16.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 226/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku’”

C(2013) 7243 final

2014/C 226/05

Relatur: is-Sur Coulon

Korelatur: is-Sur Ioniţă

Nhar il-5 ta' Awwissu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku”

C(2013) 7243 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta' Marzu 2014.

Matul l-497 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta' Marzu 2014 (seduta tal-25 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'135 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni l-ġdida li għandha l-għan li tipprovdi lill-Istati Membri gwida dwar kif jista' jsir l-aħjar użu mill-intervent pubbliku. Huwa jqis din bħala opportunità biex il-politiki jiġu kkalibrati mill-ġdid fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-Istati Membri u biex tingħata spinta ġdida lill-proċess tal-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku tal-UE, billi jkun hemm aktar attenzjoni fuq il-benefiċċji għaċ-ċittadini (b'mod partikolari l-aktar nies vulnerabbli) u l-qerda tal-faqar enerġetiku fi ħdan l-Unjoni.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu kkjarifikati t-termini “intervent pubbliku” u “għajnuna mill-Istat”. Li jsir l-aħjar użu mill-intervent pubbliku ma jfissirx li b'mod sistematiku l-intervent jew l-għajnuna għandhom jitnaqqsu jew jiżdiedu iżda pjuttost għandhom jiġu ottimizzati.

1.3

Il-KESE jappella għal aktar konsistenza Ewropea fl-intervent pubbliku nazzjonali u lokali sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' impatt kontroproduttiv.

1.4

Huwa jirrakkomanda biex il-Kummissjoni toqgħod attenta li l-għanijiet tal-Komunikazzjoni tagħha ma jfixklux il-ksib tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.5

Suq tal-elettriku integrat aħjar, aktar profond u fluwidu għandu jkun ta' benefiċċju għall-produtturi u l-konsumaturi (inklużi l-SMEs, l-artiġġjani u produtturi oħra fuq skala żgħira). Madankollu l-fruntieri nazzjonali jkomplu jiffurmaw ostakoli b'saħħithom f'termini ta' regolamenti, kapaċità ta' trażmissjoni, struttura tal-prezzijiet, eċċ.

1.6

Il-KESE jfakkar li huwa urġenti li jiġu żviluppati l-infrastrutturi tat-trasport u jissaħħu l-interkonnessjonijiet tal-elettriku.

1.7

Huwa jappoġġja l-idea li l-iskemi tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli jiġu Ewropizzati u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffaċilita aktar il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tiġi promossa l-għajnuna transkonfinali.

1.8

Il-KESE jaqbel li l-appoġġ għat-teknoloġiji ġodda għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid hekk kif dawn jimmaturaw. Huwa jaħseb li l-Kummissjoni għandha tipprovdi definizzjoni ċara ta' x'inhi enerġija matura – definizzjoni li tista' tiġi żviluppata maż-żmien.

1.9

Il-KESE jaqbel li s-suq intern tal-elettriku mhuwiex għan fih innifsu. Dan għandu jitfassal għall-benefiċċju tal-konsumaturi kollha, b'mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli. Il-KESE jenfasizza l-idea li jiġu żviluppati miżuri fil-livell Ewropew biex l-utenti jingħataw is-setgħa bħala protagonisti prinċipali fis-suq Ewropew tal-elettriku, sabiex isiru “konsumaturi-atturi”. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-azzjoni tagħha f'dan ir-rigward u tressaq miżuri u inizjattivi bil-għan li jsir l-aħjar użu possibbli tal-intervent pubbliku bħala mod kif jinqered il-faqar enerġetiku.

1.10

Il-KESE jenfasizza li l-elettriku huwa kommodità komuni essenzjali u jrid jiġi ġestit bħala tali. Fl-interess ekonomiku ġenerali, Stat Membru jista' jorbot miegħu ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. L-aċċess universali għall-enerġija għandu jkun fil-qalba tal-politika Ewropea tal-enerġija u mnaqqax fit-Trattat. Fl-interessi tal-kompetizzjoni, il-fatt li jsir l-aħjar użu mill-intervent pubbliku fis-settur tal-enerġija m'għandux iwassal għal obbligi mnaqqsa jew limitati ta' servizz pubbliku li l-Istati Membri għażlu li jimplimentaw. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun ferm viġilanti dwar dan il-punt u jitlobha tieħu miżuri sabiex jiġu pprovduti salvagwardji aħjar għall-obbligi ta' servizz pubbliku u sabiex tjkompli ssaħħaħhom aktar, irrispettivament mil-limiti attwali ta' awsterità.

