6.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 67/170 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013”
COM(2013) 480 final – 2013/0224 (COD)
2014/C 67/35
Relatur: is-Sur BACK
Nhar is-16 ta’ Lulju 2013 u nhar l-4 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013
COM(2013) 480 final – 2013/0224 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-1 ta’ Ottubru 2013.
Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'134 vot favur, vot 1 kontra u 9 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' l-Proposta għal Regolament dwar sistema ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika (sistema ta' MRV) tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu tal-UE (il-Proposta) bħala l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni tal-miżuri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu stabbiliti fil-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport (1). |
1.2 |
Il-KESE jilqa' s-sistema ta' MRV bħala l-ewwel pass f'approċċ maħsub biex iwassal għal ftehim tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar miżuri obbligatorji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu u jieħu nota favorevoli tat-titjib li sar fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li mistennija jsegwu mill-implimentazzjoni tiegħu (2). |
1.3 |
Il-KESE japprezza li filwaqt li l-Proposta kif inhi mhix biżżejjed biex timplimenta dawn l-għanijiet, hija tasal sa fejn huwa raġonevoli fir-rigward tal-miżuri li jistgħu jittieħdu fil-livell nazzjonali jew reġjonali fejn jidħlu pajjiżi terzi. Il-KESE jikkunsidra li l-Proposta laħqet il-bilanċ it-tajjeb dwar f'dan ir-rigward. |
1.4 |
Il-KESE jilqa' l-fatt li l-proporzjon tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-Proposta huwa favorevoli għall-operaturi tal-bastimenti involuti. Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni timmonitorja r-riżultat tal-implimentazzjoni tal-Proposta dwar dan il-punt u li tieħu l-inizjattivi adegwati jekk pereżempju l-ispejjeż u l-benefiċċji mbassra jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetittività. |
1.5 |
Il-KESE huwa kritiku fir-rigward tal-bżonn u l-valur miżjud tal-informazzjoni operazzjonali apparti l-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet li għandhom jiġu monitorjati u rapurtati taħt il-Proposta hekk kif stabbilit fl-Artikolu 9(d) - (g), 10 (g) - (j) u Anness II, b'mod partikolari billi tal-anqas parti minn din l-informazzjoni hija meqjusa mill-industrija tal-basitmenti bħala kummerċjalment sensittiva u jeżistu fehmiet diverġenti fir-rigward tal-valur tad-disponibbiltà tagħha f'forma aggregata. |
1.6 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn l-inizjattiva taċ-Ċintorin Blu tal-Kummissjoni li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq it-trasport marittimu fuq distanzi qosra u huwa tal-fehma li dan l-approċċ għandu japplika anki fir-rigward ta' din il-proposta (3). |
1.7 |
Il-KESE jinnota li hemm bżonn iktar miżuri sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-White Paper u jqis li huwa importanti ħafna li dawn il-miżuri jittieħdu fl-IMO sabiex jiġu evitati riskji ta' kunflitt ma' pajjiżi li mhumiex membri tal-UE u effetti negattivi fuq il-kompetittività tat-trasport marittimu tal-UE. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
L-emissjonijiet mit-trasport marittimu internazzjonali llum huma responsabbli għal 3 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra u 4 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE. It-tbassir juri livelli globali ta' 5 % sal-2050 u żieda konsiderevoli fil-livell tal-UE fejn il-figuri jvarjaw bejn 51 % u 86 % skont is-sena bażi li tintgħażel (2005 u 1990, rispettivament) (4). |
2.2 |
