6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/96


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-akkwist elettroniku minn tarf sa tarf għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika”

COM(2013) 453 final

2014/C 67/19

Relatur: is-Sur BARROS VALE

Nhar is-26 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-akkwist elettroniku minn tarf sa tarf għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika

COM(2013) 453 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) diġà ddikjara li huwa favur l-implimentazzjoni rapida tal-akkwist elettroniku (1) "minn tarf sa tarf" (2) u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-ġeneralizzazzjoni ta' din il-prattika li tippermetti l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi.

1.2

L-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" għandu jiġi kkunsidrat bħala mezz ta' modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, li jippermetti li tissaħħaħ l-effikaċja tagħha permezz ta' reqqa u trasparenza msaħħa marbutin ma' din il-prattika.

1.3

Din hija wkoll opportunità għall-intrapriżi, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), peress li tiffaċilita l-aċċess għal opportunitajiet ġodda f'suq aktar miftuħ u trasparenti.

1.4

Madankollu, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tar-riżultati dgħajfa li nkisbu sal-lum il-ġurnata li jidhru li qed jikkompromettu t-twettiq tal-għan inizjali li t-tranżizzjoni lejn akkwist pubbliku elettroniku titlesta sal-2016.

1.5

Ta' min jinnota bi tħassib l-impenn dgħajjef f'dan ir-rigward min-naħa tal-Istati Membri li għadhom iżommu lura milli jadottaw prattiki li madankollu huma vantaġġużi għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-atturi ekonomiċi. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tkompli twettaq ir-rwol tagħha ta' persważjoni favur l-adozzjoni tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf", kemm permezz tal-implimentazzjoni ta' din is-sistema ta' akkwist pubbliku fil-proċeduri tagħha kif ukoll billi toħroġ leġislazzjonijiet u xxerred il-prattiki tajba. Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qiegħdet is-soluzzjonijiet tagħha fir-rigward tal-akkwist pubbliku għad-dispożiżżjoni tal-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu minnhom.

1.6

Il-qasam tal-akkwist huwa frammentat: fl-istess ħin jeżistu diversi soluzzjonijiet u pjattaformi li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma tfasslux b'tali mod li jkunu interoperabbli. In-nuqqas ta' orjentazzjonijiet strateġiċi u saħansitra n-nuqqas ta' rieda tal-Istati Membri li jimplimentaw soluzzjonijiet komuni għal aċċess universali jfixklu l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, nazzjonali u internazzjonali, u għaldaqstant jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni ħielsa. Il-Kummissjoni għandha taqdi r-rwol tagħha li tistabbilixxi standards billi tarmonizza l-eżiġenzi tekniċi meħtieġa, abbażi tal-ħidma li diġà saret, b'mod partikolari fil-qafas tal-proġett PEPPOL, u li ġiet appoġġjata b'mod ġenerali. L-armonizzazzjoni tikkostitwixxi pass 'il quddiem importanti fid-demokratizzazjoni ta' suq li jrid ikun trasparenti u aċċessibbli, f'termini ta' applikazzjoni stretta ta' fondi pubbliċi.

1.7

Il-KESE jqis ukoll li s-soluzzjonijiet proposti għandhom ikunu universalment aċċessibbli, imorru lil hinn mill-ostakli lingwistiċi u dawk li jikkonċernaw l-aċċess tal-persuni b'diżabbiltà. Barra minn hekk, jeħtieġ li jinżammu baxxi kemm jista' jkun l-ispejjeż tal-ħolqien jew tal-adattament tal-pjattaformi eżistenti kif ukoll tal-manutenzjoni tagħhom. Għaldaqstant, l-istandardizzazzjoni hija ta' importanza fundamentali.

1.8

Għad hemm diffikultajiet biex l-SMEs li mhumiex kbar biżżejjed jew m'għandhomx biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji jkollhom aċċess għall-akkwist pubbliku. Il-KESE jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-leġislazzjoni Ewropea dwar l-akkwist pubbliku għandha tappoġġja lill-SMEs b'tali mod li dawn ikunu jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa, f'termini ta' kapital u ta' esperjenza, b'mod partikolari permezz ta' konsorzji jew assoċjazzjonijiet temporanji ta' intrapriżi (3).

