24.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 436/241


P7_TA(2013)0489

Id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta' investiment ***I

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta' investiment (COM(2012)0352 – C7-0179/2012 – 2012/0169(COD)) (1)

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2016/C 436/44)

[Emenda 1]

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW (*1)

għall-proposta tal-Kummissjoni

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

L-investituri fil-livell ta' konsumatur qegħdin dejjem iżjed jiġu offruti varjetà wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ prodotti ta’ investiment meta jikkunsidraw jagħmlu investiment. Dawn il-prodotti jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet speċifiċi ta’ investiment imfassla skont il-ħtiġijiet tal-investituri fil-livell ta' konsumatur, iżda spiss ikunu kumplessi u diffiċli biex jinftiehmu. Id-divulgazzjonijiet eżistenti għall-investituri f'dawn il-prodotti ta’ investiment mhumiex koordinati u spiss jonqsu milli jgħinu lill-investituri fil-livell ta' konsumatur jipparagunaw bejn il-prodotti differenti biex jifhmu l-karatteristiċi tagħhom, jew biex itejbu l-edukazzjoni finanzjarja tal-investituri . B’konsegwenza ta’ dan, l-investituri fil-livell ta' konsumatur spiss għamlu investimenti bla ma fehmu bis-sħiħ ir-riskji u l-ispejjeż tagħhom, u għalhekk f’xi okkażjonijiet sofrew telf mhux previst.

(2)

It-titjib fid-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tal-prodotti ta’ investiment offruti lill-investituri fil-livell ta' konsumatur huwa miżura importanti għall-protezzjoni tal-investituri u prekundizzjoni għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja tal-investituri fil-livell ta' konsumatur fis-suq finanzjarju, b'partikolarment wara l-kriżi finanzjarja . L-ewwel passi f’din id-direzzjoni diġà ttieħdu fil-livell tal-Unjoni permezz tal-iżvilupp tar-reġim tat-tagħrif ewlieni għall-investitur stabbilit fid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS).

(3)

Regoli differenti li jvarjaw skont l-industrija li toffri l-prodotti ta’ investiment u r-regolamentazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi bejn il-prodotti differenti u l-kanali tad-distribuzzjoni u joħolqu ostakli addizzjonali għas-Suq Uniku fis-servizzi u l-prodotti finanzjarji. L-Istati Membri diġà ħadu azzjoni diverġenti u mhux koordinata biex jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-miżuri tal-protezzjoni tal-investituri u aktarx li dan l-iżvilupp ikompli. L-approċċi differenti lejn id-divulgazzjonijiet dwar il-prodotti ta’ investiment jimpedixxu l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn il-manifatturi differenti tal-prodotti ta’ investiment u dawk li jbigħu dawn il-prodotti u għalhekk ifixklu l-kompetizzjoni. Dan joħloq ukoll livelli mhux ekwi ta’ protezzjoni għall-investituri mal-Unjoni. Dawn id-diverġenzi jirrappreżentaw ostaklu għall-istabbiliment u l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 114 TFUE, kif interpretat skont il-każistika konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli uniformi dwar it-trasparenza fil-livell tal-Unjoni li japplikaw għall-parteċipanti kollha fis-suq tal-prodotti ta’ investiment sabiex jiġu evitati d-diverġenzi u jitnaqqsu l-ispejjeż u l-inċertezza għall-fornituri u d-distributuri tal-prodotti . Regolament huwa meħtieġ biex jiżgura li jiġi stabbilit standard komuni għad-dokumenti bit-tagħrif ewlieni b’mod uniformi li jkun kapaċi jarmonizza l-format u l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti. Ir-regoli ta' Regolament japplikaw direttament għalhekk għandhom jiżguraw li l-parteċipanti kollha fis-suq tal-prodotti ta’ investiment ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti. Dan għandu jiżgura wkoll divulgazzjonijiet uniformi billi jipprevjeni rekwiżiti nazzjonali diverġenti li jirriżultaw mit-traspożizzjoni ta' Direttiva. L-użu ta' Regolament huwa xieraq ukoll biex jiżgura li dawk kollha li jbigħu l-prodotti ta’ investiment ikunu soġġetti għar-rekwiżiti uniformi fir-rigward tal-għoti tad-dokument bit-tagħrif ewlieni lill-investituri fil-livell ta' konsumatur.

(5)

Filwaqt li t-titjib fid-divulgazzjonijiet tal-prodotti ta’ investiment huwa essenzjali għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja tal-investituri fil-livell ta' konsumatur fis-swieq finanzjarji, il-proċessi ta’ bejgħ regolati b’mod effikaċi għal dawn il-prodotti huma daqstant ieħor importanti. Dan ir-Regolament huwa kumplimentari għall-miżuri dwar id-distribuzzjoni (inklużi l-pariri dwar l-investiment, il-miżuri għall-protezzjoni tal-investitur u servizzi tal-bejgħ oħra) fid-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Huwa wkoll kumplimentari għall-miżuri meħuda dwar id-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-assigurazzjoni fid-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(6)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti u l-investimenti sottostanti kollha, irrispettivament mill-forma jew il-kostruzzjoni tagħhom, li huma mmanifatturati mill-industrija tas-servizzi finanzjarji biex jipprovdu opportunitajiet ta’ investiment lill-investituri fil-livell ta' konsumatur, fejn ir-rendiment offrut lill-investitur ikun skopert għall-prestazzjoni ta' assi wieħed jew iżjed jew ta’ valuri referenzjarji ▌. Dan għandu jinkludi dawk il-prodotti ta’ investiment bħall-fondi ta’ investiment u l-poloz tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja kif ukoll l-investimenti sottostanti għal dawk il-fondi ta' investiment u l-poloz tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, u l-prodotti ▌fil-livell ta' konsumatur inklużi assi b'parteċipazzjoni diretta, bħall-bonds jew l-ishma sovrani li jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat li jinsab jew li jopera fi Stat Membru . Il-prodotti strutturati aggregati fil-livell ta' konsumatur jinterċedu bejn l-investitur u s-swieq permezz ta’ proċess ta’ “aggregazzjoni”, pakkettjar jew ġbir flimkien tal-assi sabiex jinħolqu skoperturi differenti, jiġu pprovduti karatteristiċi differenti lill-prodott, jew jinkisbu strutturi differenti tal-ispejjeż meta pparagunat ma’ parteċipazzjoni diretta. Din l-“aggregazzjoni” tista’ tippermetti lill-investituri fil-livell ta' konsumatur jidħlu fi strateġiji ta' investiment li kieku ma kinux ikunu aċċessibbli jew prattiċi, imma tista’ teħtieġ ukoll li informazzjoni addizzjonali titqiegħed għad-dispożizzjoni, b’mod partikolari biex tippermetti l-ipparagunar bejn il-modi differenti ta’ investimenti aggregati u tiżgura li l-investituri fil-livell ta' konsumatur jistgħu jifhmu l-karatteristiċi u r-riskji ewlenin tal-prodotti ta' investiment għall-konsumaturi .

(6a)

Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal ishma jew unitajiet ta' entitajiet ad hoc u kumpaniji azzjonarji li manifattur tal-prodotti ta' investiment jista' joħloq biex jevita dan ir-Regolament.

(6b)

Il-prodotti ta' investiment aggregati għandhom jipprovdu benefiċċji ċari għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, bħal meta r-riskji tal-investiment jinfirxu fuq ħafna setturi ekonomiċi differenti jew fuq ħafna assi sottostanti. Madankollu, it-tekniki tal-aggregazzjoni jistgħu wkoll jintużaw biex joħolqu karatteristiċi ta' prodotti tal-investiment, li jkollhom l-għan li jqarrqu bil-konsumaturi, meta huma jagħmlu d-deċiżjoni dwar investiment tagħhom. Ċerti prodotti b'rati attraenti (teaser rates) jaħdmu fuq il-preġudizzji tal-imġiba tal-investituri fil-livell tal-konsumaturi, f'dan il-każ fuq il-preferenza tagħhom għal rendiment interessanti immedjat. L-użu ta' ismijiet għal prodotti li jimplikaw aktar sikurezza milli hu possibbli jaħdmu fuq il-preġudizzji tal-imġiba tal-konsumaturi b'mod kumparabbli, filwaqt li jindirizzaw l-istmellija tar-riskju tagħhom. Konsegwentement, dawn it-tekniki tal-aggregazzjoni joħolqu r-riskju li l-investitur jiffoka ħafna fuq il-benefiċċji finanzjarji immedjati mingħajr ma jirrealizza għalkollox ir-riskji relatati futuri. Dan ir-Regolament għandu jkollu l-għan li jevita karatteristiċi tal-aggregazzjoni li jisfruttaw il-preġudizzji fit-teħid ta' deċiżjoni tal-investituri, sabiex jippromovi t-trasparenza u fehim aħjar tar-riskji marbuta ma' prodotti ta' investiment aggregati fil-livell ta' konsumatur.

(7)

▌Il-prodotti tal-assigurazzjoni li ma joffrux opportunitajiet ta’ investiment ▌għandhom ▌ikunu esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament. ▌Minħabba li l-enfasi ta' dan ir-Regolament hija fuq it-titjib tal-paragunabbiltà u l-komprensibbiltà tal-informazzjoni dwar prodotti ta' investiment li jkunu qed jiġu kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell ta' konsumatur, ▌prodotti tal-pensjonijiet tax-xogħol u prodotti tal-pensjoni individwali għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sakemm il-liġi nazzjonali tkun teħtieġ kontribuzzjoni mill-impjegatur u sakemm l-impjegat ma għandux għażla fir-rigward tal-fornitur tal-prodott tal-pensjoni. Fondi ta’ investiment dedikati għall-investituri istituzzjonali mhumiex fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament lanqas, peress li mhumiex għall-bejgħ lil investituri fil-livell ta' konsumatur. Madankollu, prodotti ta' investiment bil-għan ta' akkumulazzjoni ta' tfaddil għal pensjonijiet individwali għandhom jibqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni għax spiss jikkompetu ma' prodotti oħra taħt dan ir-Regolament u huma distribwiti b'mod simili lill-investituri fil-livell ta' konsumatur.

(8)

Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar ir-relazzjoni bejn l-obbligi stabbiliti minn dan ir-Regolament u l-obbligi stabbiliti mid-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ▌u d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), huwa neċessarju li jiġi stabbilit li dawn id-Direttivi huma kumplimentari għal dan ir-Regolament. B'mod partikolari, id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jinkorpora s-sommarju li jipprovdi l-informazzjoni ewlenija kif imsemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/71/KE wara rieżami ta' dan ir-Regolament.

(8a)

Il-manifatturi tal-prodotti ta' investiment għandhom jiżguraw li l-prodott ta' investiment li jfasslu jkun kompatibbli mal-profil tal-investituri fil-livell ta' konsumatur li jkun indirizzat għalihom. Għalhekk, għandhom jistabbilixxu proċess ta' approvazzjoni tal-prodott biex jiżguraw li l-prodotti ta' investiment tagħhom ma jesponux lill-investituri fil-livell ta' konsumatur għal assi sottostanti li l-profil tal-benefiċċji u r-riskji tagħhom ma jinftehimx faċilment.

(8b)

L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet superviżorji Ewropej (l-ASE) għandhom jingħataw, fuq talba tagħhom, it-tagħrif meħtieġ kollu biex jivverifikaw il-kontenut tad-dokumenti bit-tagħrif ewlieni, biex jivvalutaw il-konformità ma' dan ir-Regolament u biex jiżguraw il-protezzjoni tal-klijenti u l-investituri fis-swieq finanzjarji. Is-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) għandhom ikunu allinjati b'mod konsistenti ma' dawk tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [MiFIR].

(9)

Il-manifatturi tal-prodotti ta’ investiment – bħall-maniġers tal-fondi, l-impriżi tal-assigurazzjoni, l-emittenti tat-titoli, l-istituzzjonijiet tal-kreditu jew id-ditti tal-investiment – għandhom ifasslu d-dokument bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment li jimmanifatturaw, peress li jinsabu fl-aħjar qagħda biex ikunu jafu l-prodott u jkunu responsabbli għalih. Il-manifatturi tal-prodotti ta' investiment għandhom jagħmlu d-dokument bit-tagħrif ewlieni disponibbli għall-persuni li jbigħu l-prodott ta' investiment. Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jitfassal mill-manifattur tal-prodott ta’ investiment u l-anness (inkluż it-tariffi), mill-persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment qabel il-prodotti jkunu jistgħu jinbigħu lill-investituri fil-livell ta' konsumatur. Madankollu, fejn il-prodott ma jinbiegħx lill-investituri fil-livell ta' konsumatur, ma hemmx il-ħtieġa li jitfassal dokument bit-tagħrif ewlieni, u fejn mhux prattiku għall-manifattur tal-prodott ta’ investiment li jfassal id-dokument bit-tagħrif ewlieni, dan jista’ jiġi ddelegat lil ħadd ieħor. Fejn it-tfassil ta' dan id-dokument bit-tagħrif ewlieni jiġi delegat kompletament jew parzjalment lil partijiet terzi, il-manifattur tal-prodott ta' investiment għandu jibqa' jerfa' r-responsabbiltà ġenerali għat-tfassil u l-kontenut tiegħu. Sabiex jiġi żgurat it-tixrid wiesa’ u d-disponibbiltà tad-dokumenti bit-tagħrif ewlieni, dan ir-Regolament għandu jippermetti l-pubblikazzjoni mill-manifattur tal-prodott ta’ investiment permezz ta’ websajt tal-għażla tiegħu.

(10)

Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-investituri fil-livell ta' konsumatur, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar il-prodotti ta’ investiment tkun preċiża, ġusta, ċara u ma tiżgwidax lil dawk l-investituri. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi standards komuni għall-abbozzar tad-dokument bit-tagħrif ewlieni, sabiex jiżgura li dan ikun jinftiehem mill-investituri fil-livell ta’ konsumatur. Minħabba d-diffikultajiet li ħafna mill-investituri mhux professjonisti jkollhom biex jifhmu t-terminoloġija finanzjarja speċjalizzata, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-vokabolarju u l-istil tal-kitba użati fid-dokument. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll regoli dwar il-lingwa li biha għandu jitfassal id-dokument. Il-kalkoli tal-ispejjeż li jista' jkun hemm għandhom jiġu spjegati wkoll b'mod li jinftiehem. Barra minn hekk, l-investituri fil-livell ta' konsumatur għandhom ikunu jistgħu jifhmu d-dokument bit-tagħrif ewlieni fih innifsu mingħajr ma jirreferu għal informazzjoni oħra. Madankollu, dan m'għandux jipprekludi l-użu ta' kontroreferenzi fid-dokument bit-tagħrif ewlieni ma' dokumenti oħra fejn tista' tinstab informazzjoni addizzjonali li tista' tkun ta' interess għal xi investituri fil-livell ta' konsumatur.

