19.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/247


P7_TA(2013)0259

Introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali (COM(2011)0560 – C7-0248/2011 – 2011/0242(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2016/C 065/44)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0560),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0248/2011),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża, is-Senat tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kamra tad-Deputati tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament Portugiż, is-Senat Rumen, il-Parlament Slovakk u l-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-30 ta' Mejju 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0200/2012),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


P7_TC1-COD(2011)0242

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta’ Ġunju 2013 bil-ħseib ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 sabiex jipprovdi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1051/2013.)


ANNESS MAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jilqgħu l-adozzjoni tar-Regolament li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sabiex jipprevedi regoli komuni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali u tar-Regolament dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen. Huma jemmnu li dawn il-mekkaniżmi l-ġodda jindirizzaw b'mod adegwat is-sejħa tal-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2011 għal titjib fil-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fiż-żona Schengen u għal sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni effettiva u affidabbli sabiex jiġi żgurat l-infurzar ta' regoli komuni u t-tisħiħ, l-adattament u l-estensjoni tal-kriterji bbażati fuq l-acquis tal-UE, filwaqt li jfakkru li l-fruntieri esterni tal-Ewropa għandhom jiġu ġestiti b'mod effettiv u konsistenti, abbażi ta' responsabbiltà komuni, solidarjetà u kooperazzjoni prattika.

Huma jiddikjaraw li din l-emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen ser issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni billi tipprevedi, min-naħa waħda, kriterji għal kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri mill-Istati Membri, u min-naħa l-oħra mekkaniżmu bbażat fl-UE li jirrispondi għal sitwazzjonijiet verament kritiċi fejn il-funzjonament ġenerali taż-żona titqiegħed fir-riskju jekk ma jkunx hemm kontrolli fil-fruntieri.

Huma jissottolinjaw li din is-sistema l-ġdida ta' evalwazzjoni hija mekkaniżmu bbażat fl-UE u li ser tkopri l-aspetti kollha tal-acquis ta' Schengen u tinvolvi esperti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u aġenziji rilevanti tal-UE.

Huma jifhmu li kwalunkwe proposta futura mill-Kummissjoni biex tiġi emendata din is-sistema ta' evalwazzjoni tiġi ppreżentata għall-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex jittieħed kont tal-opinjoni tagħha, bl-aktar mod sħiħ possibbli, qabel l-adozzjoni ta' test finali.