2.   Daħla

2.1

Fl-2008, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet għanijiet ambizzjużi ta' klima u enerġija (3x20). Il-qafas Ewropew il-ġdid dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 tat-22 ta' Jannar 2014 ser ikun is-suġġett ta' opinjoni fil-futur tal-KESE. L-Istati Membri għamlu progress lejn il-ksib tal-għanijiet tal-enerġija rinnovabbli, fil-biċċa l-kbira bħala riżultat ta' intervent pubbliku.

2.2

Barra minn hekk, fi Frar 2011 il-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE ddikjaraw li l-għan kien li s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat sal-2014. Minn dak iż-żmien lil hawn il-Kummissjoni ppubblikat għadd ta' dokumenti għal dan il-għan. Nhar il-15 ta' Novembru 2012 hija ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu “Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti”, li tinkludi valutazzjoni inizjali tas-suq intern tal-enerġija u pjan ta' azzjoni biex dan jiġi kkompletat. Il-Komunikazzjoni ġiet segwita minn seduta pubblika dwar is-suq intern tal-enerġija, l-adegwatezza tal-kapaċita ta' ġenerazzjoni tal-enerġija u l-mekkaniżmi ta' kapaċità.

2.3

Nhar il-5 ta' Novembru 2013 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni oħra, “Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku”, flimkien ma' ħames dokumenti li tħejjew minn dipartimenti tal-Kummissjoni li jinkludu gwida dwar il-mekkaniżmi ta' kapaċità, il-mekkaniżmi ta' appoġġ għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-Isati Membri fil-qasam tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u soluzzjonijiet ta' rispons għad-domanda.

2.4

Il-Kummissjoni tinnota li l-ħolqien tas-suq intern u li jiġu segwiti għanijiet ta' klima/enerġija taw bidu għal sfidi ġodda li jitolbu forom ġodda ta' intervent pubbliku, l-aktar fil-livell nazzjonali: għalhekk l-ispinta sabiex jiġu żviluppati u appoġġjati sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-iżgurar ta' kapaċitajiet ta' produzzjoni adegwati, eċċ.

2.5

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li tipprovdi lill-Istati Membri gwida dwar kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-intervent pubbliku, jaġġustaw il-miżuri ta' intervent eżistenti u jfasslu oħrajn ġodda. Jekk l-intervent pubbliku ma jkunx imfassal tajjeb, dan jista' jxekkel is-suq b'mod serju u jgħolli l-prezzijiet tal-enerġija kemm għad-djar kif ukoll għan-negozji. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġabret lista ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu qabel kwalunkwe intervent pubbliku: l-identifikazzjoni ta' problema speċifika u l-kawża tagħha waqt li jintwera li s-suq mhuwiex kapaċi jsolviha; il-valutazzjoni tal-interazzjoni ma' għanijiet oħra tal-politika tal-enerġija u l-koordinazzjoni tad-diversi strumenti ta' politika pubblika; il-valutazzjoni tal-alternattivi; il-minimizzazzjoni tal-impatt fuq is-sistemi tal-elettriku; l-ispejjeż tal-intervent li jinżammu baxxi; il-kunsiderazzjoni tal-ispejjeż għall-manifatturi u l-individwi privati; il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u t-tneħħija progressiva ta' dawn il-miżuri ladarba jintlaħaq l-għan.

