11.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Pakkett NAIADES II, magħmul mit-tliet dokumenti li ġejjin: “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 tad-29 ta' Marzu 1999 dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni”

COM(2013) 621 final – 2013/0303 (COD)

“il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

COM(2013) 622 final – 2013/0302 (COD)

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn il-kwalità fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni – NAIADES II”

COM(2013) 623 final

(2014/C 177/11)

Relatur: is-Sur SIMONS

Nhar l-10 ta' Settembru 2013, is-7 u l-31 ta' Ottubru 2013, u t-8 u t-22 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 91(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Pakkett NAIADES II,

magħmul mit-tliet dokumenti li ġejjin:

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 tad-29 ta' Marzu 1999 dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni

COM(2013) 621 final – 2013/0303 (COD)

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2013) 622 final – 2013/0302 (COD)

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn il-kwalità fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni – NAIADES II

COM(2013) 623 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Diċembru 2013.

Matul l-495 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta' Jannar 2014 (seduta tal-21 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'140 vot favur, 2 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' u jappoġġja l-miżuri proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni u ż-żewġ Proposti leġislattivi skont ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.

1.2

Il-Kumitat iqis li r-raġuni għalfejn in-navigazzjoni interna naqset milli żżid sehemha fis-suq tat-trasport hija dovuta l-iktar għan-nuqqas ta' appoġġ politiku u finanzjaru għas-settur fis-snin li għaddew.

1.3

Għalhekk il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli biżżejjed fondi – li jistenna li jkunu mill-inqas 20 % – mill-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u ċerti partijiet tal-Orizzont 2020, b'mod partikolari dawk favur l-innovazzjoni, għall-passaġġi fuq l-ilma interni u għas-settur tan-navigazzjoni interna biex jitwettqu l-għanijiet tal-programm tagħha. Huwa jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tappoġġja u tħeġġeġ lill-Istati Membri fil-manutenzjoni u l-estensjoni tal-infrastruttura. Barra minn hekk għandhom jiġu żviluppati wkoll mekkaniżmi ġodda ta' finanzjament.

1.4

Fid-dawl tal-importanza kbira tal-infrastruttura fit-twettiq tal-għanijiet tal-Kummissjoni, il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex jassumu r-responsabbiltà tagħhom fil-qafas ta' din il-kompetenza. F'dan ir-rigward il-Kumitat ifakkar, fost affarijiet oħra, fl-“Istrateġija tad-Danubju” li tippromovi l-iżvilupp tal-pajjiżi tad-Danubju (2010) u fid-Dikjarazzjoni li sadanittant ġiet iffirmata fl-2012.

1.5

Il-Kumitat jappoġġja l-Istrateġija tad-Danubju, iżda jinnota li s'issa din l-Istrateġija u d-Dikjarazzjoni ffirmata fl-2012 għadhom ma ġewx implimentati b'mod sodisfaċenti. Għalhekk, huwa jappella lill-Kummissjoni biex twaqqaf grupp ta' ħidma biex jimmonitorja li jiġu rispettati l-wegħdiet li saru f'din l-Istrateġija u d-Dikjarazzjoni.

1.6

Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar il-Programm NAIADES sabiex jiġu implimentati l-miżuri għall-ekoloġizzazzjoni fil-livell settorjali. Huwa jixtieq li anke hawnhekk jiġu pprovduti biżżejjed fondi biex jinħataf iċ-ċans mitluf tal-Programm NAIADES I.

1.7

B'referenza għall-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar is-sigurtà soċjali fis-settur, il-Kumitat jappella lill-partijiet kollha interessati biex jiżviluppaw iktar inizjattivi f'dan il-qasam. L-armonizzazzjoni ppjanata, abbażi ta' djalogu soċjali, tal-profili professjonali u l-koordinazzjoni fil-livell Ewropew tal-kwalifiki professjonali jaqdu rwol prominenti, u l-Kummissjoni ser tikkoopera mill-qrib mal-kummissjonijiet tax-xmajjar, bħall-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu.

1.8

Il-Kumitat iqis il-proposti fir-rigward tal-kooperazzjoni istituzzjonali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-kummissjonijiet tax-xmajjar bħala żvilupp importanti. Huwa jappella lill-istituzzjonijiet involuti biex jikkoordinaw id-diversi reġimi legali mill-qrib u b'hekk jiksbu l-armonizzazzjoni mixtieqa.

