|
21.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 341/29 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-rilaxx tal-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fis-settur spazjali”
COM(2013) 108 final
2013/C 341/07
Relatur: is-Sur VAN IERSEL
Nhar it-28 ta' Frar 2013 il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-politika industrijali spazjali tal-UE - ir-rilaxx tal-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fis-settur spazjali
COM(2013) 108 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2013.
Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’151 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jilqa' bi pjaċir politika industrijali tal-UE fil-qasam tal-ispazju (1). Huwa jaqbel ukoll mal-baġit previst ta' EUR 11-il biljun allokat għall-programm Galileo, Copernicus u għar-R&Ż fl-Orizzont 2020 għall-2014-2020, minbarra l-baġit ta' EUR 4 biljun li diġà jingħata kull sena għall-Aġenzija Spazjali Ewropea (ASE). Dawn id-deċiżjonijiet jikkonformaw mal-fehmiet li jħaddan il-KESE (2). |
|
1.2 |
Il-politika spazjali tal-UE, appoġġjata permezz ta' impenn politiku mill-Ewropa kollha, għandha tiżgura li l-Ewropa jkollha aċċess indipendenti għall-ispazju matul il-katina kollha, jiġifieri mill-fażi tat-tfassil sal-fażi tal-iżvilupp, it-tnedija u l-estrazzjoni. Attivitajiet b'riskju għoli u li jsiru fuq żmien twil jeħtieġu l-possibbiltà tal-previżjoni, ċertezza u impenn kontinwu. |
|
1.3 |
L-UE għandha bżonn il-kapaċitajiet meħtieġa. Suq intern għall-ispazju jitlob li jkun hemm kunċett definit b'mod ċar ta' xi jfisser li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs fl-Ewropa, kemm għal raġunijiet interni kif ukoll esterni. |
|
1.4 |
Hemm bżonn ta' politika industrijali proattiva bi tweġiba għas-swieq istituzzjonali l-kbar madwar id-dinja li qed iħallu impatt strateġiku u teknoloġiku dejjem ikbar. Il-kompetittività tal-industrija Ewropea trid tittejjeb. Iżda għad iridu jingħelbu ostakli interni sostanzjali b'mod progressiv. |
|
1.5 |
Il-politika industrijali tal-UE għandha tgħaqqad flimkien diversi strateġiji ta' Stati Membri differenti taħt kappa waħda u tintegra wkoll il-preferenzi nazzjonali f'qafas wieħed. |
|
1.6 |
Il-partijiet kollha jridu jaqdfu fl-istess direzzjoni. L-ASE għandha post speċjali. Il-prestazzjonijiet tagħha huma tajbin ħafna u ma jħallu l-ebda dubju. Fl-istruttura l-ġdida, apparti r-rwol tradizzjonali tagħha, l-ASE ser tiffaċilita l-proġetti tal-ispazju taħt ir-regoli tal-UE. Ser jiġu stabbiliti metodi u relazzjonijiet ġodda. Dawn jeħtieġu koordinazzjoni u adattar żviluppati ħafna bejn l-atturi kollha, jiġifieri s-servizzi tal-Kummissjoni, l-ASE u l-Istati Membri. |
|
1.7 |
Hemm bżonn isiru arranġamenti formali għall-konsultazzjoni mal-industrija, speċjalment fir-rigward tal-SMEs. Parti adegwata mill-baġit tal-programm Copernicus għandha tiġi allokata għas-servizzi u l-applikazzjonijiet il-ġodda. |
|
1.8 |
Is-settur spazjali jitlob forza tax-xogħol kwalifikata sew, fuq bażi ta' kuntratti adatti. Hemm bżonn ta' attenzjoni kontinwa għall-ħiliet adegwati, li jiġu żgurati permezz ta' edukazzjoni u taħriġ aġġornati, biex b'hekk tiġi faċilitata l-mobbiltà. |