2.6

Skont il-Kummissjoni, l-għan huwa li gradwalment jinbena suq Ewropew tal-enerġija fejn il-provvista u d-domanda jiffunzjonaw sew, is-sinjali tal-prezzijiet ikunu konformi mal-għanijiet tal-politiki, l-atturi jgawdu minn kundizzjonijiet indaqs u l-ġenerazzjoni tal-enerġija tkun effiċjenti. Hekk kif it-teknoloġiji jimmaturaw, dawn gradwalment għandhom ikunu soġġetti għall-prezzijiet tas-suq, filwaqt li l-miżuri ta' appoġġ eventwalment għandhom jintemmu. Fil-prattika dan ifisser it-tneħħija progressiva tat-tariffi supplimentari u l-bidla lejn primjums supplimentari u strumenti oħra ta' appoġġ li jinkoraġġixxu lill-produtturi jirrispondu għat-tendenzi tas-suq. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jikkoordinaw aħjar l-istrateġiji tal-enerġija rinnovabbli tagħhom sabiex inaqqsu l-ispejjeż għall-konsumaturi f'termini ta' prezzijiet u taxxi tal-enerġija. L-iskemi ta' appoġġ għandhom jiġu allinjati aktar mill-qrib ma' xulxin.

2.7

Il-Komunikazzjoni, għalkemm mhijiex legalment vinkolanti, tiddefinixxi l-prinċipji bażiċi li l-Kummissjoni ser tapplika meta tivvaluta l-intervent pubbliku relatat mal-iskemi ta' appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-mekkaniżmi li jaffettwaw il-kapaċità u l-miżuri għall-aġġustament tad-domanda tal-konsumaturi. Dawn il-prinċipji għaldaqstant ser ikollhom impatt fuq kif jiġu applikati r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat u fuq kif tiġi implimentata l-leġislazzjoni tal-UE dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tipproponi strumenti legali li jiżguraw li dawn il-prinċipji jiġu implimentati bis-sħiħ.

3.   Il-kummenti tal-KESE

3.1   B'mod kostanti l-KESE qal li huwa jara s-suq intern tal-enerġija bħala opportunità u li jrid jittieħed kull pass biex jiġi żgurat li dan jaħdem għall-benefiċċju tal-konsumaturi industrijali u domestiċi, u jinvolvi mill-qrib lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-faqar enerġetiku (1).

Lejn suq uniku: neliminaw il-fruntieri

3.2

Il-KESE dejjem approva l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea li għandhom l-għan li jiġi kkompletat is-suq intern tal-enerġija. Il-KESE jinnota wkoll li għal dan il-għan huwa jappoġġja l-prinċipju li tiġi stabbilita komunità Ewropea tal-enerġija. Din il-komunità Ewropea tal-enerġija tagħmilha possibbli li tissaħħaħ il-governanza komuni tal-kwistjonijiet tal-enerġija bl-aqwa mod possibbli billi jiġu promossi s-solidarjetà, il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni fir-rigward b'mod partikolari tal-kwistjonijiet tas-suq u tal-infrastruttura.

3.3

Is-suq intern ma jistax jeżisti sakemm ikun għad hemm “fruntieri nazzjonali” għan-negozjar tal-enerġija, u l-kapaċità transkonfinali għandha tiġi ttrattata bħal kwalunkwe linja jew pajp li ma jaqsamx il-fruntieri. Il-Komunikazzjoni għandha tenfasizza li mhumiex biss id-differenzi fir-regolamenti nazzjonali, iżda wkoll l-aċċess għall-kapaċità transkonfinali, li jibqgħu ostakolu importanti għall-eliminazzjoni de facto tal-fruntieri fis-suq intern tal-enerġija. Pereżempju, il-ġeneralizzazzjoni ta' metodoloġija tal-ipprezzar “dħul-ħruġ” u tal-allokazzjoni tal-kapaċità għat-trażmissjoni fl-Istati Membri kollha tista' tagħti spinta lill-kummerċ transkonfinali, u din tkun ippreferuta minn mudell “punt għal punt” peress li toħloq inċentivi għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni (TSOs) biex dawn jinvestu fl-eliminazzjoni tat-tfixkil tal-kapaċità bħalma hemm fil-fruntieri taż-żoni tagħhom ta' servizz. Dan għandu jkun ta' benefiċċju għall-protagonisti kollha tas-suq, inklużi dawk fis-suq tal-enerġija rinnovabbli intermittenti. Apparti n-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSOs), il-Kummissjoni u l-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) iridu jerġgħu jeżaminaw il-mekkaniżmi ta' allokazzjoni u jimponu obbligi fuq it-TSOs fir-rigward tal-iskambji tal-enerġija. Hemm bżonn ta' analiżi mill-ġdid biex jiġi żgurat li ma jeżisti l-ebda “tfixkil artifiċjali” potenzjali fil-fruntieri nazzjonali li jista' jirrestrinġi l-flussi tal-enerġija bejn l-Istati Membri. Dan it-“tfixkil artifiċjali” jista' jinħoloq minn politiki nazzjonali ta' protezzjoni li għandhom l-għan li jintroduċu tariffi nazzjonali uniformi jew minn abbużi kummerċjali potenzjali tat-TSOs nazzjonali li jmexxu t-tfixkil tal-enerġija domestika lejn il-fruntieri taż-żoni tagħhom ta' servizz. Regoli bħal dawn jinkoraġġixxu lit-TSOs sabiex imexxu l-investimenti tagħhom lejn interkonnessjonijiet transkonfinali aħjar tal-grilji tat-trażmissjoni.

