24.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 436/122


P7_TA(2013)0471

Programmi ta' għajnuna għad-dekummissjonar ta' impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja *

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-programmi ta' għajnuna għad-dekummissjonar ta' impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja (COM(2011)0783 – C7-0514/2011 – 2011/0363(NLE))

(Konsultazzjoni)

(2016/C 436/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2011)0783),

wara li kkunsidra l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0514/2011),

wara li kkunsidra l-Artikolu 56 tal-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-Protokoll Nru 4,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0119/2013),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom;

3.

Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill jerġa’ jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b’mod sostanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda 1

Proposta għal regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)

F'konformità mal-obbligi tat-Trattat tal-Adeżjoni u bl-għajnuna Komunitarja, il-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja għalqu l-impjanti nukleari kkonċernati u għamlu progress sinifikanti fil-proċess tad-dekummissjonar tagħhom. Għad hemm iktar xi jsir sabiex jitkompla l-progress fl-operazzjonijiet proprji taż-żarmar sakemm jintlaħaq stat irreversibbli fil-proċess tad-dekummissjonar b'mod sikur , filwaqt li jkun żgurat li jiġu applikati l-ogħla standards tas-sikurezza. Abbażi tal-istimi disponibbli, se jkun hemm bżonn ta' riżorsi finanzjarji addizzjonali sostanzjali biex jitlesta x-xogħol ta' dekummissjonar.

(4)

F'konformità mal-obbligi tat-Trattat tal-Adeżjoni u bl-għajnuna Komunitarja, il-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja għalqu l-impjanti nukleari kkonċernati , jew l-unitajiet rilevanti, u għamlu progress sinifikanti fil-proċess tad-dekummissjonar tagħhom. Għad hemm iktar x’isir sabiex jitkompla l-progress fl-operazzjonijiet proprji tat-twaqqigħ, tad-dekontaminazzjoni, taż-żarmar , u l-ġestjoni tal-operazzjonijiet tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv u biex jiġi implimentat il-proċess kostanti lejn l-istat aħħari irriversibbli tad-dekummissjonar, filwaqt li jkun żgurat li jiġu applikati l-ogħla standards tas-sikurezza. Abbażi tal-istimi disponibbli, se jkun hemm bżonn ta' riżorsi finanzjarji addizzjonali sostanzjali biex jitlesta x-xogħol ta' dekummissjonar filwaqt li titqies ir-responsabbiltà finanzjarja kondiviża tal-Unjoni u ta' dawk l-Istati Membri .

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 4a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a)

L-għeluq bikri u d-dekummissjonar konsegwenti tal-impjant nukleari ta' Ignalina b'żewġ unitajiet tar-reatturi ta' 1 500  MW, erba' unitajiet tal-impjant nukleari ta' Kozloduy b'kapaċità totali ta' 1 760  MW u tal-impjant nukleari V1 Bohunice b'żewġ unitajiet b'kapaċità ta' 880 MW, ħoloq piż konsiderevoli għal żmien twil għaċ-ċittadini tat-tliet pajjiżi f'termini ta' implikazzjonijiet enerġetiċi, finanzjarji, ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 4b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4b)

Id-dekummissjonar tal-impjant nukleari ta' Ignalina huwa operazzjoni fit-tul u jirrappreżenta għal-Litwanja piż finanzjarju eċċezzjonali mhux proporzjonat mad-daqs jew mas-saħħa ekonomika tagħha, u l-Protokoll Nru 4 tal-Att ta Adeżjoni tal-2003 jiddikjara li l-“Programm ta' Ignalina ser jitkompla mingħajr waqfien u jiġi estiż lil hinn mill-2006”, u jżid li “Għall-perjodu tal-Perspettivi Finanzjarji li jmiss, l-approprazzjonijiet medji ġenerali taħt il-Programm ta' Ignalina estiż għandhom ikunu adegwati.”

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 4c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4c)

Fil-każ tal-Bulgarija, l-Artikolu 30 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005 jirreferi biss għall-perjodu 2007-2009, u fil-każ tas-Slovakkja l-Att ta' Adeżjoni tal-2003 jirreferi biss għall-perjodu 2004-2006. Għalhekk, b'rabta mal-assistenza addizzjonali għall-Bulgarija u s-Slovakkja, għandu jiġi applikat l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom, u l-Protokoll Nru 4 u l-Artikolu 56 tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003 jservi ta' bażi legali għall-assistenza kontinwa għal-Litwanja.