|
1.9 |
Il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà strateġika u tad-difiża huma l-ixpruni tal-politika spazjali fil-pajjiżi kollha. L-azzjonijiet u l-politiki ġodda tal-UE dwar l-ispazju huma bbażati fuq l-Artikolu 173, u b'mod partikolari l-Artikolu 189 tat-TFUE. Dawn għandhom jiġu integrati fi ftehim aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri dwar is-sigurtà u d-difiża, u, għaldaqstant, f'perspettiva usa' tal-politika barranija tal-UE. Min-naħa l-oħra, l-esperjenzi fil-politika spazjali, f'xi oqsma definiti sew, jistgħu jkunu eżemplari għad-difiża Ewropea. Dawn għandhom jitqiesu fid-dibattitu li ġej dwar id-difiża Ewropea. |
|
1.10 |
Il-politika spazjali industrijali tal-UE tista' tassew tagħti spinta lil bażi industrijali aktar kompetittiva, solida, effiċjenti u bbilanċjata fl-Ewropa, billi tappoġġja s-servizzi tal-gvern kif ukoll għan-negozji u ċ-ċittadini. Dan is-settur għadu fraġli u l-kriżi żżid l-inċertezzi. Issa wasal għall-implimentazzjoni! |
|
1.11 |
F'dan il-kuntest, il-KESE japprova għalkollox il-ħames għanijiet, definiti mill-Kummissjoni: qafas regolatorju stabbli u koerenti, bażi industrijali b'saħħitha, li tinkludi l-SMEs, il-kompetittività u l-kosteffiċjenza, is-swieq fl-applikazzjonijiet u s-servizzi, u l-awtonomija teknoloġika u l-aċċess indipendenti għall-ispazju (3). |
|
1.12 |
Il-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja għandha tiġi kkonsolidata u tissaħħaħ billi tittejjeb il-prestazzjoni u l-kompetittività tal-industrija Ewropea, billi nżommu l-pass mal-ambizzjonijiet ta' pajjiżi oħra involuti fl-ispazju u mal-aqwa teknoloġiji madwar id-dinja, nippromovu l-kosteffiċjenza tul il-ktajjen ta' valur, u niżviluppaw swieq fl-applikazzjonijiet u s-servizzi spazjali. |
2. Kuntest storiku, l-impenn tal-KESE
|
2.1 |
Minħabba kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà u difiża, il-politika spazjali żviluppat barra l-qafas tat-Trattat tal-UE. L-Istati Membri kellhom l-istrateġiji spazjali tagħhom stess. L-interessi komuni Ewropej sa ċertu punt kienu jikkonċentraw fuq ir-R&Ż u l-proġetti industrijali tal-ASE. |
|
2.2 |
Fl-2003 inbdiet fażi ġdida bil-Ftehim Qafas bejn l-ASE u l-UE. L-FP7 ġie involut fil-proġetti ta' riċerka u politika industrijali tal-UE bbażata fuq is-setturi ma kinitx 'il bogħod. L-investimenti minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel intensifikaw, il-kompetizzjoni żdiedet u n-negozji privati speċjalizzati żviluppaw applikazzjonijiet u servizzi ġodda. |
|
2.3 |
Il-KESE appoġġja bil-qawwi l-istrateġija tal-UE li tgħaqqad il-kunċett tal-ASE ma' involviment aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll proposti u deċiżjonijiet konkreti għal dan il-għan (4). |
|
2.4 |
F'Opinjonijiet sussegwenti, il-KESE saħaq fuq l-importanza tal-politiki spazjali tal-UE għas-servizzi pubbliċi, in-negozji u, b'mod speċjali, iċ-ċittadini. Huwa appoġġja l-passi 'l quddiem li saru f'oqsma speċifiċi bħall-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES), il-komponent tal-ispazju tal-GMES, u Strateġija Spazjali li jgawdu minnha ċ-ċittadini (5). |
|
2.5 |