2.   Introduzzjoni

2.1

Bin-navigazzjoni interna jiġu trasportati mal-500 miljun tunnellata ta' merkanzija fis-sena, li huma ekwivalenti għal 25 miljun trakk u servizz ta' trasport ta' 140 biljun tunnellata/km. Madankollu, in-navigazzjoni interna taqdi wkoll rwol importanti fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri, kemm fit-turiżmu (vapuri tal-kruċieri u żjarat ta' ġurnata) kif ukoll, b'mod dejjem jiżdied, fit-trasport bejn il-bliet u r-reġjuni (pereżempju l-laneċ).

2.2

Is-swieq tradizzjonali tat-trasport, bħat-trasport ta' prodotti bl-ingrossa fuq distanzi twal, qed jiġu estiżi b'servizzi ġodda innovattivi fejn in-navigazzjoni interna, anke fuq distanzi qosra, qed taqdi rwol dejjem iktar importanti.

2.3

Permezz tal-ekonomiji ta' skala tagħha u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, in-navigazzjoni interna toffri l-inqas spejjeż esterni fir-rigward ta' emissjonijiet CO2, storbju, aċċidenti u traffiku. Peress li għandha l-ogħla standard dinji ta' sigurtà, din il-modalità ta' trasport hija l-ikbar trasportatur ta' prodotti perikolużi fl-Ewropa.

2.4

Is-settur tan-navigazzjoni interna jħaddem mal-44 000 persuna u hemm mat-12 000 impjieg marbuta indirettament miegħu. Dan is-settur ibati minn nuqqas ta' persunal kwalifikat u għalhekk joffri lil min qed ifittex impjieg opportunità biex jidħol fis-suq tax-xogħol. Permezz tal-programmi ġodda ta' taħriġ u opportunitajiet għal karriera, in-navigazzjoni interna toffri liż-żgħażagħ impjiegi interessanti.

2.5

In-navigazzjoni interna topera f'suq kompletament liberalizzat, li madankollu mill-2008 'l hawn intlaqat ħażin mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika. Minħabba r-reċessjoni ekonomika, fis-snin li għaddew il-volumi trasportati naqsu u dan wassal biex is-settur tan-navigazzjoni interna spiċċa b'kapaċità żejda u tnaqqis fil-prezzijiet tat-trasport. Diversi studji juru li din is-sitwazzjoni mhux ser tittejjeb qabel ma jgħaddu ftit tas-snin.

2.6

Fin-netwerk vast tal-passaġġi fuq l-ilma fl-Ewropa, li jħaddan mas-37 000 km ta' xmajjar u kanali, għad hemm kapaċità biżżejjed biex jiġu assorbiti iktar flussi ta' trasport. Iżda dan jiddependi minn manutenzjoni tajba tas-sistema tal-passaġġi fuq l-ilma. Anke matul il-perjodu tal-programm ta' azzjoni NAIADES I (2006-2014) kien hemm passaġġi fuq l-ilma li ma kinux miżmuma sew u kien hemm nuqqas ta' konnessjonijiet li ma ġiex indirizzat, l-iktar minħabba tnaqqis fil-baġits nazzjonali. Barra minn hekk, it-twettiq tal-proġetti ta' infrastruttura tal-passaġġi fuq l-ilma ffaċċja tfixkil minħabba proċeduri twal u bil-mod u piżijiet amministrattivi evitabbli.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1

Fl-10 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni “Lejn il-kwalità fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni – NAIADES II”. Fiha l-Kummissjoni osservat li l-predeċessur, NAIADES I, ħoloq momentum imma l-prospetti ekonomiċi u ekoloġiċi tan-navigazzjoni interna sejrin għall-agħar u m'hemm kważi l-ebda progress fir-rigward tat-titjib tal-infrastruttura. Barra minn hekk, is-settur għaddej minn kriżi ekonomika li qed twassal għal kapaċità żejda.

3.2

L-opportunitajiet u l-isfidi ta' din il-modalità ta' trasport wasslu biex il-Kummissjoni tiddeċiedi testendi l-programm ta' azzjoni preċedenti tagħha għan-navigazzjoni interna. Permezz ta' NAIADES II, il-Kummissjoni qed timmira lejn bidliet strutturali fit-tul fis-settur tan-navigazzjoni interna mingħajr ma taffettwa s-suq ħieles.