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 5a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5a)

Taħt il-Programmi stabbiliti għall-perjodu 2007-2013, is-superviżjoni tal-Kummissjoni ffukat fuq l-eżekuzzjoni baġitarja tal-approprjazzjonijiet finanzjarji u l-implimentazzjoni tal-proġett, pjuttost milli dwar kemm sar progress lejn l-objettivi tal-Programmi b'mod ġenerali. Il-kejl insuffiċjenti tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-Programmi u l-monitoraġġ mhux adegwat tal-użu effikaċi tar-riżorsi fisser li ħadd ma kien verament responsabbli għall-prestazzjoni ġenerali tal-Programm.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 5b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5b)

Għandu jitqies b'mod adegwat ir-Rapport speċjali 16/2011 tal-Qorti tal-Awdituri: Għajnuna finanzjarja tal-UE għad-dekummissjonar ta' impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja: kisbiet u sfidi futuri, li jinkludi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet. Il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-proċess ewlieni tad-dekummissjonar fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja għadu għaddej u li l-finalizzazzjoni tiegħu qed tiffaċċja tnaqqis sinifikanti tal-finanzjament (madwar EUR 2,5 biljuni). B'mod partikolari, il-proġetti kbar tal-infrastruttura ffaċċjaw dewmien u żieda tal-ispejjeż fil-proċess ewlieni tad-dekummissjonar, u l-istimi tal-ispejjeż mhumiex kompluti minħabba nuqqas ta' informazzjoni ewlenija dwar l-iskart radjuattiv u/jew faċilitajiet u teknoloġiji meħtieġa għat-trattament tiegħu.

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 5c (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5c)

Minkejja l-fatt li l-għeluq tal-unitajiet ikkonċernati kollha sar sal-iskadenzi rispettivi, ċerti programmi ta' dekummissjonar għadhom iħabbtu wiċċhom ma' dewmien li jagħmel ħsara mil-lat ekonomiku u huwa inaċċettabbli mil-lat politiku. Dan id-dewmien għandu jiġi ttrattat mill-pjan iddettaljat irrevedut għad-dekummissjonar.

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 5d (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5d)

Billi xi programmi għadhom ma skattawx it-tibdiliet organizzattivi meħtieġa għad-dekummissjonar effikaċi, għandha ssir it-trasformazzjoni neċessarja tal-istrutturi organizzattivi.

Emenda 9

Proposta għal regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)

Wara talba għal iktar fondi min-naħa tal-Bulgarija, tal-Litwanja u tas-Slovakkja, fil-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-perjodu mill-2014 sal-2020 imsejħa “Baġit għall-Ewropa 2020”, iddaħħlet dispożizzjoni li tipprevedi għas-somma ta’ EUR 700 miljun mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sikurezza fil-qasam nukleari u għad-dekummissjonar. Minn dan l-ammont, huwa previst ammont ta’ EUR 500 miljun fi prezzijiet tal-2011, li jiġu madwar EUR 553 miljun fi prezzijiet attwali, għal Programm ġdid sabiex ikompli jiġi appoġġat il-proċess ta’ dekummissjonar tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Bohunice V1 u tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Ignalina mill-2014 sal-2017 u tal-unitajiet 1 sa 4 tal-impjant nukleari ta’ Kozloduy mill-2014 sal-2020. Il-fondi skont dan il-programm il-ġdid għandhom ikunu disponibbli b'mod li dejjem jonqsu ftit ftit.

(6)

Wara talba għal iktar fondi min-naħa tal-Bulgarija, tal-Litwanja u tas-Slovakkja, il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill- 2014 sal-2020 għandu jinkludi appoġġ finanzjarju xieraq mill-Unjoni, ibbażat fuq kull pjan ta' dekummissjonar .

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 6a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(6a)

L-ammont tal-approprjazzjonijiet allokati għall-Programmi, kif ukoll il-perjodu ta' programmazzjoni u t-tqassim bejn il-Programmi ta' Kozloduy, Ignalina u Bohunice jistgħu jiġu riveduti abbażi tar-riżultati tar-rapport interim u r-rapport finali ta' evalwazzjoni, bil-kundizzjoni li l-ogħla standards ta' sikurezza u l-proċess kostanti ta' dekummissjonar b'konformità mal-pjanijiet rispettivi ta' dekummissjonar ma jiġux ipperikolati.

Emenda 11

Proposta għal regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7)

L-appoġġ kopert minn dan ir-Regolament għandu jiżgura l-kontinwazzjoni bla problemi tal-proċess tad-dekummissjonar u għandu jikkonċentra fuq miżuri sabiex jintlaħaq stat irreversibbli fil-proċess tad-dekummissjonar b’mod sikur, u b’hekk jagħti l-ikbar valur miżjud possibbli tal-Unjoni , filwaqt li jiżgura l-bidla lejn finanzjament magħmul kollu kemm hu mill-Istat Membru għat-tlestija tal-proċess tad-dekummissjonar . Ir-responsabbiltà aħħarija għas-sikurezza fil-qasam nukleari tibqa’ f’idejn l-Istati Membri kkonċernati, li jfisser ukoll li dawn għandhom ir-responsabbiltà aħħarija għall-finanzjament ta’ din is-sikurezza, inkluż il-finanzjament tal-proċess tad-dekummissjonar. Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċeduri tal-għajnuna mill-Istat li jistgħu jitwettqu fil-ġejjieni skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat.

