ġodda li jistgħu jipprovdu d-dejta għal finijiet statistiċi u dwar it-tibdil ippjanat jew it-twaqqif tas-sorsi amministrattivi eżistenti. Dawn għandhom ukoll jirċievu metadejta rilevanti mingħand is-sidien tad-dejta amministrattiva u jikkoordinaw l-attivtajiet ta' standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi li jkunu rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika.

(12)

Il-kunfidenzjalità tad-dejta miksuba mir-rekords amministrattivi għandha titħares skont il-linji gwida u l-prinċipji komuni applikabbli għad-dejta kunfidenzjali kollha użata għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Għandhom jiġu stabbiliti u ppubblikati wkoll oqfsa għall-valutazzjoni tal-kwalità u t-trasparenza applikabbli għal din id-dejta.

(12a)

L-utenti kollha għandu jkollhom aċċess għall-istess dejta fl-istess ħin u l-embargi għandhom ikunu strettament rispettati. L-NSIs għandhom jistabbilixxu kalendarji tar-rilaxx ta' statistika għall-pubblikazzjoni ta' dejta perjodika.

(13)

Il-kwalità tal-istatistika Ewropea tista' tissaħħaħ u l-fiduċja tal-utenti tista' tiġi infurzata billi jiġu involuti l-gvernijiet nazzjonali fir-responsabbiltà tal-applikazzjoni rigoruża tal-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea (il-Kodiċi tl-Prattika). Għal dan il-għan, Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika ('Impenn'), stabbilit f'kull Stat Membru u li jikkunsidra speċifiċitajiet nazzjonali, għandu jinkludi impenji speċifiċi minn kull gvern biex jimplimenta l-prinċipji statistiċi li jinsabu fil-kodiċi ta' Prattika . Dan l-Impenn jista' jinkludi oqfsa nazzjonali għall-assigurazzjoni tal-kwalità, inklużi awtovalutazzjonijiet, azzjonijiet ta' titjib u mekkaniżmi ta' monitoraġġ.

(13a)

Il-websajt tal-Kummissjoni (Eurostat) għandha tippermetti aċċess faċli għal serje ta' dejta li tkun kompluta u faċli għall-utent. Fejn possibbli, aġġornamenti perjodiċi għandhom jipprovdu informazzjoni minn sena għal sena u minn xahar għal xahar dwar kull Stat Membru.

(14)

Billi l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea trid tkun imsejsa fuq ippjanar operattiv u finanzjarju fuq medda twila ta' żmien sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' indipendenza, il-programm statistiku Ewropew għandu jkopri l-istess perjodu bħall-qafas finanzjarju multiannwali.

(15)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE  (6). B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (7) , li jħassar id-Deċiżjoni 1999/468/KE , is-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni ▌jridu jiġu allinjati ma' dak il-qafas legali l-ġdid u dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 . Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn l-atti ta' implimentazzjoni ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti la fuq l-Istati Membri u lanqas fuq l-unitajiet li jwieġbu.

(19)

Billi l-mira ta’ dan ir-Regolament ma tistax tintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda tkun tista', minħabba l-iskala u l-effetti tagħha tintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tintlaħaq din il-mira.

(20)

Il-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea ġie kkonsultat.

(20a)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandu jiġi emendat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 223/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(1), il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

‘indipendenza professjonali’ tfisser li l-istatistika għandha tkun żviluppata, prodotta u mxerrda b'mod indipendenti, partikolarment fir-rigward tal-għażla ta' tekniki, definizzjonijiet, metodoloġiji u sorsi li jridu jintużaw, kif ukoll l-għażla taż-żmien u l-kontenut tal-forom kollha ta' tixrid, ħielsa minn kull pressjoni politika jew minn gruppi ta' interess jew minn awtoritajiet nazzjonali jew tal-Unjoni;”

(2)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha ▌għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea fil-livell nazzjonali skont dan ir-Regolament (NSI) għandha taġixxi bħala l-uniku punt ta' kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f'materji ta' statistika f'dan ir-rigward.