(11)

L-investituri fil-livell ta' konsumatur għandhom jiġu pprovduti bl-informazzjoni meħtieġa biex huma jieħdu deċiżjoni infurmata dwar l-investiment u jipparagunaw il-prodotti differenti ta’ investiment, imma jekk din l-informazzjoni ma tkunx qasira u konċiża jkun hemm ir-riskju li ma jużawhiex. Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu għalhekk ikun fih tagħrif ewlieni biss, speċjalment fir-rigward tan-natura u l-karatteristiċi tal-prodott, inkluż jekk hux possibbli li jkun hemm telf tal-kapital, l-ispejjeż, ▌il-profil tar-riskju u tal-benefiċċji , fl-għamla ta' indikatur sommarju tal-prodott u tal-investiment sottostanti tiegħu kif ukoll l-informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni, u ċertu informazzjoni speċifika oħra li tista’ tkun meħtieġa biex jinftiehmu l-karatteristiċi tal-prodotti speċifiċi, inkluż dawk intenzjonati għall-użu fl-ippjanar tal-irtirar. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-opportunità sabiex l-aġenzija pubblika ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu Ewropea, imsemmija fil-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Jannar 2013 bl-għan li jiġi adottat ir-Regolament (KE) Nru …/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu  (8), tipprovdi tagħrif ewlieni dwar il-profil tar-riskju relatat mal-bonds sovrani maħruġa minn Stati Membri.

(11a)

L-investituri għandhom jingħataw idea ċara tal-ispejjeż u t-tariffi li se jħallsu fl-investiment tagħhom, mhux biss fl-istadju tat-tranżazzjoni, iżda matul perjodu ta' investiment. It-tariffi għandhom jiġu divulgati bis-sħiħ f'termini komposti u kumulattivi, kif ukoll f'termini monetarji. It-tariffi għall-pariri għandhom jiġu kkalkulati b'mod aktar sempliċi sabiex ikun aktar faċli għall-investituri li jifhmu x'se jiswewhom.

(11b)

L-EBA, l-EIOPA u l-ESMA għandhom jiżviluppaw analizzatur tal-fondi online li jista' jippermetti lill-investituri jikkalkulaw il-valur aħħari tal-investiment tagħhom wara li jiġu meqjusa t-tariffi u l-ispejjeż.

(12)

Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jitfassal f’format li jippermetti lill-investituri fil-livell ta' konsumatur jipparagunaw il-prodotti ta’ investiment differenti, peress li l-imġiba u l-kapaċitajiet tal-konsumatur huma tali li l-format, il-preżentazzjoni u l-kontenut tal-informazzjoni jridu jiġu ddiżinjati u mfassla bir-reqqa sabiex jiġi mmassimizzat l-impenn fir-rigward tad-dokument bit-tagħrif ewlieni u għalhekk tissaħħaħ l-edukazzjoni finanzjarja , il-fehim u l-użu tal-informazzjoni. Għandha tiġi segwita l-istess ordni fl-elementi ta' informazzjoni u fl-intestaturi ta’ dawn l-elementi f’kull dokument. Barra minn hekk, id-dettalji tal-informazzjoni li għandhom jiġu inklużi fid-dokument bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti differenti u l-preżentazzjoni ta’ din l-informazzjoni għandhom jiġu armonizzati iżjed permezz tal-atti delegati li jqisu r-riċerka eżistenti u kontinwa dwar l-imġiba tal-konsumaturi, inkluż ir-riżultati tal-ittestjar tal-effikaċja ta’ modi differenti ta’ kif tiġi ppreżentata l-informazzjoni lill-konsumaturi. Barra minn dan, xi prodotti ta’ investiment jagħtu għażla lill-investitur fil-livell ta' konsumatur bejn għadd ta’ investimenti sottostanti u jista' jkollhom spejjeż u imposti li jiddependu mill-karatteristiċi personali tal-konsumatur, bħall-età jew l-ammont ta' investiment li jkun għażel . Dawk il-prodotti għandhom jitqiesu meta jitfassal il-format.

(12a)

Marka tal-kumplessità għal prodotti kumplessi li jidhru li mhumiex adatti għal investituri fil-livell ta' konsumatur għandha tidher fin-naħa ta' fuq tad-dokument bit-tagħrif ewlieni. Dan il-livell addizzjonali ta' trasparenza se jgħin lill-konsumaturi jieħdu deċiżjoni infurmata dwar il-livell ta' riskju li qed jieħdu u jgħin biex jiġi evitat il-bejgħ abbużiv tal-prodotti.

(13)

B’mod li qed jiżdied, l-investituri fil-livell ta' konsumatur mhux qegħdin ifittxu biss rendiment finanzjarju bid-deċiżjonijiet tal-investiment tagħhom. Spiss ifittxu wkoll finijiet oħra bħall-għanijiet soċjali jew ambjentali. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar l-aspetti mhux finanzjarji tal-investimenti tista’ tkun importanti għal dawk li qed ifittxu biex jagħmlu investimenti sostenibbli u fuq tul ta’ żmien. Madankollu, informazzjoni dwar ir-riżultati soċjali, ambjentali jew ta’ governanza li jkun qed ifittex il-manifattur tal-prodott ta’ investiment tista’ tkun diffiċli li tiġi pparagunata jew tista' tkun nieqsa għal kollox. Għalhekk, huwa mixtieq li d-dettalji tal-informazzjoni jiġu armonizzati iżjed fir-rigward ta' jekk tqisux kwistjonijiet ambjentali, soċjali jew ta’ governanza, u jekk inhu hekk, b’liema modi.

(14)

Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jkun distint u separat b'mod ċar minn kwalunkwe komunikazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni. Is-sinifikat tiegħu ma għandux jitnaqqas minħabba dawk id-dokumenti l-oħra. L-investitur fil-livell ta' konsumatur għandu jikkonferma li rċieva d-dokument.

(15)

Sabiex jiġi żgurat li d-dokument bit-tagħrif ewlieni jkun fih informazzjoni affidabbli, dan ir-Regolament għandu jeħtieġ li l-manifatturi tal-prodott ta’ investiment u l-persuni li jbigħu prodotti ta' investiment iżommu d-dokument bit-tagħrif ewlieni aġġornat. L-entità li tipprovdi jew tbigħ id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandha wkoll iżżomm aġġornata l-informazzjoni provduta lill-investitur fil-livell ta' konsumatur. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li regoli dettaljati relatati mal-kundizzjonijiet u l-frekwenza tar-rieżami tal-informazzjoni u r-reviżjoni tad-dokumenti bit-tagħrif ewlieni u l-anness tiegħu jiġu stabbiliti f’att delegat li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni. Id-dokument bit-tagħrif ewlieni u l-aġġornamenti kollha tiegħu għandhom ikunu komunikati lill-awtorità kompetenti.

(16)

Id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni huma s-sies tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment minn investituri fil-livell ta' konsumatur. Għal din ir-raġuni, il-manifatturi ta' prodotti ta' investiment u l-persuni li jbigħu prodotti ta' investiment għandhom responsabbiltà importanti, lejn l-investituri fil-livell ta' konsumatur, li jikkonformaw mar-regoli ta' dan ir-Regolament. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li l-investituri fil-livell ta' konsumatur li ddipendew fuq dokument bit-tagħrif ewlieni għad-deċiżjonijiet dwar l-investiment tagħhom ikollhom drittijiet effettivi ta' rimedju. Għandu wkoll jiġi żgurat li l-investituri kollha fil-livell ta' konsumatur fl-Unjoni jkollhom l-istess dritt ifittxu kumpens għad-danni li jistgħu jsofru minħabba nuqqasijiet fil-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament min-naħa tal-manifatturi ta' prodotti ta' investiment. Għalhekk ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-manifatturi ta' prodotti ta' investiment għandhom jiġu armonizzati. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiddaħħal approċċ armonizzat għall-penali sabiex tiġi żgurata l-konsistenza. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi li l-investituri fil-livell ta' konsumatur ikunu jistgħu jżommu lill-manifattur ta' prodott responsabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament f'każ ta' telf ikkawżat minħabba l-użu tad-dokument bit-tagħrif ewlieni li kien qarrieqi, ineżatt jew inkonsistenti mal-prospett jew, meta ma jkun tħejja ebda prospett, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-prodott .

(17)

Peress li l-investituri fil-livell ta' konsumatur ġeneralment ma jkollhomx għarfien fil-fond dwar il-proċeduri interni tal-manifatturi tal-prodotti ta' investiment, ▌ l-investitur fil-livell ta' konsumatur ma għandux ikollu obbligu tal-provi ▌. L-investitur fil-livell ta' konsumatur għandu jindika f'liema rigward iqis li d-dokument bit-tagħrif ewlieni ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Imbagħad, għandu jkun id-dmir tal-manifattur tal-prodott li jirrispondi għal din id-dikjarazzjoni.

(18)

Ir-responsabbiltà ċivili ta' manifattur ta' prodott ta' investiment li ma jkunx kopert minn dan ir-Regolament għandha tkun irregolata mil-liġi nazzjonali applikabbli kif determinat mir-regoli rilevanti tad-Dritt Internazzjonali Privat. Il-qorti kompetenti biex tiddeċiedi dwar pretensjoni ta' responsabbiltà ċivili li tinġieb minn investitur fil-livell ta' konsumatur għandha tkun determinata mir-regoli rilevanti dwar il-Ġuriżduzzjoni Internazzjonali.

(19)

Sabiex l-investitur fil-livell ta' konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-investiment, il-persuni li jbigħu l-prodotti ta’ investiment għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu d-dokument bit-tagħrif ewlieni f'biżżejjed żmien qabel ma tiġi konkluża kwalunkwe tranżazzjoni. L-investitur għandu jipprovdi firma, bil-miktub jew f'forma elettronika, biex juri li jkun irċieva d-dokument bit-tagħrif ewlieni. Dan ir-rekwiżit għandu japplika ▌irrispettivament minn fejn jew kif isseħħ it-tranżazzjoni. Il-persuni li jagħtu pariri dwar jew ibigħu l-prodotti jinkludu kemm id-distributuri kif ukoll il-manifatturi tal-prodott ta’ investiment infushom fejn dawn jagħżlu li jagħtu pariri dwar jew ibigħu l-prodott b’mod dirett lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (9) . Kull meta possibbli, l-investituri għandhom jingħataw “żmien biex wieħed jerġa' jaħsibha” li matulu jistgħu jiddeċiedu li jikkanċellaw it-tranżazzjoni.

(20)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli uniformi sabiex jagħtu lill-persuna li tbigħ il-prodott tal-investiment ċertu għażla rigward il-mezz li fih id-dokument bit-tagħrif ewlieni jingħata lill-investituri fil-livell ta' konsumatur u li jippermettu l-użu ta' komunikazzjonijiet elettroniċi fejn hu xieraq wara li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi tat-tranżazzjoni. Madankollu, l-investituri fil-livell ta' konsumatur għandhom jingħataw l-għażla li jirċivuh stampat. Fl-interess tal-aċċess għall-informazzjoni mill-konsumatur, id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jingħata dejjem mingħajr ħlas.

(21)

Sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tal-investituri fil-livell ta' konsumatur fil-prodotti ta’ investiment u fis-swieq finanzjarji inġenerali, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti għal proċeduri interni xierqa li jiżguraw li l-investituri fil-livell ta' konsumatur jirċievu tweġiba sostantiva mingħand il-manifattur tal-prodott ta’ investiment għall-ilmenti tagħhom.

(21a)

Għalkemm titjib fid-divulgazzjonijiet tal-prodotti ta' investiment huwa essenzjali biex terġa' tinbena l-fiduċja tal-investituri fil-livell ta' konsumatur fis-swieq finanzjarji, regoli dwar id-diżinn tal-prodotti huma daqstant importanti biex tkun żgurata protezzjoni effikaċi tal-investituri fil-livell ta' konsumatur. Pariri ineżatti minn konsulenti finanzjarji, preġudizzju fit-teħid ta' deċiżjonijiet u evidenza li l-imġiba finanzjarja tiddependi primarjament fuq attributi psikoloġiċi jwasslu għal kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati permezz tal-limitazzjoni tal-kumplessità fl-aggregazzjoni tal-prodotti ta' investiment.

(22)

Proċeduri għar-riżoluzzjoni alternattiva ta' tilwim jippermettu li s-soluzzjoni tat-tilwim tkun iktar mgħaġġla u inqas għalja milli permezz tal-qrati u jħaffu l-piż fuq is-sistema tal-qrati. Għal dak il-għan il-manifatturi tal-prodotti ta' investiment u l-persuni li jbigħu prodotti ta' investiment għandhom ikunu taħt obbligu li jipparteċipaw f’dawk il-proċeduri mibdija minn investituri fil-livell ta' konsumatur fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti minn dan ir-Regolament, bla ħsara għal ċerti salvagwardji skont il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Partikolarment, il-proċeduri għal riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim ma għandhomx jiksru d-drittijiet li l-partijiet fit-tali proċeduri għandhom biex jibdew proċeduri legali quddiem il-qrati. Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (10) għandha tapplika għat-tilwim skont dan ir-Regolament.

(23)

Billi d-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jiġi prodott għall-prodotti ta’ investiment mill-entitajiet li joperaw fis-setturi bankarji, tal-assigurazzjoni, tat-titoli u tal-fondi tas-swieq finanzjarji, huwa ta’ importanza kbira li tiġi żgurata l-kooperazzjoni bla xkiel bejn id-diversi awtoritajiet li jissorveljaw il-manifatturi tal-prodotti ta’ investiment sabiex ikollhom approċċ komuni għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(23a)

Iż-żieda tas-setgħat u l-kompetenzi allokati lill-Unjoni u lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandha tkun iffaċilitata permezz ta' riżorsi ta' persunal suffiċjenti u ta' mezzi finanzjarji xierqa.