1.9

Din il-proposta għal Direttiva dwar il-fatturar elettroniku fil-qafas tal-akkwist pubbliku hija pass addizzjonali importanti biex jitwettaq iċ-ċiklu tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf". L-istandardizzazzjoni tal-kontenut tal-fattura li ser tippermetti l-interoperabbiltà ser toffri vantaġġi konsiderevoli. Il-KESE madankollu jqis li minkejja dawn il-vantaġġi l-iskadenzi għall-adozzjoni u l-ġeneralizzazzjoni previsti f'dan ir-rigward huma twal wisq. Fil-fatt, fi żmien meta l-evoluzzjoni teknoloġika hija kontinwa, l-isforzi għall-istandardizzazzjoni huma urġenti u mixtieqa inkella nispiċċaw b'soluzzjonijiet irrilevanti.

1.10

Bla dubju ta' xejn, huwa ta' min ifaħħar il-finanzjament mill-Kummissjoni tal-iżvilupp tal-infrastrutturi għall-akkwist elettroniku fl-Ewropa kollha permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, iżda t-tnaqqis drastiku tal-ammoniti allokati mill-Kunsill jixħet dubju fuq dan. Il-KESE jikkundanna dan it-tnaqqis li jwassal għal taqlib kbir fil-proġetti ta' interess komuni promossi mill-Kummissjoni, speċjalment fir-rigward tal-appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku.

1.11

Il-KESE jenfasizza li f'dan il-qasam, bħal f'kull qasam ieħor li jimplika tibdil, it-taħriġ tal-persunal huwa ta' importanza fundamentali. Barra minn hekk, ta' min jilqa' l-possibbiltà ta' finanzjament tal-programmi ta' taħriġ mill-fondi strutturali 2014-2020. Iżda ma rridux ninsew it-taħriġ tal-atturi tas-settur pubbliku: huwa essenzjali li dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw kompetenzi tekniċi ġodda u li jiġu sensibilizzati dwar ir-realtajiet virtwali ġodda tax-xogħol.

1.12

Il-KESE jieħu din l-opportunità biex jitlob minnufih lill-Kunsill jistieden lill-Istati Membri jwettqu fil-prattika l-ideat imħabbra fid-dokumenti li tfasslu mill-Kummissjoni u l-korpi konsultattivi f'dan ir-rigward, sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-ħidma li twettqet.

2.   Kontenut essenzjali tad-dokument

2.1

Din il-Komunikazzjoni tagħmel enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" u toħroġ fid-dieher l-iżvilupp li sar fir-rigward tal-miżuri stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar "Strateġija għall-akkwist elettroniku" (4).

2.2

Peress li r-riforma tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku, id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u t-titjib tat-trasparenza huma wkoll fatturi ta' tkabbir ekonomiku, il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tagħmel parti mill-ħames prijoritajiet elenkati fl-2012 u mbagħad fl-2013 mill-Kummissjoni fl-analiżi annwali tagħha tat-tkabbir. Ix-xiri ta' oġġetti, ta' servizzi u ta' ħidmiet pubbliċi jirrappreżenta 19 % tal-PDG tal-UE (skont id-data tal-2011). Dan juri kemm huwa importanti li titwettaq riforma tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku sabiex tonqos in-nefqa pubblika, filwaqt li jiġu liberati riżorsi importanti li jistgħu jiġu investiti biex jitħeġġeġ it-tkabbir.