Ir-responsabbiltà ta' koordinazzjoni tal-NSI għandha tkopri l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kollha responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea prodotta skont dan ir-Regolament mill-awtoritajiet l-oħra kollha li jipparteċipaw fis-SSE . B'mod partikolari, l-NSI għandu jkun responsabbli li jikkoordina, fil-livell nazzjonali, l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatisika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija ċara , it-trażmissjoni tad-dejta u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tas-SSE." L-NSI u l-bank ċentrali nazzjonali rilevanti (BĊN), fil-kapaċità tiegħu bħala membru tas-SEBĊ li jimplimenta l-programmi ta' ħidma tal-istatistika tas-SEBĊ, għandhom jikkooperaw dwar kwistjonijiet relatati mal-istatistika Ewropea li huma komuni għas-SSE u s-SEBĊ, bil-ħsieb li tiġi żgurata produzzjoni ta' statistika Ewropea kompluta u koerenti permezz tas-SSE u s-SEBĊ fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom. ”;

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

Artikolu 5a

Kapijiet tal-NSIs u kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħra

1.   Fis-sistema nazzjonali tal-istatistika tagħhom, l-Istati Membri għandom jiżguraw l-indipendenza professjonali ta' uffiċjali responsabbli għall-kompiti stipulati f'dan ir-Regolament.

2.    Għal dan il-għan, il-kapijiet tal-NSIs:

(a)

għandu jkollhom ir-responsabilità unika li jiddeċiedu dwar proċessi, metodi statistiċi, standards u proċeduri, u dwar il-kontenut u l-kalendarju tar-rilaxxi tal-istatistika u l-pubblikazzjonijiet għall-istatistika Ewropea żviluppata, prodotta u mxerrda mill-NSI;

(b)

għandhom jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġjar intern tal-NSI;

(c)

għandhom jaġixxu b'manjiera indipendenti fit-twettiq tal-kompitu statistiku tagħhom, mingħajr ma jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn ebda gvern jew istituzzjoni oħra, korp, uffiċċju jew entità;

(d)

għandhom ikunu responsabbli għall-attivitajiet tal-istatistika u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-NSI;

(e)

għandhom jippubblikaw rapport annwali u fejn xieraq jagħtu kummenti dwar kwistjonijiet ta' allokazzjoni tal-baġit relatati mal-attivitajiet tal-istatistika tal-NSI;

(f)

għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tal-istatistika tal-awtoritajiet nazzjonali kollha li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea, kif imsemmija fl-Artikolu 5;

(g)

għandhom jipproduċu linji gwida nazzjonali, fejn meħtieġ, biex jiżguraw kwalità fl-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika kollha Ewropea fi ħdan is-sistema statistika nazzjonali, u għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw konformità ma' dawn il-linji gwida fi ħdan l-NSI; u

(h)

għandhom jirrappreżentaw is-sistema statistika nazzjonali fi ħdan is-SSE.

3.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta' statistika Ewropea jwettqu tali kompiti f'konformità mal-linji gwida nazzjonali prodotti mill-kap tal-NSI.

4.    Il-proċeduri għar-reklutaġġ, it-trasferiment u t-tneħħija ta' kapijiet tal-NSIs u, fejn xieraq, kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħra li jipproduċu statistika Ewropea għandhom ikunu trasparenti u bbażati fuq kriterji professjonali biss, u mhux fuq raġunijiet politiċi. Huma għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jiġi rispettat, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġeneru. Għandhom jingħataw raġunijiet dettaljati għat-tneħħija ta' kap ta' NSI. Dawn il-proċeduri għandhom isiru pubbliċi.

4a.     L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu entità nazzjonali biex jassiguraw l-indipendenza professjonali tal-produtturi tal-istatistika Ewropea fl-Istat Membru. Il-kapijiet tal-NSIs u, fejn xieraq, il-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali li jipproduċu statistika Ewropea jistgħu jieħdu parir minn tali entitajiet. Il-proċeduri għar-reklutaġġ, it-trasferiment u t-tneħħija tal-membri ta' tali entitajiet għandhom ikunu trasparenti u bbażati biss fuq kriterji professjonali, u mhux fuq raġunijiet politiċi.”;

(4)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

“2.   Fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġixxi b'mod indipendenti biex tiżgura l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-regoli stabbiliti u l-prinċipji tal-istatistika permezz ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-NSIs . ▌