(7)

L-appoġġ kopert minn dan ir-Regolament għandu jiżgura l-kontinwazzjoni bla problemi tal-proċess tad-dekummissjonar u għandu jikkonċentra fuq miżuri sabiex jimplimentaw il-proċess kostanti lejn l-istat aħħari irriversibbli tad-dekummissjonar waqt li jkun żgurat li jiġu applikati l-ogħla standards ta' sikurezza, peress li tali miżuri jagħtu l-aktar valur miżjud tal-Unjoni. Ir-responsabbiltà aħħarija għas-sikurezza fil-qasam nukleari tibqa’ f’idejn l-Istati Membri kkonċernati, li jfisser ukoll li dawn għandhom ir-responsabbiltà aħħarija għall-finanzjament ta’ din is-sikurezza, inkluż il-finanzjament tal-proċess tad-dekummissjonar. In-nuqqas ta' konformità ma' dan l-obbligu jpoġġi liċ-ċittadini tal-Unjoni f'riskju. Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għar-riżultat ta’ kwalunkwe proċeduri tal-għajnuna mill-Istat li jistgħu jitwettqu fil-ġejjieni skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea .

Emenda 12

Proposta għal regolament

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)

Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ effiċjenza possibbli, id-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari koperti minn dan ir-Regolament għandu jitwettaq billi jintuża l-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli, u billi jitqiesu kif xieraq in-natura tal-unitajiet li għandhom jingħalqu u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tagħhom.

(9)

Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' effiċjenza possibbli, id-dekummissjonar tal-impjanti tal-enerġija nukleari koperti minn dan ir-Regolament għandu jitwettaq billi jintuża l-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli, billi jitqiesu kif xieraq in-natura tal-unitajiet li għandhom jingħalqu u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tagħhom u b'valutazzjonijiet komprensivi dwar il-progress tal-proċessi ta' dekummissjonar u ta' taffija .

Emenda 13

Proposta għal regolament

Premessa 10a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(10a)

L-ispejjeż tal-attivitajiet ta' dekummissjonar koperti minn dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti skont standards rikonoxxuti f'livell internazzjonali għall-istimi tal-ispejjeż tad-dekummissjonar, bħal pereżempju l-International Structure for Decommissioning Costing ippubblikat konġuntament mill-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-Kummissjoni.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11)

Il-Kummissjoni se tiżgura li jkun hemm kontroll effettiv tal-iżvilupp tal-proċess tad-dekummissjonar sabiex tiżgura l-ogħla valur miżjud tal-Unjoni tal-fondi allokati fi ħdan dan ir-Regolament, għalkemm ir-responsabbiltà aħħarija għall-proċess tad-dekummissjonar hija f’idejn l-Istati Membri. Dan jinkludi l-kejl effettiv tal-prestazzjoni u l-valutazzjoni tal-miżuri korrettivi matul il-programm.

(11)

Il-Kummissjoni se tiżgura li jkun hemm kontroll effettiv tal-iżvilupp tal-proċess tad-dekummissjonar sabiex tiżgura l-ogħla valur miżjud tal-Unjoni tal-fondi allokati fi ħdan dan ir-Regolament, għalkemm ir-responsabbiltà aħħarija għall-proċess tad-dekummissjonar hija f’idejn l-Istati Membri. Dan jinkludi l-kejl effettiv tal-prestazzjoni u l-valutazzjoni tal-miżuri korrettivi matul il-programm. Dan il-kontroll għandu jkun ibbażat fuq l-istabbiliment ta' indikaturi ta' prestazzjoni kwalitattivi u kwantitattivi sinifikanti li jkunu faċilment immonitorjati u rrappurtati skont il-bżonn li jkun hemm.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Premessa 12a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(12a)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm l-akbar trasparenza, responsabilità u skrutinju demokratiku tal-fondi tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-kontribut tagħhom, kemm dak mistenni kif ukoll dak miksub, biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-Programm. B'mod partikulari l-problemi kritiċi maniġerjali, legali, finanzjarji u tekniċi għandhom jissolvew jew għandhom jittieħdu miżuri biex dawn jissolvew.

Emenda 16

Proposta għal regolament

Premessa 13a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13a)

Għandu jsir kull sforz biex titkompla l-prattika tal-kofinanzjament stabbilita fil-qafas tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u l-assistenza mogħtija waqt il-perjodu 2007-2013 għall-isforzi ta' dekummissjonar tal-Litwanja kif ukoll biex jiġi attirat kofinanzjament minn għejun oħra kif ikun xieraq.