(24)

F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2010 dwar it-tisħiħ tar-reġimi ta’ sanzjoni fis-settur finanzjarju u sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu ssodisfati, huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ksur ta’ dan ir-Regolament ikun soġġett għal sanzjonijiet u miżuri amministrattivi xierqa. Sabiex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet ikollhom effett dissważiv u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri billi jiġu mwissija dwar il-prodotti ta’ investiment ikkummerċjalizzati li jiksru dan ir-Regolament, is-sanzjonijiet u l-miżuri għandhom ▌jiġu ppubblikati▌.

(25)

Sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandha tiġi ddelegata s-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tad-dettalji dwar il-preżentazzjoni u l-format tad-dokument bit-tagħrif ewlieni, il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fid-dokument bit-tagħrif ewlieni, ir-rekwiżiti dettaljati fir-rigward taż-żmien meta għandu jingħata d-dokument bit-tagħrif ewlieni kif ukoll fir-rigward tar-reviżjoni u r-rieżami tiegħu. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa u l-ittestjar mal-konsumaturi matul il-ħidma preparatorja tagħha. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(26)

Il-Kummissjoni għandha tadotta standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-ESMA, l-EBA u l-EIOPA skont l-Artikolu 8 rigward il-metodoloġija sottostanti l-preżentazzjoni tar-riskju u l-benefiċċji u l-kalkolu tal-ispejjeż u l-kriterji ambjentali, soċjali jew ta' governanza permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikoli 10 sa 14 rispettivi tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, 1094/2010 u 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(27)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data tirregola l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u skont is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, jirregola l-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill- ASE skont dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Kwalunkwe proċessar ta’ data personali mwettaq fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, bħall-iskambju jew it-trażmissjoni ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għandu jsir skont id-Direttiva 95/46/KE u kwalunkwe skambju jew trażmissjoni ta’ informazzjoni mill- ASE għandu jsir skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(28)

Filwaqt li l-UCITS huma prodotti ta’ investiment fis-sens ta’ dan ir-Regolament, l-istabbiliment riċenti tar-rekwiżiti tal-informazzjoni ewlenija għall-investitur skont id-Direttiva 2009/65/KE ifisser li jkun proporzjonat li l-UCITS bħal dawn jingħataw perjodu tranżitorju ta’ 5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament matul liema żmien ma jkunux soġġetti għal dan ir-Regolament. Wara dan il-perjodu jsiru soġġetti għal dan ir-Regolament fin-nuqqas ta’ xi estensjoni ta’ dan il-perjodu tranżizzjonali. L-istess eżenzjoni għandha tapplika wkoll għal fondi mhux UCITS meta dawn ikunu diġà meħtieġa skont il-liġijiet nazzjonali biex jiġi stabbilit dokument bit-tagħrif ewlieni għall-investitur skont il-format u l-kontenut definiti fl-Artikoli 78 sa 81 tad-Direttiva 2009/65/KE.

(29)

Ir-rieżami ta’ dan ir-Regolament għandha titwettaq erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sabiex tqis l-iżviluppi tas-suq, bħall-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ prodotti ta’ investiment, kif ukoll żviluppi f’oqsma oħra tal-liġi tal-Unjoni u l-esperjenzi tal-Istati Membri. Ir-rieżami għandha tivvaluta jekk il-miżuri introdotti tejbux il-protezzjoni u l-fehim medju tal-investituri normali fil-livell ta' konsumatur dwar il-prodotti ta’ investiment , l-edukazzjoni finanzjarja tagħhom u l-paragunabbiltà tal-prodotti. Għandha tqis ukoll jekk il-perjodu tranżizzjonali li japplika għall-UCITS għandux jiġi estiż, jew jekk għandhomx jitqiesu alternattivi oħra għat-trattament tal-UCITS. Abbażi tar-rieżami, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkompanjat, fejn xieraq, bi proposti leġiżlattivi.

(30)

Sabiex il-manifatturi tal-prodott ta’ investiment u l-persuni li jbigħu l-prodotti ta’ investiment jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni prattika tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jibdew japplikaw qabel sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal tranżazzjonijiet li seħħew fl-imgħoddi.

(31)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(32)

Billi l-għan tal-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri t-titjib fil-protezzjoni għall-investituri fil-livell ta' konsumatur u t-titjib tal-fiduċja tagħhom fil-prodotti ta’ investiment u biex tindirizza d-dgħjufijiet identifikati, inkluż fejn dawk il-prodotti jinbigħu b’mod transfruntier, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaħdmu b’mod indipendenti minn xulxin, u għalhekk minħabba l-effetti tagħha tkun tista’ tinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bit-tagħrif ewlieni li għandu jitfassal esklussivament mill-manifatturi tal-prodott ta’ investiment , dwar l-anness għad-dokument bit-tagħrif ewlieni, li jitfassal, fejn meħtieġ, mill-persuni li jbigħu l-prodotti ta' investiment, dwar l-informazzjoni li trid tingħata lill-investituri fil-livell ta' konsumatur mill-persuni li jbigħu l-prodotti ta' investiment bi qbil mal-[MiFID] u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-medjazzjoni tal-assigurazzjoni [IMD] dwar regoli uniformi dwar l-għoti ta’ dawk id-dokumenti lill-investituri fil-livell ta' konsumatur. Għandu l-għan li jippermetti lill-investituri fil-livell ta' konsumatur li jifhmu u jqabblu l-karatteristiċi u r-riskji ewlenin tal-prodott ta' investiment u jalloka r-responsabbiltà lill-manifattur tal-prodott għad-dokument bit-tagħrif ewlieni u lill-persuni li jbigħu prodotti ta' investiment għall-anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-manifattura u l-bejgħ tal-prodotti ta’ investiment.

Madankollu, ma għandux japplika għal dawn il-prodotti li ġejjin:

(a)

prodotti tal-assigurazzjoni li ma joffrux valur ta’ ċediment ▌;

(b)

depożiti , għajr depożiti strutturati kif definiti fl-Artikolu 4 tal-[MiFID] ;

(c)

titoli msemmija fil-punti (b) sa (g), (i) u (j) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/71/KE;

(d)

titoli oħra li ma jinkorporawx derivattiv , bl-eċċezzjoni ta' bonds tal-kumpaniji u strumenti maħruġa minn entitajiet ad hoc (SPVs) ;

(e)

skemi tal-pensjoni tax-xogħol uffiċjalment rikonoxxuti ▌ prodotti tal-pensjonijiet individwali li skont il-liġi nazzjonali jkunu jeħtieġu kontribuzzjoni finanzjarja mill-impjegatur u fejn l-impjegat ma jkollux għażla fir-rigward tal-fornitur tal-pensjoni;

(f)

skemi tas-sigurtà soċjali rikonoxxuti uffiċjalment soġġetti għal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni.

Artikolu 3

1.   Fejn il-manifatturi tal-prodott ta’ investiment soġġetti għal dan ir-Regolament huma wkoll soġġetti għad-Direttiva 2003/71/KE, dan ir-Regolament u d-Direttiva 2003/71/KE , bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 4(2)(v) tiegħu, għandhom japplikaw it-tnejn.

2.   Fejn il-manifatturi tal-prodott ta’ investiment soġġetti għal dan ir-Regolament huma wkoll soġġetti għad-Direttiva 2009/138/KE, dan ir-Regolament u d-Direttiva 2009/138/KE għandhom japplikaw it-tnejn.

Artikolu 4

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

'prodott ta' investiment' tfisser prodott li permezz tiegħu persuna tista' tagħmel investiment finanzjarju, irrispettivament mill-forma legali u irrispettivament minn jekk l-ammont ripagabbli huwiex fiss jew varjabbli, inkluż fejn prodott ta' investiment jinkiseb permezz ta' parteċipazzjoni diretta ta' strumenti, ta' entitajiet ad hoc jew ta' kumpaniji finanzjarji ;

(b)

'manifattur tal-prodott ta’ investiment' tfisser:

(i)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li oriġinarjament timmanifattura prodott ta’ investiment;

(ii)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel tibdil fi prodott ta’ investiment eżistenti billi tbiddel il-profil tar-riskju u tal-benefiċċji tiegħu jew l-ispejjeż assoċjati mal-investiment fil-prodott ta’ investiment;

(iia)

l-emittent ta' titoli trasferibbli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ f'suq regolat skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/71/KE u b'parteċipazzjoni diretta tal-investituri fil-livell ta' konsumatur.

(ba)

'persuna li tbigħ prodotti ta' investiment' tfisser persuna li tagħti parir, tikkummerċjalizza, tqassam jew tbigħ prodotti ta' investiment lil investitur fil-livell ta' konsumatur, lil distributur jew lil persuna li taġixxi bħala intermedjarju għal investiment minn investitur fil-livell ta' konsumatur;

(c)

'investituri fil-livell ta' konsumatur' tfisser:

(i)

klijenti fil-livell ta' konsumatur kif definiti ▌ [referenza għal MiFID/MiFIR] ;

(ii)

konsumaturi li mhumiex konsumaturi professjonali kif definiti fi [Anness I tal-IMD] […] ;

(d)

'prodotti tal-pensjoni' tfisser prodotti li skont il-liġi nazzjonali huma rikonoxxuti li għandhom l-għan ewlieni li jipprovdu lill-investitur fil-livell ta' konsumatur dħul fl-irtirar, u li permezz tagħhom l-investitur fil-livell ta' konsumatur ikun intitolat għal ċerti benefiċċji;

(e)

'mezz durabbli' tfisser mezz durabbli kif definit fl-Artikolu 2(m) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(f)

'awtoritajiet kompetenti' tfisser l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, bis-setgħa legali li jissuperviżjaw il-manifattur tal-prodott ta’ investiment jew il-persuna li tbiegħ il-prodott ta’ investiment lill-investitur fil-livell ta' konsumatur.

KAPITOLU II

DOKUMENT BIT-TAGĦRIF EWLIENI

TAQSIMA 1

TFASSIL TAD-DOKUMENT BIT-TAGĦRIF EWLIENI

Artikolu 5

Il-manifattur tal-prodott ta’ investiment għandu jfassal dokument bit-tagħrif ewlieni skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u għal kull prodott ta’ investiment li jipproduċi u għandu jippubblika d-dokument bit-tagħrif ewlieni, flimkien mal-prospett, meta rilevanti, fuq il-websajt tiegħu u fuq websajt unika li għandha tinħoloq mill-ASE rilevanti u l-awtorità superviżorja nazzjonali rilevanti qabel il-prodott ta’ investiment ikun jista’ jiġi distribwit fis-suq u jinbiegħ lill-investituri fil-livell ta' konsumatur.

Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jkun ikkompletat b'anness, meta xieraq. Il-persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment għandha tikkompleta d-dokument bit-tagħrif ewlieni billi tfassal anness għalih. Id-dokument u l-anness tiegħu għandhom ikunu disponibbli wkoll f'forma stampata.

Il-manifattur tal-prodott ta' investiment għandu jkun responsabbli għal-kontenut tad-dokument bit-tagħrif ewlieni, u l-persuna li tbigħ il-prodott għandha tkun responsabbli għall-anness u biex tgħaddi d-dokument lill-investitur fil-livell ta' konsumatur.

Artikolu 5a

Proċess ta' approvazzjoni ta' prodott

1.     Manifattur tal-prodott ta' investiment għandu jiżgura li proċeduri u politiki xierqa jipprevedu kunsiderazzjoni bilanċjata tal-interessi tal-investituri fil-livell ta' konsumatur, tal-klijenti u tal-benefiċjarji ta' tali prodott ta' investiment matul l-iżvilupp tal-prodott ta' investiment, u li l-prodott ta' investiment huwa bil-fatti r-riżultat ta' din il-kunsiderazzjoni bilanċjata.

2.     Qabel ma jfassal dokument bit-tagħrif ewlieni skont l-Artikolu 5, il-manifattur tal-prodott għandu jivvaluta l-kompatibbiltà tal-prodott ta' investiment mal-interessi tal-investituri fil-livell ta' konsumatur billi jistabbilixxi proċess iddokumentat ta' approvazzjoni ta' prodott.

3.     Il-proċess ta' approvazzjoni ta' prodott għandu jiżgura li kull prodott ta' investiment jissodisfa l-ħtiġijiet ta' grupp ta' konsumaturi identifikat u li l-manifattur ta' prodott ikun wettaq valutazzjoni tar-riskji probabbli kollha rilevanti għall-ħtiġijiet tal-grupp ta' konsumaturi identifikat. Tali valutazzjoni għandha tinkludi ttestjar tal-istress tal-prodott ta' investiment.

4.     Il-proċess ta' approvazzjoni ta' prodott għandu jiżgura li prodotti ta' investiment li diġà huma disponibbli fis-suq jiġu rieżaminati regolarment sabiex ikun żgurat li l-prodott jibqa' kompatibbli mal-interessi tal-grupp ta' konsumaturi identifikat.

5.     Il-proċess ta' approvazzjoni ta' prodott għandu jiġi rieżaminat kull sena. Il-manifattur ta' prodott ta' investiment għandu f'kull ħin ikun jista' jipprovdi lill-awtorità kompetenti rilevanti deskrizzjoni aġġornata u dettaljata tan-natura u d-dettalji tal-proċess ta' approvazzjoni ta' prodott.

TAQSIMA II

FORMA U KONTENUT TAD-DOKUMENT BIT-TAGĦRIF EWLIENI

Artikolu 6

1.   Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jkun preċiż, ġust, ċar u ma jiżgwidax. Id-dokument bit-tagħrif ewlieni m'għandu jinkludi ebda reklami ta' prodotti, materjal ta' kummerċjalizzazzjoni, suġġerimenti personali jew rakkomandazzjoni għal investiment.

2.   Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jkun dokument waħdu, separat b’mod ċar mill-materjali tal-kummerċjalizzazzjoni , iżda mhux inferjuri għalihom . Jista' jkun fih kontroreferenzi għal dokumenti oħrajn bħal prospett, fejn issir referenza għal informazzjoni li tkun addizzjonali għall-informazzjoni li dan ir-Regolament jesiġi li tkun inkluża fid-dokument bit-tagħrif ewlieni. M'għandux ikun fih kontroreferenzi għal materjal ta' kummerċjalizzazzjoni.