2.3

Ir-riforma tal-proċeduri tal-akkwist elettroniku u l-introduzzjoni tal-mudell tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" jikkostitwixxu wkoll opportunità biex jiġu introdotti innovazzjonijiet fil-mudell organizzattiv tal-amministrazzjoni pubblika bil-għan li jissaħħu t-trasparenza u r-reqqa, u b'hekk jingħata kontribut għall-ksib tal-objettivi ta' tkabbir sostenibbli tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.4

L-aċċess għall-internet mill-SMEs bħalissa huwa ġeneralizzat: fl-2012, 4,6 % biss tal-SMEs kienu għadhom mhux konnessi (5). Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-SMEs huma mgħammra għall-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf". Barra minn dan, l-intrapriżi f'pajjiżi fejn din hija prattika ta' kuljum iqisu li din hija esperjenza pożittiva. Madankollu, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tas-servizzi ta' fatturar elettroniku u l-implimentazzjoni ta' proċeduri tal-akkwist elettroniku li ma jiswewx ħafna flus u li jkunu faċli biex jintużaw.

2.5

Minkejja l-użu ġeneralizzat tal-internet, l-akkwist elettroniku għadu fil-bidu; il-Kummissjoni pproponiet li jsir obbligatorju sa nofs l-2016. Fil-fatt, ir-rata ta' adozzjoni għat-tressiq elettroniku tal-proposti għadha baxxa wisq (madwar 10 %), u fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-preżentazzjoni tal-proposti b'mod elettroniku hija fakultattiva, ħlief fil-Portugall li għamel din il-prattika obbligatorja jekk jinqabeż ċertu livell. Il-fatturar elettroniku diġà huwa realtà f'ċerti każijiet, li jmorru lil hinn minn ċerti livelli, iżda skont l-istimi, 12 % biss tal-intrapriżi jużaw mezzi elettroniċi biex jibagħtu fatturi lill-awtoritajiet pubbliċi jew biex jirċivuhom.

2.6

It-triq li għandha tiġi segwita tikkonsisti fl-istandardizzazzjoni tal-akkwist elettroniku, billi l-fatturar elettroniku jsir ir-regola pjuttost milli l-eċċezzjoni fil-qafas tal-akkwist pubbliku, sabiex l-Istati Membri jitħeġġu jistabbilixxu strateġiji nazzjonali b'tali mod li jimplimentaw l-akkwist elettroniku u l-fatturar elettroniku u jaqsmu l-aħjar prattiki.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat ifakkar li fir-rigward tal-akkwist pubbliku jqis li huwa importanti li ssir reviżjoni tal-qafas legali li twassal għall-virtwalizzazzjoni tal-proċedura filwaqt li l-akkwist elettroniku jsir gradwalment obbligatorju. Madankollu, iqis li l-progress li sar kellu effetti mhux mixtieqa, kif juru r-riżultati dwar l-użu tal-akkwist elettroniku.

3.2

Il-frammentazzjoni tas-suq tal-akkwist elettroniku ġiet enfasizzata peress li l-Istati Membri għażlu li jaħdmu għal rashom u dan wassal biex jinħolqu soluzzjonijiet u pjattaformi differenti li, peress li kien hemm nuqqas ta' viżjoni strateġika, ma tfasslux biex ikunu interoperabbli - kundizzjoni essenzjali għall-aċċess universali. Għalkemm fil-livell lokali ġiet irreġistrata żieda fin-numru ta' parteċipanti fis-sejħiet għall-offerti, li huwa sinjal ta' titjib fl-aċċess għas-suq, ma jistax jingħad l-istess għas-sejħiet għall-offerti transkonfinali, fejn l-SMEs għandhom diffikultajiet fir-rigward tal-aċċess mhux biss minħabba raġunijiet tekniċi iżda wkoll minħabba raġunijiet ekonomiċi - l-aċċess għas-sejħiet għall-offerti transkonfinali huwa possibbli biss għall-SMEs li jingħaqdu f'konsorzji, soluzzjoni li tista' u li għandha tiġi ppreżentata u titħeġġeġ fil-livell nazzjonali.

3.3

Il-KESE jqis li l-kwistjoni tal-interoperabbiltà hija essenzjali u jitlob li jinstab approċċ aktar deċiżiv f'dan ir-rigward. Huwa jaqbel mal-ħidma ta' standardizzazzjoni li saret u jqis li jeħtieġ li jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenzi li nkisbu fil-pajjiżi fejn is-sistema hija aktar żviluppata.