Il-pakkett tal-klima u l-enerġija tal-UE tal-2008, l-Istrateġija UE 2020 (5) u l-White Paper tal-2011 dwar il-politika tat-trasport kollha jbassru għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra. L-għanijiet globali tal-UE huma ta' tnaqqis ta' 20 % relatat mal-valuri tal-1990 li jiżdiedu għal 30 % jekk ikun hemm ftehim globali (6). Fir-rigward tat-trasport marittimu internazzjonali, il-White Paper dwar il-politika tat-trasport tistabbilixxi għan ta' tnaqqis ta' 40 % għall-2050 relatat mal-livell tal-2005. |
2.3 |
Madanakollu ma hemm l-ebda obbligu lokali fuq it-trasport marittimu li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bl-eċċezzjoni tar-regolamentazzjoni tal-IMO dwar il-kubrit, preżenti fil-liġi tal-UE permezz tad-Direttiva 2012 /33/UE. It-trasport marittimu internazzjonali huwa l-uniku settur tat-trasport li mhux inkluż fl-impenn tat-tnaqqis tal-emissijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-UE. |
2.4 |
Madanakollu l-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew it-tnejn stqarrew li s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. |
2.5 |
Fis-settur tat-trasport il-miri ġew stabbiliti b'rispett lejn l-avjazzjoni ċivili li ġiet inkluża fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet tal-UE li tapplika wkoll għat-titjiriet minn u lejn l-ajruporti tal-UE. L-implimentazzjoni tal-miżuri madanakollu ġiet temporanjament posposta fir-rigward tat-titjiriet mhux fl-UE sabiex titwitta t-triq għal ftehim globali fl-ICAO (7). |
2.6 |
Fir-rigward tat-trasport marittimu, għadhom ma ġewx stabbiliti miri vinkolenti billi ġie kkunsidrat li aħjar l-ewwel joħorġu l-miżuri koordinati globalment fl-IMO. |
2.7 |
Madanakollu skont stqarrija li għamlu l-Kunsill u l-Parlament fl-2009 il-fatt li la sal-31 ta' Diċembru 2011 la l-UE u lanqas l-Istati Membri ma approvaw ftehim internazzjonali fl-IMO ifisser li l-Kummissjoni għandha tressaq proposti li jinkludu l-emissjonijiet internazzjonali marittimi fl-impenn Komunitarju lejn it-tnaqqis li għandu jidħol fis-seħħ fl-2013 u li maħsbub biex jimminimizza kwalunkwe impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-Komunità (8). Dawn l-istqarrijiet ġew segwiti minn stqarrija tal-Kummissjoni f'Ottubru 2012. |
2.8 |
Filwaqt li l-IMP għadha ma waslitx għal ftehim internazzjonali li jwieġeb għall-istqarrija li saret fl-2009, ittieħdu deċiżjonijiet għat-titjib tal-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija tal-bastimenti l-ġodda u tressqu iktar proposti għat-titjib tal-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija fejn is-sistema ta' MRV tal-emissjonijiet tista' tkun l-ewwel pass. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tqis li l-ħidma attwali fl-IMO tista' twassal għal deċiżjonijiet dwar miżuri bbażati fuq is-suq għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-impenn li tittieħed azzjoni fil-livell reġjonali tal-UE għandu għalhekk jiġi implimentat b'mod li jappoġġja l-ħidma li għadha għaddejja fl-IMO. Il-Kummissjoni esprimiet preferenza b'saħħitha għall-approċċ globali mmexxi mill-IMO u ser tkompli taġixxi b'konformità ma' dan minkejja l-progress xejn rapidu tal-attivitajiet tal-IMO fil-qasam. Il-Kummissjoni ser timmonitorja l-progress kontinwament u tqis azzjoni futura fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-IMO. |
2.9 |
L-introduzzjoni ta' sistema ta' MRV tal-emissjonijiet għandha tirrappreżenta l-ewwel pass f'din id-direzzjoni. Dan jagħmel possibbli l-monitoraġġ tal-iżviluppi u l-promozzjoni ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika fil-livell tal-kumpaniji li jista' jnaqqas għalhekk l-ispejjeż ġenerali li jmorru lil hinn mill-ispejjeż tat-tħaddim tas-sistema tal-MRV. Tista' tinsilet esperjenza mis-sistemi li jeżistu fil-livell tal-kumpaniji. Għandha tiġi implimentata sistema reġjonali ta' MRV tal-UE f'kooperazzjoni mal-IMO u tiġi adattata għal miżuri possibbli futuri tal-IMO. Dan jista' jkun ukoll l-ewwel pass f'approċċ gradwali li jiġu inklużi l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tat-trasport marittimu fl-impenji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-livell tal-UE jew internazzjonali permezz ta' rekwiżiti tal-effiċjenza tal-enerġija u/jew miżuri bbażati fuq is-suq. |
3. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea
3.1 |
Il-Kummissjoni proponiet Regolament li jipprovdi qafas għas-sistema ta' MRV għall-emissjonijiet tas-CO2 minn bastimenti li jiżnu iktar minn 5 000 tunnellata grossa. Is-sistema tkopri t-traffiku kollu fil-portijiet tal-UE u bejniethom u bejn port tal-UE u l-ewwel port ta' destinazzjoni li mhux fl-UE jew l-aħħar port ta' tluq li mhux fl-UE. Hija tapplika għall-bastimenti kollha irrispettivament mill-bandiera tagħhom bl-eċċezzjoni tal-bastimenti tal-gwerra, tal-istat u ta' divertiment. Il-Proposta tqis li l-limiti fejn jidħlu tunnellati jeskludu madwar 40 % tal-flotta iżda 10 % biss tal-emissijonijiet tas-CO2. |
3.2 |
Għar-raġunijiet indikati fit-tieni parti hawn fuq, is-sistema għandha tiġi implimentata f'kooperazzjoni mill-qrib mal-IMO u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ser ikun possibbli li tiġi adattata għal kunċetti futuri possibbli oħra tal-IMO. |
3.3 |
Is-sistema ta' MRV proposta mill-Kummissjoni tipprovdi qafas li jiżgura l-ġbir tad-data mis-sidien/operaturi dwar kull bastiment u kull vjaġġ li jaqa' taħt ir-Regolament inkluż moviment fil-portijiet. Ser isir ukoll rappurtar annwali. Ir-rappurtar ser jiġi approvat minn esperti akkreditati u r-rapporti annwali approvati ser jitressqu quddiem il-Kummissjoni u l-Istat tal-bandiera. Ir-rappurtar annwali ser jiġi ppubblikat u d-dokumenti ta' konformità li joħorġu l-esperti akkreditati għandhom jinżammu fuq il-bastimenti koperti mis-sistema. Il-konformità tiġi verifikata mill-Istat tal-bandiera u permezz tas-sistema ta' kontroll fil-portijiet. In-nuqqas ta' konformità jiġi penalizzat f'ċerti każijiet bl-espulsjoni tal-bastiment jiġifieri il-projbizzjoni tal-bastiment mill-portijiet tal-UE sakemm ma tiġi solvuta l-problema tal-konformità. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-KESE jieħu nota tal-għanijiet strateġiċi wara l-Proposta li huma ambizzjużi u ma jieqfux biss mal-kontenut tagħha permeżempju billi jfittxu li jiddefinixxu bażi ta' informazzjoni għal iktar negozjati u iktar progress lejn miżuri li ser inaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu. Il-KESE jilqa' dawn l-għanijiet strateġiċi u jieħu nota favorevoli tal-approċċ tal-Kummissjoni li tikseb kontroll tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-evoluzzjoni tagħhom b'mod trasparenti u kredibbli permezz ta' sistema ta' MRV li tista' tinħoloq fil-qafas tar-Regolament propost. Huwa jaqsam il-fehma wkoll li din il-bażi ta' għarfien tista' tgħin sabiex tinġieb 'il quddiem il-ħidma kontinwa tal-IMO sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-miżuri obbligatorji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu. F'dan il-kuntest il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu (9) dwar il-Proposta għal Regolament dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE issa r-Regolament 525/2013. |
4.2 |
Il-KESE jieħu nota favorevoli wkoll tal-approċċ li huwa parzjalment minn isfel għall-fuq tal-Proposta fejn l-informazzjoni ser tinġabar fil-livell tal-kumpaniji u mistennija tħeġġeġ miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika fil-livell tal-kumpaniji li jista' jwassal għal konsum inqas tal-karburanti u inqas emissjonijiet għal kull unità trasportata b'rata ta' 2 % fis-sena. Hija mistennija tnaqqas ukoll l-ispejjeż netti b' EUR 1.2 biljun fis-sena lejn l-2030 skont il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta li tqis l-ispejjeż ta' implimentazzjoni tas-sistema ta' MRV li ser jinġarru l-iktar mill-industrija tal-bastimenti. |
4.3 |
Il-KESE jenfasizza madanakollu l-importanza ta' monitoraġġ kontinwu tal-preċiżjoni tal-valutazzjoni tal-proporzjon tal-ispejjeż u l-benefiċċji għall-industrija tal-bastimenti u s-soċjetà. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni wkoll sabiex tipproponi immedjatament miżuri korrettivi jekk jirriżulta li r-rekwiżiti imposti fuq l-industrija tal-bastimenti permezz tas-sistema futura tal-MRV jirrappreżentaw piż fuq l-industrija tal-bastimenti li jkollu impatt negattiv fuq il-kompetittività. |
4.4 |
Il-KESE għandu dubji dwar il-proposta għall-estensjoni tad-dmirijiet tal-monitoraġġ u r-rappurtar sabiex ikopru wkoll l-elementi kummerċjali u operazzjonali. Il-KESE jżid li hemm dubju wkoll dwar il-proporzjonalità ta' dan ir-rekwiżit addizzjonali ta' informazzjoni billi jmur lil hinn l-għan prinċipali tal-Proposta li tiġbor informazzjoni dwar l-emissjonijiet tas-CO2. Barra minn hekk l-utilità tiegħu dubitata wkoll mill-industrija tal-bastimenti u l-informazzjoni in kwistjoni tista' tkun sensittiva mill-lat kummerċjali F'dan il-kuntest, l-impożizzjoni ta’ obbligi amministrattivi addizzjonali jidher li tikkontradixxi l-għan tas-semplifikazzjoni li huwa element ċentrali tal-inizjattiva taċ-Ċintorin Blu tal-Kummissjoni li timmira li tiffaċilita t-trasport marittimu tal-UE. F'dan il-kuntest, il-KESE jinnota wkoll li l-obbligu li tiġi provduta informazzjoni ta' dan it-tip ikun piż partikolarment kbir fuq it-trasport marittimu fuq distanzi qosra u destinazzjonijiet multipli. |
4.5 |
Il-KESE jaqbel ukoll mal-valutazzjoni li l-livell ta' tnaqqis tal-emissjonijiet li l-Proposta mistennija tipprovdi xorta waħda mhux ser ikun inqas mil-livell ta' tnaqqis li hemm bżonn biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fis-settur marittimu fil-White Paper tal-2011 dwar il-politika tat-trasport. Hemm bżonn urġenti ta' iktar miżuri u miżuri effiċjenti fil-qasam. |
4.6 |
F'dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn opinjonijiet preċedenti (10) dwar il-politika tat-trasport marittimu u r-rekwiżiti ambjentali li fihom il-KESE b'mod konsistenti laqa' inizjattivi favur it-titjib tal-ambjent iżda saħaq ukoll li fid-dawl tan-natura globali tat-trasport marittimu miżuri bħal dawn għandhom jittieħdu fuq livell globali fl-IMO. |
4.7 |
F'dan il-kuntest il-KESE jfakkar li l-proposta ser tapplika wkoll għal bastimenti bil-bandiera ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE. Filwaqt li dan ma joħloqx problemi għall-vjaġġi fl-UE jistgħu jinqalgħu probemi fil-każ ta' trasport bejn il-portijiet tal-UE u dawk li mhumiex fl-UE. Il-KESE jqis li l-problema tista' tkun waħda prattika u politika iktar milli legali, fid-dawl tar-riskju potenzali ta' ritaljazzjoni jew komplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu mill-fatt li jeżistu diversi sistemi paralleli ta' dan it-tip. Il-KESE jispera li s-sistema pjanata ser tatratta biżżejjed lil dawk li jaqgħu taħt l-ambitu tagħha u li għall-kuntrarju tas-sistema tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet fl-avjazzjoni ċivili ma jinqalgħux diffikultajiet fejn jidħlu operaturi ta' pajjiżi terzi. |
4.8 |
Il-KESE jaqsam il-fehma li l-miżuri obbligatorji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 li jmorru lil hinn mill-kontenut tal-Proposta tal-IMO għandu jintlaħaq qbil dwarhom fl-IMO sabiex jikber iċ-ċans li dawn jiġu implimentati b'suċċess. Huwa jqis ukoll li r-regolamentazzjoni reġjonali tal-UE iktar tista' tiltaqa' ma diffikultajiet fl-implimentazzjoni b'mod partikolari fejn jidħlu pajjiżi terzi. |
4.9 |
Il-KESE jinnota li l-valutazzjoni tal-impatt relatata mal-Proposta tikkonkludi li l-miżuri bbażati fuq is-suq huma l-iktar miżuri effiċjenti sabiex jinkiseb tnaqqis adegwat fl-emissjonijiet tas-CO2 sa livell li jippermetti li jinkisbu l-miri tal-emissjonijiet għat-trasport marittimu hekk kif inhuma stabbiliti fil-White Paper tal-2011 dwar il-politika tat-trasport. |
4.10 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll lejn ir-riskju li l-miżuri obbligatorji reġjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, b'mod partikolari l-miżuri bbażati fuq is-suq, jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetittività tat-trasport marittimu Ewropew. |
4.11 |
Il-KESE jilqa' għalhekk l-obbligu stabbilit fil-Proposta għall-Kummissjoni li żżomm kuntatt qrib mal-IMO u organizzazzjonijiet internazzjonali pertinenti oħra fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' sistema ta' MRV tal-UE għall-emissjonijiet marittimi tas-CO2 kif ukoll ir-rieda tal-Kummissjoni li tadatta s-sistema tal-UE għal sistema futura tal-MRV li fuqha jsir qbil fl-IMO. |
4.12 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri li jkomplu jpoġġu l-pressjoni tagħhom fl-IMO għal deċiżjonijiet rapidi dwar miżuri adegwati, preferibbilment ibbażati fuq is-suq li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu. |
4.13 |
Il-KESE jinnota li filwaqt li l-Kummissjoni tagħti importanza kbira lil soluzzjoni li tkun tinvolvi l-IMO, hija ma teskludix miżuri reġjonali fil-livell tal-UE, jekk l-iżviluppi attwali fl-IMO ma jwasslu għall-ebda riżultati. Il-KESE jilqa' l-fatt li ma jidher li ġie stabbilit l-ebda limitu taż-żmien għal miżuri reġjonali bħal dawn u jwissi kontra li jittieħdu miżuri li jista' ma jkollhom kważi l-ebda effett f'termini ta' tnaqqis tal-emissjonijiet iżda li jistgħu jkunu spiża ikbar f'termini ta' inqas kompetittività jew li jistgħu joħolqu problemi fil-pajjiżi terzi b'mod li jolqtu l-bastimenti bil-bandieri tal-pajjiżi terzi tal-inqas fl-ilmijiet li mhumiex tal-UE. |
4.14 |
Il-KESE japprova r-rabta stabbilita bejn is-sistema settorjali ta' MRV u s-sistema ġenerali ta' monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra stabbilta taħt ir-Regolament 525/2013 (11). |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
Il-KESE jinnota li l-kunċett magħżul għas-sistema tal-MRV ipoġġi l-biċċa l-kbira tal-piż tal-implimentazzjoni tas-sistema fuq is-sidien jew l-operaturi tal-bastimenti u l-esperti akkreditati filwaqt li l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-EMSA ser iwettqu l-iktar karigi ta' superviżjoni u jirċievu r-rapporti. Dan jippermetti l-isfruttar tal-esperjenza li teżisti fil-livell tal-kumpaniji u jnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-istituzzjonijiet tal-UE. |
5.2 |
Il-KESE jqis li sabiex titjieb il-kwalità tar-rappurtar tal-emissjonijiet jeħtieġ li fir-rappurtar tiġi rikonoxxuta informazzjoni speċifika bħall-kategoriji tas-silġ ta' bastiment jew il-preżenza ta' kundizzjonijiet pertinenti ta' navigazzjoni bħan-navigazzjoni fix-xitwa. |
5.3 |
Il-KESE huwa tal-fehma li xi aspetti tas-sistema proposta ta' MRV huma kumplessi għalxejn u jridu ħafna riżorsi. Diffiċli li wieħed jifhem għalfejn jeħtieġ isir rapport formali ta' verifika għar-rapporti annwali meta ser jinħareġ ċertifikat tal-konformità għar-rapporti annwali approvati u li l-elementi prinċipali taċ-ċertifikat ser jiġu ppubblikati wkoll. Il-KESE huwa tal-fehma li ċertifikat tal-konformità għandu jkun biżżejjed possibbilment flimkien ma' rapport ta' verifika bil-motivazzjoni fil-każijiet fejn ġie rifjutat iċ-ċertifikat tal-konformità. |
5.4 |
Filwaqt li huwa utli li jiġi komunikat ukoll ir-rappurtar taħt il-Proposta lill-korpi tal-Kummissjoni li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament 525/2013 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, diffiċli li wieħed jifhem għalfejn l-istati Membri għandhom ikunu obbligati jibagħtu rapport separat lill-Kummissjoni adattat għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament meta l-informazzjoni rilevanti tista' sempliċiment titpoġġa f'rapport wieħed li mbagħad jiġi komunikat lil dawk kollha kkonċernati. |
5.5 |
Il-KESE jistaqsi wkoll dwar kemm l-ambitu tas-sanzjoni ta' espulsjoni stipulata f'Artikolu 20(3) tal-Proposta hija raġonevoli billi jidher li żżomm lura bastiment milli jidħol fi kwalunkwe port tal-UE inkluż dak tal-istat tal-bandiera tiegħu. Jista' jagħmel sens li jiġi provdut xi tip ta' port ta' rifuġju li jkunn opportunità tajba sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta' konformità. |
5.6 |