3.3

Taħt NAIADES ġew proposti l-azzjonijiet konkreti li ġejjin:

infrastruttura ta' kwalità, fosthom anke konnessjonijiet u integrazzjoni aħjar tan-navigazzjoni interna ma' modalitajiet oħra. Hawnhekk il-portijiet (tal-baħar u l-portijiet interni) jaqdu rwol importanti bħala punti ta' konnessjoni;

l-innovazzjoni;

suq li jaħdem sew;

tnaqqis tal-piż fuq l-ambjent permezz ta' emissjonijiet iktar baxxi;

ħaddiema kwalifikati u impjiegi ta' kwalità;

integrazzjoni tan-navigazzjoni interna fil-katina tal-loġistika multimodali.

3.4

Dan il-programm ta' azzjoni ser ikun akkumpanjat minn żewġ proposti leġislattivi, waħda dwar ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna u oħra biex temenda r-regolament tal-kapaċità tan-navigazzjoni interna. Iż-żewġ strumenti diġà ilhom jintużaw għal ħafna żmien fin-navigazzjoni interna. Permezz tal-proposti l-ġodda l-Kummissjoni qed timmira li timmodernizza dawn l-istrumenti legali. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni hemm ukoll Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dettaljat dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-flotta.

3.4.1

Il-Proposta tal-Kummissjoni għal direttiva teknika ġdida li tissostitwixxi d-Direttiva 2006/87 għandha l-għan li jkun hemm koordinazzjoni aħjar bejn id-diversi entitajiet regolatorji u tipprevedi mekkaniżmu għal dan l-iskop. Din hija l-ewwel miżura konkreta tal-kooperazzjoni istituzzjonali pjanata fil-livell regolatorju.

3.4.2

Il-Proposta tal-Kummissjoni biex temenda r-Regolament 718/1999 dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tipprevedi li jinfirxu l-opportunitajiet li għalihom jistgħu jintużaw il-flus mill-fond ta' riżerva mill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tan-navigazzjoni, partikolarment għal finijiet ekoloġiċi. Din il-proposta taqa' taħt il-qafas tal-pakkett sħiħ tal-miżuri proposti.

3.5

Il-Komunikazzjoni tipproponi atturi diversi sabiex jimplimentaw dawn il-miżuri. L-iżvilupp ta' infrastruttura ta' kwalità jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-UE u l-Istati Membri. L-istess jgħodd għat-twettiq ta' qafas legali aħjar li jrid joħloq sitwazzjoni ta' opportunitajiet indaqs fis-suq intern. Ir-responsabbiltà għat-trasparenza fis-suq u l-innovazzjoni taqa' f'idejn is-settur.

3.6

Il-Komunikazzjoni tinkludi wkoll parti dwar governanza aħjar. Tradizzjonalment in-navigazzjoni interna taqa' taħt diversi reġimi legali. Il-prinċipju tal-moviment ħieles fix-xmajjar prinċipali Ewropej huwa mnaqqax fit-trattati internazzjonali u r-regolamenti li jirriżultaw minnhom. Barra minn hekk l-UE għandha wkoll kompetenzi fil-qasam tan-navigazzjoni interna. Sabiex jiġu indirizzati dawn is-setgħat u l-attivitajiet, li xi kultant jidħlu f'xulxin, il-Kummissjoni tipproponi approċċ ġdid. Hija qed timmira għal kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu li ffirmat ftehim magħha dwar dan.

3.7

NAIADES II m'għandu l-ebda baġit proprju għall-finanzjament tal-miżuri proposti. Għalhekk fil-livell Ewropew, il-Komunikazzjoni tirreferi għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-miżuri tal-infrastruttura u għall-Orizzont 2020 għall-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, iż-żewġ strumenti għandhom joffru għajnuna finanzjarja għall-programm ta' appoġġ ta' politika u għall-ekoloġizzazzjoni tal-flotta.

3.8

Il-Kummissjoni tixtieq iżżid l-ambizzjoni tagħha għall-promozzjoni tan-navigazzjoni interna billi tikkonċentra fuq l-oqsma bl-ogħla valur miżjud. Għal dan il-għan hija tistenna kontribut mill-Istati Membri u mis-settur.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa l-użu aħjar tal-kapaċitajiet tan-navigazzjoni interna, iktar u iktar fid-dawl tal-vantaġġi enormi li din il-modalità ta' trasport toffri mil-lat ta' prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport, sostenibbiltà u spejjeż esterni. L-importanza u l-potenzjal tan-navigazzjoni interna huma kbar, sew fir-rigward tat-trasport tal-oġġetti u sew tat-trasport tal-passiġġieri. Apparti l-vapuri tal-kruċieri, ir-rwol tat-trasport bl-ilma qed isir dejjem iktar distint f'żoni urbani b'densità għolja fejn jintużaw is-servizzi tal-laneċ.