3.     Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokol dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew (‘l-istatut SEBĊ’), il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkoordina l-attivitajiet tal-istatistika tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, b'mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata il-konsistenza u il-kwalità tad-dejta u l-imminimizzar tal-piż tar-rappurtar. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) tista' tistieden kull istituzzjoni jew korp tal-Unjoni biex jikkonsultaha jew biex jikkoopera magħha għall-iskop tal-iżvilupp ta' metodi u sistemi għal skopijiet ta' statistika fil-qasam rispettiv tal-kompetenza tagħhom. Tali istituzzjoni jew korp li tipproponi li tipproduċi statistika għandha tikkonsulta mal-Kummissjoni (Eurostat) u għandha tikkunsidra kwalunkwe rakkomandazzjoni li tista' tagħmel f'dak il-kuntest”;

(4a)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni (Eurostat)

1.     L-uffiċċju tal-istatistika tal-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkun immexxi minn Direttur Ġenerali. Id-Direttur Ġenerali għandu jinħatar mill-Kummissjoni, għal mandat ta' seba' snin li ma jiġġeddidx, skont il-proċedura speċifikata fil-paragrafu 2.

2.     Il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħa għall-applikazzjonijiet f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-mandat tad-Direttur Ġenerali fil-kariga. Il-proċedura għar-reklutaġġ, it-trasferiment u t-tneħħija tad-Direttur Ġenerali għandha tiżgura li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jiġi rispettat, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġeneru, għandha tkun trasparenti u għandha tkun ibbażata fuq kriterji professjonali biss, u mhux fuq raġunijiet politiċi. Il-Kummissjoni għandha taħtar lid-Direttur Ġenerali wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

3.     Id-Direttur Ġenerali għandu jkollu r-responsabbiltà esklużiva li jiddeċiedi dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-kalendarju tar-rilaxxi u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika kollha prodotta mill-Kummissjoni (Eurostat). Id-Direttur Ġenerali għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw il-ġestjoni interna tal-Kummissjoni (Eurostat). Meta jwettaq dawn il-kompiti, id-Direttur Ġenerali għandu jaġixxi b'mod indipendenti u m'għandu la jitlob u lanqas jieħu istruzzjonijiet minn ebda gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija. Jekk id-Direttur Ġenerali jqis li miżura meħuda mill-Kummissjoni tpoġġi l-indipendenza tiegħu f'dubju, hu għandu jinforma minnufih lill-Parlament Ewropew.

4.     Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli għall-attivitajiet statistiċi u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kummissjoni (Eurostat). Hu għandu jidher kull sena fil-qafas ta' Djalogu tal-Istatistika quddiem il-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew biex jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-governanza tal-istatistika, il-metodoloġija, l-innovazzjoni statistika, u jesprimi kummenti dwar kwistjonijiet tal-allokazzjoni tal-baġit relatati mal-attivitajiet tal-istatistika tal-Kummissjoni (Eurostat).

5.     Qabel ma timponi kwalunkwe miżura dixxiplinari fuq id-Direttur Ġenerali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Parlament Ewropew. L-impożizzjoni ta' kwalunkwe miżura dixxiplinari fuq id-Direttur Ġenerali għandha tkun soġġetta għal deċiżjoni motivata, li għandha tintbagħat għal skopijiet ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika.”;

(5)

fl-Artikolu 11, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin :

“3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw il-prinċipji tal-istatistika kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) sabiex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika Ewropea . Id-dettalji ta' dawn il-prinċipji għandhom jiġu stabbiliti fil-Kodiċi ta' Prattika.

3a.     ‘L-Impenn għall-Fiduċja fl-Istatistika’ (‘Impenn’) għandu jkollu l-għan li jiżgura l-fiduċja tal-pubbliku fl-Istatistika Ewropea u l-progress lejn l-implimentazzjoni tal-priċipji tal-istatistika li jinsabu fil-Kodiċi ta' Prattika bl-involviment tal-Istati Membri u bl-involviment tal-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti l-mezzi xierqa , billi jiġu ppubblikati fuq il-websajt tagħhom, l-impenji speċifiċi tal-politika, li jimxu lejn fiduċja ġenerali fl-istatistika, inkluż sommarju għaċ-ċittadini.