2a.     Meta prodott ta' investiment jipprovdi lil investitur fil-livell ta' konsumatur b'għażliet b'rabta mat-terminu tal-investiment, l-għażla tal-benefiċċji jew l-ammonti ta' pagament jew joffri firxa ta' investimenti sottostanti li jistgħu jagħżlu minnhom, jew meta elementi tat-tagħrif fid-dokument bit-tagħrif ewlieni jistgħu jvarjaw u jiddependu fuq fatturi speċifiċi għal klijent individwali fil-livell ta' konsumatur, it-tagħrif meħtieġ mill-Artikolu 8(2) jista' jiġi ppreżentat f'termini ġeneriċi u bħala eżempji rappreżentattivi. F'din is-sitwazzjoni, id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jindika b'mod ċar f'liema dokumenti se jiġi pprovdut tagħrif iktar speċifiku.

2b.     Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jispeċifika b'mod ċar fejn u kif jinkiseb tagħrif addizzjonali dwar l-investiment propost, inkluż fejn u kif jista' jinkiseb prospett. Prospett għandu jsir disponibbli fuq talba u bla ħlas fi kwalunkwe ħin, u fil-lingwa li biha tali tagħrif ikun disponibbli għall-investituri fil-livell ta' konsumatur.

3.   Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jitfassal bħala dokument qasir li jkun miktub b'mod konċiż sa massimu ta' żewġ paġni A4 fuq żewġ naħat u bħala anness li jippromwovi l-paragunabbiltà u jkun :

(a)

ippreżentat u strutturat b’mod li jkun faċli jinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs li tinqara;

(aa)

iffukat fuq it-tagħrif ewlieni li jeħtieġu l-investituri fil-livell ta' konsumatur;

(b)

espress b’mod ċar u miktub b’lingwaġġ u stil li tikkomunika b’mod li tiffaċilita l-ftehim tal-informazzjoni mill-investituri għall-liema hija mmirata , b’mod partikolari jintuża f'lingwaġġ li jkun ċar, fil-qosor u jista' jinftiehem.

4.   Jekk jintużaw kuluri fid-dokument bit-tagħrif ewlieni, dawn ma għandhomx inaqqsu l-komprensjonabbiltà tat-tagħrif fil-każ li d-dokument bit-tagħrif ewlieni jiġi stampat jew fotokopjat fl-iswed u l-abjad.

5.   Fejn il-markar korporattiv jew il-logo tal-manifattur tal-prodott ta’ investiment jew tal-grupp li minnu jagħmel parti jintużaw fid-dokument bit-tagħrif ewlieni, dan ma għandux itellef lill-investitur fil-livell ta' konsumatur mill-informazzjoni li jkun hemm fid-dokument jew joskura t-test.

Artikolu 7

Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jinkiteb bil-lingwi uffiċjali, jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali użati fil-parti tal-Istat Membru fejn jiġi distribwit il-prodott ta’ investiment, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, jew fejn ikun ġie miktub b’lingwa differenti, dan għandu jiġi tradott f’waħda minn dawn il-lingwi.

Artikolu 7a

Meta d-dokument bit-tagħrif ewlieni jikkonċerna kuntratt ta' assigurazzjoni, il-kumpanija tal-assigurazzjoni għandha obbligi skont dan ir-Regolament biss lejn id-detentur tal-polza u mhux lejn il-benefiċjarju jew il-persuna assigurata.

Artikolu 8

1.   It-titolu “Dokument bit-Tagħrif Ewlieni” għandu jidher b’mod prominenti fuq in-naħa ta’ fuq tal-ewwel paġna tad-dokument bit-tagħrif ewlieni. Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għajr l-anness tiegħu għandu jitħejja minn waħda mill-partijiet. Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jinkludi l-isem tal-manifattur tal-prodott responsabbli għat-tfassil tad-dokument bit-tagħrif ewlieni u għandu jiddikjara b'mod ċar li l-manifattur tal-prodott huwa responsabbli għall-kontenut tiegħu. Bl-istess mod, l-anness għandu jitfassal mill-persuna li tbigħ u għandu jiddikjara l-isem tal-persuna jew tal-entità u jiddikjara b'mod ċar li hija responsabbli għall-kontenut tal-anness.

Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jiġi ppreżentat fis-sekwenza stabbilita fil-paragrafi li ġejjin.

Nota spjegattiva għandha tidher direttament taħt it-titolu. Din għandha taqra kif ġej:

Qed tħejji ruħek biex tixtri prodott ta' investiment.

Dan id-dokument jipprovdilek tagħrif ewlieni biex jgħinek tifhem il-karatteristiċi, ir-riskji, l-ispejjeż, il-gwadanji u t-telf potenzjali assoċjati miegħu u fl-anness tiegħu t-tariffa mħallsa lill-persuna li qed tbigħ.

Dan id-dokument huwa meħtieġ bil-liġi , mhuwiex materjal ta' kummerċjalizzazzjoni u huwa f'format standard biex wieħed ikun jista' jqabbel .”

2.   Id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

(a)

▌l-isem tal-prodott ta’ investiment u l-identità tal-manifattur tal-prodott ta’ investiment , u id-detentur tar-responsabbiltà legali għad-dokument (isem u indirizz) ;

(b)

taħt it-taqsima bit-titolu “X’inhu dan l-investiment?”, in-natura u l-karatteristiċi ewlenin tal-prodott ta’ investiment, inkluż

(i)

it-tip tal-prodott ta’ investiment;

(ii)

l-għanijiet tiegħu u l-modi ta' kif se jintlaħqu;

(iia)

tagħrif dwar il-grupp ta' konsumaturi fil-mira tal-prodott inkluża deskrizzjoni f'termini sempliċi tat-tipi ta' investituri li għalihom il-prodott ta' investiment huwa maħsub, f'termini ta' 'risk appetite', orizzont ta' investiment u għarfien finanzjarju li jkun ibbażat fuq il-proċess ta' approvazzjoni ta' prodott li l-manifattur ta' prodott ikun wettaq meta jibni l-prodott ta' investiment;

(iii)

notifika dwar jekk il-prodott ta' investiment hux qed jimmira għal riżultati ambjentali, soċjali jew ta' governanza jew le, inkluż, iżda mhux limitat għal, it-tnaqqis tal-marka tal-karbonju, kif dawn jitkejlu u jekk il-prodott huwiex investiment marbut mal-produzzjoni ta' oġġetti u servizzi jew le, bil-kuntrarju ta' operazzjonijiet unikament fis-swieq finanzjarju jew indiċi sintetiku ;

(iiia)

id-diżaggregazzjoni tal-portafoll tal-assi sottostanti skont is-settur ekonomiku ffinanzjat direttament jew indirettament;

(c)

taħt taqsima bit-titolu “X'deċiżjonijiet irrid nieħu?”, tagħrif dwar id-diversi deċiżjonijiet li investitur fil-livell ta' konsumatur irid jieħu, eż. għażla tal-fond, terminu ta' żmien, daqs tal-primjum, inkluż liema benefiċċji oħra jew kundizzjonijiet li jwasslu għall-benefiċċji huma disponibbli ;

(d)

taħt taqsima intitolata ▌"X’inhuma r-riskji u x’se niggwadanja? wara li tiġi kkunsidrata ▌l-evoluzzjoni tas-suq li jimmira għalih:

(i)

il-profil tar-riskji u l-benefiċċji tal-prodott ta' investiment, inkluż indikatur f'għamla sommarja li jikkonsisti minn viżwalizzazzjoni ċara u faċli biex tinftiehem tal-profil tar-riskji u l-benefiċċji tal-prodott ta' investiment;

(ii)

xenarji indikattivi tal-prestazzjoni netta futura, akkumpanjati minn spjegazzjoni narrativa tar-riskji ewlenin tal-prodott biex il-profil jitqiegħed f'kuntest; id-deskrizzjoni tar-riskji għandha tkun ċara u faċli biex tinftiehem;

(iii)

fil-każ ta' prodotti tal-pensjoni, taħt sottotaqsima bit-titolu “X’nista’ nieħu meta nirtira?”, projezzjonijiet tar-riżultati futuri possibbli, suddiviżi espliċitament f'xenarji tal-iżvilupp varji, inkluż l-agħar xenarju possibbli.

L-Awtorità Superviżorja Ewropea (ASE) rilevanti għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu d-definizzjoni preċiża ta' firxa limitata ta' kategoriji ta' riskju u l-istandards għall-viżwalizzazzjoni tal-indikatur f'għamla sommarja. Għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa.. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(e)

taħt taqsima bit-titolu “X'jista' jsir mill-investiment tiegħi? Hemm garanziji ta' kontinġenza u x'jiswew?”, indikazzjoni ċara ta' jekk huwiex possibbli telf tal-kapital

(i)

kwalunkwe garanzija u/jew protezzjoni tal-kapital mogħtija, kif ukoll kwalunkwe limitazzjoni għalihom, l-ammont aggregat inkluża l-identità tal-possessur ta' tali obbligazzjoni;

(ii)

jekk il-prodott ta' investiment huwiex kopert minn skema ta' kumpens jew garanzija, u jekk iva, liema skema, isem il-garanti u liema riskji huma koperti mill-iskema u liema mhumiex;

(iii)

taħt sottotaqsima bit-titolu “Jiena protett bl-assigurazzjoni?”, notifika ċara dwar jekk il-prodott ta' investiment jinkludix l-assigurazzjoni jew le u, jekk iva, tagħrif dwar tali kopertura tal-assigurazzjoni;

(iv)

jekk ikun rilevanti, miżuri ta' protezzjoni oħra bħal depożitarju tal-fondi, inklużi l-identità u l-funzjoni tal-partijiet involuti;

(ea)

taħt sottotaqsima intitolata: “X'jiġri f'każ ta' inadempjenza tal-manifattur jew tal-bejjiegħ tal-prodott ta' investiment?”, deskrizzjoni fil-qosor tat-telf massimu għall-investitur fil-livell ta' konsumatur u referenza għal jekk it-telf jistax jiġi rkuprat minn skema ta' kumpens jew garanzija għall-investitur fil-livell ta' konsumatur;

(eb)

taħt taqsima intitolata “X'jiġri jekk/meta mmut”, tagħrif dwar x'jiġri mill-flus miżmuma mill-prodott/fondi u kwalunkwe benefiċċju addizzjonali marbut mal-mewt;

(f)

taħt taqsima bit-titolu “X’inhuma l-ispejjeż?”, l-ispejjeż totali assoċjati mal-investiment fil-prodott ta’ investiment, li jinkludu kemm l-ispejjeż diretti kollha kif ukoll dawk indiretti kollha li għandu jġorr l-investitur, inkluż indikaturi f’għamla sommarja ta’ dawn l-ispejjeż , fosthom:

(i)

spejjeż ta' dħul, tkomplija u ħruġ li għandhom jitħallsu mill-investitur fil-livell ta' konsumatur, kif ukoll bħala termini ta' pagament ta' primjum u flessibbiltà, filwaqt li ssir distinzjoni ċara bejn kwistjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-manifattur tal-prodott u dawk li huma r-responsabbiltà tal-persuni li jbigħu prodotti ta' investiment, inklużi indikaturi f'għamla sommarja ta' dawk l-ispejjeż;

(ii)

l-imposti annwali u pagamenti oħra kollha meħuda mill-prodott fuq perjodu definit, inkluża kwalunkwe imposta varjabbli (bħal spejjeż għat-tranżazzjonijiet, taxxi tal-borża), li ma jistgħux jiġu inklużi fil-kalkoli tal-ispejjeż.

L-ispejjeż u t-tnaqqis għandhom jiġu indikati b'mod li juru l-effett kumulattiv kompost tagħhom fuq l-investiment fuq perjodu rappreżentattiv tal-investiment; u, għal raġunijiet ta' paragunabbiltà, l-ispejjeż totali espressi f’termini monetarji u perċentwali, biex jintwerew l-effetti tal-ispejjeż totali fuq l-investiment. Jekk il-prodott ta' investiment ikollu limitu ta' marġni għal redditi possibbli li jnaqqas ir-redditu nett għall-investitur fil-livell tal-konsumatur billi jagħti lill-manifattur il-qligħ kollu 'l fuq mil-limitu, dan għandu jkun żvelat b'mod ċar.

Għandu jingħata tagħrif dwar kif jiġi aċċessat il-kalkulatur tal-fondi online indipendenti operat mill-ASE ;

(h)

taħt taqsima intitolata “Nista' niġbed il-flus?”:

(i)

il-possibbiltà ta' żmien biex wieħed jerġa jaħsibha fir-rigward tal-prodott ta' investiment;

(ii)

indikazzjoni tal-perjodu ta' parteċipazzjoni minimu rakkomandat jew meħtieġ;

(iii)

il-possibbiltà u l-kundizzjonijiet għal kwalunkwe diżinvestiment qabel il-maturità, b'kunsiderazzjoni tal-profil tar-riskji u l-benefiċċji tal-prodott ta' investiment u l-evoluzzjoni tas-suq fil-mira;

(iv)

tagħrif dwar il-konsegwenzi potenzjali li l-flus jinġibdu qabel tmiem it-terminu jew il-perjodu ta' parteċipazzjoni rakkomandat;

(v)

indikazzjoni tal-orizzont medju ta' investiment tal-portafoll tal-assi sottostanti, abbażi tal-fatturat medju tat-titoli miżmuma għall-kummerċ u l-maturità medja tat-titoli ta' dejn miżmuma sal-maturità.

(ha)

taħt taqsima intitolata “Kif inkun naf kif ikun sejjer il-prodott?”, dikjarazzjoni li l-manifattur jgħarraf lill-klijent b'mod trasparenti permezz ta' dokument annwali dwar ir-rendiment tal-prodott ta' investiment. Dan id-dokument għandu jinkludi d-divulgazzjoni ex post tar-redditu tal-prodott ta’ investiment fis-sena li għaddiet. Barra minn hekk, dan ir-redditu ex post għandu jiġi pparagunat ma’ prodott ta’ investiment differenti bi profil tar-riskju paragunabbli. Jekk il-konsumatur ikollu fil-pussess tiegħu diversi prodotti ta’ investiment ta’ manifattur partikolari u li huma koperti b’dan ir-regolament, id-divulgazzjoni u l-paragun imsemmija hawn fuq għandhom jiġu applikati għall-portafoll kollu kemm hu. Għandha tiġi żvelata wkoll kull spiża li taffettwa r-rendiment tal-prodott ta’ investiment.