4.2

Il-Kumitat jaqbel mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li n-navigazzjoni interna ma tintużax biżżejjed u jappoġġja lill-Kummissjoni fil-ġlieda biex jiżdied sehem dan is-settur fis-settur sħiħ tat-trasport. Iżda fil-ġlieda tagħha biex in-navigazzjoni interna tiġi integrata aħjar u toħloq il-kundizzjonijiet għaliha l-Kummissjoni ma qisitx sew l-importanza ta' bażi finanzjarja soda għall-programm ta' azzjoni. Il-Kumitat jinnota li permezz tal-programm NAIADES II ġie propost pjan ġdid ambizzjuż li madankollu s'issa għad m'hemmx ċarezza biżżejjed dwar il-finanzjament tiegħu. Il-Kumitat iqis importanti wkoll id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament ta' dan il-Programm u jappella lill-Kummissjoni biex tqis in-nuqqasijiet preċedenti.

4.3

Fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni intermedja tal-programm NAIADES I ġie nnotat li l-programm ħoloq il-momentum u wassal għal sensibilizzazzjoni aħjar tal-potenzjal tas-settur, partikolarment fost il-persuni li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali.

4.4

Barra minn hekk, mill-esperjenza tal-programm NAIADES I u l-iktar linji gwida reċenti tat-TEN-T huwa ċar li l-Istati Membri ma jistgħux ma jimpenjawx lilhom innifishom wara li jkunu approvaw l-għanijiet ta' din il-Komunikazzjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jistabbilixxu dan b'mod ċar u konkret.

4.5

Għall-Kumitat huwa ċar li biex tiġi promossa n-navigazzjoni interna jrid ikun hemm kooperazzjoni mill-qrib u ta' kwalità bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-kummissjonijiet tax-xmajjar. Il-Kumitat jappoġġja l-proposti rilevanti u f'dan il-kuntest jenfasizza r-rwol importanti tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu fl-iżvilupp tan-navigazzjoni interna u l-istandard għoli tekniku u tas-sigurtà.

4.6

Il-Kumitat jisħaq fuq l-importanza kbira li għandha l-infrastruttura sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-Kummissjoni. Sabiex tiġi promossa integrazzjoni aħjar tan-navigazzjoni interna u biex l-affidabbiltà tagħha tiġi garantita, huwa kruċjali li jiġi żgurat netwerk ta' passaġġi miżmum sew u mingħajr punti ta' konġestjoni u konnessjonijiet miksura. Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex jassumu r-responsabbiltà tagħhom f'dan il-qasam ta' kompetenza.

4.7

Minħabba l-baġits limitati fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kumitat jistenna li l-Kummissjoni talloka mill-inqas 20 % tar-riżorsi disponibbli għall-passaġġi fuq l-ilma u li tappoġġja u timmotiva l-Istati Membri fil-manutenzjoni u t-twessigħ ta' din l-infrastruttura. Il-passaġġi fuq l-ilma fl-Ewropa, għall-kuntrarju tat-toroq u l-ferroviji, għad għandhom biżżejjed kapaċità biex jassorbu ħafna aktar mill-volum ta' trasport attwali b'tali mod li l-investiment fil-passaġġi fuq l-ilma jista' jrodd lura l-massimu.

4.8

Il-Kumitat ħa nota tal-intenzjoni li tinbeda konsultazzjoni dwar l-iffissar ta' prezzijiet tal-infrastruttura biex tiġi kalkulata l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tan-navigazzjoni interna. Il-Kumitat jenfasizza li s-suġġett tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tan-navigazzjoni interna għandu jiġi ttrattat bl-iktar kawtela u li dan l-istrument għandu jkun jista' jintuża biss biex jiżdiedu l-volumi ta' trasport tan-navigazzjoni interna u biex tittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

4.9

Il-programm NAIADES II huwa intiż, fost affarijiet oħra, biex jagħmel lis-settur aktar attraenti fuq is-suq tax-xogħol u biex joħloq impjiegi ta' kwalità għolja, kif ukoll jistimula l-mobbiltà tax-xogħol. Għalhekk hemm il-ħsieb li ssir armonizzazzjoni tal-profili professjonali u koordinazzjoni Ewropea tal-kwalifiki professjonali. Dan jista' jsolvi n-nuqqas ta' persunal kwalifikat fin-navigazzjoni interna.