Fl-2012, il-KESE rrakkomanda li l-finanzjament tal-GMES jitpoġġa fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 (6). Fit-8 ta' Frar 2013 il-Kunsill iddeċieda li jalloka EUR 3,78 miljun għall-GMES – minn issa 'l quddiem magħruf bħala Copernicus – EUR 6,3 biljun għall-Galileo, u EUR 1,7 biljun għar-R&Ż fi ħdan l-Orizzont 2020. Id-deċiżjoni għad trid tiġi approvata mill-PE. |
|
2.6 |
Il-Komunikazzjoni riċenti tal-KE dwar il-politika industrijali fis-settur spazjali hija pass 'il quddiem peress li l-Ewropa qed titlef ir-ritmu meta fil-qasam tal-ispazju meta mqabbla mal-maġġoranza tal-pajjiżi involuti fl-ispazju, jekk mhux kollha (7). |
3. Żviluppi attwali
|
3.1 |
Iċ-ċirkostanzi nbidlu drastikament. L-investimenti dinjija minn pajjiżi involuti fl-ispazju ġodda qed jiżdiedu b'pass mgħaġġel ħafna. L-Istati Uniti għadhom l-aktar pajjiż b'saħħtu. Id-dħul tal-Amerika huwa madwar għaxar darbiet aktar minn dak tal-Ewropa. Iċ-Ċina u l-Indja qed isiru kompetituri b'saħħithom. Dan l-aħħar ir-Russja ħabbret li ser iżżid il-baġit tagħha għall-ispazju b'ammont sostanzjali. |
|
3.2 |
Il-prijoritajiet huma l-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tal-awtonomija u l-awtosuffiċjenza. Is-swieq kollha taċ-Ċina, l-Indja u l-Ġappun huma 100 % istituzzjonali u fir-Russja huwa kważi kollu. Fl-Istati Uniti, dan jirrappreżenta 70 %. Dan huwa b'mod ċar għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni tal-Ewropa fejn 50 % tas-suq jiddependi mis-settur privat. Għandu jiġi nnutat li f'termini ta' volum, l-20 % tas-sehem mis-suq tas-settur privat fl-Istati Uniti jirrappreżenta aktar minn 50 % tas-sehem tas-suq privat fl-Ewropa. |
|
3.3 |
Is-suq globali qed jikber filwaqt li l-kompetizzjoni qed tintensifika minħabba l-wasla ta' pajjiżi ġodda involuti fl-ispazju. Dan qed jhedded il-pożizzjoni tal-industrija Ewropea miksuba bl-għaraq ta' xbinha hekk kif qed ifeġġu ostakli fl-istess ħin li dawn il-pajjiżi l-ġodda qed iwettqu politiki ta' esportazzjoni aggressivi. Minħabba t-tnaqqis fil-baġit tad-difiża, is-settur tal-ispazju Amerikan ukoll miexi fit-triq li twassal għall-esportazzjonijiet dinjija. |
|
3.4 |
F'dan il-kuntest, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan li l-Ewropa jkollha aċċess indipendenti għall-ispazju kif ippreżentat f'sensiela ta' Konklużjonijiet tal-Kunsill u fil-Komunikazzjonijiet tal-KE. Aktar minn qatt qabel, il-Kunsill u l-Kummissjoni qed jenfasizzaw, u bir-raġun, il-bżonn ta' awtonomija Ewropea fl-oqsma strateġiċi tas-settur tal-ispazju, bil-promozzjoni u l-protezzjoni tal-aċċess indipendenti tal-Ewropa għall-ispazju. |
|
3.5 |
Bħalissa l-Ewropa għadha dipendenti sew fuq teknoloġiji Amerikani. L-isforzi biex din id-dipendenza titnaqqas u tiġi żgurata ċ-ċertezza ta' provvista mingħajr interruzzjoni ta' għarfien u materjal ta' teknoloġija għolja jeħtieġu sforzi kbar mill-gvernijiet, l-ASE u l-UE. |
|
3.6 |
Bi tweġiba għall-attivitajiet b'riskju għoli u li jsiru fuq żmien twil, il-possibbiltà tal-previżjoni, iċ-ċertezza u l-impenn kontinwu huma indispensabbli. Is-settur qiegħed fi triqtu lejn il-maturità u għadu fraġli, speċjalment fejn għandhom x'jaqsmu l-SMEs, li huma kruċjali għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet. Il-kriżi attwali żżid il-vulnerabbiltà. |
