6.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 67/122 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – It-Tisħiħ tad-Dimensjoni Soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”
COM(2013) 690 final
2014/C 67/24
Relatur ġenerali: is-Sur DASSIS
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta’ Ottubru 2013 (seduta tas-17 ta’ Ottubru) li jaħtar lis-Sur Dassis bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'157 vot favur, 3 voti kontra u 19-il astensjoni.
1. Kummenti ġenerali
1.1 |
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li hija waħda mingħajr preċedent u li laqtet lill-Istati Membri taż-żona tal-euro b'mod partikolarment kiefer, esponiet ukoll dgħufijiet strutturali fl-Ewropa b'mod ġenerali. Hija ħarġet fid-dieher rabta ċara bejn rati għolja ta' qgħad, pressjoni fuq il-baġits nazzjonali, deterjorament soċjali u taqlib soċjali. Filwaqt li naċċettaw li l-baġits nazzjonali jridu jiġu bbilanċati, it-tnaqqis kellu impatt negattiv fuq l-edukazzjoni, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u l-benefiċċji soċjali. Iż-żieda fil-qgħad u l-faqar qed ikollhom impatt negattiv fuq il-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol. Dan qed jaffettwa wkoll il-ħila tal-kumpaniji li jikbru u li joħolqu l-impjiegi, ħaġa li qed tfixkel l-irkupru. |
1.2 |
L-Unjoni qed tara b'għajnejha l-provi f'uħud mill-pajjiżi li ntlaqtu l-iktar, fejn il-kriżi ekonomika u soċjali saret ukoll kriżi politika, u fejn il-movimenti estremisti u mhux demokratiċi qed jiżdiedu. Il-bżonn li tiġi kontrobilanċjata din it-tendenza hija tal-ikbar urġenza, permezz ta' azzjonijiet konkreti fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. |
1.3 |
Is-suq intern għandu jkun proġett ekonomiku u soċjali. Huwa kkontribwixxa biex jiżdiedu l-impjieg u l-prosperità fl-Istati Membri kollha tal-UE. L-ikkompletar tas-suq intern u t-titjib tal-effiċjenza u l-koeżjoni soċjali fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 huma kruċjali biex l-Ewropa tkun tista' toħroġ mill-kriżi iktar malajr. |
1.4 |
Huwa f'dan il-kuntest li l-Kumitat eżamina b'interess konsiderevoli l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala l-ewwel kontribut għad-diskjussjonijiet li ġejjin fil-Kunsill Ewropew u d-deċiżjonijiet li ser jittieħdu dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea. |
1.5 |
Huwa jappella lill-Kummissjoni biex taġġorna u ssaħħaħ il-politika tagħha fid-dawl ta' dawn id-diskussjonijiet sabiex tagħmel iktar progress, l-iktar fl-użu proattiv tal-indikaturi tal-impjieg u l-inklużjoni soċjali. |
1.6 |
Il-Kumitat, b'mod konsistenti, appoġġja l-miżuri għat-titjib tal-investiment soċjali, immirar aħjar tal-fondi Ewropej lejn politiki sodi għall-impjieg u dawk soċjali, inizjattiva dedikata għall-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-garanzija għaż-żgħażagħ, u mobbiltà transkonfinali aħjar. Għalhekk jilqa' ż-żieda fl-attenzjoni lil dawn l-oqsma ta' politika. Huwa jilqa' wkoll id-djalogu soċjali msaħħaħ previst bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew. |
1.7 |
Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li jekk tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali dan jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-potenzjal tagħhom f'termini ta' żieda fl-impjieg, titjib fil-koeżjoni soċjali u prevenzjoni ta' disparitajiet ikbar. Huwa jappoġġja b'mod partikolari l-idea li jissaħħaħ il-monitoraġġ mill-qrib tal-impjieg u l-iżbilanċi soċjali fl-UEM permezz ta' monitoraġġ sistematiku tar-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ, tad-dħul tal-familji, tal-faqar u tal-inugwaljanza. |
1.8 |
It-tabella (scoreboard) proposta għall-impjieg u l-iżbilanċi soċjali, ibbażata fuq indikaturi ewlenin u livelli limiti għalhekk għandha tidentifika b'mod proattiv żviluppi asimetriċi u effetti sekondarji fil-prestazzjoni ekonomika ġenerali. Din is-sistema ta' monitoraġġ, fejn meħtieġ, għandha tixpruna mekkaniżmu ta' aġġustament u rispons ta' politika f'waqthom u effettivi, kif inhu l-każ għal żbilanċi ekonomiċi u finanzjarji simili. B'hekk, il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013 li l-qafas previst għall-indikaturi soċjali u dawk tal-impjieg huwa "l-ewwel pass" lejn dimensjoni soċjali iktar komprensiva tal-UEM (1). |
1.9 |
Il-Kumitat qeda r-rwol konsultattiv tiegħu fl-evoluzzjoni tad-diskussjonijiet li ġejjin tal-Kunsill Ewropew permezz tal-Opinjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2013 (2) u jtenni l-appell tiegħu biex tkompli tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UEM. |
2. Kummenti speċifiċi
2.1 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi għadd ta' inizjattivi biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UEM b'enfasi partikolari fuq tliet punti:
|
2.2 |
Il-Kumitat jaqbel li hemm bżonn li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UEM u jixtieq jenfasizza dawn il-punti: |
Monitoraġġ imsaħħaħ tal-isfidi soċjali u dawk tal-impjieg u l-koordinazzjoni tal-politika
2.3 |
Il-konsolidazzjoni fiskali u l-governanza ekonomika tal-UE ma tistax tiġi sostnuta mingħajr forom ekwivalenti ta' konsolidazzjoni soċjali u governanza soċjali. Il-marġnijiet ('spreads') attwali fid-diverġenzi soċjali Ewropej qed ixekklu l-irkupru, it-tkabbir u l-koeżjoni. Il-KESE jressaq l-argument li s-Semestru Ewropew irid jinkludi punti ta' riferiment għall-impjieg u l-inklużjoni soċjali fi ħdan l-istess qafas ta' monitoraġġ bħal dak għall-koordinazzjoni ekonomika u r-riformi strutturali. L-impjieg kwantifikabbli u l-miri soċjali għandhom jitqabblu mal-miri għad-dejn u d-defiċits, b'mekkaniżmi simili għall-aġġustament u s-solidarjetà biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi soċjali u jiġi promoss l-investiment soċjali. |
2.4 |
Il-KESE jagħraf li t-tiġdid ekonomiku u l-investiment soċjali mill-UE u l-Istati Membri jeħtieġu iktar minn strutturi ta' governanza formali u mekkaniżmi statutorji. Għal din ir-raġuni, is-soċjetà ċivili organizzata u ċ-ċittadini Ewropej individwali għandhom interess u rwol x'jaqdu minn jeddhom. Ir-responsabbiltà parteċipattiva tal-proġett Ewropew hija tal-ikbar importanza. |
2.5 |
Madankollu, il-Kumitat jenfasizza wkoll li t-titjib soċjali sostenibbli jeħtieġ li l-problemi strutturali fl-Istati Membri jiġu indirizzati fis-sors. Il-kompetittività globali, it-tkabbir ekonomiku u dimensjoni soċjali b'saħħitha huma elementi ewlenin biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi. L-indikaturi li ġew proposti dan l-aħħar għall-politika soċjali għandhom jintużaw biex jissaħħu r-riformi fil-perjodu l-qasir u fit-tul. |
Titjib fis-solidarjetà u l-azzjoni fir-rigward tal-impjieg u l-mobbiltà tax-xogħol