3b.     L-impenji għandhom jiġu monitorjati regolarment mill-Kummissjoni abbażi tar-rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri.

Fl-assenza ta' pubblikazzjoni ta' Impenn sa …  (*1) , Stat Membru rilevanti għandu jissottometti lill-Kummissjoni rapport ta' progress, filwaqt li jippubblikah, dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika, u, fejn applikabbli, l-isforzi li jkunu saru biex jiġi stabbilit tali Impenn.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Impenji pubblikati u, fejn xieraq, dwar ir-rapporti ta' progress, sa …  (*2).

3c.     L-Impenji minn naħa tal-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiġu monitorjati regolarment mill-Bord Konsultattiv ta' Governanza tal-Istatistika Ewropea (ESGAB) fuq il-bażi ta' rapport annwali preżentati lill-Kummissjoni. L-ESGAB għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji sa …  (*3).”;

(*1)   ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (2012/0084(COD)). "

(*2)   ĠU jekk jogħġbok daħħal id-data: tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (2012/0084(COD)). "

(*3)   Tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (2012/0084(COD)). "

(6)

L-Artikolu  12 huwa b'dan emendat kif ġej :

(a)

Il-paragrafi 2 u 3 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

2.    Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità, bħall-valuri fil-mira u l-istandards minimi għall-produzzjoni tal-istatistika, jistgħu wkoll jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali.

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-kriterji ta' kwalità stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għad-dejta koperta minn leġiżlazzjoni settorjali f'oqsma speċifiċi tal-istatistika, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddefinixxu l-modalitajiet, l-istruttura u l-perjodiċità tar-rapporti ta' kwalità li tjippevedi għalihom il-leġiżlazzjoni settorjali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).

3.     L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'rapporti dwar il-kwalità tad-dejta trażmessa, inkluż kwanunkwe tħassib li jkollhom fir-rigward tal-preċiżjoni tad-dejta. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kwalità tad-dejta trażmessa fuq il-bażi ta' analiżi xierqa, u għandha tħejji u tippubblika rapporti u komunikazzjonijiet dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea.”;

(b)

Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu:

3a.     Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, fejn xieraq, tiżvela pubblikament il-valutazzjoni tagħha tal-kwalità tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-istatistika Ewropea.

3b.     Fejn il-leġiżlazzjoni settorjali tipprevedi multi għal każijiet fejn l-Istati Membri jippreżentaw statistika difettuża, il-Kummissjoni tista', f'konformità mat-Trattati u tali leġiżlazzjoni settorjali, tagħti bidu għal investigazzjonijiet u tmexxihom skont kif meħtieġ, inkluż, fejn xieraq, ispezzjonijiet fuq il-post sabiex tistabbilixxi jekk tali difetti kinux serji jew intenzjonati jew minħabba negliġenza grassa. Il-Kummissjoni tista' titlob li informazzjoni relevanti tiġi pprovduta mill-Istat Membru taħt investigazzjoni.

3c.     Fejn il-Kummissjoni tqis li Stat Membru naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament jew taħt il-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli fir-rigward tar-rappreżentazzjoni ta' dejta statistika, hija għandha taġixxi f'konformità mal-Artikolu 258 tat-Trattat.”;

(7)

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-programm statistiku Ewropew għandu jipprovdi il-qafas għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea, filwaqt li jiddefinixxi l-oqsma ewlenin u l-miri tal-azzjonijiet previsti għal perjodu li jikkorrispondi għal dak tal-qafas finanzjarju multiannwali. Huwa għandu adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-impatt u l-effettività tiegħu fil-konfront tal-ispejjeż għandhom jiġu vvalutati bl-involviment ta' esperti indipendenti.”;

(7a)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.     Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi dwar azzjoni statistika diretta temporanja sakemm:

(a)

l-azzjoni ma tipprevedix il-ġbir ta' dejta li jkopri iktar minn tliet snin ta' referenza;

(b)

id-dejta tkun diġà disponibbli jew aċċessibbli fi ħdan l-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli, jew tista' tinkiseb direttament, permezz tal-użu tal-kampjuni adatti għall-osservazzjoni tal-popolazzjoni statistika fil-livell tal-Unjoni b'koordinament xieraq mal-NSIs u ma' awtoritajiet nazzjonali oħra; u

(c)

l-Unjoni għandha tagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-NSIs u lil awtoritajiet nazzjonali oħra biex tkopri l-ispejjeż żejda li jkunu ġarrbu, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (8).