4. Il-politika industrijali għas-settur spazjali
|
4.1 |
F'din il-klima diffiċli, il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal politika industrijali tal-UE attiva, abbażi tal-Artikoli 173 u 189 tat-TFUE. |
|
4.2 |
Għall-ewwel darba l-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond tal-isfidi wara li kkonsultat firxa wiesgħa ta' partijiet pubbliċi u privati. Din l-analiżi, li ġiet aċċettata b'mod wiesa' hija element importanti li permezz tiegħu tista' ssir il-qabża 'l quddiem mill-baġit attwali ta' madwar EUR 4 biljun tal-ASE għall-EUR 11-il biljun addizzjonali tal-baġit tal-ispazju għall-2014-2020. Meta jitqiesu l-politiki aggressivi ta' pajjiżi oħra involuti fl-ispazju, dan huwa pass 'il quddiem deċiżiv. |
|
4.3 |
Dan il-finanzjament addizzjonali huwa wkoll punt ta' tluq tajjeb fis-settur li x'aktarx ser jikber b'mod konsiderevoli fl-għaxar snin li ġejjin minħabba żewġ raġunijiet:
|
|
4.4 |
Għadd dejjem jikber ta' attivitajiet jibbenefikaw mis-servizzi tal-ispazju: is-sigurtà, l-agrikoltura, it-trasport, l-iżvilupp reġjonali, il-monitoraġġ tal-oċeani, il-meteoroloġija, it-telekomunikazzjonijiet, ix-xandir. Dan jindirizza l-lakuni diġitali li jeżistu. |
|
4.5 |
Barra minn hekk, l-ispazju ser ikun ta' appoġġ għal għadd ta' kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, is-sajd, id-deforestazzjoni, il-monitoraġġ tar-riżorsi naturali u tal-katastrofi. L-Ewropa għandha tkun armata b'sistema globali proprja biex taqdi r-rwol sħiħ tagħha, fl-istess livell tal-pożizzjoni ekonomika tagħha fid-dinja. Hemm bżonn jiżdied l-għarfien fost iċ-ċittadini. |
|
4.6 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjoni li fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tajbin, l-UE tagħmel użu mill-opportunitajiet ta' politika industrijali proattiva. Huwa jara dan bħala t-tħejjija konkreta tal-kunċett usa' ta' politika industrijali tal-UE kif ġie stabbilit fil-Komunikazzjonijiet tal-KE dwar il-politika industrijali tal-2010 u l-2012. |
|
4.7 |
Din għandha tiżgura li l-Ewropa jkollha aċċess indipendenti għall-ispazju fit-tfassil u l-iżvilupp tas-sistemi tal-ispazju kif ukoll fil-programmi ta' llanċjar u ta' esplojtazzjoni. Huwa indispensabbli li jkun hemm awtosuffiċjenza u verifika indipendenti tad-data, bla dubju rigward iċ-Ċina, iżda anke fir-rigward tan-nazzjonijiet ħbieb, bħall-Istati Uniti, li l-Ewropa ma tistax ma tikkompetix magħhom. |
|
4.8 |
Il-maġġorparti tal-politiki industrijali, xprunata mill-istrateġiji nazzjonali, għadha fl-Istati Membri. Dawn l-istrateġiji huma parti mill-qasam usa' tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża, u dan jispjega wkoll ir-rabta mill-qrib bejn il-gvernijiet, ir-riċerka nazzjonali u l-industriji. Dan iwassal għal ostakli interni u, għalhekk, għal frammentazzjoni u xogħol maqsum, biex ma nsemmux il-fatt li l-Ewropa tibqa' lura. |
|
4.9 |
Dan joħroġ fid-dieher li l-bżonn ta' kundizzjonijiet indaqs huwa prerekwiżit għal kwalunkwe politika industrijali tal-UE. Il-Kummissjoni għandha tfassal kriterji ċari biex tiddefinixxi b'mod preċiż il-kunċett ta' "kundizzjonijiet indaqs". Kunċett definit sew huwa wkoll indispensabbli għal kull miżura "ta' reċiproċità" li tittieħed fil-kuntest tal-ftuħ reċiproku tas-swieq internazzjonali ma' pajjiżi terzi. |