2.6 |
Kif targumenta l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, il-mobbiltà transkonfinali tax-xogħol hija element importanti biex jiġu preservati l-impjieg u l-kompetittività u biex jinħolqu impjiegi ġodda biex jissostitwixxu dawk li ntilfu minħabba r-ristrutturar ekonomiku. |
2.7 |
Sabiex ikomplu jitnaqqsu l-ostakli attwali għall-mobbiltà tax-xogħol għandhom jiġu adottati miżuri addizzjonali bil-għan li jkun hemm informazzjoni dwar il-liġi tax-xogħol u d-drittijiet soċjali li tkun tinftiehem faċilment u li tkun disponibbli għall-ħaddiema mobbli fil-lingwi nazzjonali rispettivi tagħhom. Il-ħaddiema għandhom ukoll dritt speċifiku għall-konsulenza. L-istrutturi ta' konsulenza rilevanti għandhom jikkollaboraw mill-qrib mal-imsieħba soċjali u l-EURES, b'tali mod li l-ħaddiema mobbli jkunu informati f'pajjiżhom dwar il-kundizzjonijiet soċjali u legali tal-pajjiż ospitanti qabel ma jitilqu mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom. |
2.8 |
L-investiment soċjali jgħin liċ-ċittadini. Dan isaħħaħ il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom u jgħinhom jieħdu sehem fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol li, min-naħa tiegħu, iwassal għal benessri akbar, iħeġġeġ l-ekonomija u jgħin lill-UE toħroġ mill-kriżi aktar b’saħħitha, aktar magħquda u aktar kompetittiva. |
2.9 |
L-investiment soċjali mmirat mhux biss iwassal għall-progress soċjali iżda fl-istess ħin iwassal ukoll għal żieda fil-kompetittività. Speċjalment fi żminijiet ta’ qgħad drammatiku u mingħajr preċedent u faqar li kulma jmur jiżdied, l-investiment fil-welfare state jaqdi rwol ċentrali wkoll fit-tisħiħ tal-koeżjoni u l-integrazzjoni soċjali kif ukoll fl-indirizzar tal-esklużjoni soċjali u l-faqar. Infiq f'investiment ta' dan it-tip irid jiggarantixxi l-effiċjenza. |
2.10 |
Il-KESE jenfasizza b'mod ċar li d-dimensjoni soċjali tal-UEM teħtieġ strumenti, indikaturi u għanijiet kwalitattivi u kwantitattivi ċari li huma effettivi daqs l-obbligi ekonomiċi u finanzjarji tal-UEM. Huwa jagħti parir ukoll lill-Kunsill Ewropew li jekk ma jkunx hemm kunsens jew rieda politika suffiċjenti għal dimensjoni soċjali tal-UE b'nifs ġdid, il-KESE jipproponi l-għażla tal-kooperazzjoni msaħħa fl-UEM, b'riżorsi finanzjarji proprji, Fond Soċjali addizzjonali, Patt għall-Progress Soċjali u standards soċjali, għanijiet u mekkaniżmi ta' stabbiltà li jistgħu jitqabblu mal-mekkaniżmi ta' stabbiltà fiskali, baġitarja u monetarja. |
Djalogu soċjali msaħħaħ
2.11 |
Il-Kumitat għandu fehma pożittiva fir-rigward tal-proposti mill-Kummissjoni biex jittejjeb l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u dawk tal-impjieg fil-livell Ewropew. Id-djalogu soċjali jaqdi rwol importanti fil-livelli kollha. Dan jikkontribwixxi għal soluzzjonijiet li jirriflettu l-fehmiet kemm ta' min iħaddiem kif ukoll tal-ħaddiema u jibni wkoll fehim u fiduċja li huma kruċjali għar-riforma tas-swieq tax-xogħol Ewropej u t-tisħiħ tan-nisġa soċjali. |
2.12 |
Il-Kumitat jinnota wkoll li l-ġejjieni tad-djalogu soċjali, inkluża l-kwistjoni tad-djalogu tripartitiku, diġà qed jiġi diskuss mill-imsieħba soċjali Ewropej. |
Brussell, 17 ta’ Ottubru 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew - 27/28 ta’ Ġunju 2013, EUCO 104/13, punt 14(c).
(2) ĠU C 271, 19.9.2013, p. 1-7.