Emenda 17

Proposta għal regolament

Artikolu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm multiannwali ta’ għajnuna għall-proċess tad-dekummissjonar nukleari għall-2014 sal-2020 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm”), li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għal miżuri marbutin mad-dekummissjonar tal-unitajiet 1 sa 4 tal-impjant nukleari ta’ Kozloduy (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm ta’ Kozloduy”), tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Ignalina: (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm ta’ Ignalina”) u tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Bohunice V1: (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm ta’ Bohunice”).

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm multiannwali ta’ għajnuna għall-proċess tad-dekummissjonar nukleari għall-2014 sal-2020 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm”), li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni addizzjonali tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għal miżuri marbutin mad-dekummissjonar irriversibbli tal-unitajiet 1 sa 4 tal-impjant nukleari ta’ Kozloduy (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm ta’ Kozloduy”), tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Ignalina: (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm ta’ Ignalina”) u tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Bohunice V1: (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm ta’ Bohunice”).

Emenda 18

Proposta għal regolament

Artikolu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 1a

 

Definizzjoni

 

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolemant, id-dekummissjonar ikopri attivitajiet ta' tħejjija qabel l-għeluq aħħari (bħat-tfassil ta' pjan ta' dekummissjonar, it-tħejjija tad-dokumenti tal-liċenzja u proġetti ta' infrastruttura tal-iskart) u l-attivitajiet kollha wara li r-reatturi jingħalqu, jiġifieri t-tneħħija u r-rimi finali tal-elementi tal-fjuwil użat, id-dekontaminazzjoni, żarmar u/jew it-twaqqigħ tal-istallazzjonijiet nukleari, ir-rimi tal-materjal tal-iskart radjuattiv li jibqa' u r-restawr ambjentali tas-sit ikkontaminat. Il-proċess ta' dekummissjonar jintemm meta l-istallazzjoni tiġi ħielsa minn kull kontroll regolatorju u restrizzjoni radjoloġika.

Emenda 19

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   L-għan ġenerali tal-Programm huwa li jgħin lill-Istati Membri kkonċernati jilħqu stat irreversibbli fil-proċess tad-dekummissjonar tal-unitajiet 1 sa 4 tal-impjant nukleari ta’ Kozloduy, tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Ignalina u tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant nukleari ta’ Bohunice V1 , skont il-pjanijiet rispettivi għad-dekummissjonar tagħhom, filwaqt li jkun żgurat l-ogħla livell tas-sikurezza.

1.   L-għan ġenerali tal-Programm huwa li jgħin lill-Istati Membri kkonċernati jimplimentaw il-proċess kostanti lejn l-istat aħħari irriversibbli tad-dekummissjonar tal-unitajiet 1 sa 4 ta’ Kozloduy, tal-unitajiet 1 u 2 ta’ Ignalina u tal-unitajiet 1 u 2 ta’ Bohunice V1, filwaqt li jżomm l-ogħla livell tas-sikurezza b'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar is-sikurezza nukleari u b'mod partikolari d-Direttivi tal-Kunsill 96/29/Euratom  (1) , id- 2009/71/Euratom  (2) u d- 2011/70/Euratom  (3) .

Emenda 20

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2 – punt a – punt iii

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(iii)

il-ġestjoni sikura tal-iskart li ġej mill-proċess tad-dekummissjonar skont pjan iddettaljat għall-ġestjoni tal-iskart – għan li għandu jitkejjel mill-ammont u t-tip ta’ skart ikkundizzjonat .

(iii)

il-ġestjoni sikura tal-ħżin fit-tul u r-rimi ta' skart li ġej mid-dekummissjonar skont pjan nazzjonali iddettaljat għall-ġestjoni tal-iskart, li għandu jitkejjel mill-ammont u t-tip ta’ skart maħżun u mormi;

Emenda 21

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2 – punt b – punt iii

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(iii)

iż-żarmar tas-sala tat-turbina u tal-bini sekondarju l-ieħor u l-ġestjoni sikura tal-iskart li ġej mill-proċess tad-dekummissjonar skont pjan iddettaljat għall-ġestjoni tal-iskart – għan li għandu jitkejjel mill-għadd u t-tip ta’ sistemi sekondarji żarmati u mill-ammont u t-tip ta’ skart ikkundizzjonat ;

(iii)

iż-żarmar tas-sala tat-turbina u tal-bini sekondarju l-ieħor u l-ġestjoni sikura tal-ħżin fit-tul u r-rimi tal-iskart li ġej mill-proċess tad-dekummissjonar skont pjan iddettaljat nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart – għan li għandu jitkejjel mill-ammont u t-tip ta' skart maħżun u mormi;

Emenda 22

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2 – punt c – punt iii

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(iii)

il-ġestjoni sikura tal-iskart li ġej mill-proċess tad-dekummissjonar skont pjan iddettaljat għall-ġestjoni tal-iskart – għan li għandu jitkejjel mill-ammont u t-tip ta’ skart ikkundizzjonat .