|
4.10 |
Il-KESE jinsisti li l-kundizzjonijiet indaqs u l-kompetizzjoni interna trasparenti fi ħdan l-Unjoni għandhom ikunu l-għan finali. Dan għandu jgħin b'mod konsiderevoli biex l-Ewropa żżomm il-pass mal-bqija tad-dinja. |
|
4.11 |
Għal dak li għandu x'jaqsam mal-politika tal-Kummissjoni għar-R&Ż, il-KESE jsemmi żewġ elementi ewlenin li jridu jiġu indirizzati:
|
|
4.12 |
Dawn il-punti ta' tħassib huma marbuta mal-baġits għar-R&Ż li qed jonqsu fl-Istati Membri. L-infiq globali għadu bejn wieħed u ieħor l-istess minħabba li l-Kummissjoni tagħti sehemha biex tikkumpensa. L-unika eċċezzjoni hija l-Ġermanja li dan l-aħħar żiedet il-baġit tagħha għar-R&Ż spazjali b'10 %. |
|
4.13 |
Kif innota l-KESE f'diversi okkażjonijiet, politika industrijali li tirnexxi hija waħda trasversali: trid tiġi żgurata l-koordinazzjoni fost id-diversi Direttorati Ġenerali tal-KE sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollha stabbiliti mid-DĠ Intrapriża, pereżempju mad-DĠ Connect dwar il-komunikazzjonijiet bis-satellita (SatComs) u mad-DĠ Kummerċ dwar il-ftuħ tas-swieq u l-garanzija ta' "sigurtà tal-provvista" ta' komponenti kruċjali. |
5. L-ASE u l-UE
|
5.1 |
Ix-xjenza u t-teknoloġija huma fundamentali. Il-KESE jisħaq għal darb'oħra l-importanza kbira tal-ASE fil-politika spazjali Ewropea. Meta jitqiesu l-ostakli li jridu jingħelbu f'kull qafas intergovernattiv, m'hemm l-ebda dubju dwar il-prestazzjoni preċedenti u attwali tal-ASE. Sa mill-bidu hija tat kontribut sinifikanti lill-attivitajiet spazjali Ewropej kif inhuma. L-ASE kellha rwol indispensabbli fir-R&Ż spazjali u, sa ċertu punt, anke f'attivitajiet industrijali, mhux l-inqas minħabba l-proporzjon pożittiv bejn il-kost u l-kwalità tal-prodotti. |
|
5.2 |
L-ASE hija msieħeb mgħammar tajjeb għall-gvernijiet nazzjonali u l-industriji. Għaldaqstant, il-kisbiet tagħha huma parti mill-katina li hi kkwalifikata ħafna u li tibni fuq il-bażi għall-industrija Ewropea u ssaħħaħha. Barra minn hekk, is-sistema tar-"ritorn ġust", li għaddejja bħalissa, ħeġġet lill-gvernijiet jimmonitorjaw il-prestazzjoni globali fir-R&Ż u l-attivitajiet relatati fil-pajjiżi rispettivi. |
|
5.3 |
Madankollu, bil-mod il-mod beda joħroġ ċar li kellhom jinstabu mogħdijiet ġodda biex l-UE tkun verament attur kompetittiv globali. Il-Ftehim Qafas tal-2003 bejn l-ASE u l-UE beda jżid il-politiki tal-UE u r-riżorsi finanzjarji kif ukoll itejjeb il-kompetizzjoni u l-kompetittività. Inbdiet għalhekk sħubija bejn l-ASE u l-UE li rnexxiet. It-tkomplija tal-impenn mill-ASE ser tkun pedament sod ta' kwalunkwe politika industrijali spazjali tal-UE. |
|
5.4 |
Minkejja dan, iċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu malajr jitolbu valutazzjoni preċiża tal-proċeduri u tal-proċedimenti u għall-aħjar użu possibbli tar-riżorsi finanzjarji għall-appoġġ tat-tkomplija tal-kompetittività u r-reżiljenza tal-kumpaniji Ewropej. |
|
5.5 |