4.10

Fir-rigward tas-sigurtà soċjali, il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni tiegħu tal-2005 (TEN/200), fejn appella biex titfassal politika soċjali Komunitarja għan-navigazzjoni interna. B'hekk, fis-snin li għaddew, fil-qafas tad-djalogu soċjali saret ħidma f'dan il-qasam u din wasslet għat-tfassil ta' regoli speċifiċi fil-qasam tal-ħin tax-xogħol fin-navigazzjoni interna, li l-imsieħba soċjali ffirmaw ftehim dwaru. Il-Kumitat iħeġġeġ inizjattivi oħra fil-kuntest tad-djalogu soċjali sabiex il-karrieri f'dan is-setturi jkunu aktar attraenti.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Fir-rigward tal-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex, fl-implimentazzjoni tal-approċċ il-ġdid għall-kurituri multimodali, tiżgura li l-passaġġi fuq l-ilma jkunu integrati sew. Il-pjani għall-kurituri multimodali għandhom jieħdu ħsieb li l-modalitajiet jingħataw l-istess opportunitajiet. Fit-tfassil ta' dawn il-pjani għandu jinħoloq rwol importanti għas-settur tan-navigazzjoni interna.

5.2

Il-Kumitat iqis li huwa ferm importanti li l-passaġġi kollha tal-ilma bi klassifika IV u ogħla għandhom jiddaħħlu fin-netwerk ċentrali tat-TEN-T. Għalhekk l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw il-manutenzjoni u t-titjib ta' dawn il-passaġġi fuq l-ilma u li jagħtu l-appoġġ kollu biex jitneħħew il-punti ta' konġestjoni biex il-kapaċità żejda tal-passaġġi fuq l-ilma Ewropej tintuża kompletament. Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni lix-xmajjar li għad għandhom biżżejjed kapaċità biex jassorbu t-trasport, bħad-Danubju u l-Elbe. Huwa jappella lill-Istati Membri biex, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, minnufih isibu soluzzjonijiet għall-punti ta' konġestjoni f'dawn ix-xmajjar u biex ilestu l-konnessjonijiet miksura – bħall-interkonnessjoni Seine-Scheldt.

5.3

F'dan il-qafas, id-Danubju jaqdi rwol speċjali fl-iżvilupp tat-trasport fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Il-Kummissjoni għarfet dan fl-2010 fl-Istrateġija tad-Danubju, li tippromovi l-iżvilupp tal-pajjiżi tad-Danubju. It-trasport fuq id-Danubju huwa wieħed mill-pilastri ta' din l-istrateġija u għandu jikkontribwixxi għat-tkabbir tan-navigazzjoni interna f'din ix-xmara importanti. Għal dan il-għan, fl-2012, il-pajjiżi tad-Danubju – b'xorti ħażina b'eċċezzjoni waħda – iffirmaw dikjarazzjoni fejn ħadu l-impenn li jagħmlu l-manutenzjoni tad-Danubju abbażi tal-istandards rilevanti biex jiġu evitati l-imblokki futuri għan-navigazzjoni interna minħabba li l-ilma ma jkunx fond biżżejjed.

5.4

Il-Kumitat jappoġġja din l-Istrateġija tal-Kummissjoni, iżda jinnota li s'issa l-istess strateġija u d-dikjarazzjoni ffirmata fl-2012 għadhom ma ġewx implimentati b'mod sodisfaċenti. Għalhekk, huwa jappella lill-Kummissjoni biex twaqqaf grupp ta' ħidma biex jimmonitorja li jiġu rispettati l-wegħdiet li saru f'din l-Istrateġija u Dikjarazzjoni u jsolvi l-problemi notati mingħajr xkiel sabiex l-iżvilupp mixtieq tan-navigazzjoni interna f'dan il-kuritur importanti ma jkunx mhedded.

5.5

Il-Kummissjoni tinnota li n-navigazzjoni interna għadha lura meta mqabbla mal-modalitajiet l-oħra fir-rigward tal-innovazzjoni. Fost affarijiet oħra dan huwa dovut għat-tul ta' ħajja tat-tagħmir. Barra minn hekk m'hemmx biżżejjed kultura ta' innovazzjoni f'dan is-settur. Il-Kummissjoni tappella lis-settur biex jassumi rwol mexxej f'dan il-qasam u jiżviluppa politika tal-innovazzjoni.