(iii)

Il-ġestjoni sikura tal-ħżin fit-tul u r-rimi ta' skart li ġej mill-proċess tad-dekummissjonar skont pjan iddettaljat nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart, li għandu jitkejjel mill-ammont u t-tip ta’ skart maħżun u mormi;

Emenda 23

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 2a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a.     Kull wieħed mill-programmi ta' dekummissjonar msemmija fil-paragrafu 2 jista' wkoll jinkludi miżuri biex jinżamm il-livell għoli ta' sikurezza tal-għeluq meħtieġ fl-impjanti nukleari.

Emenda 24

Proposta għal regolament

Artikolu 2 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.   Il-passi ewlenin u d-dati fil-mira għat-tmiem tal-proċess għandhom jiġu ddefiniti fl-att imsemmi fl-Artikolu 6(2).

3.   Il-passi ewlenin , ir-riżultati ġenerali mistennija, id-dati fil-mira għat-tmiem tal-proċess u l-indikaturi ta' prestazzjoni tal-programm pluriennali konġunt għandhom jiġu ddefiniti fl-att imsemmi fl-Artikolu 6(2).

Emenda 42

Proposta għal regolament

Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm għall-perjodu mill-2014 sal-2020 għandu jkun ta’ EUR  552 947 000 fi prezzijiet attwali.

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Programm għall-perjodu mill-2014 sal-2020 għandu jkun ta’ EUR  969 260 000 fi prezzijiet attwali.

Dak l-ammont għandu jitqassam bejn il-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice kif ġej:

Dak l-ammont għandu jitqassam bejn il-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice kif ġej:

(a)

EUR  208 503 000 għall-Programm ta’ Kozloduy għall-perjodu mill-2014 sal-2020;

(a)

EUR  293 032 000 għall-Programm ta’ Kozloduy għall-perjodu mill-2014 sal-2020;

(b)

EUR  229 629 000 għall-Programm ta’ Ignalina għall-perjodu mill-2014 sal-2017 ;

(b)

EUR  450 818 000 għall-Programm ta’ Ignalina għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ;

(c)

EUR  114 815 000 għall-Programm ta’ Bohunice għall-perjodu mill-2014 sal-2017 .

(c)

EUR  225 410 000 għall-Programm ta’ Bohunice għall-perjodu mill-2014 sal-2020 .

 

1a.     L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju multiannwali u mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali ta' … 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tajba  (4) .

Emenda 26

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Sa tmiem l-2015 , il-Kummissjoni se tirrevedi l-prestazzjoni tal-Programm u se tivvaluta l-progress li jkun sar fil-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice mal-passi ewlenin u mad-dati fil-mira msemmija fl-Artikolu 2(3) fil-qafas tal-evalwazzjoni interim imsemmija fl-Artikolu 8. Abbażi tar-riżultati ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi l-ammont tal-approprjazzjonijiet allokati għal dan il-Programm, kif ukoll il-perjodu ta’ pprogrammar u t-tqassim tal-flus fost il-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice.

2.    Abbażi tal-programmi msemmija fl-Artikolu 6(1) u (2), il-Kummissjoni se tirrevedi l-prestazzjoni tal-Programm u se tivvaluta l-progress li jkun sar fil-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice mal-passi ewlenin u mad-dati fil-mira msemmija fl- Artikolu 2(3) sal-aħħar tal- 2017 fil-qafas tal-evalwazzjoni interim imsemmija fl- Artikolu 8 . Abbażi tar-riżultati ta’ din il-valutazzjoni , u sabiex tikkunsidra l-progress miksub u tiżgura li r-riżorsi jibqgħu jiġu allokati abbażi tal-ħtiġijiet attwali , il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq , tirrevedi l-ammont tal-approprjazzjonijiet allokati għal dan il-Programm, kif ukoll il-perjodu ta’ pprogrammar u t-tqassim tal-flus fost il-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice. Kull aġġustament tal-approprjazzjonijiet m'għandux jipperikola l-istandards ta' sikurezza fl-impjanti nukleari msemmija fl-Artikolu 1.

Emenda 27

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ verifika u ta’ evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u għall-ilħiq tal-għanijiet tiegħu; b’mod partikulari l-ispejjeż għal studji, laqgħat tal-esperti, attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, fosthom il-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea sal-punt li dawn ikollhom x’jaqsmu mal-għanijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament, l-ispejjeż marbutin man-netwerks tal-informatika li jkunu mmirati lejn l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha tekniċi u amministrattivi li l-Kummissjoni ġġarrab fil-ġestjoni tal-programm.

3.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ verifika u ta’ evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-programm u għall-ilħuq tal-għanijiet tiegħu; b’mod partikulari l-ispejjeż għal studji, laqgħat tal-esperti, taħriġ, attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, fosthom il-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea sal-punt li dawn ikollhom x’jaqsmu mal-għanijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament. L- ispejjeż marbutin man-netwerks tal-informatika li jkunu mmirati lejn l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha tekniċi u amministrattivi li l-Kummissjoni ġġarrab fil-ġestjoni tal-programm jistgħu wkoll ikunu koperti .

L-allokazzjoni finanzjarja tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż għall-għajnuna teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata l-bidla bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1990/2006, ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 549/2007 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 647/2010.

L-allokazzjoni finanzjarja tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż għall-għajnuna teknika u amministrattiva meħtieġa biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1990/2006, ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 549/2007 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 647/2010. L-allokazzjoni finanzjarja ma għandhiex tkopri miżuri oħra għajr dawk imsemmija f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

Emenda 28

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 3a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a.     Għandu jsir kull sforz biex titkompla l-prattika tal-kofinanzjament stabbilita fil-qafas tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u l-assistenza mogħtija waqt il-perjodu 2007-2013 għall-isforzi ta' dekummissjonar tal-Bulgarija, il-Litwanja u Slovakkja kif ukoll biex jiġi attirat kofinanzjament minn għejun oħra kif ikun xieraq.

Emenda 29

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 3b (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3b.     In-nuqqas ta' qbil dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-għotja ta' kuntratti għandu jkun soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju jew tal-aħħar għandu jiġi ppreżentat għal proċedura ta' arbitraġġ.

 

Id-dewmien li jirriżulta fil-kostruzzjoni jista' jwassal għal posponiment tal-pagament u għal tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja. Għandu jintbagħat rapport dwar din il-kwistjoni mill-Kummissjoni bħala parti mir-rapport tal-evalwazzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 6(1a), lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda 30

Proposta għal regolament

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Sal-1 ta’ Jannar 2014, il-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ex ante li ġejjin:

1.   Sal-1 ta’ Jannar 2014, il-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ex ante li ġejjin:

(a)

huma għandhom jikkonformaw mal-acquis tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari fil-qasam tas-sikurezza nukleari, it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom dwar is-sikurezza nukleari u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom dwar il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

(a)

Jikkonformaw mal-acquis tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sikurezza nukleari ; b’mod partikolari fir-rigward tat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom dwar is-sikurezza nukleari u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom dwar il-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

(b)

għandhom jistabbilixxu qafas legali nazzjonali li jipprovdi dispożizzjonijiet adegwati għall-ġbir fil-ħin tar-riżorsi finanzjarji nazzjonali għat-tlestija tal-proċess tad-dekummissjonar b’mod sikur skont ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat;

(b)

jistabbilixxu f'qafas legali nazzjonali pjan ġenerali ta' finanzjament li jidentifika l-ispejjeż kollha meħtieġa għat-tlestija tal-proċess tad-dekummissjonar b’mod sikur tal-unitajiet ta' reatturi nukleari koperti minn dan ir-Regolament bl-identifikazzjoni ċara tas-sorsi ta' finanzjament, skont ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat;

(c)

għandhom iressqu pjan iddettaljat irrevedut għad-dekummissjonar lill-Kummissjoni.

(c)

Iressqu pjan iddettaljat irrevedut għad-dekummissjonar lill-Kummissjoni , li jistabbilixxi l-objettivi u l-kompiti ewlenin maqsumin skont il-livell tal-attivitajiet ta' dekummissjonar, il-proġetti antiċipati, l-iskeda ta' żmien, il-passi konkreti, l-istruttura tal-ispejjeż u l-proporzjonijiet tal-konfinanzjament inklużi d-dettalji ta' kif il-finanzjament nazzjonali se jkun żgurat fit-tul. Dak il-pjan għandu jqis b'mod xieraq il-linji gwida riċenti tal-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari (NEA) u tal-Kummissjoni dwar l-istima tal-ispejjeż tad-dekummissjonar.

 

1a.     Sal-1 ta' Jannar 2014 il-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li turi li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ex ante msemmija fil-paragrafu 1.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta dwar kemm il-pajjiżi jkunu qed jissodisfaw il-kundizzjonijiet ex ante meta tkun qed tħejji l-programm ta' ħidma annwali għall-2014 kif imsemmi fl-Artikolu 6(1). Meta tkun qed tadotta l-programm ta’ ħidma annwali, hija tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni kollha, jew parti minnha, sa ma jintlaħqu, b’mod sodisfaċenti, il-kundizzjonijiet ex ante.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta dwar kemm il-pajjiżi jkunu qed jissodisfaw il-kundizzjonijiet ex ante meta tkun qed tħejji l-programm ta’ ħidma annwali għall-2014 kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) , b'mod partikulari dwar jekk il-problemi kritiċi maniġerjali, legali, finanzjarji u tekniċi issolvewx jew jekk ittiħdux miżuri biex dawn jissolvew. Jekk ikun hemm opinjoni motivata mill-Kummissjoni rigward ksur minħabba nonkonformità mal-kundizzjonalità msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew jekk il-kundizzjonalitajiet imsemmija fil-punt (b) jew (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma jkunux issodisfati, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni kollha, jew parti minnha, sa ma jintlaħqu, b’mod sodisfaċenti, il-kundizzjonijiet ex ante..

 

Deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jiġu riflessi fl-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali u m'għandhomx jipperikolaw l-istandards ta' sikurezza fl-impjanti nukleari msemmija fl-Artikolu 1. L-ammont tal-għajnuna sospiża għandu jkun stabbilit skont il-kriterji stabbiliti fl-att imsemmi fl-Artikolu 6(2).

Emenda 31

Proposta għal regolament

Artikolu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta’ ħidma annwali wieħed għall-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice li jispeċifika l-għanijiet, ir-riżultati mistennija, l-indikaturi relatati u l-iskeda taż-żmien għall-użu tal-fondi skont kull impenn finanzjarju annwali.

1.    Fil-bidu ta' kull sena tal-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta’ ħidma annwali wieħed għall-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice rispettivament li jispeċifika l-għanijiet, ir-riżultati mistennija, l-indikaturi ta' prestazzjoni relatati u l-iskeda taż-żmien għall-użu tal-fondi skont kull impenn finanzjarju annwali.

 

1a.     Fl-aħħar ta' kull sena tal-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programmi konġunti ta' ħidma annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jservi ta' bażi għall-adozzjoni tal-programmi sussegwenti ta' ħidma annwali.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tadotta proċeduri ddettaljati ta’ implimentazzjoni għal kemm idum għaddej il-Programm . L-att li jistabbilixxi l-proċeduri ta’ implimentazzjoni għandu jiddefinixxi wkoll f’aktar dettall ir-riżultati mistennija, l-attivitajiet u l-indikaturi korrispondenti tal-prestazzjoni għall-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice. Dan l-att se jkun jinkludi l-pjanijiet iddettaljati rreveduti għad-dekummissjonar, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(c), li għandhom iservu bħala l-bażi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-ilħiq fil-ħin tar-riżultati mistennija.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tadotta proċeduri ddettaljati ta’ implimentazzjoni għal kemm idumu għaddejjin il-Programmi, skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(2) . Dawk l-atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-proċeduri ta’ implimentazzjoni għandhom jiddefinixxu wkoll f’aktar dettall l-elementi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-Programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice. Dan l-att se jkun jinkludi l-pjanijiet iddettaljati rreveduti għad-dekummissjonar, kif imsemmi fl- Artikolu 4(1)(c), li għandhom iservu bħala l-bażi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-ilħiq fil-ħin tar-riżultati mistennija.

 

2a.     Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għandha twettaq evalwazzjoni interim, kif previst fl-Artikolu 8(1).

3.   Il-programmi ta’ ħidma annwali u l-atti li jistabbilixxu l-proċeduri ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu 9(2).

3.   Il-programmi ta’ ħidma annwali u l-atti li jistabbilixxu l-proċeduri ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ analiżi msemmija fl-Artikolu 9(2).

Emenda 32

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 1a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a.     Sal-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara kull sena finanzjarja, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrappurtaw dwar l-użu tal-allokazzjonijiet finanzjarji. Dawk ir-rapporti, iċċertifikati mill-korpi nazzjonali tal-awditjar, għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiġu inkorporati fil-proċedura ta' kwittanza tal-baġit annwali tal-Unjoni.

Emenda 33

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2 – subparagrafu 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta’ verifika, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew il-fondi tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha , il-korpi nazzjonali tal-awditjar tal-Istati Membri li fihom jinsabu l-impjanti nukleari li għandhom jiġu dekummissjonati u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta’ verifika, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew il-fondi tal-Unjoni. Ir-riżultati tal-awditjar għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew.

Emenda 34

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2 – subparagrafu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq verifiki fuq il-post u spezzjonijiet fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament permezz ta’ tali finanzjament skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt dwar il-finanzjament tal-Unjoni.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq verifiki fuq il-post u spezzjonijiet fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament permezz ta’ tali finanzjament skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt dwar il-finanzjament tal-Unjoni. Ir-riżultati tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew.

Emenda 35

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2 – subparagrafu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Mingħajr ħsara għall-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-ftehimiet dwar l-għotjiet ta’ flus u d-deċiżjonijiet u l-kuntratti dwar l-għotjiet ta’ flus li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jagħtu dritt ċar lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF li jwettqu t-tali verifiki, u li jwettqu l-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

Mingħajr ħsara għall-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-ftehimiet dwar l-għotjiet ta’ flus u d-deċiżjonijiet u l-kuntratti dwar l-għotjiet ta’ flus li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jagħtu dritt ċar lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF li jwettqu t-tali verifiki, u li jwettqu l-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post u għandhom jiżguraw li r-riżultati ta' dawn ikunu kkomunikati lill-Parlament Ewropew .

Emenda 36

Proposta għal regolament

Artikolu 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Evalwazzjoni

Evalwazzjoni interim

1.   Sa mhux aktar tard minn tmiem l-2015 , il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport ta' evalwazzjoni dwar il-kisba tal-għanijiet tal-miżuri kollha, fil-livell tar-riżultati u tal-impatti, dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u dwar il-valur miżjud tal-Unjoni tal-kisba tal-għanijiet, bil-għan li tinħareġ deċiżjoni li temenda jew li tissospendi l-miżuri. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni għandha tittratta wkoll kemm hemm lok għas-semplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tal-kisba tal-għanijiet u jekk l-għanijiet għadhomx kollha rilevanti jew le. Din għandha tqis ir-riżultati li joħorġu mill-evalwazzjoni fuq l-impatt fit-tul tal-miżuri li jkunu ttieħdu qabel.

1.   Sa mhux aktar tard minn tmiem l-2017 , il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport interim ta’ evalwazzjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati u l-benefiċjarji, dwar il-kisba tal-għanijiet tal-miżuri kollha, fil-livell tar-riżultati u tal-impatti, dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u dwar il-valur miżjud tal-Unjoni tal-kisba tal-għanijiet u l-effikaċja tal-ġestjoni tal-programm, inkluż il-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, bil-għan li tinħareġ deċiżjoni li temenda jew li tissospendi l-miżuri. Abbażi tar-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista' tirrieżamina l-adegwatezza tal-approprjazzjonijiet allokati lill-Programm u d-distribuzzjoni tagħhom bejn il-Programmi ta' Kozloduy, Ignalina u Bohunice bi qbil mal-awtoritajiet baġitarji tal-Unjoni u skont ir-Regolament (UE) Nru …/2013 [li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020]. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni interim għandha tittratta wkoll kemm hemm lok għas-semplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tal-kisba tal-għanijiet u jekk l-għanijiet għadhomx kollha rilevanti jew le. Din għandha tqis ir-riżultati li joħorġu mill-evalwazzjoni fuq l-impatt fit-tul tal-miżuri li jkunu ttieħdu qabel.

2.     Il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ex post f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-benefiċjarji. L-evalwazzjoni ex post għandha teżamina l-effettività u l-effikaċja tal-Programm u l-impatt tiegħu fuq il-proċess tad-dekummissjonar.

 

3.   L-evalwazzjonijiet għandhom iqisu l-progress li jkun sar meta mqabbel mal-indikaturi tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2).

3.   L-evalwazzjoni interim għandha tqis il-progress li jkun sar meta mqabbel mal-indikaturi tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) u t-twettiq tar-rekwiżiti stabbiliti fil-pjan ta' dekummissjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1) .

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet ta’ dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-konklużjonijiet ta’ dawn l-evalwazzjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda 37

Proposta għal regolament

Artikolu 8a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Artikolu 8a

 

Evalwazzjoni finali għall-perjodu 2014-2020

 

1.     Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ex post f'kooperazzjoni mill-qrib mal-benefiċjarji. L-evalwazzjoni ex post għandha teżamina l-effettività u l-effikaċja tal-Programm u l-impatt tiegħu fuq il-proċess tad-dekummissjonar.

 

2.     Qabel il-31 ta' Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati u mal-benefiċjarji, rapport ta' evalwazzjoni finali dwar l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Programm, kif ukoll l-effikaċja tal-miżuri ffinanzjati fir-rigward tal-impatti, l-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tal-Unjoni, bl-użu ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi xierqa. Ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jidentifika jekk hijiex meħtieġa assistenza addizjonali tal-Unjoni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

 

3.     L-evalwazzjoni finali għandha tqis il-progress li jkun sar fid-dawl tal-indikaturi tal-prestazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(2).

 

4.     Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

 

5.     Il-Kummissjoni għandha tqis id-diversi kompetenzi u strateġiji għad-dekummissjonar użati mill-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja, sabiex teżamina l-modi possibbli ta' approċċi ta' armonizzazzjoni għad-dekummissjonar fl-Unjoni sabiex tiżgura l-akkumulu f'waqtu tal-għarfien meħtieġ sabiex ittejjeb il-kompetittività tal-industrija nukleari tal-Unjoni f'dak il-qasam.


(1)   Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta' Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1).

(2)   Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18).

(3)   Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad- 19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv(ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).

(4)   ĠU …