6.3.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 67/175 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komponenti u s-Sistemi Mikro u Nanoelettroniċi”
COM(2013) 298 final
2014/C 67/36
Relatur: is-Sinjura BATUT
Nhar it-3 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Ewropea għall-Komponenti u s-Sistemi Mikro u Nanoelettroniċi
COM(2013) 298 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-30 ta’ Settembru 2013.
Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’112-il vot favur, 1 vot kontra u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li tibni tmexxija Ewropea fil-qasam tal-komponenti u s-sistemi mikro u nanoelettroniċi, u permezz ta' dan il-proġett transkonfinali tgħaqqad b'urġenza lill-Istati Membri, ir-riċerka, l-investimenti, u l-enerġiji, sabiex l-eċċellenza tiġi trasformata fi produzzjoni u impjiegi. |
1.2 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-komponenti u s-sistemi mikro u nanoelettroniċi jistgħu jkunu l-bażi ta' rivoluzzjoni industrijali ġdida u li għal dan il-għan is-settur jeħtieġ mhux biss "strateġija" industrijali Ewropea, iżda "politika industrijali komuni" ġenwina ta' interess pubbliku, ikkoordinata mill-Kummissjoni biex l-intrapriżi Ewropej ikunu kapaċi jkunu fuq quddiem tal-produzzjoni u s-swieq. Dan l-element huwa nieqes fil-proposta tal-Kummissjoni. |
1.3 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-ftit ċentri ta' eċċellenza li jeżistu, li huma indispensabbli biex jistimolaw l-isforzi Ewropej, għandhom jitkabbru u jiġu żviluppati aktar. L-għoti tal-opportunità lill-entitajiet inqas avvanzati madwar l-UE li jibbenefikaw mill-programm vast ta' fondi pubbliċi u privati propost f'din il-Komunikazzjoni jsaħħaħ il-potenzjal. F'dan il-kuntest, l-iskema tal-għajnuna mill-Istat u s-sussidji trid tiġi modifikata peress li l-problema li għandhom quddiemhom l-industriji Ewropej tat-teknoloġija avvanzata mhijiex ta' kompetizzjoni bejn intrapriżi Ewropej, iżda pjuttost l-assenza, f'diversi setturi ta' teknoloġija avvanzata, ta' intrapriżi li huma kompetittivi u mexxejja fil-livell dinji. Din il-politika trid issir aktar flessibbli fir-rigward ta' dan is-settur avvanzat, mhux biss għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta proposta, iżda wkoll sabiex l-intrapriżi jiġu megħjuna jilħqu statura dinjija kif inhu l-każ fl-Asja u l-Istati Uniti. |
1.4 |
Il-KESE jemmen li l-istrateġija, kif preżentata fil-Komunikazzjoni, għandu jkollha l-għan li tirkupra mill-fatt li l-Ewropa baqgħet lura u li tistabbilixxi kompetenzi Ewropej li jiġu skopruti mill-ġdid tul il-katina tal-valur kollha (dawk li jmexxu l-prodotti u s-swieq, sottokuntratturi, pjattaformi, produtturi ta' teknoloġiji bażiċi u kumpaniji tad-disinn) u li l-Unjoni għandha tipproteġi l-interessi tal-kumpaniji tagħha f'kull ftehim ta' kummerċ ħieles li attwalment qed jiġi negozjat (il-Ġappun, l-Istati Uniti). Il-Kumitat jappoġġja l-approċċ Ewroċentriku tal-Kummissjoni Ewropea u huwa mħasseb dwar l-implimentazzjoni tiegħu fil-qafas tal-katina ta' valur globali. Filfatt id-dgħufijiet reali tal-Ewropa huma n-nuqqas ta' preżenza fil-prodotti u fis-swieq u n-nuqqas ta' kumpaniji mexxejja tal-prodotti. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li ma tinjorax l-iżvilupp ta' Stati Membri b'saħħithom bħala l-elementi bażiċi tas-sinerġiji transkonfinali. |