3.4

Il-KESE jappella sabiex jissaħħu l-interkonnessjonijiet tal-elettriku bil-għan li jiġi kkompletat is-suq intern tal-enerġija. Huwa jappoġġja l-inizjattivi kollha sabiex l-użu u l-effiċjenza tan-netwerks tal-elettriku jsiru aktar fluwidi bil-għan li tiġi żviluppata l-enerġija rinnovabbli. Għalhekk huwa japprova l-kooperazzjoni bħal Coreso, il-bidu ta' sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku Ewropea.

Sorsi ta' enerġija rinnovabbli u adegwatezza tal-ġenerazzjoni

3.5

Barra minn hekk, il-KESE ppromova b'mod konsistenti l-għan li jiżdied l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli (2). Il-KESE jappoġġja l-għanijiet tal-pjan direzzjonali 2050.

3.6

L-arranġamenti ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli ddaħħlu fis-seħħ meta s-sehem rinnovabbli tal-enerġija kien baxx u t-teknoloġija kienet għadha fi stadju bikri. Illum il-ġurnata s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika kiber b'mod konsiderevoli u ser ikompli jikber fuq terminu twil. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-intervent pubbliku jrid jiġi evalwat, b'rispett kif xieraq għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, fid-dawl tal-livell ta' maturità tas-sorsi tal-enerġija u t-teknoloġiji. Il-KESE jikkunsidra, madankollu li l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi definizzjoni ċara ta' x'inhi enerġija matura u għandha terġa' tirrevediha fid-dawl tal-progress teknoloġiku futur. Il-KESE jindika wkoll li l-evalwazzjoni u l-aġġustament tal-arranġamenti ta' appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandhom isiru b'tali mod li jiġi żgurat li l-konsumaturi, u b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq Ewropew tal-elettriku. Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li dan l-aġġustament tal-appoġġ ma jagħmilhiex aktar diffiċli biex jinkisbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni lil dan l-aspett meta tabbozza l-Linji Gwida tal-Unjoni l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija.

3.7

Bl-istess mod, l-appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandu jitneħħa progressivament għat-teknoloġiji li qed jimmaturaw, iżda wkoll għandu jiġi kkoordinat sew mal-iżvilupp ta' suq tal-emissjonijiet li jiffunzjona. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandu jkun flessibbli, proporzjonat, rigressiv u kompetittiv, waqt li jippermetti li s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jirrispondu aktar għas-sinjali tas-suq u jikkompetu ma' unitajiet konvenzjonali. L-appoġġ dirett għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandu jiġi ssostitwit gradwalment minn suq tal-ETS (skema għan-negozjar ta' emissjonijiet) li jiffunzjona, u b'hekk jitneħħa progressivament.

3.8

Il-KESE jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li l-appoġġ tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jsir aktar Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita aktar il-mekkaniżmi għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġi promoss appoġġ transkonfinali, li ftit jintuża fil-preżent. L-“Ewropizzazzjoni” tal-appoġġ x'aktarx ma ssirx realtà sakemm l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw politiki individwali, ma jagħtux sehemhom (“free riding”) jew jimponu limiti negattivi fuq pajjiżi ġirien (eż. l-appoġġ għal żvilupp malajr ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-Ġermanja jiġġenera trasferimenti f'ċirku fil-Polonja u r-Repubblika Ċeka, li jfisser spejjeż tal-elettriku addizzjonali f'dawn il-pajjiżi għall-bilanċ u s-sigurtà tal-provvista). Huwa aktar faċli li tali problemi jiġu indirizzati issa, meta s-sistema għadha relattivament fil-bidu tagħha, pjuttost milli aktar tard, meta l-effetti tad-dipendenza storika jsiru aktar b’saħħithom.

3.9

Tħassib partikolari għall-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli huwa l-fatt li l-produzzjoni tagħhom hija intermittenti u teħtieġ kapaċitajiet ta' bbilanċjar, supplimentari jew riżerva. Il-Komunikazzjoni tenfasizza r-riskju li l-appoġġ tal-Istati Membri għall-kapaċitajiet supplimentari jista' fil-fatt jappoġġja impjanti ineffiċjenti jew jissussidja karburanti fossili. Il-problema għandha l-ewwel tiġi mmitigata billi jiġu żviluppati swieq ta' servizzi fl-istess jum, ta' bbilanċjar u anċillari li jkunu effettivi. Jekk dawn ikunu tassew effettivi, transkonfinali u jagħtu sinjali ta' prezzijiet korretti, dawn jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, jirregolaw is-suq b'mod tajjeb biżżejjed biex jeliminaw il-ħtieġa għal mekkaniżmu ta' kapaċità addizzjonali. Il-mekkaniżmi kollha ta' remunerazzjoni ta' riżerva jew ta' kapaċità jridu jkunu bbażati fuq is-suq, teknoloġikament newtrali, mhux diskriminatorji u miftuħa għal parteċipazzjoni transkonfinali (3).

3.10

L-istandards u l-mekkaniżmi li jiżguraw ġenerazzjoni adegwata bħalissa jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, peress li l-problemi bil-bilanċ tal-provvista u d-domanda huma differenti minn Stat Membru għal ieħor. L-intervent pubbliku huwa neċessarju biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u biex jinbnew riżervi li jkunu ta' natura nazzjonali. Madankollu, peress li s-swieq qed ikunu dejjem aktar interkonnessi u interdipendenti, u sabiex jiġi evitat li l-eżistenza konġunta ta' sistemi differenti frammentati, għandhom jitħeġġu l-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi b'mod partikolari fil-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar l-Enerġija, u l-Kummissjoni għandha tħares lejn il-fattibbiltà ta' suq għall-kapaċità Ewropea ta' ġenerazzjoni abbażi tal-esperjenza pożittiva sa issa.

Intervent pubbliku

3.11

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-intervent pubbliku għandu rwol importanti sabiex jinkisbu l-għanijiet Ewropej tal-politika tal-enerġija u l-klima. Huwa jemmen li l-aħjar użu tal-intervent pubbliku m'għandux sistematikament ifisser li dan jitnaqqas jew jiżdied, iżda pjuttost li jiġu ottimizzati l-isforzi pubbliċi. Huwa jikkunsidra li l-intervent ta' dan it-tip għandu jaqdi rwol aktar importanti fl-isforzi sabiex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku. Huwa jħoss li għandu jsir użu aħjar mill-intervent pubbliku f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi proposti u inizjattivi dwar dawn l-aspetti.

3.12

Madankollu, huwa jenfasizza kemm huwa importanti li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-intervent pubbliku fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali jkun konsistenti mal-Ewropa kollha; taħt ċerti ċirkustanzi intervent bħal dan jista' jkun kontroproduttiv fil-livell Ewropew.

3.13

Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li t-taħlita enerġetika hija parti mis-sovranità nazzjonali sakemm din ma tfixkilx il-kompetizzjoni b'mod sinifikanti u tikkonforma mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Peress li dan it-tip ta' intervent iħalli impatt fuq pajjiżi Ewropej oħra, il-KESE jemmen li għandha tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari fil-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar l-Enerġija bil-għan li tinkiseb konsistenza akbar fil-livell Ewropew.

3.14

Il-KESE jinnota f'dan ir-rigward li jkun xieraq li l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni ċara bejn intervent pubbliku u għajnuna mill-Istat.

3.15

L-intervent pubbliku għandu impatt fuq l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-elettriku. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa diffiċli biex tiġi ddeterminata n-nefqa ta' kull teknoloġija tal-enerġija fuq bażi kumparabbli u għalhekk biex jiġi vvalutat il-livell ta' intervent pubbliku meħtieġ. F'opinjoni, il-KESE ser janalizza bir-reqqa r-rapport u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa li ġew ippubblikati fit-22 ta' Jannar 2014. Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni tinkludi fir-rapport analiżi tal-faqar enerġetiku fl-Unjoni u tipproponi strateġija u pjan direzzjonali Ewropej biex dan jiġi miġġieled.

3.16

Aktar ma s-suq tal-elettriku jkun kbir, profond u fluwidu, aktar tkun żgurata l-istabbiltà tiegħu u tonqos il-ħtieġa għal diversi forom ta' intervent pubbliku puntwali jew temporanju li bħalissa joħolqu problemi ta' koordinazzjoni.

Kompetittività

3.17

Il-Kummissjoni nnutat sew il-kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-provvista jew it-telf tal-kompetittività tal-prezzijiet għall-ekonomija tal-UE li mhux dejjem huma kumpatibbli mal-għanijiet “20-20-20”, jew mal-miri għall-2050. Għalhekk, il-ksib tal-għanijiet tal-pakkett dwar il-klima jżid l-ispejjeż tal-enerġija għall-individwi u l-industrija, u b'hekk tixxekkel il-kompetittività. Min-naħa l-oħra, l-appoġġ għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli jista' jwassal għal prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa baxxi ħafna u jgħawweġ is-sinjali ta' investiment fil-kapaċitajiet ta' riżerva. L-istrumenti għall-ksib tal-għanijiet “20-20-20” iridu jiġu mmonitorjati sew biex jiġi żgurat li d-distorsjonijiet ma jeċċedux il-benefiċċji.

3.18

Fl-istess ħin, il-proposta tal-Kummissjoni li tippromovi kuntratti fit-tul biex jinbnew impjanti ġodda, li għandhom jiġu konklużi bejn il-produtturi tal-elettriku u l-konsumaturi finali futuri sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industriji li jużaw l-enerġija b'mod intensiv, tqajjem tħassib addizzjonali. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm riskji ta' esklużjoni mis-swieq u kuntratti bħal dawn għandhom jiġu analizzati bir-reqqa sabiex wieħed jara jekk il-benefiċċji humiex akbar mill-ispejjeż jew jekk fil-fatt dawn jostakolaw il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-konsumaturi li jużaw l-enerġija b'mod intensiv għandhom it-tendenza li jkunu aktar interessati f'impjanti tal-fjuwil konvenzjonali li jipprovdu l-enerġija b'mod affidabbli. Dan l-appoġġ jista' jfixkel politiki oħra tal-UE, minn appoġġ ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli għal konformità mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. F'sitwazzjonijiet estremi, huwa partikolarment imbarazzanti għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jekk il-konsumatur industrijali fl-aħħar jiddeċiedi li jmur f'post ieħor, tkun xi tkun ir-raġuni.

Is-setgħa lill-konsumaturi/il-ġlieda kontra l-faqar

3.19

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li s-suq intern tal-elettriku mhuwiex għan fih innifsu. Is-suq tal-elettriku għandu jkun ta' benefiċċju għal kulħadd, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli. Hemm bżonn ta' sforzi biex dan jiġi kkompletat peress li s-suq attwalment huwa wisq frammentat. Dan għandu impatt negattiv fuq il-libertà li l-konsumaturi Ewropej jagħżlu l-fornituri u fuq il-baġits (il-prezzijiet huma għoljin ħafna), fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u fuq l-isforzi biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-politika Ewropea tal-enerġija għandha ssaħħaħ l-isforz tagħha li jinqered il-faqar enerġetiku.