3.4

L-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" huwa strument importanti biex jiżdiedu r-reqqa u t-trasparenza f'settur li, peress li jikkonċerna lil kulħadd, għandu jkun ta' eżempju u jkun id-difensur tal-onestà u s-serjetà.

3.5

Il-vantaġġi li jistgħu jinsiltu huma dawn li ġejjin:

il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

effikaċja akbar tas-suq minħabba tnaqqis konsiderevoli tal-ispejjeż operattivi u tal-opportunitajiet matul il-fażijiet differenti tal-kuntratt, kemm għall-entità aġġudikanti kif ukoll għall-parti kontraenti;

impatt pożittiv fuq l-ambjent minħabba l-virtwalizzazzjoni tad-dokumenti, kemm fir-rigward tat-tnaqqis fil-konsum tal-karti kif ukoll fit-tnaqqis tal-impronta ekoloġika inerenti għad-distribuzzjoni tad-dokumenti;

it-tqassir tal-iskadenzi tal-aġġudikazzjoni u tal-ħlas;

faċilità akbar biex tiġi kkontrollata l-proċedura;

l-integrazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern;

l-estensjoni tal-akkwist pubbliku għall-SMEs nazzjonali u internazzjonali minħabba li jonqsu d-diffikultajiet dovuti għad-distanza sal-post fejn issir is-sejħa għall-offerti, li jiffaċilita l-aċċess għas-sejħiet għall-offerti nazzjonali u internazzjonali;

peress li l-formola tas-sejħa għall-offerti timtela b'mod elettroniku u tinkludi fażi ta' validazzjoni, il-probabbiltà li jsiru żbalji fil-mili tal-formoli u r-riskju ta' esklużjoni mis-sejħa għall-offerti minħabba nuqqas ta' konformità jonqsu wkoll;

il-pjattaformi jistgħu jibagħtu twissijiet lill-provvedituri interessati dwar il-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti;

l-opportunità biex tiġi modernizzata l-amministrazzjoni pubblika, li konsegwentement jimplika l-virtwalizzazzjoni ta' proċeduri oħra u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv;

it-tnaqqis tal-ispejjeż ta' negozjar;

opportunitajiet għall-intrapriżi li jipprovdu servizzi teknoloġiċi u ta' komunikazzjoni;

il-ħolqien ta' valuri ġodda għall-funzjonarji tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-impjegati tal-intrapriżi.

3.6

Fir-rigward tal-iżvantaġġi nistgħu nsemmu dawn li ġejjin:

l-ispejjeż kbar tal-ħolqien u l-manutenzjoni tal-pjattaformi tas-sejħiet għall-offerti elettroniċi li żgur jimplika investiment kbir iżda jiġġenera vantaġġi aktar importanti;

fil-pajjiżi fejn diġà sar investiment f'tali pjattaformi, l-ispejjeż għall-adattament tas-softwer, u saħansitra tal-materjal, jistgħu jkunu konsiderevoli kemm għall-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll għall-atturi ekonomiċi;

is-sikurezza tad-data li tidher fil-pjattaformi elettroniċi;

id-dipendenza mis-servizzi pprovduti minn partijiet terzi bħall-operaturi tat-telekomunikazzjoni u l-amministraturi tal-pjattaformi tas-sejħiet għall-offerti;

iż-żieda fl-għadd ta' regoli relatati mal-approċċ meħtieġ għall-proċess ta' aġġudikazzjoni (it-tressiq tal-offerti, il-provvediment ta' dokumenti, il-formoli li għandhom jimtlew) tista' twassal biex isiru aktar żbalji proċedurali li jistgħu jinvalidaw l-aġġudikazzjoni jew l-akkwist.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Din il-proposta għal Direttiva dwar il-fatturar elettroniku fil-qafas tal-akkwist pubbliku, li tistabbilixxi standard Ewropew għall-fatturar elettroniku, hija pass li hu ta' min ifaħħru lejn l-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf", mentri l-ħruġ u l-iskambju ta' fatturi elettroniċi għadhom fl-istadju inizjali. L-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni fil-fattura ser tikkontribwixxi biex tiġi faċilitata l-interoperabbiltà transkonfinali mixtieqa. Il-Kumitat madankollu jqis li l-iskadenzi previsti huma twal wisq u ma jaqdux l-għan ta' ġeneralizzazzjoni rapida tal-użu tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku, prattika li tista' tipproduċi effett kaskata fuq l-akkwist l-ieħor.

4.2

Il-proposta mhijiex ambizzjuża biżżejjed peress li kulma tagħmel huwa li tipprojbixxi lill-korpi pubbliċi milli jirrifjutaw id-dokumenti mfassla skont l-istandard Ewropew.

4.3

Fid-dawl tal-ammont tal-investiment fl-infrastruttura miftiehem mill-Istati Membri, hemm bżonn li l-istandardizzazzjoni ssir mill-aktar fis sabiex l-investiment li diġà sar ikollu redditu u jiġi evitat li jsir investiment ġdid li sadanittant ma jkunx konformi mal-istandard il-ġdid.

4.4

Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) ser jingħata mandat mill-Kummissjoni sabiex iwettaq il-ħidma ta' standardizzazzjoni. Il-KESE jqis li din il-ħidma għandha tibbaża fuq ir-riżultati miksuba mis-CEN fil-qafas tal-workshop "Business Interoperability Interfaces (BII)" li wassal għall-ħolqien ta' "profili standardizzati interoperabbli" kif ukoll fuq l-esperjenza tal-proġett PEPPOL (Pan-European Public Procurement Online - Akkwist Pubbliku Onlajn Pan-Ewropew) li fassal is-soluzzjonijiet tal-interoperabbiltà meħtieġa għall-konnessjoni tal-pjattaformi li jeżistu diġà fl-Istati Membri.

4.5

Fil-kuntest attwali ta' skarsezza ta' riżorsi finanzjarji, il-Kumitat jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni bil-għan li tiffinanzja u tappoġġja l-iżvilupp tal-infrastrutturi għall-akkwist pubbliku "minn tarf sa tarf" permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (6). Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkostanzi u t-tnaqqis tar-riżorsi disponibbli, minn EUR 9,2 biljun għal EUR 1 biljun biss, il-Kumitat jirrakkomanda li ma jiġix injorat l-investiment għat-tfassil ta' mekkaniżmi tal-akkwist elettroniku meta jkunu qed jiġu allokati r-riżorsi limitati.

4.6

Is-suċċess tal-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" ma kienx biss ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, ta' min ifakkar lill-Istati Membri fir-rwol tagħhom sabiex din il-prattika ssir realtà. Il-Kummissjoni mhux biss għandha tagħti eżempju billi taqleb għall-akkwist elettroniku iżda, hija u twettaq il-poter ta' standardizzatur tagħha, għandha wkoll tgħin lill-Istati Membri billi xxerred il-prattiki tajba u tħeġġeġ l-istabbiliment ta' strateġiji nazzjonali bil-għan li tiġi implimentata sistema ta' akkwist pubbliku aċċessibbli għal kulħadd, sistema kkaratterizzata mill-interoperabbiltà u l-aċċess universali. Element importanti ieħor tar-rwol tal-Kummissjoni huwa li tippubblika s-soluzzjonijiet ta' sorsi miftuħa (open source) li jeżistu.

4.7

Il-Kummissjoni tħabbar it-tnedija ta' studju li l-għan tiegħu hu li jelenka l-aktar strateġiji effikaċi fir-rigward tal-akkwist elettroniku u tal-fatturar elettroniku fl-Ewropa sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jivvalutaw huma stess il-politiki tagħhom. It-tixrid tal-prattiki tajba huwa kemm importanti kif ukoll mixtieq. Diġà saru diversi studji u r-riżultati tagħhom ġew ippubblikati, bħal pereżempju r-rakkomandazzjonijiet tal-gruppi ta' esperti dwar l-akkwist elettroniku, "The Golden Book of e-procurement" (Il-Ktieb tad-Deheb dwar l-Akkwist Elettroniku), (dawn l-istudji, għalkemm indipendenti, waslu għal konklużjonijiet simili) u r-rapport finali tal-proġett PEPPOL. Kull pajjiż għandu l-ispeċifiċitajiet tiegħu u għandu jiġi megħjun fit-tfassil tal-istrateġiji, iżda mhux bilfors permezz tal-pubblikazzjoni ta' studju ieħor; fil-fatt, dan il-mod ta' din il-proċedura jista' jkun kontroproduttiv, u saħansitra inutli.

4.8

Il-Kumitat jilqa' l-opinjoni tal-Kummissjoni favur il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta' ċertifikati elettroniċi permezz tal-Fajl tal-Kumpaniji Virtwali (Virtual Company Dossier - VCD) li saru fil-qafas tal-proġett PEPPOL, li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jressqu d-dokumenti meħtieġa lil kwalunkwe intrapriża aġġudikanti fl-Ewropa kapaċi li tinterpretahom u li taċċettahom.

4.9

Ta' min jilqa' wkoll l-intenzjoni li jiġu kkontrollati, fil-livell nazzjonali, l-ispejjeż marbuta mal-akkwist pubbliku kif ukoll l-indikaturi ta' prestazzjoni relatati. Hawnhekk ta' min isemmi l-eżempju tal-portal Portugiż "Base" (7) li diġà jippermetti li jiġu kkontrollati l-ispejjeż relatati mal-akkwist pubbliku u li jinkisbu diversi tipi ta' statistika.

4.10

Il-Kumitat jilqa' b'mod favorevoli l-possibbiltà li jiġi ffinanzjat il-ħolqien tal-programmi ta' taħriġ għall-intrapriżi billi jintużaw il-fondi strutturali għall-2014-2020 u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu megħjuna b'mod partikolari l-SMEs. Madankollu, m'għandux jiġi injorat it-taħriġ tas-settur pubbliku u t-tfassil ta' programmi ta' taħriġ li jippromovu l-użu effikaċi tal-metodi l-ġodda, virtwali u li jiswew anqas. Il-possibbiltà ta' finanzjament tal-infrastrutturi hija importanti wkoll u din m'għandhiex tiffoka biss fuq l-amministrazzjonijiet pubbliċi, iżda għandha tiffoka wkoll fuq l-atturi ekonomiċi.

4.11

Kif diġà stqarr, il-Kumitat iqis li l-kwistjoni tal-interoperabbiltà u tal-aċċess universali hija ta' importanza assoluta u jilqa' b'mod favorevoli l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw is-sistemi tal-akkwist elettroniku. Apparti t-tħassib tiegħu dwar il-faċilità ta' aċċess għall-fornituri transkonfinali u l-SMEs, il-Kumitat jinsisti li jiġu kkunsidrati l-ostakli lingwistiċi u d-diffikultajiet ta' aċċess li jesperjenzaw il-persuni b'diżabbiltà u f'dan ir-rigward ifakkar fir-regoli dwar in-nondiskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta' diżabbiltà stipulati fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà li ġiet irratifikata mill-Unjoni Ewropea.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 44

(2)  L-akkwist elettroniku "minn tarf sa tarf" jinvolvi l-użu tal-komunikazzjoni elettronika u l-ipproċessar elettroniku tat-tranżazzjonijiet ta' akkwist ta' beni u servizzi minn entitajiet tas-settur pubbliku fl-istadji kollha tal-akkwist pubbliku mill-fażi ta' qabel il-proċedura ta' aġġudikazzjoni (il-pubblikazzjoni elettronika tal-avviżi, l-aċċess għad-dokumenti pubbliċi, il-preżentazzjoni tal-proposti, l-evalwazzjoni tal-proposti u l-aġġudikazzjoni tal-kuntratt) sal-fażi ta' wara l-aġġudikazzjoni (l-ordni, il-fatturar u l-ħlas).

(3)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 44

(4)  COM(2012) 179 final.

(5)  Data tal-Eurostat 2013.

(6)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 116-119.

(7)  www.base.gov.pt