1.5 |
Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-istrateġija l-ġdida dwar il-komponenti u s-sistemi tal-mikro u n-nanoelettronika, iżda din trid tikkonforma mal-Artikoli 3(3) tat-TUE u l-Artikoli 9 u 11 tat-TFUE. Peress li l-pjan direzzjonali għadu ma ġiex stabbilit (għall-aħħar tal-2013), il-KESE jirrakkomanda li jitqiesu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi fuq l-esseri ħajjin, b'mod partikolari fuq l-iżvilupp sostenibbli minħabba ż-żieda preżenza fil-ħajja ta' kuljum tal-komponenti mikro u nanoelettroniċi, u l-materjali ntużati fihom, fuq ir-riċerka, l-impjieg, it-taħriġ, l-iżvilupp essenzjali tal-kwalifiki u l-kompetenzi, fuq is-saħħa taċ-ċittadini u dik tal-ħaddiema fis-settur. |
1.6 |
Huwa jirrakkomanda li jiġu stabbiliti, flimkien mal-Grupp tal-Mexxejja fl-Elettronika, forom ġodda ta' governanza taċ-ċittadini, minħabba fl-ammont tal-investimenti pubbliċi mfittxija - li jlaħħqu EUR 5 biljun fuq 7 snin - u l-importanza strateġika tas-settur. |
1.7 |
Il-KESE jirrakkomanda li titwettaq valutazzjoni tal-istrateġija f'nofs it-term. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Fil-kuntest tal-politika tagħha dwar l-istimolazzjoni tal-investiment sabiex tinħoloq industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku (COM(2012) 582 final), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-komponenti u s-sistemi tal-mikro u n-nanoteknoloġiji, li kienet diġà iddefiniet bħala "teknoloġiji abilitanti essenzjali" f'Komunikazzjoni preċedenti (COM(2012) 341 final) u li jikkorrispondu mal-inizjattiva ewlenija nru 6 tal-Istrateġija Ewropa 2020, magħrufa bħala "Orizzont 2020". |
2.2 |
Il-komponenti u s-sistemi micro u nanoelettroniċi bħala teknoloġiji abilitanti huma l-bażi ta' firxa ta' kategoriji ta' prodotti li issa huma indispensabbli għall-attivitajiet kollha u jikkontribwixxu għall-innovazzjoni u l-kompetittività. Id-disa' kategoriji ta' prodotti prinċipali huma (1) il-kompjuters, (2) l-apparat periferali tal-kompjuter u t-tagħmir tal-uffiċċju, (3) l-apparati elettroniċi użati mill-konsumaturi, (4) is-servers u l-apparat għall-ħżin, (5) it-tagħmir għan-netwerking, (6) l-apparati elettroniċi għall-vetturi, (7) l-apparati elettroniċi mediċi, (8) l-apparati elettroniċi industrijali u (9) l-apparati elettroniċi għall-militari u l-avjazzjoni. |
2.3 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, b'din il-Komunikazzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni segwiet uħud mir-rakkomandazzjonijiet li kellu l-opportunitajiet jagħmel f'opinjonijiet preċedenti (1), u li din qed turi rieda ġenwina li tieħu azzjoni sabiex tirbaħ mill-ġdid is-swieq. Użu aħjar tar-riżultati tar-riċerka u enfasi akbar fuq il-prodotti u l-kumpaniji ewlenin huma l-kundizzjonijiet għas-suċċess. |
2.4 |
