5.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 45/116


P7_TA(2013)0113

Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (COM(2012)0697 – C7-0385/2012 – 2012/0328(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2016/C 045/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0697),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0385/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2(2) tal-Protokoll ta' Kjoto approvat f'isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 ta' Frar 2013 (2),

wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0060/2013),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1).

(2)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


P7_TC1-COD(2012)0328

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2013 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru …/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità

1.

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Deċiżjoni 377/2013/UE.)

ANNESS MAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 3d tad-Direttiva 2003/87/KE, id-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti tal-avjazzjoni għandu jintuża biex jindirizza t-tibdil fil-klima fl-UE u fil-pajjiżi terzi, fost l-oħrajn, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, biex isir adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima fl-UE u fil-pajjiżi terzi, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għall-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp għat-trażżin u l-adattament, fosthom b’mod partikolari fl-oqsma tal-aeronawtika u t-trasport bl-ajru, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bis-saħħa ta' trasport b'emissjonijiet baxxi u biex tiġi koperta n-nefqa tal-amministrazzjoni tal-iskema tal-Unjoni. Id-dħul mill-bejgħ bl-irkant għandu jintuża wkoll sabiex jiffinanzja kontribuzzjonijiet għall-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli, u għal miżuri biex tiġi evitata d-deforestazzjoni.

Il-Kummissjoni tinnota li l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-azzjonijiet meħuda skont l-Artikolu 3d tad-Direttiva 2003/87/KE dwar l-użu tad-dħul iġġenerat mill-irkantar tal-kwoti tal-avjazzjoni. Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kontenut ta' dan ir-rapport huma stipulati fir-Regolament (UE) Nru 525/2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (1). Aktar dettalji se jingħataw fl-att ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 ta' dak ir-Regolament. L-Istati Membri se jippubblikaw ir-rapporti filwaqt li l-Kummissjoni se tippubblika l-informazzjoni aggregata tal-Unjoni dwar dawn f'forma faċilment aċċessibbli.

Il-Kummissjoni tenfasizza li mekkaniżmu bbażat fuq is-suq globali li jagħti prezz internazzjonali lill-emissjonijiet tal-karbonju mill-avjazzjoni internazzjonali jista', barra milli jikseb l-għan ewlieni tiegħu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, jgħin sabiex jipprovdi r-riżorsi meħtieġa bħala sostenn għat-trażżin tat-tibdil fil-klima u l-miżuri ta' adattament.


(1)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13.