21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom u r-regoli tad-diżimpenn għal ċerti Stati Membri”

COM(2013) 301 final — 2013/0156 (COD)

2013/C 341/06

Relatur Ġenerali: is-Sur PÁLENÍK

Nhar is-6 u l-10 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill u l-Parlament rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 177 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom u r-regoli tad-diżimpenn għal ċerti Stati Membri

COM(2013) 301 final — 2013/0156 (COD).

Nhar id-9 ta' Lulju 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tad-19 ta' Settembru) li jaħtar lis-Sur PÁLENÍK bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'135 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 sabiex il-pagamenti għall-pajjiżi milquta mill-kriżi u li qed jirċievu l-għajnuna finanzjarja mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) jew mill-mekkaniżmu tal-Bilanċ tal-Pagamenti (BOP) jiżdiedu bl-applikazzjoni ta' 10 punti perċentwali supplimentari tar-rati ta' kofinanzjament applikabbli għall-assi prijoritarju matul il-perjodu meta ser ikunu qed jibbenefikaw minn dawn il-mekkaniżmi ta' appoġġ, iżda mingħajr ma tiġi miżjuda l-allokazzjoni totali tagħhom taħt il-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Madankollu, xorta waħda tinżamm l-effikaċja tal-kofinanzjament.

1.2

Il-KESE jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 sabiex ir-Rumanija u s-Slovakkja jkunu jistgħu jressqu l-applikazzjonijiet għal rimborż sa tmiem l-2014 minflok sa tmiem l-2013 (għall-impenji tal-2011) u sa tmiem il-programm minflok sa tmiem l-2014 (għall-impenji tal-2012), iżda mingħajr ma tiżdied l-allokazzjoni finanzjarja globali fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. B'hekk jonqos ir-riskju tad-diżimpenn awtomatiku tal-impenji tal-2011 u l-2012.

1.3

Il-KtR jaqbel ma' din il-proposta, b'konformità mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, bil-kundizzjoni li jibqgħu jiġu żgurati l-koerenza u l-effikaċja fl-użu tal-baġits.

2.   Raġuni

2.1

Il-proposta tal-Kummissjoni tipprova tnaqqas il-kontribuzzjonijiet għall-proġetti kofinanzjati fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE li qed jintalbu bħalissa minn seba' Stati Membri li jirċievu l-għajnuna mill-EFSM jew mill-BOP. B'dan il-mod l-Istati Membri ma jkollhomx jirrikorru biss għar-riżorsi proprji tagħhom biex isibu r-riżorsi meħtieġa, ħaġa li fi żmien meta l-baġits nazzjonali jinsabu taħt pressjoni qawwija tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli biex l-ekonomiji milquta mill-kriżi jerġgħu jaqbdu t-triq tat-tkabbir. Il-kofinanzjament iżid l-effikaċja tal-għajnuna li tingħata. Jekk jonqos il-kofinanzjament, ikun hemm ir-riskju li l-għajnuna tkun inqas effikaċi. Dan ir-riskju għandu jinżamm baxx kemm jista' jkun permezz tar-riżorsi disponibbli kollha. Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni, li hi konformi mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu (1).

2.2

Bl-estensjoni tal-possibbiltà li jressqu l-applikazzjonijiet għal rimborż sa tmiem l-2014, is-Slovakkja u r-Rumanija ser ikollhom flessibbiltà akbar biex iwettqu aħjar il-proġetti kofinanzjati fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. L-estensjoni tal-iskadenza għad-diżimpenn awtomatiku tal-impenji hi wkoll adegwata għaliex hi limitata għal dawk l-Istati Membri li l-allokazzjonijiet finanzjarji tagħhom kienu ser ikunu limitati għall-perjodu 2014-2020 abbażi tal-ftehim li laħaq il-Kunsill Ewropew. Il-perjodu għad-diżimpenn tal-impenji ġie estiż fuq l-inizjattiva tal-Kunsill Ewropew li, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Frar 2013, stieden lill-Kummissjoni biex tesplora soluzzjonijiet prattiċi biex jitnaqqas ir-riskju ta' diżimpenn awtomatiku tal-fondi mill-pakkett nazzjonali tal-2007-2013 għar-Rumanija u s-Slovakkja, inkluża l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

2.3

Il-KESE jemmen ukoll li huwa essenzjali li jiġu promossi l-benesseri u l-kompetittività fl-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi, u għalhekk jappoġġja l-proposta msemmija hawn fuq.

2.4

Il-KESE jaqbel li l-allokazzjoni finanzjarja globali mill-Fondi għall-pajjiżi u l-proġetti kkonċernati ma tinbidilx għaż-żmien inkwistjoni.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 81; ĠU C 24, 28.1.2012, p. 83; ĠU C 24, 28.1.2012, p. 84.