3.20

Ir-risposta għad-domanda u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija joffru potenzjal enormi biex jitnaqqas il-konsum fl-eqqel sigħat. Dawn jibqgħu mhux sfruttati biżżejjed minkejja l-progress teknoloġiku. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ li l-konsumaturi jitħeġġu biex jingħataw is-setgħa fit-tfassil tal-“ħajja” enerġetika tagħhom u jsiru “konsumaturi-atturi”. It-teknoloġiji bħall-meters intelliġenti jridu jkunu mfassla b'mod ġenwin għall-konsumaturi kollha, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli, u jkunu effettivi u utli bis-sħiħ billi jipprovdu informazzjoni trasparenti li tinftiehem b'mod faċli mingħajr spejjeż addizzjonali, u b'hekk jiffaċilitaw l-adattament intelliġenti tad-domanda għall-enerġija (u jiżguraw is-sigurta/il-kunfidenzjalità tad-data). Il-KESE jappoġġja l-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-enerġija (prinċipalment fl-għodda intelliġenti u l-ħżin tal-enerġija).

3.21

L-intervent pubbliku huwa kritiku wkoll peress li r-rispons fuq in-naħa tad-domanda (DSR)/il-ġestjoni fuq in-naħa tad-domanda (DSM) għandhom it-tendenza li jkunu ta' piż bla bżonn fuq il-konsumaturi vulnerabbli. It-tip ta' appoġġ offrut lill-konsumaturi vulnerabbli jrid għaldaqstant ikun adattat għas-sitwazzjonijiet partikolari tagħhom u l-kriterji għall-eliġibbiltà għandhom ikunu ġusti u prevedibbli.

3.22

Il-KESE jikkunsidra li t-teknoloġiji tal-ġestjoni fuq in-naħa tad-domanda u tar-rispons fuq in-naħa tad-domanda mhumiex suffiċjenti biex waħedhom jadattaw u jnaqqsu d-domanda. Il-KESE jappoġġja li tiżdied is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u jingħataw is-setgħa fil-livell Ewropew permezz ta' diversi inizjattivi appoġġjati minn fond ta' solidarjetà fil-qasam tal-enerġija (4). Il-KESE jappoġġja titjib li jżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini (b'ċertifikazzjoni professjonali tal-enerġija) biex jiġu indirizzati l-binjiet li jaħlu l-enerġija u biex b'mod gradwali ma jibqax ikun hemm bejgħ jew kiri ta' binjiet bħal dawn.

3.23

Il-konsumaturi Ewropej tal-enerġija huma fost l-anqas sodisfatti bis-suq tagħhom. Il-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati min-naħa tal-konsumaturi sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' suq tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb jinkludu: aċċess għall-enerġija; informazzjoni oġġettiva u affidabbli dwar l-offerti inkluż paragun indipendenti; trasparenza dwar it-termini kuntrattwali; protezzjoni kontra prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni aggressivi u li jfixklu; punt ta' kuntatt uniku għall-informazzjoni; informazzjoni li tinftiehem għall-konsumaturi; implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija; tibdil faċli; mezzi effettivi ta' rimedju f'każ ta' lmenti ġġustifikati (5); u miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku. Hemm bżonn ukoll monitoraġġ indipendenti tas-swieq tal-enerġija sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u jibbenefika il-konsumatur. Progress dwar dawn id-dimensjonijiet jista' jixpruna appoġġ soċjali u politiku usa' għall-politiki tal-enerġija tal-UE.

3.24

Il-KESE jappoġġja produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli mill-konsumaturi (prosumaturi (6)). F'ħafna pajjiżi dan il-fenomenu qed jiżviluppa b'mod rapidu, b'mod partikolari fil-Ġermanja u fir-Renju Unit. Dan huwa kruċjali għall-bilanċ tal-enerġija fl-Ewropa, għal provvista tal-enerġija orħos, u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. Ir-rwol tal-prosumaturi fis-suq tal-enerġija huwa marbut mal-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku. Permezz tal-grilji intelliġenti u meters intelliġenti, prosumatur jista' jipprovdi skambju ta' servizzi ta' enerġija ġġenerata minn impjant żgħir. Sa tmiem l-2020 fir-Renju Unit ser ikun hemm madwar 8 miljun installazzjoni ta' dan it-tip li jipproduċu madwar 40 GW ta' elettriku. In-numru ta' nies impjegati ser jiżboq il-1 00  000. Il-prosumaturi għandhom jirċievu appoġġ pubbliku għat-tneħħija tal-ostakoli leġislattivi u appoġġ finanzarju/operattiv fil-forma ta' servizzi ta' assemblaġġ u manutenzjoni, partikolarment fil-qasam tal-investiment. Madankollu għandu jkun hemm ukoll fis-seħħ regolamentazzjoni effettiva sabiex jiġi żgurat li l-prosumaturi jinżammu responsabbli b'mod tajjeb għal kwalunkwe żbilanċi li jistgħu jiġġeneraw meta jipprovdu l-enerġija lis-sistema u sabiex jinħolqu strumenti bbażati fuq is-suq u mekkaniżmi għall-ipprezzar li jinċentivawhom inaqqsu dawn l-iżbilanċi.