(hb)

taħt taqsima intitolata “Kif nista’ nressaq ilment?”, tagħrif dwar kif u quddiem min klijent jista’ jressaq ilment dwar il-prodott u l-amministrazzjoni tiegħu;

(hc)

taħt taqsima intitolata “X'inhuma d-dokumenti legali l-oħra relatati ma' dan il-prodott?”, deskrizzjoni fil-qosor tad-dokumentazzjoni (inkluż prospett, meta rilevanti) u mingħajr materjal ta' kummerċjalizzazzjoni;

(hd)

F'taqsima qrib l-aħħar tad-dokument, intestatura ġdida “Informazzjoni dwar il-prodott” li tiddikjara (meta jkun applikabbli):

(i)

in-numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) tal-prodott;

(ii)

in-numru tal-istandards internazzjonali tal-awditjar (ISA) tal-prodott;

(iii)

ir-rata tal-imgħax tal-prodott;

(iv)

il-borża marbuta mal-prodott;

(v)

il-munita tal-prodott; kif ukoll

(vi)

id-data tal-ħruġ tal-prodott;

(he)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti li tirregola l-prodott;

(hf)

taħt taqsima intitolata “Benefiċċji tal-assigurazzjoni”, indikazzjoni dwar jekk il-prodott ta' investiment joffrix benefiċċji tal-assigurazzjoni u jekk iva, dettalji ta' dawn il-benefiċċji tal-assigurazzjoni, skont id-Direttiva 2009/138/KE, ħlief għall-Artikolu 8(2) tagħha. Fejn il-kuntratt joffri għażla bejn ħafna assigurazzjonijiet tal-ħajja marbuta ma' unitajiet ta' investiment, għandu jinkludi wkoll tabella f'għamla sommarja li tikklassifika dawn l-unitajiet fi tliet kategoriji, skont il-livell ta' riskju tagħhom.

B'kunsiderazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE u bi qbil mal-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament, l-EIOPA għandha tingħata s-setgħa li tiddetermina:

(i)

il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt tal-assigurazzjoni;

(ii)

il-forma eżatta tad-dokument tal-assigurazzjoni speċifiku;

(iii)

il-kontenut tad-dokument tal-assigurazzjoni speċifiku, inklużi l-għażliet tal-allokazzjoni tal-assi offruti lill-investitur fil-livell ta’ konsumatur;

(iv)

ir-regoli biex jiġu klassifikati l-unitajiet fi tliet kategoriji.

Il-manifattur tal-prodott ta' investiment għandu jqassam dokument bit-tagħrif ewlieni għal kull investiment sottostanti tal-kuntratti tal-assigurazzjoni eliġibbli għal dan ir-Regolament. L-investimenti sottostanti jinkludu l-unitajiet tal-kontabilità u/jew il-fondi denominati tal-munita, jekk ikun rilevanti, u l-kategorija tal-livell ta' riskju marbut ma' kull wieħed u waħda minnhom.

3.    L-anness għad-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jiżvela l-identità tal-persuna li tbigħ il-prodotti ta' investiment u għandu jispeċifika wkoll, meta applikabbli:

(a)

indikazzjoni li l-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-investitur jista' jkollha impatt sinifikanti fuq ir-redditu mistenni u attwali tal-investiment;

(b)

l-ispejjeż marbuta mal-prodott ta' investiment meta jkun l-intermedjarju, inklużi l-kummissjonijiet, ir-retroċessjonijiet jew benefiċċji oħra marbuta mat-tranżazzjoni mħallsa mill-manifattur jew minn parti terza, kif previst fid-Direttiva 2004/39/KE u fid-Direttiva 2002/39/KE  (12).

3a.     L-ASE rilevanti għandha tiżviluppa kalkulatur tal-fondi online indipendenti li jkun inkluż fil-websajt tagħha. Il-kalkulatur tal-fondi għandu jippermetti lill-investituri li jikkalkulaw il-benefiċċji tal-prodott ta’ investiment fil-livell ta' konsumatur propost billi jiddaħħlu t-tagħrif dwar it-tul ta' żmien mistenni tal-investiment, l-ammont investit, u r-redditu tal-investiment sottostanti stmat f'termini perċentwali sabiex jiġi determinat il-valur aħħari tal-investiment wara l-ispejjeż.

Il-kalkulatur tal-fondi għandu jinkludi fil-kalkolu tiegħu l-ispejjeż u t-tariffi li jirrikjedu l-manifatturi varji tal-prodott ta' investiment għal kwalunkwe fond mibjugħ lill-pubbliku, flimkien ma' kwalunkwe spiża jew tariffa ulterjuri li jirrikjedu l-intermedjarji jew partijiet oħra tal-katina tal-investiment mhux diġà inklużi mill-manifatturi tal-prodott.

Il-manifatturi tal-prodott ta' investiment u l-persuni li jirrakkomandaw jew ibigħu l-prodotti tal-investiment għandhom ikunu mitluba jissottomettu data rilevanti lill-ASE fuq bażi ta' kull tliet xhur, b'dewmien massimu ta' 60 ġurnata għal dik ir-raġuni.

L-ASE rilevanti għandha tingħata r-riżorsi li bihom twettaq din il-ħidma. Għandha taħdem mill-qrib mal-ASE oħrajn meta jkun meħtieġ.

4.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi ppreżentata f’format komuni inkluż l-intestaturi komuni u ssegwi l-ordni standardizzata stabbilita fil-paragrafu 2, sabiex tippermetti l-ipparagunar mad-dokument bit-tagħrif ewlieni ta’ kwalunkwe prodott ta’ investiment ieħor u jintwera b’mod prominenti simbolu komuni biex id-dokument ikun distint minn dokumenti oħra.

5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 23 li jispeċifikaw id-dettalji dwar il-preżentazzjoni u l-kontenut ta’ kull wieħed mill-elementi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, inkluż l-effett tal-introduzzjoni ta' indikaturi tar-riskju, u fil-paragrafu 3(a), il-preżentazzjoni u d-dettalji tal-informazzjoni l-oħra li l-manifattur tal-prodott u l-persuna li tbigħ prodotti ta' investiment jistgħu jinkludu fid-dokument bit-tagħrif ewlieni kif imsemmi fil-paragrafu 3, u d-dettalji tal-format komuni u s-simbolu komuni msemmija fil-paragrafu 4. Il-Kummissjoni għandha tqis id-differenzi bejn il-prodotti ta’ investiment u l-kapaċitajiet tal-investituri fil-livell ta' konsumatur kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodotti ta’ investiment li jippermettu lill-investitur fil-livell ta' konsumatur jagħżel bejn investimenti sottostanti differenti jew għażliet oħra li joffri l-prodott, inkluż fejn din l-għażla tista’ sseħħ f’punti taż-żmien differenti, jew fejn tista’ tinbidel fil-ġejjieni.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa wkoll li tadotta atti delegati li jistabbilixxu linji gwida għall-iżvilupp ta' kriterji tal-Unjoni għal prodotti ta' investiment soċjali u ambjentali. Dawk il-kriterji għandhom jappoġġaw ekonomija ta' finanzjament fit-tul u għandhom jippromwovu l-iżvilupp ambjentali u soċjali sostenibbli f'investimenti finanzjarji kif ukoll l-istabbiliment ta' marka valida fl-Unjoni kollha għall-investiment sostenibbli. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa wkoll li tadotta atti delegati bl-għan li jiġu definiti l-istandards għal dawk in-notifiki ambjentali rigward ir-riskji ambjentali possibbli.

Qabel ma tadotta l-atti delegati stabbiliti f'dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha twettaq testijiet fost il-konsumaturi sabiex tagħżel l-aktar miżuri xierqa għall-investituri fil-livell ta' konsumatur. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ASE, għandha tfassal ukoll kampjuni ta' dokumenti bit-tagħrif ewlieni li jqisu d-differenzi bejn il-prodotti ta’ investiment.

6.   EBA, EIOPA u l-ESMA għandhom jiżviluppaw abbozzi ta’ standards regolatorji li jiddeterminaw:

(a)

il-metodoloġija sottostanti l-preżentazzjoni tal-profili tar-riskji u l-benefiċċji kif imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-kalkolu tal-ispejjeż , inkluża l-ispeċifikazzjoni tal-indikaturi f'għamla sommarja, kif imsemmi fil-punt (f) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(ba)

il-prinċipji li għandhom jintużaw għall-eżiti ambjentali, soċjali jew ta' governanza kif imsemmi fil-paragrafu 2(b)(iii).

(bb)

fir-rigward ta' kull waħda mill-mistoqsijiet imsemmija f'dan l-Artikolu, il-lista ta' prodotti li japplikaw għalihom.

L-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom iqisu t-tipi differenti ta' prodotti ta’ investiment u l-ħidma li diġà saret skont il-[MiFID], l-[IMD], id-Direttiva 2003/71/KE, id-Direttiva 2009/138/KE u d-Direttiva 2009/65/KE li tintroduċi dokument bit-tagħrif ewlieni tal-investitur għall-UCITS .

L-ASE għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa […].

Huma mogħtija setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 8a

Marka ta' kumplessità

1.     Prodotti ta' investiment esposti għal riskju wieħed jew aktar minn riskju wieħed minn dawk deskritti fil-paragrafu 2 għandhom jiddivulgaw fuq nett tal-ewwel paġna tad-dokument bit-tagħrif ewlieni b'tipa viżibbli b'mod ċar id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Marka ta' kumplessità: Dan il-prodott huwa meqjus bħala wieħed kumpless ħafna, u jista' ma jkunx xieraq għall-investituri kollha fil-livell ta' konsumatur.”

2.     Prodotti ta' investiment għandhom jitqiesu li mhumiex immirati għall-investituri fil-livell ta' konsumatur jekk jiġu ssodisfati waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet ġejjin:

(a)

il-profil tar-riskji u l-benefiċċji jew l-ispejjeż huma ppreżentati b'mod ikkumplikat wisq;

(b)

il-prodott jinvesti f'assi sottostanti li s-soltu ma jkunx hemm investimenti fihom minn investituri mhux professjonali;

(c)

il-profil tar-riskji u l-benefiċċji huwa suġġett għall-okkorrenzi simultanji ta' żewġ avvenimenti jew aktar marbuta ma' tal-anqas żewġ klassijiet ta' assi differenti;

(d)

numru ta' mekkaniżmi differenti huma użati biex jiġi kkalkulat ir-redditu finali fuq l-investiment, u dan joħloq riskju akbar ta' malintiż min-naħa tal-investitur fil-livell ta' konsumatur;

(e)

ir-redditu mill-investiment jinkludi karatteristiċi tal-aggregazzjoni li jibbenefikaw mill-preġudizzji fl-imġiba tal-investituri fil-livell ta' konsumatur, pereżempju billi joffru rata fissa attraenti (“teaser”) segwita minn rata kundizzjonali li tvarja, li tkun ħafna ogħla, jew formula iterattiva;

(f)

l-esponiment globali tal-prodott finanzjarju, ikkalkulat mal-valur f'riskju ta' kull xahar tiegħu, ikkalkulat f'intervall ta' kunfidenza ta' 99 % fil-mument tal-kummerċ, ikun ogħla minn 20 %.

3.     L-ASE għandhom jiżviluppaw linji gwida dwar il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

L-ASE għandhom jissottomettu dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni bi … [6 xhur wara l-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-ĠU].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 9

Il-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni relatati mal-prodott ta’ investiment ma għandhomx jinkludu dikjarazzjonijiet li jikkontradixxu l-informazzjoni li fih id-dokument bit-tagħrif ewlieni jew li jnaqqsu s-sinifikat tiegħu . Il-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom jinfurmaw li d-dokument bit-tagħrif ewlieni huwa ppubblikat fuq websajt uffiċjali tal-awtorità kompetenti bil-link diretta . Tista' tingħata mingħajr ħlas kopja stampata fuq talba lill-manifattur jew lill-persuni li jbigħu l-prodotti ta’ investiment.

Artikolu 10

1.   Il-manifattur tal-prodott ta’ investiment għandu janalizza l-informazzjoni li fih id-dokument bit-tagħrif ewlieni b’mod regolari u  għandu jirrevedi d-dokument fejn l-analiżi tindika li hemm bżonn isir it-tibdil materjali skont l-Artikolu 8, b'mod partikolari jekk ikun sar tibdil materjalment sinifikanti lill-prodott u b'mod partikolari fir-rigward taż-żieda tar-riskji jew tal-ħolqien ta' valur fil-ġestjoni tal-investiment u r-riskju rilevanti fil-ġestjoni tal-investiment, u għandu jagħmel disponibbli minnufih il-verżjoni riveduta . Tali reviżjoni għandha tinkludi l-użu tal-istandards definiti fid-dokumenti bit-tagħrif ewlieni tal-prodott ta’ investiment li jindikaw li hemm bżonn isir it-tibdil. Dan għandu jiġi espress b'mod ċar, konċiż u komprensibbli fil-parti deskrittiva tar-rapport annwali u għandu jinkludi sommarju veru u ġust tal-prestazzjoni tal-assi tal-investiment, it-total aggregat, l-ispejjeż, l-istrateġiji tal-ġestjoni tal-investiment, il-ħolqien ta' valur fil-ġestjoni tal-investiment u l-iżvilupp tar-riskju rilevanti fil-ġestjoni tal-investiment, inklużi l-istandards stabbiliti fid-dokumenti bit-tagħrif ewlieni tal-prodott ta' investiment.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 23 li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-analiżi tal-informazzjoni li fih id-dokument bit-tagħrif ewlieni u għar-reviżjoni tad-dokument bit-tagħrif ewlieni , b'kunsiderazzjoni tan-natura tal-prodott ta' investiment, fir-rigward ta’:

(a)

il-kundizzjonijiet u l-frekwenza tal-analiżi tal-informazzjoni li fih id-dokument bit-tagħrif ewlieni;

(b)

il-kundizzjonijiet li taħthom għandu jiġi rivedut it-tagħrif fid-dokument bit-tagħrif ewlieni, u li taħthom huwa obbligatorju jew fakultattiv li jiġi ppubblikat u distribwit mill-ġdid id-dokument bit-tagħrif ewlieni rivedut;

(c)

il-kundizzjonijiet speċifiċi li taħthom għandha tiġi analizzata l-informazzjoni li fih id-dokument bit-tagħrif ewlieni jew għandu jiġi rivedut id-dokument bit-tagħrif ewlieni meta l-prodott ta’ investiment ikun disponibbli għall-investituri fil-livell ta' konsumatur b’mod mhux kontinwu;

(d)

iċ-ċirkostanzi li jirreferu għall-prodott innifsu jew għall-kondizzjonijiet tas-suq li fihom l-investituri fil-livell ta' konsumatur għandhom jiġu infurmati dwar id-dokument bit-tagħrif ewlieni rivedut għal prodott ta’ investiment mixtri minnhom.

Artikolu 11

1.    It-tagħrif ewlieni għall-investituri huwa tagħrif prekuntrattwali. Għalhekk, għandu jkun ġust, ċar u ma jiżgwidax. Għandu jipprovdi tagħrif ewlieni u għandu jkun konsistenti ma' kwalunkwe dokument kuntrattwali vinkolanti, bil-partijiet rilevanti tad-dokumenti ta' offerta u bit-termini u l-kundizzjonijiet tal-prodott ta' investiment. Fejn il-manifattur tal-prodott ta’ investiment ikun ipproduċa dokument bit-tagħrif ewlieni li ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u li abbażi tiegħu investitur fil-livell ta' konsumatur ikun ħa deċiżjoni ta’ investiment, dak l-investitur fil-livell ta' konsumatur jista’ jippretendi mingħand il-manifattur tal-prodott ta’ investiment kwalunkwe telf ikkawżat lil dak l-investitur fil-livell ta' konsumatur minħabba d-dokument bit-tagħrif ewlieni u jista', meta xieraq, jirritorna l-prodott ta' investiment u jiġi rrimborżat it-telf . Meta persuna li tbigħ prodotti ta’ investiment tkun ipproduċiet anness għal dokument bit-tagħrif ewlieni li ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u li abbażi tiegħu investitur fil-livell ta' konsumatur ikun qagħad fuqu meta ħa deċiżjoni ta’ investiment, tali investitur fil-livell ta' konsumatur jista’ jitlob, mingħand il-persuna li tbigħ il-prodotti ta’ investiment, id-danni għal kwalunkwe telf ikkawżat lil dak l-investitur fil-livell ta' konsumatur permezz tal-użu tal-anness u jista', meta xieraq, jirritorna l-prodott ta' investiment u jiġi rrimborżat it-telf .

2.   Meta l-investitur fil-livell ta' konsumatur juri li sofra telf u li t-tagħrif identifikat fid-dokument kien jiżgwida , il-manifattur tal-prodott ta’ investiment jew il-persuna li tbigħ prodotti ta' investiment ikollhom jipprovaw li d-dokument bit-tagħrif ewlieni tfassal f’konformità mal-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ dan ir-Regolament. Jista' jkun hemm każ ta' responsabbiltà ċivili tal-manifattur tal-prodott ta' investiment f'każijiet bħal dawn abbażi tad-dokument bit-tagħrif ewlieni, inkluża kwalunkwe traduzzjoni tiegħu.

3.    Il-manifattur tal-prodott għandu jkun responsabbli skont il-liġi ċivili jekk investitur iġarrab telf li jirriżulta mid-dipendenza tiegħu fuq dokument bit-tagħrif ewlieni li ma jkunx issodisfa r-rekwiżiti skont il-paragrafu 1 jew 2 ta' hawn fuq. Tali responsabbiltà m'għandhiex tkun limitata jew revokata minn klawżoli kuntrattwali, jew bl-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti.

TAQSIMA III

GĦOTI TAD-DOKUMENT BIT-TAGĦRIF EWLIENI

Artikolu 12

1.   Il-persuna li tbigħ il-prodott ta’ investiment lill-investituri fil-livell ta' konsumatur għandha tipprovdilhom id-dokument bit-tagħrif ewlieni mfassal mill-manifattur tal-prodott ta' investiment bla dewmien u f'biżżejjed żmien qabel ma jittieħed xi impenn relatat mal-prodott ta’ investiment. Meta prodott ta' investiment jiġi rakkomandat lil klijent, id-dokument bit-tagħrif ewlieni għandu jiġi pprovdut bla dewmien.

1a.     Persuna għandha tikseb permess bil-miktub min qabel mill-manifattur tal-prodott ta' investiment biex tiddistribwixxi d-dokument ewlieni għall-investituri tagħhom lill-investitur fil-livell ta' konsumatur. Tali permess jista' jingħata mill-manifattur tal-prodott ta’ investiment fuq bażi indefinita, għal perjodu limitat ta' żmien, jew suġġett għal kundizzjonijiet oħra. Meta xi kundizzjoni speċifika ma tkunx issodisfata, tali permess għandu jitqies bħala li ma ngħatax għall-finijiet ta' dan il-paragrafu.

1b .    L-investituri fil-livell ta' konsumatur għandhom jikkonfermaw bil-miktub jew elettronikament li jkunu rċevew id-dokument bit-tagħrif ewlieni.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, u suġġett għall-Artikolu 13(5), persuna li tbigħ prodott ta' investiment għandha tagħti lill-investitur fil-livell ta' konsumatur il-websajt uffiċjali fejn jista jinstab id-dokument bit-tagħrif ewlieni qabel il-konklużjoni tat-tranżazzjoni meta:

(a)

ll-investitur fil-livell ta' konsumatur jagħżel li jikkonkludi t-tranżazzjoni peremzz ta' mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod;

(b)

l-għoti tad-dokument bit-tagħrif ewlieni skont il-paragrafu 1 ma jkunx possibbli;

(ba)

l-investitur fil-livell ta’ konsumatur jitlob li jirċievi d-dokument bit-tagħrif ewlieni direttament wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni, pjuttost milli jdewwem it-tranżazzjoni sabiex jirċievi d-dokument minn qabel. Il-persuna li tbigħ jew li tagħti pariri dwar il-prodott ta' investiment m'għandhiex toffri din l-għażla qabel ma jitlobha l-investitur fil-livell ta' konsumatur;

(c)

il-persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment tkun infurmat lill-investitur fil-livell ta' konsumatur dwar dan.

3.   Meta jitwettqu tranżazzjonijiet suċċessivi fir-rigward l-istess prodott ta’ investiment f’isem l-investitur fil-livell ta' konsumatur skont l-istruzzjonijiet mogħtija minn dak l-investitur fil-livell ta' konsumatur lill-persuna li qed tbiegħ il-prodott ta' investiment qabel l-ewwel tranżazzjoni, l-obbligu li jiġi pprovdut id-dokument bit-tagħrif ewlieni skont il-paragrafu 1 għandu japplika biss għall-ewwel tranżazzjoni , sakemm id-dokument bit-tagħrif ewlieni jkun ġie aġġornat mill-ewwel tranżazzjoni jew ikun disponibbli rapport annwali ġdid .

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 23 li jispeċifikaw:

(a)

il-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġi pprovdut id-dokument bit-tagħrif ewlieni f'biżżejjed żmien minn qabel kif stabbilit fil-paragrafu 1;

(b)

il-metodu u l-limitu ta’ żmien biex jingħata d-dokument bit-tagħrif ewlieni skont il-paragrafu 2.

Artikolu 13

1.   Il-persuna li tbigħ il-prodott ta’ investiment għandha tipprovdi d-dokument bit-tagħrif ewlieni qabel ma jsir ftehim vinkolanti ma' investitur fil-livell ta' konsumatur u mingħajr ħlas. Għandha dejjem tingħata mingħajr ħlas kopja stampata meta r-rakkomandazzjoni ta’ investiment jew is-servizz intermedjarju jingħataw personalment .

2.   Il-persuna li tagħti pariri dwar jew tbigħ prodott ta’ investiment , jew li taġixxi bħala intermedjarju fil-bejgħ tiegħu, għandha tipprovdi d-dokument bit-tagħrif ewlieni lill-investitur fil-livell ta' konsumatur b'wieħed mill-mezzi li ġejjin , li jridu jkunu ġenwinament aċċessibbli għall-investitur fil-livell ta’ konsumatur :

(a)

stampat;

(b)

bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat, fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 jkunu ssodisfati; jew

(c)

permezz ta’ websajt fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 jkunu ssodisfati.

3.   Madnakollu, meta d-dokument bit-tagħrif ewlieni jiġi pprovdut bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat jew permezz ta’ websajt, għandha tingħata kopja stampata lill-investituri fil-livell ta' konsumatur fuq talba u mingħajr ħlas.

4.   Id-dokument bit-tagħrif ewlieni jista’ jiġi pprovdut bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-użu tal-mezz durabbli huwa xieraq fil-kuntest tan-negozju li jkun qed isir bejn il-persuna li tagħti pariri dwar jew li tbigħ il-prodott ta’ investiment , jew li taġixxi bħala intermedjarju fil-bejgħ tiegħu, u l-investitur fil-livell ta' konsumatur; u

(b)

l-investitur fil-livell ta' konsumatur ikun ingħata l-għażla bejn l-informazzjoni stampata u bil-mezz durabbli, u jkun għażel dak il-mezz l-ieħor.

5.   Id-dokument bit-tagħrif ewlieni jista' jiġi provdut permezz ta’ websajt jekk id-dokument bit-tagħrif ewlieni jkun indirizzat personalment lill-investitur fil-livell ta' konsumatur jew jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għoti tad-dokument bit-tagħrif ewlieni permezz ta' websajt ikun xieraq fil-kuntest tan-negozju li jkun qed isir bejn il-persuna li tagħti pariri dwar jew li tbigħ il-prodott ta’ investiment , jew li taġixxi bħala intermedjarju fil-bejgħ tiegħu, u l-investitur fil-livell ta' konsumatur;

(b)

l-investitur fil-livell ta' konsumatur ikun ikkonsenta li jingħata d-dokument bit-tagħrif ewlieni permezz ta’ websajt;

(c)

ll-investitur fil-livell ta' konsumatur ikun ġie nnotifikat b’mod elettroniku bl-indirizz tal-websajt, u bil-post fil-websajt minn fejn jista’ jaċċessa l-informazzjoni;

(d)

fejn id-dokument bit-tagħrif ewlieni jkun ġie rivedut skont l-Artikolu 10 l-aktar verżjoni reċenti għandha tiġi pprovduta wkoll lill-investitur fil-livell ta' konsumatur; fuq talba tal-investitur fil-livell ta' konsumatur, għandhom jiġu pprovduti wkoll il-verżjonijiet preċedenti;

(e)

ikun żgurat li d-dokument bit-tagħrif ewlieni jibqa' aċċessibbli fil-websajt għal perjodu ta' żmien raġonevolment twil biżżejjed biex l-investitur fil-livell ta' konsumatur ikun biex jikkonsultah.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafu 4 u 5, l-għoti tal-informazzjoni bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat jew permezz ta’ websajt għandhom jitqiesu xierqa fil-kuntest tan-negozju mwettaq bejn il-persuna li tbigħ il-prodott ta’ investiment u l-investitur fil-livell ta' konsumatur, jekk ikun hemm prova li l-investitur fil-livell ta' konsumatur għandu aċċess regolari għall-internet. L-għoti ta' indirizz elettroniku min-naħa ta' investitur fil-livell ta' konsumatur għall-finijiet tat-twettiq ta’ dak in-negozju għandu jitqies bħala evidenza ta’ dan.

KAPITOLU IIa

INTERVENT FUQ IL-PRODOTT

Artikolu 13a

Setgħat ta' intervent tal-ASE

1.     B'konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 jew tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ASE għandhom jimmonitorjaw prodotti ta' investiment jew strumenti finanzjarji li huma kummerċjalizzati, distribwiti jew mibjugħa fl-Unjoni. L-ASE jistgħu jinvestigaw prodotti ta' investiment jew strumenti finanzjarji ġodda qabel ma jiġu kummerċjalizzati, distribwiti jew mibjugħa fl-Unjoni b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.

2.     B'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 jew tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, ASE tista', meta tkun sodisfatta fuq bażi raġonevoli li l-kundizzjonijiet fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu huma ssodisfati, tipprojbixxi jew tirrestrinġi temporanjament fl-Unjoni l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta' prodotti ta' investiment jew ta' strumenti finanzjarji.

L-ASE jistgħu jispeċifikaw f'liema ċirkostanzi għandha, projbizzjoni jew restrizzjoni, tapplika jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet.

3.     ASE għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 2 biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-azzjoni proposta tindirizza theddida sinifikanti għall-protezzjoni tal-investituri fil-livell ta' konsumatur jew għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja sħiħa jew parti minnha fl-Unjoni;

(b)

ir-rekwiżiti regolatorji skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li huma applikabbli għall-prodott ta' investiment, l-istrument finanzjarju jew l-attività finanzjarja rilevanti ma jindirizzawx it-theddida;

(c)

awtorità kompetenti jew awtoritajiet kompetenti ma ħadux azzjoni biex jindirizzaw it-theddida jew inkella l-azzjonijiet li ttieħdu ma jindirizzawx adegwatament it-theddida.

Meta l-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu jkunu ġew issodisfati, ASE tista' timponi projbizzjoni jew restrizzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2.

4.     Meta tieħu azzjoni skont dan l-Artikolu, ASE għandha tqis kemm l-azzjoni la:

(a)

jkollha effett negattiv fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji jew fuq l-investituri fil-livell ta' konsumatur li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tal-azzjoni; u lanqas

(b)

toħloq riskju ta’ arbitraġġ regolatorju.

Meta awtorità kompetenti jew awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu miżura skont l-Artikolu 13b, ASE tista' tieħu kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 mingħajr ma toħroġ l-opinjoni prevista fl-Artikolu 13c.

5.     Qabel ma tiddeċiedi li tieħu xi azzjoni skont dan l-Artikolu, ASE għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bl-azzjoni li tipproponi.

6.     Qabel ma tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 2, ASE għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha li tipprojbixxi jew tirrestrinġi prodott ta' investiment jew strument finanzjarju sakemm ma jsirux ċerti bidliet fil-karatteristiċi tal-prodott ta' investiment jew tal-istrument finanzjarju f'perjodu ta' żmien speċifikat.