5.6

Il-Kumitat jaqbel ma' dawn l-osservazzjonijiet imma jenfasizza kemm il-ħajja twila tat-tagħmir kif ukoll il-livell għoli ta' investiment fis-settur tan-navigazzjoni interna, u li minħabba f'hekk l-innovazzjoni f'dan is-settur timxi iktar bil-mod. Minħabba l-ispejjeż ta' investiment għoljin l-innovazzjoni trid tiġi stimulata b'inċentivi finanzjarji u ekonomiċi suffiċjenti u titjib fl-aċċess għall-finanzjament, ħaġa li s'issa l-programm ma jipprevedix b'mod sodisfaċenti.

5.7

Il-Kumitat jinnota li s-settur innifsu, bl-introduzzjoni tal-bastimenti li jaħdmu b'LNG, ta bidu għal inizjattivi avvanzati ħafna mil-lat tal-innovazzjoni. Il-Kumitat jappella lill-istituzzjonijiet responsabbli biex mill-iktar fis jipprevedu l-qafas legali anke għall-fjuwils alternattivi u biex jiżviluppaw l-infrastruttura biex din l-innovazzjoni tiġi implimentata b'mod mifrux u tkompli tiġi stimulata.

5.8

Il-Kummissjoni akkumpanjat il-Komunikazzjoni tagħha b'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-flotta. F'dan id-dokument il-Kummissjoni tippreżenta xenarji dwar kif jistgħu jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-attitudni li għandha tiġi adottata fir-rigward tas-sustanzi li jniġġsu l-arja. Il-Kumitat jaf li n-navigazzjoni interna għandha livell ta' emissjonijiet CO2 ħafna iktar baxx mit-trasport bit-triq u bil-ferrovija, iżda f'dan id-dokument dan ma jissemmiex.

5.9

Minħabba l-attenzjoni fuq sustanzi oħra li jniġġsu, apparti s-CO2, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li hemm ir-riskju li n-navigazzjoni interna issa tista' ssir l-ikbar niġġiesa. Il-Kumitat jinnota f'dan ir-rigward li waqt li jkunu qed jiġu żviluppati standards ta' emissjonijiet futuri għandha tiġi indirizzata l-kompetizzjoni inġusta u għandha tiġi kkunsidrata offerta adatta għall-muturi adatti għas-settur tan-navigazzjoni interna.

5.10

Il-Kumitat huwa tal-fehma li hija u tistimola s-settur lejn l-innovazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni l-Kummissjoni tista' taqdi rwol importanti u għandha tagħti appoġġ finanzjarju sostanzjali. Peress li huwa ta' benefiċċju għas-soċjetà li n-navigazzjoni interna hija aħjar għall-ambjent, tkun ħaġa ġusta li tingħata l-appoġġ mill-fondi Ewropej u nazzjonali. Dan jista' jkollu effett qawwi ta' katalista.

5.11

Għalhekk, il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex, ladarba jiġi stabbilit il-baġit pluriennali tal-Unjoni Ewropea, jintużaw il-possibbiltajiet kollha biex jiġu rilaxxati l-fondi mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Orizzont 2020 għall-implimentazzjoni tal-ekoloġizzazzjoni abbord il-bastimenti u miżuri oħra mill-proposta għall-programm NAIADES.

5.12

Barra minn hekk, il-Kumitat jappella lis-settur biex juża wkoll il-fondi disponibbli mill-fond ta' riżerva sabiex tittejjeb ir-reputazzjoni tal-kumpaniji tas-settur għall-finijiet ta' ekoloġizzazzjoni. Din il-possibbiltà nħolqot permezz tal-emendi proposti għar-Regolament dwar il-politika tal-kapaċità tal-flotta, li jagħmel parti mill-pakkett NAIADES II.

5.13

Il-professjonalizzazzjoni u kooperazzjoni iktar mill-qrib f'dan is-settur żgur li jservu bħala kontribut għal titjib strutturali tal-pożizzjoni ekonomika tagħha, issa li l-kriżi ekonomika fin-navigazzjoni interna dan l-aħħar wasslet għal kapaċità żejda strutturali mill-ġdid f'dan is-settur.

Brussell, 21 ta' Jannar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE