5.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 170/91 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Pjan ta' Azzjoni għall-Industrija Ewropea tal-Azzar
COM(2013) 407 final
2014/C 170/15
Relatur: is-Sur ROLIN
Korelatur: is-Sur KOTOWSKI
Nhar it-3 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Pjan ta' Azzjoni għall-Industrija Ewropea tal-Azzar
COM(2013) 407 final.
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2013.
Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2013 (seduta tal-11 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’156 vot favur, 5 voti kontra u 9 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni għall-Industrija Ewropea tal-Azzar, imħabbar mill-Kummissjoni Ewropea fil-11 ta' Ġunju. Il-KESE jaħseb li l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Azzar huwa l-ewwel pass 'il quddiem, u jirrikonoxxi s-settur tal-azzar bħala settur importanti għall-Ewropa mil-lat strateġiku u bħala mutur għat-tkabbir. Madanakollu, is-suċċess tiegħu se jiddependi minn kif dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu implimentati fir-realtà. |
1.2 |
Il-Pjan ta' Azzjoni huwa proposta speċifika iżda se jieħu xhur jew snin biex jiġi implimentat. Madankollu, meta wieħed iqis kemm il-produzzjoni u d-dħul naqsu f'daqqa din is-sena, huma meħtieġa azzjonijiet f'waqthom biex jgħinu lill-ħaddiema affettwati mill-kriżi u biex ireġġgħu lura għal klima ta' investiment pożittiv fis-settur u fil-katini downstream tiegħu. Jekk ma titteħidx azzjoni bħal din, jista' jkun li jagħlqu iktar kumpaniji u jintilfu iktar impjiegi. F'dan il-kuntest, il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippubblika kemm jista' jkun malajr pjan direzzjonali bi skadenzi preċiżi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu jkun diskuss mal-imsieħba soċjali fil-laqgħa li jmiss tal-Grupp ta' Livell Għoli. |
1.3 |
Il-Pjan ta' Azzjoni mhux ċar dwar l-azzjoni konkreta li għandha tittieħed u ma jindirizzax id-dimensjoni ċiċlika tal-kriżi b'mod adegwat. Sabiex jiġi żgurat li s-settur jibqa' strateġiku għall-industrija tal-manifattura Ewropea u għall-impjieg, u sabiex jiġi evitat li jiċkien iżjed, il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu miżuri urġenti, inklużi:
|
1.4 |
Għandu jkun hemm fokus immedjat ukoll fuq il-kisba ta' politiki Ewropew dwar il-klima, l-enerġija u l-kummerċ sostenibbli li jippermettu t-tranżizzjoni tas-settur għal livell baxx ta’ karbonju/ekonomija effiċjenti fl-enerġija u fir-riżorsi mingħajr ma jinġarr il-piż tal-ispiża mill-industrija Ewropea tal-azzar biss. Dan se jsir ukoll billi jiġu promossi politiki tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni ambizzjużi, eż. fil-qafas tal-inizjattiva Orizzont 2020 u bl-appoġġ attiv għall-użu ta’ teknoloġiji aktar nodfa u effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija. |
1.5 |
Il-KESE jappoġġja l-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u jappoġġja azzjoni mill-UE f’dan ir-rigward. Madankollu, għandha tingħata kunsiderazzjoni bir-reqqa għall-isforzi li diġà saru, kif ukoll għal aspetti speċjali tas-settur, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limitazzjonijiet teknoloġiċi. Il-miri għall-industrija tal-azzar iridu jkunu fattibbli mil-lat tekniku u ekonomiku. Dawn għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li, bħala minimu, l-entitajiet bl-aħjar prestazzjonijiet fl-UE ma jkollhom ebda spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn politiki tal-UE dwar il-klima, b’mod partikolari l-UE ETS, għall-inqas sakemm jintlaħaq ftehim internazzjonali komprensiv dwar it-tibdil fil-klima li jkollu l-istess għanijiet u miżuri għall-industrija tal-azzar kollha madwar id-dinja. |
1.6 |
Miżuri temporanji ta' kumpens biex jagħmlu tajjeb għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku madwar l-UE għandhom ikunu massimizzati madwar l-Ewropa matul u wara t-tielet perjodu ta' kummerċ. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga aktar din il-kwistjoni u biex tieħu miżuri xierqa malajr. |
1.7 |
Il-KESE jappoġġja l-idea li tiġi stabbilita skema Ewropea biex tiffinanzja l-iskjerament ta’ teknoloġiji ġodda u innovattivi f’industriji li jużaw ħafna enerġija, li għandha tiġi ffinanzjati minn dħul assenjat mill-bejgħ tal-kwoti tal-ETS. |
1.8 |
L-introduzzjoni ta' teknoloġiji ta' avangwardja bħall-UCLOS għandha tkompli tiġi promossa. Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li jissorvelja mill-qrib id-data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza enerġetika tal-impjanti tal-azzar. |
1.9 |
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti prijorità lir-reċiproċità u l-ħolqien ta' ambjent ekwu fil-livell globali. Minħabba n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi u l-proliferazzjoni ta’ xejriet protezzjonisti f’ekonomiji emerġenti, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu aktar miżuri sodi biex tiddefendi l-industrija Ewropea tal-azzar, inkluż l-użu ta’ strumenti għad-difiża tan-negozju, b’mod immirat u rapidu. |
1.10 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni ta’ qafas ta’ kwalità għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar, li jistabbilixxi l-aħjar prattiki f’dan il-qasam. Jemmen li dan il-qafas għandu jintuża mill-partijiet interessati differenti bħala standard minimu Ewropew sabiex tiġi antiċipata u ġestita l-bidla b'mod soċjalment responsabbli billi meta jkun hemm bżonn, jiġu promossi t-taħriġ, l-aġġornar tal-ħiliet, u l-appoġġ tat-taħriġ mill-ġdid. Għandha wkoll tkun opportunità biex is-settur Ewropew tal-azzar isir aktar attraenti għaż-żgħażagħ u persuni bi kwalifiki għolja. Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati soluzzjonijiet fit-tul biex iwieġbu għall-bidla ġenerazzjonali. L-imsieħba soċjali fil-livelli kollha jistgħu jaqdu rwol proattiv f’dan ir-rigward. |
1.11 |
Sabiex it-tranżizzjoni lejn suq aktar kompetittiv tal-industrija Ewropea tal-azzar tkun ġestita b’mod soċjalment responsabbli, il-KESE jemmen li s-settur tal-azzar għandu jkollu l-istess aċċess bħal setturi oħra għall-fondi Ewropej, nazzjonali u reġjonali disponibbli. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għal industrija Ewropea tal-azzar kompetittiva u sostenibbli, l-UE hija t-tieni l-akbar produttur tal-azzar fid-dinja, bi produzzjoni ta’ aktar minn 177 miljun tunnellata ta’ azzar fis-sena, li jammonta għal 11% tal-produzzjoni globali. L-industrija hija mifruxa sew madwar l-Ewropa, b’tal-inqas 500 sit ta’ produzzjoni f’24 Stat Membru. |
2.2 |
Il-KESE jtenni li l-industrija Ewropea tal-azzar hija s-sinsla tal-prosperità tal-Ewropa u parti indispensabbli fil-katina tal-provvista Ewropea, bl-iżvilupp u l-manifattura ta' eluf ta’ soluzzjonijiet tal-azzar innovattivi differenti fl-Ewropa u b’hekk tipprovdi impjieg dirett u indirett u l-ħobża ta’ kuljum għal miljuni ta’ ċittadini Ewropej. |
2.3 |
Sfortunatament, issa jidher ċar li din l-industrija qed tintlaqat b'mod estremament qawwi mill-kriżi ekonomika li bħalissa qed taffettwa lill-pajjiżi Ewropej kollha. L-industrija tal-azzar hija dipendenti fuq setturi bħas-settur awtomobilitiku u tal-kostruzzjoni li ilhom bi tnaqqis qawwi fl-attività mill-2008. Dan imbagħad wassal għal tnaqqis fid-domanda għall-azzar fl-Ewropa. |
2.4 |
It-tnaqqis fid-domanda għall-azzar fl-Ewropa sar evidenti permezz tal-għeluq temporanju jew permanenti ta' faċilitajiet tal-produzzjoni u-telf ta' iktar minn 60 000 impjieg fis-settur. |
2.5 |
Huwa vitali li l-Ewropa tieħu azzjoni minnufih sabiex trażżan il-kriżi attwali li qed taffettwa l-industrija tal-azzar. Huwa għal din ir-raġuni li l-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva riċenti tal-Kummissjoni Ewropea li tieħu azzjoni biex tappoġġja l-industrija Ewropea tal-azzar. |
2.6 |
Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni pproponiet pjan ta’ azzjoni komprensiv għall-azzar, ħdax-il sena wara li spiċċa t-Trattat tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) fl-2002. Dan huwa r-riżultat tal-isforzi komuni magħmula mill-Kummissjoni u mill-imsieħba soċjali biex jixprunaw il-kwistjoni tal-politika industrijali kemm b’mod ġenerali kif ukoll fir-rigward tas-setturi ewlenin tal-manifattura. Huwa wkoll l-ewwel pass lejn politika industrijali reali li tintegra politiki bħalma huma l-kummerċ, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-ambjent, il-klima u l-enerġija. |
2.7 |
Il-pjan jipproponi sensiela ta’ miżuri u rakkomandazzjonijiet fl-oqsma tad-domanda, l-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, il-politika dwar il-klima, il-kompetizzjoni, il-kummerċ, il-materja prima, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-aspetti soċjali bħall-aċċess għall-Fondi Strutturali Ewropej u dan biex itaffi l-ispiża soċjali tal-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla u jippromovi l-impjieg fost iż-żgħażagħ sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur. |
2.8 |
L-imsieħba soċjali fis-settur tal-azzar ikkontribwew għal din l-istrateġija fit-tul fil-qafas tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali tal-UE billi żviluppaw ħarsa komprensiva lejn l-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija Ewropea tal-azzar. Din l-analiżi komuni serviet bħala bażi għal diskussjoni madwar Mejda Tonda ta’ Livell Għoli, mibdija mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jiġi żviluppat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-industrija Ewropea tal-azzar kompetittiva u sostenibbli. |
2.9 |
L-azzar huwa s-sinsla strateġika tal-industrija Ewropea tal-manifattura u jibqa’ mutur tal-innovazzjoni teknoloġika li huwa vitali għall-ħolqien tal-valur f’setturi downstream bħalma huma l-industrija awtomobilistika, tal-kostruzzjoni, l-aerospazju u l-enerġija, eċċ. Huwa ta’ importanza vitali għall-Ewropa li jkollha settur tal-azzar robust jekk trid tikseb il-mira tagħha biex l-industrija tkopri l-20% tal-PDG meta mqabbel mal-15.2% attwali (2). |
2.10 |
L-industrija Ewropea tal-azzar għandha ħafna assi fil-forma ta’ impjanti moderni, prodotti avvanzati, klijenti eżiġenti li jmexxu l-innovazzjoni kontinwa tal-prodott, suq domestiku importanti u ħaddiema tas-sengħa. Madankollu, illum il-ġurnata tiffaċċja sfidi ewlenin: domanda baxxa, spejjeż tal-enerġija dejjem jiżdiedu, dipendenza fuq materja prima importata u ta' sikwit kompetizzjoni mhux ġusta. |
2.11 |
Il-pjan ta’ azzjoni huwa dokument bl-aktar kwistjonijiet importanti relatati mas-settur tal-azzar b’enfasi partikolari fuq lista ta’ azzjonijiet possibbli biex jiġu implimentati fid-diversi livelli istituzzjonali u mill-partijiet interessati ewlenin. |
2.12 |
Kif previst mill-Kummissjoni Ewropea, il-Grupp ta’ Livell Għoli se jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan u l-impatt tiegħu fuq il-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-qagħda tal-impjiegi fis-settur. |
3. Kummenti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
3.1 |
Il-KESE jinnota b'sodisfazzjon li s-sitwazzjoni allarmanti li qed jiffaċċja s-settur Ewropew tal-azzar hija fuq l-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea. L-imsieħba soċjali u l-Istati Membri kellhom l-opportunità, permezz tal-konsultazzjoni, li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq is-settur u n-nuqqasijiet tiegħu, kif ukoll jipproponu soluzzjonijiet possibbli biex is-settur Ewropew tal-azzar jinżamm sod. Dawn il-konsultazzjonijiet wasslu għal abbozz tal-pjan ta’ azzjoni għal industrija Ewropea tal-azzar kompetittiva u sostenibbli. |
3.2 |
Il-pjan huwa l-ewwel pass lejn l-għajnuna għas-settur tal-azzar biex jaffaċċja l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali prinċipali, u joħloq qafas ta' politika industrijali “ġdid” biex jippreserva l-industrija tal-azzar u tinżamm il-forza tax-xogħol tiegħu fl-Ewropa. Id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni huma ottimisti, iżda fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess tiegħu se jiddependi fuq kif dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu implimentati fir-realtà. Għandu jkun ibbażat fuq strateġija ċara għal żmien qasir, medju u fit-tul u jingħata l-istrumenti legali, finanzjarji u loġistiċi meħtieġa, sabiex l-impatt potenzjali tiegħu jitwettaq. |
3.3 |
Mil-lenti tal-KESE, l-implimentazzjoni tal-pjan għandha tippermetti li:
|
Kummenti Ġenerali
3.4 |
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika industrijali huwa li jiġi żgurat li s-settur industrijali jkopri 20 % tal-PDG fl-UE sal-2020. Il-KESE jappoġġja dan l-għan billi dan ikun ta’ benefiċċju wkoll għas-settur tal-azzar. Madankollu, huwa probabbli li dan l-għan ikun diffiċli ħafna li jinkiseb mingħajr aċċess aktar faċli għal istituzzjonijiet finanzjarji bħall-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. |
3.5 |
Is-sitwazzjoni tas-suq se ġġiegħel lill-produtturi tal-azzar ikomplu jwettqu bidliet strutturali diffiċli (il-possibilità ta' fużjonijiet, akkwiżizzjoni u fallimenti ma jistgħux jiġu esklużi). L-investiment qawwi fl-innovazzjoni, gradi tal-azzar innovattivi, titjib fil-firxa ta’ prodotti lesti għall-bejgħ, aktar tnaqqis fl-ispejjeż skont it-tip, u l-introduzzjoni ta’ servizzi li jużaw l-azzar prodott mill-kumpanija stess huma essenzjali, iżda huwa diffiċli jew impossibbli għal ħafna produtturi tal-azzar biex jiffinanzjaw proġetti bħal dawn bħalissa. |
Il-qafas regolatorju adatt
3.6 |
Skont studju riċenti mwettaq mill-Kummissjoni, dwar l-istima tal-ispiża kumulattiva fl-industrija Ewropea tal-azzar, l-ispejjeż regolatorji fi żminijiet normali mhumiex il-muturi ewlenin tad-distakk fil-kompetittività tal-ispejjeż. Madanakollu, fi żminijiet ta' kriżi, l-ispejjeż regolatorji tal-UE jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kompetittività tal-industrija tal-azzar (3). Il-qafas regolatorju għandu jiġi valutat kemm f’termini ta’ spejjeż kif ukoll ta' benefiċċji. |
3.7 |
L-imsieħba soċjali fis-settur tal-azzar għandhom ikunu involuti mill-qrib fil-valutazzjoni tal-qafas regolatorju. |
Spinta għad-domanda għall-azzar
3.8 |
Kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea, “Fl-UE, id-domanda għall-azzar tiddependi fuq l-istatus ekonomiku u finanzjarju ta’ numru żgħir ta’ industriji ewlenin li jużaw l-azzar – pereżempju s-settur tal-kostruzzjoni u s-settur awtomobilistiku” (4). Sfortunatament, il-kriżi ekonomika attwali qiegħda tpoġġi pressjoni reali fuq id-domanda minn dawn is-setturi u għalhekk qiegħda twassal għal tnaqqis fid-domanda grossa għall-azzar. |
3.9 |
Il-Kummissjoni Ewropea qed tistrieħ fuq il-pjan tagħha “CARS 2020 (5)” u fuq l-inizjattiva biex tiġi appoġġjata kostruzzjoni sostenibbli (6) sabiex tiġi stimolata d-domanda Ewropea għall-azzar. Meta wieħed iqis l-urġenza tas-sitwazzjoni attwali fl-industrija tal-azzar, dawn il-pjani mhumiex konkreti biżżejjed u jista' jkun li mhumiex suffiċjenti biex iħallu impatt fuq is-settur tal-azzar fuq medda qasira ta' żmien. |
3.10 |
Id-domanda għall-azzar tista' tiġi xprunata wkoll bil-faċilitazzjoni tat-tnedija ta' infrastruttura orjentata lejn il-futur u bit-titjib fil-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini Ewropej, bil-għan li dan iwassal għal irkupru fis-suq domestiku. |
Kundizzjonijiet indaqs fil-livell internazzjonali
3.11 |
Matul l-aħħar għaxar snin, l-industrija Ewropea tal-azzar kienet dejjem aktar ippenalizzata minn prattiki kummerċjali inġusti, il-protezzjoniżmu ta' pajjiżi terzi u l-konċentrazzjoni żejda tal-produtturi tal-materja prima. Huwa għalhekk urġenti li tkun valutata l-possibbiltà li l-prattiki inġusti li qed issofri l-industrija Ewropea tal-azzar ikunu indirizzati b’mod immirat u rapidu. Huwa dejjem iktar urġenti li dan isir minħabba l-kapaċità żejda tas-settur fuq skala globali, li twassal li xi pajjiżi terzi jużaw prattiki kummerċjali inġusti għall-esportazzjoni tal-prodotti żejda tagħhom. |
Politiki tal-enerġija, il-klima u l-effiċjenza fir-riżorsi biex tingħata spinta lill-kompetittività
3.12 |
L-industrija Ewropea tal-azzar se jkollha futur biss jekk il-kumpaniji jkunu fl-avangwardja ta' żviluppi teknoloġiċi globali, b'mod speċjali l-applikazzjoni tal-aħħar teknoloġiji ta' produzzjoni relatati mat-tnaqqis tas-CO2 u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jekk dawn ikunu vijabbli ekonomikament. |
3.13 |
L-industrija tal-azzar hija industrija b'użu intensiv tal-enerġija, li bħalissa qed tiffaċċja prezzijiet tal-enerġija għoljin meta mqabbla ma' ħafna mill-kompetituri internazzjonali tagħha. Bħala industrija b'użu intensiv ħafna tal-kapital, l-istabbilità, il-prevedibiltà u l-kompetittività globali tal-prezzijiet tal-enerġija huma essenzjali għall-iżvilupp fit-tul tas-settur. |
3.14 |
Il-pjan ta’ azzjoni ġustament jiffoka fuq il-kontribut ta’ prodotti/materjali tal-azzar għat-tnaqqis tas-CO2. Sa fejn jikkonċerna l-proċessi ta’ produzzjoni, bit-teknoloġiji attwali, l-industrija qiegħda qrib il-limiti tagħha u għalhekk ma tistax tilħaq il-miri proposti mill-Kummissjoni sal-2050. Jista' jsir titjib sinfikanti biss permezz ta' teknoloġiji ta' avangwardja. Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u r-riżorsi għall-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp huma għalhekk ta’ importanza kbira. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex tappoġġja, fil-qafas tal-inizjattiva Orizzont 2020, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-proġetti pilota u proġetti ta’ dimostrazzjoni għal teknoloġiji ġodda aktar nodfa u aktar effiċjenti fir-riżorsi u fl-użu tal-enerġija. |
3.15 |
Għalkemm bit-teknoloġiji attwali l-industrija tinsab qrib il-limiti tagħha, mhux l-impjanti kollha eżawrew il-potenzjal tagħhom għal titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija abbażi ta' teknoloġiji eżistenti. Il-kumpaniji għandhom ikunu inkoraġġuti li jinvestu fl-aħjar teknoloġiji disponibbli. |
3.16 |
Il-prezzijiet tar-riżorsi u tal-enerġija bħalissa qed imexxu x-xejriet fl-innovazzjoni. Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija tal-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni hija f’idejn l-industrija tal-azzar innifisha, huwa meħtieġ appoġġ iktar b’saħħtu għar-riċerka u l-iżvilupp, il-proġetti pilota u proġetti ta’ dimostrazzjoni u għad-diffużjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Billi l-materja prima u l-enerġija jirrappreżentaw il-piż prinċipali f’termini ta’ spejjeż, l-isfida hija li jonqos id-distakk fl-ispejjeż imqabbla mal-kompetituri ewlenin tal-UE. |
3.17 |
Il-kriżi u limitazzjonijiet kbar baġitarji xekklu b'mod gravi l-possibilità li jiġu kkumpensati l-produtturi tal-azzar f'xi Stati Membri, li aktarx se toħloq sitwazzjoni mhux ġusta madwar l-Ewropa. |
Innovazzjoni
3.18 |
Matul l-aħħar deċennji, l-industrija Ewropea tal-azzar żammet vantaġġ kompetittiv fuq il-kompetituri tagħha, minħabba titjib fl-effiċjenza, innovazzjoni tal-prodotti u żieda sostanzjali fil-produttività tal-ħaddiema. Madankollu, fis-sitwazzjoni attwali l-kisbiet addizzjonali f'dan il-qasam huma diffiċli li jintlaħqu sakemm ma jkunx hemm titjib fis-sitwazzjoni tas-suq u fl-ambjent regolatorju tan-negozju. |
3.19 |
L-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda ekonomikament vijabbli jeħtieġ li jsir flimkien ma’ titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej tal-azzar meta mqabbla mal-kompetituri globali tagħhom. Produzzjoni inqas intensiva f’termini ta’ enerġija u materja prima se twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż, b’hekk tagħmel l-industrija Ewropea tal-azzar aktar kompetittiva. |
Id-dimensjoni soċjali: ħtiġijiet ta' ħiliet u ristrutturar
3.20 |
Il-pjan jidentifika l-problema tan-nuqqas futur tal-ħiliet l-aktar bħala riżultat ta’ etajiet żbilanċjati, iżda ma jinkludix biżżejjed konsiderazzjoni għat-“telf” tal-għarfien u l-ħiliet minħabba r-ristrutturar. Barra minn hekk, il-bidla ġenerazzjonali se teħtieġ soluzzjonijiet sistematiċi, notevolment fid-dawl taż-żieda qawwija fil-qgħad fost iż-żgħażagħ. |
3.21 |
Il-promozzjoni ta’ miżuri temporanji biex jappoġġjaw lill-ħaddiema hija essenzjali biex tilqa' għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u żżomm il-forza tax-xogħol u l-ħiliet essenzjali għall-futur tal-industrija tal-azzar. |
Il-Grupp ta' Livell Għoli
3.22 |
Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni urġenti li qed jiffaċċja s-settur tal-azzar Ewropew, huwa diżappuntanti li wieħed jinnota li l-Kummissjoni qed tippjana laqgħa waħda biss fis-sena mal-Grupp ta' Livell Għoli. Minħabba l-volatilità attwali tas-settur, se jkunu meħtieġa aġġornamenti kostanti sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati. |
3.23 |
Fl-aħħar nett, fi żmien 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni, jeħtieġ li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ta' dan il-pjan fuq il-kompetittività fl-industrija Ewropea tal-azzar. Sabiex tiġi żgurata l-aktar valutazzjoni preċiża u oġġettiva possibbli, huwa kruċjali li l-imsieħba soċjali jkunu inklużi fid-diskussjonijiet. Hemm bżonn ta’ kooperazzjoni akbar bejn ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u tal-kumpaniji biex jintrabtu li jimplimentaw il-pjan. |
Brussell, 11 ta' Diċembru 2013
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) CESE 1094/2013- CCMI/108.
(2) COM (2012) 582 final.
(3) Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej, Assessment of Cumulative Cost Impact for the Steel Industry, 2013.
(4) COM (2013) 407.
(5) COM (2012) 636 final.
(6) COM (2012) 433 final.
APPENDIĊI
għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Qiegħda titniżżel hawn taħt l-emenda li rċeviet tal-anqas kwart tal-voti mixħuta u ma ġietx milqugħa waqt is-sessjoni plenarja (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta' Proċedura):
Punt 1.11
Ħassar iktar speċifikazzjoni tal-fondi kif ġej:
1.11 |
Sabiex it-tranżizzjoni lejn suq aktar kompetittiv tal-industrija Ewropea tal-azzar tkun ġestita b’mod soċjalment responsabbli, il-KESE jemmen li s-settur tal-azzar għandu jkollu l-istess aċċess bħal setturi oħra għall-fondi Ewropej, nazzjonali u reġjonali disponibbli. |
Raġuni
L-użu ta' inqas kelmiet jevita speċifikazzjoni dettaljata tal-fondi u jipprovdi biżżejjed flessibilità għall-operaturi mingħajr ma jintroduċi distorsjonijiet tas-suq potenzjali fis-settur.
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
: |
70 |
Kontra: |
: |
77 |
Astensjonijiet: |
: |
12 |