7.     Kull ASE għandha tippubblika fil-websajt tagħha avviż dwar kwalunkwe deċiżjoni li tieħu xi azzjoni skont dan l-Artikolu. L-avviż għandu jispeċifika d-dettalji tal-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni u jispeċifika żmien, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż, minn meta se jidħlu fis-seħħ il-miżuri. Projbizzjoni jew restrizzjoni għandha tapplika biss għal azzjonijiet wara li l-miżuri jidħlu fis-seħħ.

8.     L-ASE rilevanti għandhom jagħmlu rieżami ta' projbizzjoni jew restrizzjoni imposta skont il-paragrafu 2 f'intervalli xierqa u tal-inqas kull tliet xhur. Jekk il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ma tiġġeddidx wara dak il-perjodu ta' tliet xhur, din għandha tiskadi.

9.     L-azzjoni adottata mill-ASE skont dan l-Artikolu għandha tirbaħ fuq kwalunkwe azzjoni preċedenti meħuda minn awtorità kompetenti.

10.     Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 li jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi li jridu jiġu kkunsidrati mill-ASE sabiex jiġi determinat x'jikkostitwixxi theddid għall-protezzjoni tal-investituri fil-livell ta' konsumatur jew għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 3(a). Dawk l-atti delegati għandhom jiżguraw li l-ASE jkunu jistgħu jaġixxu, meta jkun xieraq, fuq bażi prekawzjonali u li ma jkunux meħtieġa jistennew sakemm il-prodott ta' investiment jew l-istrument finanzjarju jkun ġie kummerċjalizzat, distribwit jew mibjugħ, jew sakemm it-tip ta' attività jew prattika tkun twettqet qabel ma tittieħed azzjoni.

Artikolu 13b

Intervent fuq il-prodott mill-awtoritajiet kompetenti

1.     Il-manifatturi ta' prodotti ta' investiment għandhom jikkomunikaw id-dokument bit-tagħrif ewlieni tal-prodott ta' investiment tagħhom lill-awtorità kompetenti li tirregola dak il-prodott fl-Istat Membru li fih jiġi kummerċjalizzat, distribwit jew mibjugħ.

2.     Il-manifatturi ta' prodotti ta' investiment għandhom jikkomunikaw aġġornamenti tad-dokument bit-tagħrif ewlieni tal-prodott ta' investiment tagħhom, li jirriflettu bidliet materjalment sinifikanti kif definiti mill-ASE, lill-awtorità kompetenti li tirregola dak il-prodott fl-Istat Membru li fih jiġi kummerċjalizzat, distribwit jew mibjugħ.

3.     L-awtorità kompetenti tista' tiżgura l-konformità tal-kontenut stipulat fid-dokument bit-tagħrif ewlieni mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament qabel il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ tal-prodott ta' investiment.

4.     L-awtorità kompetenti tista' tinvestiga prodotti ta' investiment jew strumenti finanzjarji ġodda qabel ma jiġu kummerċjalizzati, distribwiti jew mibjugħa fl-Istat Membru jew minnu.

5.     Awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi jew tirrestrinġi f’dak l-Istat Membru jew minnu:

(a)

il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta' prodotti ta' investiment jew ta' strumenti finanzjarji;

(b)

tip ta' attività jew prattika finanzjarja.

6.     Awtorità kompetenti tista' tieħu l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 6 jekk tkun sodisfatta fuq bażi raġonevoli li:

(a)

prodott ta' investiment, strument jew attività jew prattika finanzjarji joħolqu tħassib sinifikanti rigward il-protezzjoni tal-investituri jew huma ta' theddida serja għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fi Stat Membru wieħed jew aktar, fosthom permezz tal-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni, ir-remunerazzjoni jew il-provvista ta’ inċentivi relatati mal-prodott ta' investiment jew mal-istrument finanzjarju;

(b)

prodott ta' derivattivi għandu effett negattiv fuq il-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq sottostanti;

(c)

ir-rekwiżiti regolatorji eżistenti skont il-liġi tal-Unjoni applikabbli għall-prodott ta' investiment, l-istrument jew l-attività jew il-prattiki finanzjarji ma jindirizzawx biżżejjed ir-riskji msemmija fil-punt (a) u l-kwistjoni ma tkunx indirizzata aħjar permezz ta' superviżjoni jew infurzar imtejba tar-rekwiżiti eżistenti;

(d)

l-azzjoni hija proporzjonata meta titqies in-natura tar-riskji identifikati, il-livell ta’ sofistikazzjoni tal-investituri fil-livell ta' konsumatur jew tal-parteċipanti tas-suq konċernati u l-effett probabbli li l-azzjoni jista' jkollha fuq l-investituri fil-livell ta' konsumatur u l-parteċipanti tas-suq li jistgħu jżommu, jużaw jew jibbenefikaw mill-istrument finanzjarju jew mill-attività finanzjarja;

(e)

l-awtorità kompetenti kkonsultat kif xieraq l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra li jistgħu jkunu affettwati b'mod sinifikanti mill-azzjoni; kif ukoll

(f)

l-azzjoni m'għandhiex effett diskriminatorju fuq is-servizzi jew l-attivitajiet forniti minn Stat Membru ieħor.

Meta l-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu jkunu ġew issodisfati, l-awtorità kompetenti tista' timponi projbizzjoni jew restrizzjoni fuq prodott ta' investiment jew strument finanzjarju kummerċjalizzat, distribwit jew mibjugħ lill-klijenti fl-Istat Membru jew minnu.

Projbizzjoni jew restrizzjoni tista’ tapplika f’ċirkostanzi, jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet, speċifikati mill-awtorità kompetenti.

7.     Qabel ma timponi projbizzjoni jew restrizzjoni skont il-paragrafu 5, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha li tipprojbixxi jew tirrestrinġi prodott ta' investiment jew strument finanzjarju sakemm ma jsirux ċerti bidliet fil-karatteristiċi ta' prodott ta' investiment jew strument finanzjarju f'perjodu ta' żmien speċifikat.

8.     L-awtorità kompetenti m'għandhiex timponi projbizzjoni jew restrizzjoni skont dan l-Artikolu sakemm, sa mhux inqas minn xahar qabel ma tieħu l-azzjoni, ma tkunx innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha involuti u lill-ASE bil-miktub jew b'mezz ieħor miftiehem bejn l-awtoritajiiet dwar id-dettalji ta’:

(a)

l-istrument jew l-attività jew il-prattika finanzjarji li l-azzjoni proposta hija relatata magħhom;

(b)

in-natura preċiża tal-projbizzjoni jew tar-restrizzjoni proposta u meta huwa maħsub li tidħol fis-seħħ; kif ukoll

(c)

l-evidenza li fuqha bbażat id-deċiżjoni tagħha u li permezz tagħha hija sodisfatta li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha fil-paragrafu 6.

9.     Meta ż-żmien meħtieġ biex issir konsultazzjoni skont il-paragrafu 3(e) u x-xahar dewmien previst fil-paragrafu 8 jistgħu jikkawżaw dannu irriversibbli lill-konsumaturi, l-awtorità kompetenti tista' tieħu azzjoni skont dan l-Artikolu fuq bażi proviżorja għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur. F'dak il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet l-oħra kollha u lill-ASE dwar l-azzjoni li ttieħdet.

10.     L-awtorità kompetenti għandha tippubblika fil-websajt tagħha avviż dwar kwalunkwe deċiżjoni li timponi xi projbizzjoni jew restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 5. L-avviż għandu jispeċifika d-dettalji tal-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni, id-data wara l-pubblikazzjoni tal-avviż li minnha jidħlu fis-seħħ il-miżuri u l-evidenza li turi li hija sodisfatta li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha fil-paragrafu 6. Il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni għandha tapplika biss fir-rigward ta' azzjonijiet li ttieħdu wara l-pubblikazzjoni tal-avviż.

11.     L-awtorità kompetenti għandha tirrevoka projbizzjoni jew restrizzjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 6 ma jibqgħux japplikaw.

12.     Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 li jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi li jridu jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti meta jiddeterminaw x'jikkostitwixxi theddid għall-protezzjoni tal-investituri jew għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew parti minnha kif imsemmi fil-paragrafu 3(a).

Artikolu 13c

Rwol ta' koordinazzjoni tal-ASE

1.     Kull ASE għandha twettaq rwol ta’ faċilitazzjoni u koordinazzjoni fir-rigward tal-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 13b. B’mod partikolari, kull ASE għandha tiżgura li l-azzjoni meħuda minn awtorità kompetenti tkun ġustifikata u proporzjonata u li, meta jkun xieraq, jittieħed approċċ konsistenti mill-awtoritajiet kompetenti.

2.     Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 13b dwar kwalunkwe azzjoni li għandha tiġi imposta skont dak l-Artikolu, ASE għandha tadotta opinjoni dwar jekk tikkunsidrax il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni bħala ġustifikata u proporzjonata. Jekk l-ASE tikkunsidra li awtoritajiet kompetenti oħra jeħtieġ jieħdu miżuri sabiex jiġi indirizzat ir-riskju, għandha wkoll tiddikjara dan fl-opinjoni tagħha. L-opinjoni għandha tiġi ppubblikata fil-websajt tal-ASE.

3.     Meta awtorità kompetenti tipproponi li tieħu, jew tieħu, azzjoni li tmur kontra opinjoni adottata minn ASE skont il-paragrafu 2 jew ma taċċettax li tieħu azzjoni kuntrarjament għal tali opinjoni, għandha tippubblika minnufih fil-websajt tagħha avviż li jispjega bis-sħiħ ir-raġunijiet għaliex għamlet dan.

Artikolu 13d

Divulgazzjoni ta' tariffi u spejjeż

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta mill-persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment f'dokument separat mid-dokument bit-tagħrif ewlieni:

1.

It-tariffi kollha msemmija fl-Artikolu 8(2)(c) għandhom jiġu divulgati b'mod kumulattiv. M'għandhomx jiġu klassifikati mill-ġdid bħala parti minn investiment meta jidhru aktar 'l isfel fl-investiment.

2.

Imposti għall-pariri dwar l-investiment m'għandhomx ikunu bbażati fuq rati perċentwali fissi, sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim minn qabel mill-investitur. Jekk ikun hemm qbil dwar rata perċentwali fissa, il-persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment għandha tipprovdi divulgazzjoni sħiħa ta' xi tkun timplika din matul il-perjodu sħiħ tal-investiment, jew għal perjodu ta' żmien mitlub mill-investitur.

3.

Il-persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment, jew li tagħti parir lill-investitur, għandha tipprovdi lill-investitur b'lista dettaljata tal-ħin li tkun ħadet biex taħdem fuq dak il-parir, u din għandha tiġi komunikata fil-forma ta' minuti jew sigħat, li magħhom għandu jkun hemm ir-rata fis-siegħa, sakemm ma kienx hemm qbil dwar rata perċentwali fissa kif imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 13e

Ġestjoni tar-riskji

1.     Il-manifattur tal-prodott ta' investiment għandu jadotta proċess tal-ġestjoni tar-riskji li jippermetti li jiġi mmonitorjat u mkejjel fi kwalunkwe ħin il-profil tar-riskju tal-prodott ta' investiment.

Għandu jadotta proċess għal valutazzjoni eżatta u indipendenti tal-valur ta' derivattivi OTC.

Għandu jikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu t-tipi ta' strumenti derivattivi, ir-riskji sottostanti, il-limiti kwantitattivi u l-metodi li ntgħażlu sabiex jiġu stmati r-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet fi strumenti derivattivi rigward kull prodott.

2.     Il-manifattur tal-prodott ta' investiment għandu jiżgura li l-iskopertura globali tal-prodott ta' investiment b'rabta ma' strumenti derivattivi ma taqbiżx il-valur totali tal-prodott ta' investiment.

L-iskopertura hija kkalkolata billi jiġi kkunsidrat il-valur attwali tal-assi sottostanti, ir-riskju tal-kontroparti, il-movimenti futuri tas-suq u ż-żmien disponibbli sabiex jiġu likwidati l-pożizzjonijiet.

Meta titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus jinkorporaw derivattiv, id-derivattiv għandu jiġi kkunsidrat meta jikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu.

3.     Il-kalkolu tal-valur fir-riskju għandu jsir bi qbil mal-parametri li ġejjin:

(a)

intervall ta' kunfidenza fuq naħa waħda ta' 99 %;

(b)

perjodu ta' parteċipazzjoni ekwivalenti għal xahar (20 ġurnata tax-xogħol); kif ukoll

(c)

perjodu ta' osservazzjoni effettiv (storja) ta' fatturi ta' riskju ta' mill-inqas tliet snin (750 ġurnata tax-xogħol) sakemm perjodu ta' osservazzjoni iqsar ma jkunx ġustifikat minn żieda sinifikanti fil-volatilità tal-prezzijiet (eż. minħabba kundizzjonijiet tas-suq estremi).

4.     L-ASE għandhom jiżviluppaw abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex jiddeterminaw:

(a)

linji gwida dwar il-kejl tar-riskji u l-kalkolu tal-iskopertura globali tal-prodotti ta' investiment mibjugħa lill-investituri fil-livell ta' konsumatur;

(b)

linji gwida dwar l-indiċijiet finanzjarji.

L-ASE għandhom jissottomettu dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa […].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 13f

Regoli dwar ir-rendiment

1.     Ir-rendiment ta' prodott ta' investiment m'għandux:

(a)

jinkludi numru ta' mekkaniżmi, avvenimenti jew klassijiet ta' assi li joħolqu riskju ta' interpretazzjoni ħażina;

(b)

ikun soġġett għall-okkorrenza ta' avvenimenti mhux komuni għall-investituri fil-livell ta' konsumatur, bħal-livell ta' kapital regolatorju ta' istituzzjoni finanzjarja; jew

(c)

jinkludi fatturi ta' aggregazzjoni li jilagħbu bil-preġudizzji tal-imġiba tal-investituri fil-livell ta' konsumatur.

2.     L-ASE għandhom jiżviluppaw linji gwida li jagħtu aktar direzzjoni dwar il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

KAPITOLU III

ILMENTI, RIMEDJU, KOOPERAZZJONI

Artikolu 14

Il-manifattur tal-prodott ta’ investiment u l-persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment għandhom jistabbilixxu proċeduri u arranġamenti xierqa li jiżguraw li:

(a)

l-investituri fil-livell ta’ konsumatur ikollhom mod effettiv kif jissottomettu lment kontra l-manifattur tal-prodott ta’ investiment u b'hekk proċedura ta' rimedju;

(b)

l-investituri fil-livell ta' konsumatur li jkunu ssottomettew ilment fir-rigward tad-dokument bit-tagħrif ewlieni jew tal-anness mad-dokument bit-tagħrif ewlieni jirċievu tweġiba sostantiva fil-waqt u b'mod xieraq; u

(c)

proċeduri effettivi ta’ rimedju huma disponibbli wkoll għall-investituri fil-livell ta’ konsumatur fil-każ ta’ tilwim transfruntier, b'mod partikolari meta l-manifattur tal-prodott ta' investiment ikun jinsab fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz .

Artikolu 15

1.    Bi qbil mad-Direttiva dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi [2011/0373(COD)] u r-Regolament dwar soluzzjoni onlajn għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi [2011/0374(COD)], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta investitur fil-livell ta' konsumatur jibda proċedura ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim skont il-liġi nazzjonali kontra manifattur ta' prodott ta' investiment jew persuna li tbigħ prodotti ta' investiment fir-rigward ta' tilwima dwar id-drittijiet u l-obbligi stabbiliti taħt dan ir-Regolament, il-manifattur tal-prodott ta' investiment jew il-persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment għandha tipparteċipa f'dik il-proċedura fejn▌:

(a)

il-proċedura tirriżulta f'deċiżjonijiet li jistgħu jkunu vinkolanti għall-manifattur tal-prodott ta' investiment u għall-persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment ;

(b)

il-perjodu ta' limitazzjoni biex it-tilwima tinġieb quddiem qorti jkun sospiż għat-tul tal-proċedura għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim;

(c)

il-perjodu ta' preskrizzjoni tal-pretensjoni jkun sospiż għat-tul tal-proċedura;

(d)

il-proċedura tkun mingħajr ħlas jew disponibbli bi ħlas nominali , kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

1a.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta entitajiet ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim ikollhom permess li jistabbilixxu limiti monetarji speċifikati minn qabel sabiex jiġi limitat l-aċċess għall-proċeduri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, il-limiti m’għandhomx jiġu stabbiliti f’livell fejn ifixklu b’mod sinifikanti l-aċċess tal-konsumaturi għall-immaniġġjar tal-ilmenti minn entitajiet ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-entitajiet bil-kompetenza li jittrattaw mal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 sa [daħħal data konkreta ta’ sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ/l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament]. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe tibdil sussegwenti li jikkonċerna dawk l-entitajiet.

3.   Entitajiet bil-kompetenza li jittrattaw mal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkooperaw ma' xulxin fis-soluzzjoni ta' tilwim transfruntier li jirriżulta taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 15a

Informazzjoni dwar soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim

1.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifattur tal-prodott ta' investiment jew persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment jinfurmaw lill-investitur fil-livell ta' konsumatur dwar l-entitajiet ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim li huma koperti minnhom u li huma kompetenti biex jittrattaw tilwim potenzjali bejnhom u bejn l-investitur fil-livell ta' konsumatur. Għandhom jispeċifikaw ukoll jekk jikkommettux ruħhom jew humiex obbligati li jużaw dawn l-entitajiet biex isolvu t-tilwim ma' investituri fil-livell ta' konsumatur jew le.

2.     L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata b’mod ċar, li jinftiehem u li jkun faċilment aċċessibbli fil-websajt tan-negozjanti, jekk din tkun jeżisti, u jekk ikun applikabbli fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ bejgħ jew tas-servizzi bejn in-negozjant u l-konsumatur.

3.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet fejn tilwima bejn investitur fil-livell ta' konsumatur u manifattur ta' prodott ta' investiment jew persuna li tbigħ prodott ta' investiment fit-territorju tagħhom ma setgħetx tiġi solvuta wara lment ippreżentat direttament mill-investitur fil-livell ta' konsumatur lill-manifattur tal-prodott ta' investiment jew lil persuna li tbigħ il-prodott ta' investiment, dawn tal-aħħar jipprovdu lill-investitur fil-livell ta' konsumatur l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li tispeċifika jekk hux se jagħmel użu mill-entitajiet rilevanti ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim biex tissolva t-tilwima. Dik l-informazzjoni għandha tiġi stampata jew ipprovduta fuq mezz durabbli ieħor.

Artikolu 15b

Soluzzjonijiet alternattivi kollettivi għat-tilwim

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu proċeduri għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim li jittrattaw b'mod konġunt tilwimiet identiċi jew simili bejn manifattur u persuna li tbigħ prodotti ta' investiment u diversi investituri fil-livell ta' konsumatur. Is-sistemi ta' soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim għal tilwimiet u rimedji kemm individwali kif ukoll kollettivi huma proċeduri kumplimentari u li ma jeskludux lil xulxin.

Artikolu 16

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-entitajiet responsabbli mill-proċeduri straġudizzjarji tal-ilmenti u r-rimedju msemmija fl-Artikolu 15.

B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin b’dik l-informazzjoni li tkun rilevanti għall-finijiet tat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 17

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq f'dak l-Istat Membru skont dan ir-Regolament.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-EBA, l-EIOPA u l-ESMA.

KAPITOLU IV

PENALI AMMINISTRATTIVI U MIŻURI OĦRA

Artikolu 18

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli li jistabbilixxu penali ▌amministrattivi u miżuri oħra xierqa li għandhom jiġu applikati f’sitwazzjonijiet ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali miżuri oħra għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

Sa [24 xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-ASE. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-ASE mingħajr dewmien dwar kwalunwke emenda sussegwenti għalihom.

2.   ▌L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom disponibbli għalihom, skont il-liġi nazzjonali, is-setgħat superviżorji kollha, inklużi setgħat investigattivi, kif ikun meħtieġ biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament .

2a.     Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 19, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li l-penali amministrattivi u miżuri oħra jipproduċu r-riżultati mixtieqa ta' dan ir-Regolament u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom sabiex jevitaw il-possibilità ta’ xogħol doppju u dupplikazzjoni meta japplikaw il-penali amministrattivi u miżuri oħra f’każijiet transfruntieri.

Artikolu 19

1.   Dan l-Artikolu japplika għal kwalunkwe ksur ta' dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa jimponu mill-inqas dawn il-penali u miżuri amministrattivi oħra :

(a)

ordni li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott ta’ investiment;

(b)

ordni li tissospendi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott ta’ investiment;

(c)

twissija, li ssir pubblika u li tidentifika l-persuna responsabbli u n-natura tal-ksur;

(d)

ordni għall-pubblikazzjoni ta’ verżjoni ġdida tad-dokument bit-tagħrif ewlieni;

(da)

fil-każ ta' persuna ġuridika, multi amministrattivi sa massimu ta' 10 % tal-fatturat annwali totali ta' dik il-persuna ġuridika fis-sena finanzjarja ta' qabel; meta l-persuna ġuridika tkun sussidjarja ta' impriża prinċipali, il-fatturat rilevanti totali annwali għandu jkun il-fatturat totali annwali li jirriżulta mill-kont konsolidat tal-impriża prinċipali aħħarija għas-sena kummerċjali ta' qabel;

(db)

fil-każ ta' persuna fiżika, multi amministrattivi sa massimu ta' EUR 5 000 000, jew fi Stat Membru fejn l-euro ma tkunx il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fi … [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu imponew penali amministrattiva jew miżura oħra waħda jew iżjed skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa jippubblikaw jew jitolbu lill-manifattur tal-prodott ta’ investiment jew lill-persuna li tbigħ il-prodott ta’ investiment li tippubblika komunikazzjoni diretta lill-investitur fil-livell ta' konsumatur ikkonċernat, biex jingħata informazzjoni dwar il-penali amministrattiva jew miżura oħra , u jiġi infurmat dwar fejn jista’ jagħmel l-ilmenti tiegħu jew jissottometti talbiet għar-rimedju.

Artikolu 20

L-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw il-penali amministrattivi u miżuri oħra msemmija fl-Artikolu 19(2) billi jqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha inkluż:

(a)

il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur;

(b)

il-grad ta' responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

(c)

l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri fil-livell ta' konsumatur;

(d)

l-imġiba kooperattiva tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-ksur;

(e)

kwalunkwe ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli.

(ea)

il-miżuri kollha li ttieħdu mill-persuna responsabbli biex tiġi evitata kwalunkwe ripetizzjoni tal-ksur fil-futur.

(eb)

kwalunkwe kumpens provdut lill-investituri fil-livell ta' konsumatur mill-persuna responsabbli wara l-ksur.

Artikolu 21

1.   Fejn l-awtorità kompetenti tkun żvelat il-penali amministrattivi u miżuri oħra lill-pubbliku, hija għandha simultanjament tirrapporta dawk il-penali amministrattivi u miżuri oħra lill-ASE.

2.   Darba fis-sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-ASE kompetenti bl-informazzjoni aggregata rigward il-penali amministrattivi u miżuri oħra imposti skont l-Artikoli 18 u 19(2).

3.   L-ASE għandha tippubblika din l-informazzjoni f’rapport annwali.

Artikolu 22

Il-penali miżuri oħra imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 19(1) għandhom jiġu ddivulgati lill-pubbliku mingħajr dewmien żejjed inkluż mill-inqas l-informazzjoni dwar it-tip tal-ksur ta’ dan ir-Regolament u l-identità ta’ dawk responsabbli għalih ▌. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżommu l-identità tal-entità soġġetta għal penali amministrattivi jew miżuri oħra fuq il-websajt tagħhom wara mhux inqas minn ħames snin .

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 12(4), l-Artikolu 13a(10) u  l-Artikolu 13b(9) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ [ sentejn ] mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 8(5), l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 12(4), l-Artikolu 13a(10) u  l-Artikolu 13b(9) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkunu diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 12(4), l-Artikolu 13a(10) u l-Artikolu 13b(9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'[xahrejn] fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

5a.     Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, 1094/2010 u 1095/2010, il-perjodu għal oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill f'każ li jiġi aċċettat l-abbozz ta' standard tekniku regolatorju mingħajr tibdil mill-Kummissjoni għandu jkun ta' xahrejn [minħabba l-kumplessità u l-volum tal-kwistjonijiet koperti]. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż darba, fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, b'xahar ieħor.

Artikolu 23a

Dispożizzjonijiet ulterjuri għall-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji

1.     Minkejja kwalunkwe limitu ta' żmien previst għas-sottomissjoni ta' abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni, għandu jkun hemm qbil dwar sottomissjoni gradwali li għandu jispeċifika t-testi jew il-gruppi ta' testi ppjanati li jiġu sottomessi 12, 18 u 24 xahar minn qabel.

2.     Il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta standards tekniċi regolatorji b'mod li, waqt waqfa għall-btajjel, tnaqqas iż-żmien għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew, inkluża kwalunkwe estensjoni, għal inqas minn xahrejn.

3.     L-ASE jistgħu jikkonsultaw il-Parlament Ewropew matul l-istadji ta' abbozzar tal-istandards tekniċi regolatorji, b'mod partikolari fejn hemm tħassib rigward il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

4.     Meta l-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew ikun ċaħad standard tekniku regolatorju u jkun hemm inqas minn ġimgħatejn biex tibda s-sessjoni plenarja li jmiss, il-Parlament Ewropew jista' jestendi ulterjorment il-perjodu għall-oġġezzjoni msemmi fl-Artikolu 23(5a) għad-data tas-sessjoni plenarja ta' wara.

5.     Fl-eventwalità ta’ ċaħda ta’ standard tekniku regolatorju u meta l-kwistjonijiet identifikati jkunu ta’ ambitu limitat, il-Kummissjoni tista’ tadotta skeda ta' żmien aċċelerata għat-tressiq ta' abbozzi riveduti.

6.     Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-mistoqsijiet kollha tal-grupp tal-iskrutinju tal-Parlament Ewropew imqajma b'mod formali permezz tal-president tal-kumitat kompetenti jitwieġbu minnufih qabel l-adozzjoni tal-abbozz tal-istandard tekniku regolatorju.

Artikolu 24

1.    Il-kumpaniji tal-maniġment u l-kumpaniji tal-investiment imsemmija fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/65/KE u l-persuni li jbigħu l-UCITS kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Direttiva huma eżenti mill-obbligi skont dan ir-Regolament sa … [T liet snin wara d-dħul fis-seħħ].

1a.     L-AIFMs kif definiti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (13) , u l-persuni li jbigħu unitajiet ta' AIFs kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) ta' dik id-Direttiva, għandhom ikunu eżenti mill-obbligi f'dan ir-Regolament sa … [Tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] sakemm jipprovdu dokument bit-tagħrif ewlieni għall-investituri skont il-liġi nazzjonali b'konformità mal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65/KE jew id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali.

Artikolu 25

1.   Sa … [Erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tanalizza dan ir-Regolament. L-analiżi għandha tinkludi stħarriġ ġenerali dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament u tqis l-iżviluppi fis-swieq għall-prodotti ta’ investiment għall-konsumaturi ▌. L-analiżi għandha wkoll tirrifletti fuq il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal prodotti finanzjarji oħra ġodda jew innovattivi distribwiti fl-Unjoni .

2.   Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konġunt tal-ASE, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

2a.     Minn … [Data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], il-manifatturi ta' investiment għandhom jipproduċu d-dokument bit-tagħrif ewlieni skont dan ir-Regolament u għandhom ikunu eżenti milli jissottomettu sommarju ta' prospett skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/71/KE.

Artikolu 26

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn … [Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitat responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 57(2), it-tieni subparagrafu (A7-0368/2013).

(*1)  Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(2)  ĠU C 70, 9.3.2013, p. 2.

(3)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 59.

(4)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3.

(6)  Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64)

(7)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(8)  Testi adottati, P7_TA(2013)0012.

(9)  Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 dwar it-twegħid fis-suq minn distanza ta' servizzi finanzjarji għal konsumatur u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16).

(10)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48) u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(12)  Id-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21).

(13)   Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).