Ir-rwol tal-ASE fil-ħolqien ta' bażi soda għall-esplojtazzjoni tas-sistemi spazjali tal-Ewropa nnifisha permezz ta' applikazzjonijiet iffukati u integrati, ġie rikonoxxut iżda l-appoġġ li jista' jagħti lill-politiki tal-UE għadu ma ntużax b'mod sħiħ. Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-ASE għandha toħloq momentum qawwi f'dan ir-rigward. |
|
5.6 |
Hemm bżonn ta' approċċi u mekkaniżmi ġodda biex nappoġġjaw politika maħsuba apposta għall-użu b'suċċess u l-esplojtazzjoni sostenibbli ta' sistemi spazjali operattivi. Bl-istess mod, hemm bżonn li ssir Ewropizzazzjoni effettiva tar-riżorsi biex jiġu appoġġjati t-tliet għanijiet li ġejjin:
|
|
5.7 |
Id-deċiżjonijiet riċenti huma konformi mal-modernizzazzjoni li l-KESE ppromova fl-Opinjoni tiegħu tal-2008 (8). Dak iż-żmien, il-KESE kien saħaq li l-maturità li qed tikber tas-suq tal-ispazju titlob aktar flessibbiltà li, fi żmien ta' ċikli teknoloġiċi dejjem aktar mgħaġġlin u sinerġiji u applikazzjonijiet li qed jiżdiedu, bħala regola, mhijiex garantita b'xejriet fissi ta' relazzjonijiet li jirriżultaw mill-prinċipju tar-ritorn ġust kif prattikat mill-ASE (9). |
|
5.8 |
Il-bidliet ta' malajr għandhom jiġu evitati. Għaldaqstant il-KESE rrakkomanda analiżi u djalogu dwar il-prestazzjoni mixtieqa mill-Ewropa sa għaxar snin oħra: "id-djalogu għandu jinkludi l-mod kif l-ASE hija ffinanzjata, il-kontribut dinamiku tal-kumpaniji ta' daqs medju u ż-żamma tal-ogħla livell ta' kompetizzjoni' (10) |
|
5.9 |
Il-KESE jqis li r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Novembru li għadda dwar ir-relazzjoni bejn l-UE ul-ASE (11) flimkien mal-qafas finanzjarju l-ġdid, adottat fit-8 ta' Frar, bħala applikazzjoni konkreta waħda tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu tal-2008. L-UE dieħla f'fażi ġdida. |
|
5.10 |
Fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet, l-ASE, li tgawdi minn esperjenza dejjiema, ser issir responsabbli għall-ġestjoni eżekuttiva, iżda ser tagħmel dan abbażi tar-regoli tal-UE. Jekk jiġu implimentati sew, ser jinstab bilanċ ottimali bejn il-kompetenzi tal-ASE u l-mekkaniżmu regolari tas-suq tal-UE. |
|
5.11 |
Għadu mhuwiex ċar kif il-metodi ta' ħidma maqbula ser jaħdmu, żgur mhux fl-ewwel fażi. Minkejja xi bidliet żgħar matul l-aħħar snin, fejn l-approċċi tas-suq ġew imbuttati fuq quddiem, inħolqot relazzjoni ġdida max-xjenza u r-riċerka fl-ispazju. Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa' l-iżvilupp ta' kriterji distintivi fattibbli bejn il-prinċipju konvenzjonali tal-ESA dwar ritorn ġust (li għandu l-għan li jiżviluppa u juża industrija diversifikata fil-qasam tal-ajruspazju fl-Ewropa) u r-regoli tas-suq intern tal-UE li huma vinkolanti għall-Kummissjoni, b'tali mod li jissaħħu l-kooperazzjoni ta' siwi bejn il-Kummissjoni u l-ESA u l-industrija spazjali Ewropea. |
|
5.12 |
Dan l-aspett ġie indirizzat ukoll fl-opinjoni addizzjonali tas-CCMI dwar dan is-suġġett. Sadanittant kien possibbli li jiġu ċċarati b'mod sodisfaċenti xi aspetti kritiċi identifikati f'din l-opinjoni addizzjonali. |
6. Kwistjonijiet speċifiċi
|
6.1 |
Fit-tfassil tal-politika spazjali skont l-Artikolu 189, kemm jista' jkun għandhom jiġu applikati kompetenzi paralleli tal-Kummissjoni u l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-inizjattiva li jikkooperaw bejniethom dwar kwistjonijiet speċifiki. Dawn il-proċessi jistgħu jiġu monitorjati mill-Kummissjoni. |
|
6.2 |
F'ambjent kompetittiv u dinamiku li qiegħed dejjem jinbidel għandhom jiġu definiti l-kundizzjonijiet tajbin b'appoġġ għal bażi kompetittiva soda għall-industrija tal-UE. Għaldaqstant, il-KESE jinsisti li minn issa 'l quddiem l-industrija tingħata pożizzjoni formali fil-korpi konsultattivi, speċjalment f'oqsma fejn huma attivi l-kumpaniji ż-żgħar. Ir-rekwiżiti għandhom jiġu definiti b'mod miftuħ u trasparenti. |
|
6.3 |
Fost il-kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi hemm politika dwar id-data ħielsa u miftuħa, il-kwalità, l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni. Is-servizzi huma pprovduti kemm mill-korpi tas-settur pubbliku kif ukoll mill-atturi privati, li jwassal għall-bżonn li jkun hemm monitoraġġ effettiv. |
|
6.4 |
Arranġamenti konsultattivi stabbiliti sew għandhom jgħinu l-appoġġ għall-potenzjal enormi tal-SMEs. Parti adegwata mill-baġit għall-Copernicus u l-Galileo għandha tiġi użata għall-iżvilupp ta' servizzi u applikazzjonijiet ġodda. |
|
6.5 |
Minħabba l-intensità tat-teknoloġija, il-medja tal-forza tax-xogħol hija kkwalifikata ħafna. Madwar id-dinja s-settur tal-ispazju għandu 800 000 impjegat, li minnhom 25 % jinsabu fl-Istati Uniti u 4 % (!) fl-Ewropa. Hemm bżonn li qed jikber għal impjegati ggradwati biex jittejjeb il-potenzjal Ewropew u jiġu ġġenerati sinerġiji ta' ġid. Kuntratti tax-xogħol diċenti għandhom ikunu l-istandard sabiex is-settur isir iktar attraenti. |
|
6.6 |
L-ispazju jistimola l-immaġinazzjoni taż-żgħażagħ. Il-KESE jinsisti fuq politika tax-xogħol attiva, ibbażata fuq edukazzjoni u taħriġ aġġornati, u promossa fl-edukazzjoni teknika għolja, inkluża relazzjoni mill-qrib mar-riċerka u l-innovazzjoni. Din ser trawwem ukoll mobbiltà mixtieqa u adatta. |
|
6.7 |
Minħabba li s-suq istituzzjonali huwa sinifikanti ħafna, il-politika industrijali fil-qasam tal-ispazju hija relatata mill-qrib mal-politiki tal-akkwist pubbliku. Dawn għandhom jilħqu rekwiżiti għoljin ta' kwalità u trasparenza. Il-KESE jenfasizza li l-industrija tilqa' bi ħġarha t-tħejjija ta' politika speċifika għall-akkwist pubbliku dwar l-ispazju, fejn l-UE tkun involuta direttament, ladarba l-ambitu tagħha jkun ġie definit bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. |
|
6.8 |
Din il-politika ser twitti t-triq biex l-UE tassumi r-rwol tagħha ta' sid l-infrastrutturi Ewropej tal-Ispazju u dak ta' klijent għas-servizzi bbażati fl-ispazju biex taqdi firxa wiesa' ta' politiki pubbliċi. |
|
6.9 |
Il-KESE jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom x'jaqdu r-reġjuni u l-impenn reġjonali biex jitrawmu l-attivitajiet li qed jiżviluppaw fl-industrija spazjali. Ir-rwol tar-reġjuni mhuwiex stmat biżżejjed. Dawn għandhom ikunu informati u mgħammra b'mod adegwat sabiex jibbenefikaw minn impatt pożittiv potenzjali meta jsir użu effiċjenti mis-servizzi spazjali. |
|
6.10 |
Għad hemm nuqqas ta' kejl tas-swieq kwantitattiv sodisfaċenti, li jirriżulta f'nuqqas ta' data affidabbli dwar l-effett finali tar-riċerka dwar l-ispazju fl-applikazzjoni aktar 'l isfel fil-katina. L-għarfien analitiku ta' 'l isfel jew 'l fuq fil-ktajjen irid jidħol aktar fil-fond. |
|
6.11 |
Analiżi tal-Euroconsult li, fost affarijiet oħra, tgħid li l-investimenti aktar 'l fuq fil-katina fl-Istati Uniti jiġġeneraw id-doppju ta' attivitajiet li jagħmlu qligħ aktar 'l isfel fil-katina mill-Ewropa tiġi kkontestata, iżda qatt ma tiġi rifjutata analitikament (12). Għall-UE hemm mudell interessanti ieħor, uniku tat-tip tiegħu, li huwa analiżi aġġornata dwar l-impatt ekonomiku tad-diversi partijiet tal-industrija spazjali tar-Renju Unit (13). |
|
6.12 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-ASE u lill-Istati Membri jwettqu analiżijiet konġunti tad-diversi partijiet tas-settur u li jpoġġuhom f'perspettiva dinjija. Ċifri kkonsolidati dwar impjiegi, rati ta' tkabbir u applikazzjonijiet (ġodda) ser itejbu r-rilevanza tas-settur u jsostnu l-appoġġ pubbliku li għaddej. |
7. Is-sigurtà u d-difiża
|
7.1 |
B'mod simili għall-politiki spazjali tal-kompetituri tal-Ewropa, fil-fehma tal-KESE, politika spazjali tal-UE tħalli aktar frott jekk tkun integrata fi ftehim dejjem jikber bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet strateġiċi fid-difiża u s-sigurtà u għaldaqstant, f'perspettiva usa' tal-politika barranija tal-UE. Din ir-rabta għandha titqies fid-dibattitu li ġej dwar id-difiża Ewropea, fejn ikun adatt. |
|
7.2 |
Il-kooperazzjoni Ewropea fl-ispazju hija ħafna aktar żviluppata minn kull settur ieħor tad-difiża. L-attivitajiet spazjali relatati mad-difiża jistgħu jkunu relatati wkoll mat-tfassil ta' politika tal-UE għad-difiża bħala piloti jew bħala eżempji għal proġetti ta' difiża komuni. Il-KESE jinnota li din il-proposta diġà saret saħansitra fl-1987! Iżda qatt ma ngħatat segwitu. |
Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Il-politika industrijali spazjali tal-UE - Ir-rilaxx tal-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fis-settur spazjali, COM(2013) 108 final, Frar 2013.
(2) Ara b'mod partikolari ĠU C 162, 25.6.2008, p. 24, Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni tal-KE dwar il-Politika Spazjali Ewropea, COM(2007) 212 final.
(3) Ara l-Komunikazzjoni tal-KE, p. 4.
(4) Ara n-nota 2 f'qiegħ il-paġna.
(5) Ara ĠU C 339, 14.12.2010, p. 14; ĠU C 44, 11.2.2011, p. 153; ĠU C 43, 15.2.2012, p. 20.
(6) Ara ĠU C 299, 4.10.2012, p. 72 dwar il-GMES u l-operazzjonijiet tagħha mill-2014 'l quddiem.
(7) Ara d-dokument ta' pożizzjoni tal-ASD-Eurospace dwar il-politika industrijali, Frar 2013, paġna 2.
(8) Ara ĠU C 162, 25.6.2008, p. 24.
(9) Ara ibid punt 1.11.
(10) Ara ibid punt 1.13.
(11) Riżoluzzjoni dwar ir-rwol tal-ASE biex fl-Ewropa jinżammu l-kompetittività u t-tkabbir, 20 ta' Novembru 2012.
(12) Fl-2011, il-Euroconsult waslet għall-konklużjoni li r-relazzjoni bejn l-applikazzjonijiet aktar 'l isfel u aktar 'il fuq fil-katina hija ta' EUR 1: EUR 16, filwaqt li fl-Ewropa r-relazzjoni tkun 'biss' EUR 1: EUR 8.
(13) L-industrija spazjali tar-Renju Unit "Update of the Size and Health of the UK Space Industry" (Aġġornament tad-daqs u l-istat tal-industrija spazjali tar-Renju Unit), mill-Oxford Economics, 2010.