Il-KESE jistaqsi jekk il-limiti ta' żmien provduti għall-implimentazzjoni humiex twal mingħajr bżonn u jekk ikunx fil-fatt possibbli li jonqsu b'sena. Pereżempju, filwaqt li huwa mbassar li l-Proposta tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2015, il-pjani ta' monitoraġġ m'għandhomx għalfejn jitressqu quddiem il-Kummissjoni qabel it-30 ta' Awwissu 2017 filwaqt li l-proċess ta' monitoraġġ inniffsu mhux ser jibda qabel l-1 ta' Jannar 2018. Dan ifisser perjodu ta' tranżizzjoni ta' madwar 2.5 sena li l-KESE jqis li huwa twil wisq fid-dawl tal-fatt li numru ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni ukoll ser ikollhom bżonn jiġu adottati |
5.7 |
Il-KESE jqis ukoll li l-Forum Ewropew pjanat dwar trasport marittimu sostenibbli jista' jkun lok tajjeb fejn jitressqu numru ta' mistoqsijiet dwar kwistjonijiet ta' implimentazzjoni. |
5.8 |
Il-KESE nnota wkoll numru ta' dettalji tekniċi fir-rigward tal-Proposta. F'Artikolu 14(1) issemmew kemm "kumpanija" kif ukoll "operatur tal-bastiment" filwaqt li skont id-definizzjonijiet ta' Artikolu 3 il-kelma "kumpanija" tkopri kemm is-sid kif ukoll dawk responsabbli mill-operazzjonijiet tal-bastiment. Kemm Artikolu 15(5) kif ukoll Artikolu 16(3) jiddelegaw poteri lill-Kummissjoni li toħroġ atti delegati fir-rigward fost elementi oħra "metodi ta' akkreditazzjoni tal-verifikaturi". Il-KESE jissuġġerixxi li titneħħa r-referenza għal "metodi ta' akkreditazzjoni tal-verifikaturi" minn Artikolu 15(5) li tindirizza proċeduri ta' verifika u li tinżamm f'Artikolu 16 dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi. |
5.9 |
Artikolu 26 jipprovdi delega wiesgħa ħafna li tieħu post u temenda d-dispożizzjonijiet tal-Annessi I u II permezz ta' atti delegati sabiex jitqiesu numru ta' elementi inkluż evidenza xjentifika, data rilevanti disponibbli fuq il-bastimenti, regoli internazzjonali u standards aċċettati fuq livell internazzjonali "għall-identifikzzjoni tal-aktar metodi preċiżi u effiċjenti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet, u biex tittejjeb l-eżattezza tal-informazzjoni mitluba". Il-KESE huwa tal-fehma li din id-delega tmur lil hinn mill-adattamenti għall-iżviluppi tekniċi u tidher li tawtorizza bidliet bħall-identifikazzjoni tal-metodi ta' monitoraġġ li huma essenzjali għall-proposta. Il-KESE għalhekk huwa tal-fehma li delega b'dan l-ambitu tista' tmur kontra Artikolu 290 tat-TFUE. Tqum ukoll mistoqsija oħra fir-rigward tad-delega ta' Artikolu 15(3) dwar il-proċeduri ta' verifika. |
Brussels, 16 ta’ Ottubru 2013
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) COM(2011) 144 final, Opinjoni tal-KESE dwar Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea Ġ.U. C 24, 28.1.2012, p. 146-153, b'mod partikolari punti 1.2, 3.7, 3.8 u 3.11.
(2) COM(2013) 480 final.
(3) COM(2013) 510 final - Ċintorin Blu, Żona Unika tat-Trasport għat-trasport marittimu
(4) COM(2013) 479.
(5) COM(2010) 2020.
(6) COM(2013) 479.
(7) Direttiva 2008/101/KE u Deċiżjoni 377/2013/UE.
(8) Premessa 2 tad-Deċiżjoni 406/2009/EC u Premessa 3 tad-Direttiva 2009/29/KE.
(9) Opinjoni tal-KESE dwar Il-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar, ĠU C 68, 6,3,2012, p. 70-74
(10) Il-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar, ĠU C 68, 6,3,2012, p. 70-74; It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu, ĠU C 161, 6,6,2013, p. 87-92; Il-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, ĠU C 255, 22,9,2010, p. 103-109; Skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet Qasam tal-avjazzjoni, ĠU C 133, 9.5.2013, p. 30-32; Il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 169-173; Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea, ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31-36; Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku, ĠU C 277,17.11.2009, p. 20-24.
(11) Ir-Regolament 525/2013 dwar mekkaniżmu dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u għar-rappurtar ta' informazzjoni oħra fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti għat-tibdil fil-klima u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE.