6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

COM(2013) 520 final – 2013/0253 (COD)

2014/C 67/10

Relatur: is-Sur MAREELS

Nhar it-3 ta' Settembru 2013 u l-10 ta' Settembru 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2013) 520 final – 2013/0253 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ottubru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-17 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'157 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-proposta biex jitwaqqaf Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (MUR) b'mekkaniżmu finanzjarju relatat li, wara l-proposti għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) u l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek (BRRD), huwa pedament importanti ġdid fit-twettiq tal-unjoni bankarja.

L-għan tal-MUR hu li fil-pajjiżi taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li jissieħbu fih b'mod volontarju jkun hemm mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni fil-livell Ewropew biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jistgħu jwettqu ristrutturar u riżoluzzjoni fil-fond tal-banek falluti mingħajr ma tiġi mhedda l-istabbiltà ekonomika. Il-Fond għar-Riżoluzzjoni relatat għandu jkollu l-mezzi proprji neċessarji biex il-proċess ma jkollux jiġi ffinanzjat mill-fondi pubbliċi u l-kontribwenti tat-taxxa ma jkollhomx għalfejn jiġu involuti.

1.2

Minħabba l-kriżi u bħala tweġiba għaliha qed jiġi propost li ssir tranżizzjoni lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar b'saħħitha, li tkun ibbażata fuq oqfsa integrati għas-settur finanzjarju, għall-affarijiet baġitarji u għall-politika ekonomika. B'hekk, qafas finanzjarju integrat, jew l-'unjoni bankarja', huwa parti essenzjali tal-miżuri ta' politika biex l-Ewropa terġa' taqbad it-triq lejn l-irkupru u t-tkabbir ekonomiku.

1.3

Il-KESE jqis lill-unjoni bankarja bħala prijorità u ta' importanza kruċjali fid-dawl tal-kontributi li tista' tagħti għall-irkupru meħtieġ tal-fiduċja taċ-ċittadini u l-intrapriżi u għall-finanzjament tajjeb tal-ekonomija. Hija tnaqqas il-frammentazzjoni attwali fis-suq intern u toħloq sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs fl-Unjoni, u fl-istess ħin issaħħaħ is-sistema bankarja Ewropea u tnaqqas ir-riskji ta' kontaġju.

1.4

Fil-fehma tal-Kumitat għandhom jiġu żviluppati d-diversi komponenti (MSU, MES, BRRD, MUR) tal-unjoni bankarja u fit-twettiq għandhom jiġu rispettati l-ordni loġika u l-koerenza interna tal-proposti. Il-Kumitat jitlob li tingħata attenzjoni wkoll lir-regolament li issa ġie rivedut għall-protezzjoni tal-faddala ż-żgħar permezz tal-iskema tal-protezzjoni tad-depożiti.

1.5

Il-proposti attwali tal-MUR ma jistgħux jitqiesu b'mod separat mill-proposti preċedenti għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (Direttiva BRRD) u l-ftehim li ntlaħaq dan l-aħħar fil-Kunsill u li diġà ġie kkunsidrat. Il-BRRD ser tintuża bħala manwal għar-riżoluzzjoni tal-banek fis-suq intern kollu u għalhekk isservi ta' appoġġ kbir għall-MUR. Il-Kumitat jitlob li ż-żewġ reġimi jiġu koordinati kemm jista' jkun sabiex tinħoloq sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs kemm jista' jkun estiża fl-UE kollha. Fil-fatt l-MUR għandu jiġi appoġġjat minn qafas kompletament armonizzat għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek u jiġi integrat fih.

1.6

Il-Kumitat jaqbel li l-MUR jmur lil hinn mill-BRRD u li għandhom jitwaqqfu korp u fond (ta' riżoluzzjoni) fil-livell Ewropew. B'hekk, apparti s-superviżjoni (MSU) tal-banek issa hemm ukoll ir-riżoluzzjoni tagħhom li tqiegħdet fl-istess livell ta' awtorità, ħaġa li tagħmel possibbli li jiġi adottat approċċ uniformi u koerenti. Bl-istess mod, il-Kumitat jilqa' l-fatt li fil-MUR hemm previst finanzjament mil-livell tal-UE.

1.7

Il-proċeduri ta' riżoluzzjoni previsti fl-MUR għandhom dejjem ikunu effiċjenti u deċiżivi, u jekk ikun hemm bżonn u b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza l-istrumenti previsti għandhom ikunu jistgħu jintużaw bil-veloċità meħtieġa kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll transkonfinali. Flimkien mal-miżuri previsti fil-BRRD dawn għandhom isawru pakkett sħiħ u effettiv u r-regoli għandhom jiġu applikati b'mod konsistenti. Fejn ikun possibbli għandu jsir sforz għas-semplifikazzjoni. Kull kwistjoni legali u kwistjonijiet oħra għandhom jingħataw risposta adatta.

1.8

Fir-rigward tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, li jaqdi rwol importanti fil-MUR, huwa ta' importanza kruċjali li l-membri tiegħu jkunu indipendenti u esperti kemm jista' jkun u li jiġi inkluż kontroll demokratiku tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-membri tal-Bord għandhom jingħażlu bl-ikbar attenzjoni u l-kompetenzi tiegħu għandhom ikunu ċari u definiti sew.

1.9

Il-Kumitat jaqbel mal-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek previst, li l-ewwel nett jieħu ħsieb l-istabbiltà finanzjarja, jiżgura l-effikaċja tad-deċiżjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni u jneħħi r-rabta bejn il-gvernijiet u s-settur bankarju. Il-Kumitat jitlob li tiġi ċċarata malajr il-bażi legali tiegħu u li kull sfida involuta fit-twaqqif ta' dan it-tip ta' fond (bħall-periklu morali) jiġu indirizzati minn qabel biex ikunu jistgħu jiġu evitati l-konsegwenzi mhux mixtieqa.

1.10

Jekk l-intervent tiegħu huwa previst biss għal stadju iktar tard fil-proċedura u l-mezzi tiegħu jistgħu jiġu applikati għal finijiet speċifiċi biss (il-garanzija tal-effikaċja tal-miżuri ta' riżoluzzjoni), fil-fehma tal-Kumitat huwa madankollu importanti li l-Fond ta' Riżoluzzjoni mħabbar ikollu l-mezzi finanzjarji meħtieġa u suffiċjenti biex ikun jista' jaqdi l-kompiti tiegħu b'mod adegwat. Fl-identifikazzjoni tal-livell immirat mill-Fond, appoġġjata mill-kontributi tal-banek, jistgħu jiġu kkunsidrati d-diversi miżuri f'oqsma differenti għall-irkupru tas-settur finanzjarju. Barra minn hekk, il-Kumitat mill-ġdid jieħu l-pożizzjoni li kien ħa dwar il-BRRD, jiġifieri li wara perjodu ta' żmien definit għandhom ikunu jistgħu jiġu riveduti l-kriterji previsti biex jiġu stabbiliti minn qabel il-kontributi tal-banek. Għandha tingħata attenzjoni lill-ispejjeż doppji li jistgħu jirriżultaw mid-duplikazzjoni fis-sistemi nazzjonali u tal-UE.

2.   Sfond

2.1

Il-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea dwar it-twaqqif ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-riżoluzzjoni tal-banek  (1) tagħmel parti mill-evoluzzjoni lejn unjoni ekonomika u monetarja Ewropea, li tinkludi l-unjoni bankarja. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE, li tagħmilha possibbli li jiġu identifikati liema miżuri jistgħu jwasslu għall-ħolqien u t-tħaddim tas-suq intern.

2.2

Din l-unjoni bankarja, li tħaddan l-Istati Membri kollha anke dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro imma li jixtiequ jissieħbu, ser tiġi kompletata f'għadd ta' passi:

2.2.1

L-ewwel nett għandha tingħata prijorità lit-tlestija tal-proċeduri leġislattivi li fadal għat-twaqqif ta' Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) fejn il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jingħata s-setgħa li jimmonitorja l-banek fiż-żona tal-euro.

2.2.2

Imbagħad jiġi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) li permezz tiegħu l-banek ikunu jistgħu jirrikapitalizzaw wara li l-MSU jiġi implimentat, il-bilanċi tal-banek ikunu ġew investigati u l-assi legati definiti (2).

2.2.3

Barra minn hekk hemm il-proposti tal-Kummissjoni għal Direttiva tas-6 ta' Ġunju 2012 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (BRRD). Sadattant, il-Kunsill diġà laħaq ftehim dwar approċċ komuni għal dawn il-proposti, liema ftehim jifforma l-bażi tal-proposta attwali għal Regolament dwar l-MUR.

B'dawn il-proposti qed isir sforz għal qafas ta' politika effettiv biex il-fallimenti tal-banek jiġu ġestiti b'mod ordnat u jiġi evitat li istituzzjonijiet oħra jiġu affettwati billi l-awtoritajiet rilevanti jkunu mgħammra bi strumenti u setgħat effettivi biex jindirizzaw il-kriżi bankarja b'mod proattiv, jiggarantixxu l-istabbiltà finanzjarja u jnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskju li l-kontribwenti tat-taxxa jitilfu l-flus (3).

2.2.4

L-aħħar parti tal-proposti tikkonċerna l-proposta li saret fl-10 ta' Lulju 2013 għar-Regolament tal-MSU b'regolamenti ta' appoġġ adattati u effettivi.

2.3

Barra minn hekk, nistgħu nirreferu għall-proposti tal-Kummissjoni tal-2010 dwar l-armonizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta' garanzija tad-depożiti. Dawn l-iskemi jimmiraw li jinnewtralizzaw l-effetti ta' falliment għall-faddala ż-żgħar għall-ewwel parti EUR 100 000 tad-depożiti tagħhom.

2.4

L-MSU għandu jaħdem hekk:

2.4.1

Il-BĊE, bħala regolatur, jindika meta bank ikun f'diffikultajiet finanzjarji u jrid jiġi riżolt.

2.4.2

Imbagħad Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, magħmul minn rappreżentanti tal-BĊE, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali involuti, ilesti għar-riżoluzzjoni tal-bank.

2.4.3

Fuq rakkomandazzjoni tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jew fuq inizjattiva proprja, il-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni dwar jekk u meta bank irid jiġi riżolt u fl-istess ħin tistabbilixxi qafas għall-użu tal-istrumenti ta' riżoluzzjoni u r-rikors għall-fondi.

Dawn l-istrumenti ta' riżoluzzjoni, stabbiliti fil-BRRD u adottati mill-ġdid fl-MUR, jinkludu:

il-bejgħ tal-operat,

it-twaqqif istituzzjoni tranżitorja,

is-separazzjoni tal-assi,

ir-rikapitalizzazzjoni interna.

2.4.4

Taħt is-superviżjoni tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jimplimentaw il-pjan ta' riżoluzzjoni. F'każ li awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni ma tikkonformax mad-deċiżjonijiet tiegħu, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jista' jindirizza miżuri ta' ġestjoni direttament għall-banek f'diffikultà.

2.5

Il-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni previst jaqa' taħt l-awtorità tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni. Dan il-Fond għandu jiżgura li l-appoġġ finanzjarju jkun disponibbli meta l-bank ikun qed jiġi ristrutturat.

2.5.1

Dan il-fond huwa komuni għall-pajjiżi kollha involuti fil-MUR. Il-finanzjament tiegħu jsir mill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha tal-pajjiżi parteċipanti. Darba fis-sena dawn iħallsu ammont miftiehem minn qabel u indipendentement minn kull miżura ta' riżoluzzjoni.

2.5.2

Il-Fond huwa intiż l-ewwel nett biex joħloq stabbiltà finanzjarja. L-iskop mhuwiex li jassorbi t-telf jew li jipprovdi l-kapital għal istituzzjoni li qed tiġi riżolta. Għalhekk, dan il-fond mhuwiex fond ta' salvataġġ. U lanqas mhuwa fond ta' garanzija ta' depożiti u mhux ser jissostitwih. Għall-kuntrarju, l-iskop tal-fond hu li jiggarantixxi l-effikaċja tal-miżuri ta' riżoluzzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Kif ġie indikat bosta drabi fl-2012, qafas finanzjarju integrat, jew l-unjoni bankarja, huwa parti essenzjali tal-miżuri ta' politika biex l-Ewropa terġa' taqbad it-triq lejn it-tkabbir lejn l-irkupru u t-tkabbir ekonomiku (4). Miżuri oħra, bħall-koordinazzjoni ekonomika akbar, għandhom jagħtu kontribut ukoll.

3.2

Il-Kumitat diġà enfasizza l-importanza tal-unjoni bankarja u indika li kien impossibbli li jibqa' jkollna għal żmien twil żona b'munita unika imma bi 17-il suq finanzjarju u tad-dejn, l-iktar jekk kriżi tkun ħarġet fid-dieher il-frammentazzjoni nazzjonali tal-istess ż-żona. Għalhekk, l-unjoni bankarja saret kruċjali u prijorità importanti meħtieġa għat-tqassim tar-riskju, il-protezzjoni tad-detenturi tad-depożiti (anke permezz tal-'proċedura ta' likwidazzjoni'), l-irkupru tal-fiduċja u biex jerġa' jkun hemm finanzjament għall-intrapriżi fl-Istati Membri kollha (5).

3.3

Bl-istess mod il-KESE kien diġà qal li l-Kummissjoni għandha tipproponi mill-iktar fis possibbli skeda taż-żmien u d-dettalji relatati għall-MSU. Dan jgħodd ukoll għal għanijiet oħra rilevanti, bħall-indirizzar tal-kriżijiet potenzjali permezz ta' azzjonijiet kondiviżi ta' superviżjoni. B'dan il-mod, l-unjoni bankarja ssir iktar kredibbli u tistabbilixxi bażi komuni għas-suq intern kollu kemm hu.

Sadattant, jidher li l-MSU u s-CRDIV/CRR ser jidħlu fis-seħħ fl-2014 u l-BRRD u l-MUR mill-2015 'il quddiem. Għalhekk jidher li l-Kunsill se japprova fil-ħin l-pakkett sħiħ.

3.4

Il-Kumitat jistqarr ukoll li għandu fiduċja sħiħa li aktar tard l-MSU jista' jaqdi rwol komplementari u jista' jgħin biex is-sitwazzjonijiet ta' kriżi jiġu indirizzati b'mod koordinat. Is-superviżjoni u l-iżvilupp madankollu għandhom imorru id f'id. Iżda mhuwiex l-iskop li Stat Membru jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi ta' deċiżjoni Ewropea li bank jiġi riżolt u jkollu jħallas l-ispejjeż tad-depożiti (6).

3.5

L-abbozz ta' Direttiva BRRD, li ġie ppubblikat f'nofs l-2012, jipproponi qafas biex l-Istati Membri jindirizzaw il-kriżijiet bankarji b'mod preventiv, biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja u jtaffu l-piż fuq il-finanzi pubbliċi.

3.6

La tidħol fis-seħħ, id-Direttiva BRRD ser twassal biex ikun hemm ċertu livell ta' armonizzazzjoni fil-leġislazzjoni nazzjonali fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-banek u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni meta jindirizzaw il-fallimenti tal-banek, b'mod partikolari l-banek transkonfinali.

3.7

L-MUR imur lil hinn minn hekk. Jekk bid-Direttiva BRRD ma jintlaħqux deċiżjonijiet uniformi dwar ir-riżoluzzjoni u dwar l-użu ta' fondi identifikati fil-livell tal-UE, dan irid isir fl-MUR għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro u l-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jkunu adottawh.

3.8

Il-Kumitat jaqbel li fit-twaqqif tal-MUR jiġu previsti korp u fond Ewropew, li jservu biex b'mod tajjeb u loġiku jikkomplementaw il-BRRD u l-MSU. Kemm is-superviżjoni kif ukoll ir-riżoluzzjoni għandhom jiġu implimentati fl-istess livell tal-awtoritajiet.

3.9

Id-Direttiva BRRD għandha sservi bħala manwal (rulebook) għar-riżoluzzjoni tal-banek fis-suq intern kollu kemm hu u b'hekk tappoġġja sew ir-Regolament. Peress li r-Regolament huwa estensjoni tal-BRRD, għandu jkun hemm ukoll koerenza tajba bejn iż-żewġ regolamenti, u l-inkonsistenzi għandhom jiġu evitati.

3.10

Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li għall-ikkompletar tas-suq intern huwa kruċjali li d-Direttiva BRRD u r-Regolament MSU jiġu koordinatiu kemm jista' jkun bejniethom. Għandu jsir sforz biex ikun hemm armonizzazzjoni mill-ikbar mad-Direttiva BRRD. Sabiex tinħoloq sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs kemm jista' jkun u applikazzjoni konsistenti tar-regoli, id-Direttiva BRRD għandha tiġi applikata b'mod uniformi fl-Istati Membri differenti. Fl-iżvilupp tal-MUR għandhom jitqiesu wkoll kemm jista' jkun ir-riżultati tan-negozjati dwar il-BRRD.

3.11

Peress li l-proposti tar-Regolament MSU jikkonformaw mal-abbozz tad-Direttiva BRRD nistgħu nirreferu wkoll għall-mistoqsijiet li kien qajjem il-Kumitat f'dan ir-rigward. Fost affarijiet oħra, hu talab iktar ċarezza dwar uħud mill-istrumenti ġodda li għadhom ma ġewx testjati fi kriżijiet sistemiċi (7). Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni lill-koerenza tar-Regolament mar-regoli eżistenti, biex tiġi żgurata ċ-ċarezza legali.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi dwar il-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni

4.1

Tkun ħaġa tajba li l-qafas sħiħ għall-unjoni bankarja javvanza malajr biex il-frammentazzjoni li hemm bħalissa fis-swieq finanzjarji tingħeleb u tingħata għajnuna biex ir-rabta eżistenti bejn il-finanzi pubbliċi u s-settur bankarju titneħħa.

4.2

Il-Kumitat mill-ġdid jikkonferma li l-qafas armonizzat għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek għandu jinħoloq mill-iktar fis possibbli. Dan il-qafas għandu jinkludi regoli transkonfinali biex tiġi żgurata l-integrità tas-suq uniku. L-MSU huwa komplement neċessarju ta' dan, u t-testi attwali għandhom jiġu milqugħa wkoll.

4.3

It-twettiq tal-MUR għandu jiġi appoġġjat minn qafas kompletament armonizzat għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek, li jservi bħala qafas bażiku għar-riżoluzzjoni tal-banek fl-UE kollha.

4.4

L-MUR m'għandux iservi biss bħala qafas komuni għar-riżoluzzjoni ta' banek li qed ifallu fl-unjoni bankarja u b'hekk joħloq sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs f'dan il-qasam, imma wkoll bħala strument sempliċi kemm jista' jkun, effiċjenti u deċiżiv li jekk ikun hemm bżonn u b'mod partikolari f'emerġenzi jkun jista' jiġi implimentat malajr bil-veloċità meħtieġa kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll transkonfinali.

4.5

Fir-rigward tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, b'mod partikolari l-indipendenza tiegħu, l-esperjenza u l-kontroll demokratiku tiegħu huma ta' importanza kruċjali. Dan il-Bord għandu jkollu bażi legali soda, u jinżamm responsabbli għad-deċiżjonijiet tiegħu biex jiġu garantiti t-trasparenza u l-kontroll demokratiku u biex id-drittijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiġu protetti. Is-setgħat tiegħu għandhom jiġu separati b'mod ċar minn dawk tal-awtoritajiet superviżorji u l-kompożizzjoni tiegħu għandha tkun ibbilanċjata biex tirrifletti r-rappreżentanza tal-parteċipanti nazzjonali u l-partijiet interessati Ewropej. Il-Bord u l-membri tiegħu għandu jkollhom l-esperjenza meħtieġa fl-oqsma koperti.

4.6

It-twaqqif tiegħu għandu jitqies bħala pass kruċjali fl-iżvilupp tal-unjoni bankarja u l-MUR. Però m'għandux jiġi injorat il-kuntest usa' tat-twaqqif tal-MSU u l-BRRD, u x'aktarx ikun aħjar li ma jiġux antiċipati l-azzjonijiet f'dan il-qasam.

5.   Osservazzjonijiet speċifiċi dwar ir-regoli finanzjarji

5.1

Il-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek għandu jieħu ħsieb li l-appoġġ finanzjarju jkun disponibbli meta l-bank ikun qed jiġi ristrutturat. Il-Kumitat itenni l-approvazzjoni tiegħu għall-isforzi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi sistema Ewropea tar-regoli finanzjarji, fost oħrajn permezz tal-MUR. Sistema bħal din tiżgura li l-istituzzjonijiet kollha fl-Istati Membri kollha jkunu soġġetti għal regoli ta' riżoluzzjoni finanzjarja li jkunu effettivi bl-istess mod u din hija ħaġa tajba għall-Isatti Membri kollha u s-suq finanzjarju intern għaliex b'hekk ikun hemm stabbiltà ikbar u kundizzjonijiet kompetittivi indaqs (8). Bl-istess mod, probabbilment il-protezzjoni tal-faddala ż-żgħar permezz tal-iskemi tal-protezzjoni tad-depożiti għandha tingħata attenzjoni.

5.2

Għalhekk, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni għandu jiġi appoġġjat minn mekkaniżmu ta' finanzjament speċifiku. Jekk il-finanzjament tar-riżoluzzjoni jsir l-ewwel permezz tar-rikapitalizzazzjoni interna (bail-in), biex l-azzjonisti u kredituri oħra jassorbu l-ewwel telf, u mbagħad permezz tal-istrumenti previsti mir-Regolament, il-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni idealment jiġi kumplementat minn fond komuni, bil-għan li tinkiser ir-rabta li hemm bħalissa bejn il-gvern u s-settur bankarju.

5.3

Il-Kumitat jitlob li tiġi ċċarata minnufih il-bażi legali tal-Fond, inkluż jekk hemmx bżonn li jiġi modifikat it-Trattat.

5.4

Meta s-sitwazzjoni tiġi ċċarata għandu jsir sforz għat-twaqqif tal-fond, u dan mingħajr ma jiġu antiċipati l-iżviluppi u l-azzjonijiet fil-kuntest tal-MSU u l-BRRD.

5.5

L-introduzzjoni ta' sistema komuni ġġib magħha wkoll sfidi importanti u għandna noqogħdu attenti li jiġu evitati jew limitati kemm jista' jkun minn qabel il-konsegwenzi mhux mixtieqa u li l-problemi relatati jiġu solvuti minn qabel. Bħala eżempju nistgħu nieħdu l-periklu morali.

5.6

Anke jekk il-Fond jintervjeni fi stadju iktar tard bejn iż-żewġ mekkaniżmi, u b'mod partikolari wara li jittieħdu miżuri tar-rikapitalizzazzjoni interna, u jekk l-użu tal-mezzi jkun limitat għal miri speċifiċi, xorta huwa importanti li l-Fond ikun kbir biżżejjed u li l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha jkunu obbligati li jikkontribwixxu għalih.

5.7

Fit-twaqqif ta' livell mira (target level) tal-fond għandhom jiġu kkunsidrati l-qafas prudenzjali msaħħaħ eżistenti, il-miżuri preventivi u r-rwol tal-pjani ta' rkupru u riżoluzzjoni biex jiġu evitati l-kriżijiet, iż-żieda fil-buffers tal-kapital, u l-mekkaniżmi l-ġodda ta' riżoluzzjoni, inkluż l-istrument ta' rikapitalizzazzjoni interna, u miżuri oħra għall-irkupru tas-settur finanzjarju. Dawn il-miżuri u strumenti diġà għandhom l-għan li jillimitaw il-probabbiltà ta' falliment bankarju. Għalhekk, fir-rigward tal-MUR il-Kumitat itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-BRRD u b'mod partikolari li wara perjodu ta' żmien definit għandhom ikunu jistgħu jiġu riveduti l-kriterji previsti biex jiġu stabbiliti minn qabel il-kontributi tal-banek (9).

5.8

Għall-istess raġunijiet u sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi għaċ-ċittadini u l-intrapriżi, għandha tingħata attenzjoni lill-ispejjeż potenzjalment doppji għall-banek, b'konsegwenza tal-istruttura doppja ta' awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali u awtorità ta' riżoluzzjoni Ewropea.

Brussell, 17 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 520 final.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-ECOFIN u l-Kunsill Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2013.

(3)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 68.

(4)  Dan kien il-każ fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja", fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew" u fir-rapport tal-erba' presidenti "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina".

(5)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 8.

(6)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 34.

(7)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 68.

(8)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 68.

(9)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 68.