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).”;

(8)   Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1). "

(7b)

L-Artikolu 17 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Programm annwali ta' ħidma

Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat SSE il-programm ta' ħidma annwali tagħha sat-30 ta' April għas-sena ta' wara.

Fit-tħejjija tal-programm ta' ħidma, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jingħataw prijoritajiet effettivi inkluż ir-rieżami, ir-rappurtar dwar il-prijoritajiet statistiċi u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm tista' l-kummenti tal-Kumitat SSE. Il-programmi ta' ħidma tagħha għandhom ikunu bbażati fuq il-Programm Ewropew tal-Istatistika u għandhom jindikaw, b'mod partikulari:

(a)

l-azzjonijiet li l-Kummissjoni tqis li għandhom prijorità, filwaqt li tikkunsidra l-ħtiġijiet tal-politika tal-Unjoni u r-restrizzjonijiet finanzjarji kemm nazzjonali u tal-Unjoni u kif ukoll il-piż tar-rispons;

(b)

l-inizjattivi li jirrigwardaw ir-rieżami tal-prijoritajiet, inklużi l-prijoritajiet negattivi, u t-tnaqqis tal-piż kemm fuq il-fornituri tad-dejta u l-produtturi tal-istatistika; u

(c)

il-proċeduri u kull strument legali previst mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma.”;

(8)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 17a

L-aċċess, l-użu u l-integrazzjoni tar-rekords amministrattivi

1.   Sabiex jitnaqqas il-piż fuq dawk li jwieġbu, l-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra kif imsemmija fl-Artikolu 4 u l-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollhom id-dritt ta' aċċess immedjat u mingħajr ħlas għar-rekords amministrattivi kollha, kif ukoll id-dritt li jużaw dawn ir-rekords amministrattivi u jintegrawhom mal-istatistika, iżda biss safejn hu meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea prodotta skont dan ir-Regolament .

2.   L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiġu kkonsultati u għandhom jipparteċipaw fit-tfassil inizjali, fl-iżvilupp sussegwenti u fil-waqfien tar-rekords amministrattivi li nħolqu u nżammu minn korpi oħra, u b'hekk jiġi ffaċilitat l-użu ulterjuri ta' dawn ir-rekords għall-iskop tal-produzzjoni tal-istatistika . Dawn għandu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi li huma rilevanti għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.

3.    Mingħajr preġudizju għall-Istatut tas-SEBĊ u l-indipendenza tal-banek ċentrali, l-aċċess u l-involviment tal-NSIs, ta' awtoritajiet nazzjonali oħra u tal-Kummissjoni (Eurostat) skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu limitati għar-rekords amministrattivi fis-sistema amministrattiva pubblika rispettiva tagħhom stess.

4.    Rekords amministrattivi magħmula disponibbli mid-detenturi tagħhom lill-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) sabiex jintużaw għall-produzzjoni ta' statistika Ewropea għandhom ikunu akkumpanjati b'metadejta relevanti.

5.   L-NSIs u d-detenturi ta' rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi neċessarji ta' kooperazzjoni.”;

(8a)

Fl-Artikolu 20(4), it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw armonizzazzjoni tal-prinċipji u l-linji gwida fir-rigward tal-ħarsien fiżiku u loġiku tad-dejta kunfidenzjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura tali armonizzazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).”;

(9)

Fl-Artikolu 23, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-arranġamenti, ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-aċċess fil-livell tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).”;

(10)

L-Artikolu 24 qed jitħassar.

(10a)

L-Artikolu 26 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Ksur tal-kunfidentjalità tal-istatistika

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipprevjenu u jippenalizzaw ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika. Il-pieni stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”;

(12)

L-Artikolu 27 jinbidel b'dan li ġej:

Artikolu 27

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni.”."

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 374, 4.12.2012, p. 2.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013.

(3)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ dejta suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(4)  Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12).

(5)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).