3.25

L-elettriku mhuwiex kommodità bħall-oħrajn. Huwa kommodità komuni essenzjali u jrid jiġi ġestit bħala tali. Fl-interess ekonomiku ġenerali, Stat Membru jista' jorbot miegħu ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. Il-Kumitat talab b'mod ripetut sabiex l-aċċess universali għall-enerġija jiġi inkluż fost l-għanijiet tal-politika ta' enerġija tal-UE u biex jitnaqqax fit-Trattat. Il-KESE għaldaqstant jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li, meta jiġu implimentati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/72/KE, l-obbligi ta' servizz pubbliku relatati mal-interess ġenerali (b'mod partikolari s-sigurtà, l-aċċess għall-enerġija u għall-enerġija affordabbli, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-elettriku, kif ukoll il-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-protezzjoni tal-klima, kif definiti fl-Artikoli 3(2) u 3(3) ta' din id-Direttiva) ma jitnaqqsux fil-proċess ta' razzjonalizzazzjoni tal-intervent pubbliku, b'konformità mal-prinċipju tal-kompetizzjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tkun ferm viġilanti dwar dan il-punt u jitlobha li kull sena toħroġ rapport dwar dan l-aspett essenzjali billi, fir-rapport annwali tagħha dwar is-suq intern, tinkludi mhux biss valutazzjoni aktar speċifika u dettaljata dwar il-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi ta' servizz pubbliku iżda billi titlob inizjattivi speċifiċi sabiex dawn l-obbligi jkunu salvagwardjati aħjar, u anke msaħħa, fil-livell Ewropew.

Governanza

3.26

Fl-aħħar mill-aħħar it-trasparenza u l-integrità fin-negozjar tal-enerġija bl-ingrossa huma kruċjali għall-protezzjoni tal-interessi ta' kulħadd biex jiġi evitat li l-konsumaturi finali jħallsu żżejjed u biex tiġi appoġġjata governanza tajba tal-kumpaniji tal-enerġija, kemm jekk dawn il-kumpaniji huma tal-Istat kif ukoll jekk huma privati. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tar-Regolament REMIT u tipproponi soluzzjonijiet jekk hemm bżonn. It-trasparenza fl-innegozjar bl-ingrossa tippermetti li jiġu skoperti malajr kwistjonijiet bħal abbuż tas-suq jew imġiba antikompetittiva u tappoġġja l-intervent tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

Brussell, 25 ta' Marzu 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 133, 9.5.2013, pp. 27-29; ĠU C 68, 6.3.2012, pp. 15-20; ĠU C 341, 21.11.2013, pp. 21-26.

(2)  ĠU C 77, 31.3.2009, pp. 43-48; ĠU C 44, 15.2.2013, pp. 133-139; ĠU C 229, 31.7.2012, pp. 126-132.

(3)  Eurelectric, 17 ta' Jannar 2014.

(4)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21-26.

(5)  Id-drittijiet tal-konsumatur fis-swieq tal-elettriku u l-gass – dokument dwar il-pożizzjoni tal-BEUC, Diċembru 2013.

(6)  Il-prosumaturi huma produtturi żgħar u indipendenti tal-elettriku ġġenerat ħafna drabi f'installazzjonijiet żgħar għall-użu personali (eż. turbini tar-riħ żgħar, pannelli solari, irkupru tas-sħana bl-użu ta' pompi tas-sħana, eċċ.). Il-karatteristika li tiddefinixxi lill-prosumaturi hija li l-produzzjoni tagħhom tista' tkun għall-użu tagħhom stess jew biex ibigħuha lura fin-netwerks l-kbar.