Skont il-Kummissjoni stess, fil-livell dinji l-valur tal-bejgħ ta' dan is-settur waħdu kien ta' madwar EUR 230 biljun fl-2012 u l-valur tal-prodotti li jinkludu komponenti u sistemi mikro u nanoelettroniċi huwa ta' madwar EUR 1 600 biljun. Meta wieħed iqis li minn naħa, l-Unjoni ilha 10 snin tbati minn staġnar fl-appoġġ tagħha għar-riċerka, l-iżvilupp u l-investiment (R&D&I) (Komunikazzjoni punt 5.2) u li min-naħa l-oħra, fl-aħħar 15-il sena l-produzzjoni mxiet b'mod sinifikanti lejn l-Asja li għandha brevetti u ħaddiema kwalifikati (Komunikazzjoni, punt 3.3), il-Kummissjoni tipproponi li tiġi żviluppata strateġija industrijali Ewropea ġdida għall-elettronika u tirrakkomanda investimenti pubbliċi koordinati u sħubijiet pubbliċi-privati sabiex jiġu mobilizzati EUR 10 biljun f'investimenti pubbliċi u privati ġodda fit-"teknoloġiji avvanzati". |
3. Sommarju tal-Komunikazzjoni
3.1 |
Sabiex l-Ewropa tirkupra dan id-dewmien u żżomm il-pass mal-Istati Uniti u l-Asja f'termini ta' produzzjoni ta' komponenti u sistemi mikro u nanoelettroniċi, il-Kummissjoni tipproponi li:
Għaldaqstant, l-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni huma li:
|
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
In-nanoteknoloġiji jinsabu fil-prodotti elettroniċi u ottoelettroniċi kollha. Huma jirrappreżentaw l-hekk imsejħa teknoloġiji minn fuq għal isfel (top-down), li jużaw materjali strutturati b'mod aktar fin (mikro) sabiex joħolqu l-elementi tal-komponenti bħalma huma tranżisters, kondensaturi u interkonnessjonijiet elettriċi. L-aktar riċerka riċenti qed tadotta approċċ minn isfel għal fuq (bottom up), fejn jiġu armati strutturi integrati ta' entitajiet nano (minn 1 sa 100nm) bħalma huma l-molekoli, in-nanotubi, li diġà għandhom funzjoni elettrika intrinsika, li ser isaħħu l-prestazzjonijiet u jsaħħu aktar il-kapaċità tas-siliċja. Kif ġie indikat f'punt 2.2, l-oqsma fejn jintużaw il-komponenti u s-sistemi elettroniċi huma varjati ħafna, u jolqtu kważi kull dimensjoni tal-attivitajiet industrijali u kummerċjali kif ukoll kważi kull aspett tal-ħajja personali tagħna. Din il-lista m'għadhiex tista' tkun eżawrijenti. |
4.2 |
Il-Kumitat jilqa' l-enfasi li tqiegħdet fuq strateġija industrijali ġenwina fil-qasam elettroniku li taffettwa l-kapaċità ta' innovazzjoni tas-setturi kollha ta' attività, il-kompetizzjoni, u l-futur tal-kontinent, u li l-Kummissjoni għandha r-rieda li lil din l-istrateġija tagħmilha forza mexxejja komuni għall-Istati Membri kollha sabiex tinbena tmexxija Ewropea f'dan il-qasam. Fis-suq dinji tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali, il-kompetizzjoni hija ħarxa, u l-kapital qed jitlaq lejn żoni barra mill-Ewropa. Biex terġa' tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha fid-dinja, l-UE trid toffri lill-Istati Membri kundizzjonijiet adatti għall-industriji kkonċernati. |
4.3 |
Il-Komunikazzjoni tipproponi strateġija estremament Ewroċentrika msejsa fuq it-tneħħija tal-lakuni fil-katina ta' valur tal-industrija tal-elettronika Ewropea. Madankollu, il-ktajjen ta' valur fl-industrija tal-elettroniku huma globali mhux reġjonali. It-tliet atturi prinċipali huma: il-kumpaniji ewlenin, il-manifatturi b'kuntratt, u l-mexxejja tal-pjattaformi. Barra minn hekk, ħafna entitajiet oħra jaqdu rwoli importanti fl-industrija usa', inklużi l-bejjiegħa tas-softwer, il-manifatturi tat-tagħmir ta' produzzjoni, id-distributuri, u l-produtturi ta' komponenti u sottosistemi iktar ġeneriċi. Il-valur miksub mill-kumpaniji l-iżjed b'saħħithom fil-ktajjen ta' valur globali — kumpaniji ewlenin b'marki globali u fornituri ta' komponenti b'pożizzjonijiet qawwija ta' "mexxejja tal-pjattaforma" — jista' jkun għoli ħafna. Il-Komunikazzjoni mhijiex preċiża dwar fejn fil-katina ta' valur globali l-Kummissjoni qed tippjana li timmira l-isforzi tagħha u jekk l-ambizzjonijiet tagħha jestendux lil hinn minn komponenti ġeneriċi u sottosistemi. |
4.4 |
Sabiex jiġi attratt l-investiment sinifikanti meħtieġ lejn dan is-settur, il-Kummissjoni tixtieq tippromovi l-kooperazzjoni u l-influwenza reċiproka, u tistenna li riċerkaturi u mexxejja mill-industrija elettronika (Membri tal-bordijiet AENEAS & CATRENE, "Nanoelectronics beyond 2020") jgħinuha tfassal, sal-aħħar tal-2013, il-pjan direzzjonali li ser jiggwida din l-istrateġija. |
4.5 |
Il-KESE jilqa' din ir-rieda qawwija biex nimxu 'l quddiem, huwa tal-fehma li l-istrateġija trid tiġi approvata b'mod wiesa'. Dan il-qasam ikun jistħoqqlu, iktar minn strateġija industrijali Ewropea, politika industrijali komuni ġenwina, li toffri lir-riċerkaturi viżjoni politika globali fuq medda qasira u twila taż-żmien. Dan huwa qasam vitali għas-sopravivenza tal-Ewropa. L-għan huwa li jittieħed benefiċċju minn effett ta' massa sabiex ir-riċerka tiġi trasformata fi prodotti li mbagħad jistgħu jiġu kummerċjalizzati. Għaldaqstant huwa indispensabbli li jiġu stabbiliti fuq naħa tbassir industrijali ta' mill-inqas ħames snin, kif jagħmlu kumpaniji li qed nikkompetu magħhom minn pajjiżi terzi, u min-naħa l-oħra rabtiet mas-soċjetà ċivili. L-eċċellenzi jeżistu biss f'ċerti oqsma speċifiċi u, bejn il-kunċett inizjali u l-bejgħ tal-prodott finali, l-SMEs speċjalizzati għandhom nuqqas ta' mezzi, kompetenzi u viżibbiltà. L-UE għandha bżonn strateġiji, prodotti u mexxejja. Dan l-element ma jiġix ikkunsidrat biżżejjed fil-Komunikazzjoni. |
4.6 |
Fl-ewwel erba' kategoriji ta' prodotti msemmijin fil-punt 2.2, hemm biss mexxej dinji wieħed mill-Ewropa. Hemm preżenza Ewropea aktar qawwija fis-setturi l-oħra, iżda l-Ewropa m'għandha l-pożizzjoni dominanti fl-ebda settur. Il-KESE jiddispjaċih li l-istrateġija tal-Kummissjoni mhijiex aktar espliċita rigward dawn l-ostakli għad-dħul fil-katina ta' valur globali. L-ewwel pass essenzjali jkun li nerġgħu nġibu lura l-produzzjoni kkuntrattata. |
4.7 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni tqis bħala urġenti li jiġu intensifikati u fuq kollox ikkoordinati l-isforzi kollha li jsiru f'dan il-qasam mis-setgħat pubbliċi sabiex dawn it-teknoloġiji jibqgħu proprjetà tal-UE anki meta dawn jinbiegħu fil-bqija ta-dinja. |
4.8 |
Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jiġu promossi s-sinerġiji fil-livell transkonfinali u daqstant importanti li jiġu stimulati l-enerġiji tal-Istati Membri bħala bażi għal din l-interazzjoni sinerġetika. L-Ewropa tista' tkun aktar mis-somma tal-partijiet tagħha. L-Istati Membri stess għandhom l-assi intellettwali biex jagħmlu impatt globali. Il-kwistjoni hija waħda ta' viżjoni, enerġija u ambizzjoni fil-konfini daqs kemm hija waħda ta' sinerġija transkonfinali. |
4.9 |
Il-koordinazzjoni għandha tkun strutturata ħafna sabiex il-frammentazzjoni li diġà teżisti bejn l-Istati Membri ma tiżdiedx mil-livell reġjonali jew dak universitarju (clusters ta' intelliġenza). Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-istrateġija tkun adatta għall-karatteristiċi intrinsiċi għas-settur tal-mikro u n-nanoteknoloġiji. |
4.10 |
Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' bilanċ bejn l-strateġija bbażata fuq id-domanda tas-suq u politika industrijali komuni. Is-suq ma jistax ikun l-unika referenza (Komunikazzjoni punt 5.3(2), Anness, punt 4). Madankollu, l-UE m'għandhiex tinsa l-iskoperta ibbażata fuq is-suq. |
4.11 |
Industrija Ewropea aktar b'saħħitha u strateġija ġdida fil-qasam tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi, minkejja li huma mixtieqa, ma jistgħux ma jikkonformawx mal-Artikoli 3 tat-TUE u l-Artikoli 9 u 11 tat-TFUE. Minkejja l-kumplessità ta' dawn il-fatturi kollha, tajjeb li jissemmew il-biżgħat mill-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-iżvilupp tan-nanoteknoloġiji infushom , u tal-iżvilupp permezz tan-nanoteknoloġiji. |
4.11.1 |
Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tiġi analizzata u kwantifikata d-data relatata mal-għadd ta' impjiegi fis-settur, it-taħriġ, il-kwalifiki u l-kompetenzi mitluba. Attwalment, l-impjiegi qed jinħolqu, iżda hemm nuqqas ta' kompetenzi. Dan in-nuqqas ta' qbil għandu jiġi indirizzat. Jinħtieġu investimenti fit-tul li jistgħu jiġu kalkolati. L-għan aħħari hu li kulħadd jikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fid-dinja tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi. Il-KESE jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ħalliet barra dawn l-aspetti mill-Komunikazzjoni tagħha, meta tqis li dawn kienu ġew meqjusa sew fit-test preċedenti tagħha tal-2012 (COM(2012) 582 final) u li ma semmietx l-ammonti involuti. |
4.11.2 |
L-apparat elettroniku jinsab fost il-prodotti li fihom nanopartiċelli li ser jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi. Fil-fatt, dawn jinsabu fil-komponenti molekolari tal-elettronika ibbrida, is-semikondutturi, in-nanotubi, in-nanofili kif ukoll l-elettronika molekolari avvanzata. In-nanoelettronika b'vultaġġ baxxa u b'vultaġġ estremament baxx huma oqsma importanti ta' riċerka u żvilupp b'tendenza li jiżviluppaw ċirkwiti ġodda li jaħdmu viċin il-limitu teoriku ta' konsum enerġetiku kull bit. L-impatt tal-użu, tad-degradazzjoni fi tmiem il-ħajja tan-nanomaterjali li jinsabu fl-apparati elettroniċi attwali, li qed jiġu maħluqa jew dawk futuri, irid jitqies mill-UE fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, għall-preżervazzjoni tal-ambjent u tal-esseri ħajjin, anke jekk id-definizzjoni tan-nanomaterjali stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea ma twassalx biex is-saħħa ssir sfida fir-rigward tal-mikro u n-nanoelettronika. Irid japplika l-prinċipju tal-prekawzjoni. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 Strateġija industrijali ġenwina
5.1.1 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-istrateġija tal-Kummissjoni hija adegwata sabiex jitnaqqsu d-differenzi tal-katina ta' valur fil-produzzjoni u biex it-tendenza tinbidel u jerġgħu jinġabu lura fl-Ewropa l-partijiet neqsin fil-katina ta' valur tat-teknoloġiji mikro u tan-nanoelettronika. Għaldaqstant huwa jistaqsi dwar ir-raġunijiet wara l-10 snin ta' staġnar (rikonoxxuti espliċitament fil-punt 5.2 tal-Komunikazzjoni) fil-baġits tal-R&D&I Ewropej minkejja li huma meqjusa ta' klassi dinjija, li xekklu lill-Unjoni milli tokkupa l-post tagħha fis-swieq dinjija fil-mument kruċjali meta bdiet tqum iċ-Ċina. L-analiżi ta' dawn ir-raġunijiet, kif ukoll id-dinamiċi tal-katina ta' valuri globali diskussa fis-sezzjoni 4 ta' din l-opinjoni, tippermetti li ma jitwettqux żbalji fil-futur u jista' jagħti l-każ li għal dan wieħed jista' jispira ruħu mill-istrateġiji tar-reġjuni l-oħra tad-dinja, sabiex jinstabu l-mezzi utli għar-ritorn ta' ċerti produzzjonijiet lejn l-Ewropa. |
5.1.2 |
Il-KESE jemmen li l-kompetittività bbażata fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xogħol farrket setturi sħaħ (tessuti, żraben, tajers, metallurġija, eċċ.). Il-manifattura b'kuntratti kellha effett ekwivalenti fl-elettronika. L-istrateġija elettronika għandha tqis dan u tippermetti li jiġu definiti forom ġodda ta' kompetittività, fuq il-bażi ta' kompetenzi, eċċellenza u l-ħolqien ta' aktar raggruppamenti, it-tixrid tal-għarfien lejn aktar kumpaniji, flessibbiltà interna, eċċ. |
5.1.3 |
Il-Kumitat jemmen li, lil hinn mill-appoġġ finanzjarju, protezzjoni koordinata tal-UE tista' tappoġġja lill-SMEs u lill-marki li jipproduċu. Il-ħruġ ta' brevetti, il-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, il-ġlieda kontra l-kriminalità tal-informatika u s-serq ta' brevetti għandhom jidħlu fl-istrateġiji inkwistjoni. Il-kummerċ ħieles multilaterali jiftaħ il-fruntieri kollha, barra mir-regolazzjoni kkoordinata li tista' tipprovdi d-WTO. Il-KESE huwa tal-fehma li l-istrateġija ppreżentata fil-Komunikazzjoni inkwistjoni għandha titqies f'kull ftehim ta' kummerċ ħieles li qed jiġi negozjat attwalment (il-Ġappun, l-Istati Uniti). Il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, bil-kontra tax-xewqat tal-missirijiet fundaturi tal-Unjoni Ewropea, jiftħu s-swieq għal imsieħba li mhux neċessarjament għandhom l-istess regoli. |
5.2 Il-finanzjament
5.2.1 |
Il-preżenza fit-tellieqa għas-swieq teħtieġ investimenti li l-Istati Membri, maqbudin fil-kriżi u t-tnaqqis baġitarju mitlub mill-UE, ma jistgħux jipprovdu. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-settur privat jimpenja ruħu. Iżda l-kriżi żiedet id-diffikultà tal-aċċess għall-kreditu għall-SMEs, b'mod partikolari l-SMEs innovattivi, tant li qed jiġu maħnuqa mill-banek tagħhom. |
5.2.2 |
Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni tenfasizza wkoll il-finanzjament tagħhom sabiex il-qagħda tagħhom ma tibqax daqshekk gravi. |
5.2.3 |
Il-kapaċità tal-kontributuri pubbliċi li jieħdu azzjoni hija limitata, minħabba d-defiċit u d-dejn pubbliku tagħhom, inklużi s-sistemi soċjali. Il-mezzi ta' kontroll li ser ikunu disponibbli għalihom sabiex jiġi verifikat l-impenn tal-impriżi biex iżommu u jwessgħu l-attivitajiet tagħhom tad-disinn u l-manifattura fl-Ewropa (punt 7.1 tal-Komunikazzjoni, l-aħħar paragrafu) ma jidhrux żviluppati biżżejjed. Il-KESE jqis li s-sistema tal-għajnuna mill-Istat u s-sussidji tista' ssir aktar flessibbli sabiex:
|
5.2.3.1 |
Il-KESE jitlob li tiġi ċċarata r-relazzjoni mal-Fondi Strutturali u l-BEI, b'mod partikolari għall-pajjiżi tal-UE li qegħdin ħażin, minħabba fil-kriżi finanzjarja severa, fejn il-kontrazzjoni massiva fl-infiq pubbliku, flimkien mal-iffriżar tal-investiment privat, wasslu biex kwalunkwe għajnuna tkun illużorja, u fejn il-Fondi Strutturali diġà waqfu milli jkunu r-rimedju mirakoluż. Il-KESE jissuġġerixxi li l-UE torganizza għar-riċerkaturi kkonċernati f'dawn il-pajjiżi l-possibbiltà li jiġu assoċjati mal-aqwa ċentri Ewropej tar-riċerka. |
5.2.3.2 |
Fir-rigward tal-fondi privati, il-KESE huwa tal-fehma li dawn jistgħu jikkontribwixxu iżda huwa riskjuż li wieħed jibbaża strateġiji fit-tul fuq din l-ipoteżi. |
5.3 Il-koordinazzjoni
5.3.1 |
Il-KESE japprova r-rwol li beħsiebu jkollha l-UE bħala koordinatur tal-forzi varji, u jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tuża l-Artikolu 187 tat-Trattat u twaqqaf impriża konġunta (l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta l-ġdida). Fil-fatt, is-suq waħdu m'għandu l-ebda "rwol", peress li m'għandu l-ebda rieda politika biex jagħti spinta 'l quddiem lil-linji gwida. |
5.3.2 |
Il-livell tal-UE huwa l-livell adegwat għall-organizzazzjoni ta' approċċ trasversali, fejn tiġi evitata d-duplikazzjoni fir-riċerka, jiġu mobilizzati l-ktajjeb ta' valur u jiġu kummerċjalizzati r-riżultati ta' dawn fl-aqwa kundizzjonijiet. Il-KESE jfakkar li jeħtieġ li jitqiesu l-livelli ta' żvilupp tar-riċerka li huma differenti fl-Istati Membri, sabiex mhux biss jiġu valorizzati r-raggruppamenti ta' eċċellenza iżda biex il-fondi l-ġodda jsiru aċċessibbli għal kulħadd. Meta l-istess mudell ta' negozju ma jkunx jista' jiġi applikat kullimkien, l-istart-ups iż-żgħar għandhom jiġu mgħejuna wkoll. |
5.3.3 |
Irid jitqies il-fatt li l-għan li tiġi żgurata integrazzjoni vertikali tas-sistemi tat-informatika (il-programm l-antik ARTEMIS) u n-nanoelettronika (dak li qabel kien ENIAC JTI) permezz tat-twaqqif ta' kooperazzjoni transnazzjonali orizzontali bejn l-impriżi u l-universitajiet, hu ambizzjuż. Il-KESE jilqa' kjarifika dwar l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni u r-raggruppamenti ta' eċċellenza peress li l-griġjol ta' skoperti ġodda jirrikjedi approċċ aktar u aktar multidixxiplinarju għall-fehim tan-nanoproprjetajiet, kif ukoll kjarifika dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni li għandha tixxandar u dik tal-brevetti mibgħuta. |
5.4 Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi
5.4.1 Dawn huma neqsin fil-Komunikazzjoni. Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li żżid l-effiċjenza, iżda xejn ma jista' jinkiseb, speċjalment f'dan il-qasam, jekk m'aħniex ser inqisu l-kapital uman (Artikoli 3(3) TUE, Artikoli 9 u 11 TFUE).
5.4.1.1 L-impjieg
— |
Skont il-Kummissjoni, 200 000 persuna huma impjegati direttament mill-impriżi tal-mikro u tan-nanoelettronika, u miljun oħra indirettament. Id-domanda għall-kompetenzi dejjem qed tiżdied. |
— |
Fl-aħħar tal-katina ta' valur, l-impriżi jridu jaslu li jittrasformaw l-investimenti tagħhom fi prestazzjoni (f'termini ta' kwalità, finanzi, kummerċ). L-UE qiegħda fuq quddiem fir-riċerka dinjija, u jeħtieġ li jirnexxilha tikkonverti dan f'impjiegi. |
— |
Wasal iż-żmien li l-UE testendi l-livelli għoljin ta' għarfien espert miksub f'oqsma speċifiċi, billi tiżviluppa l-informazzjoni, it-taħriġ, il-kwalifiki, eċċ. |
— |
Il-Kumitat jixtieq li l-finanzjament tal-proġetti ma jkunx ta' detriment għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, u jfakkar li forza tax-xogħol imħarrġa sew, kwalifikata u mħallsa kif xieraq hija kejl ta' kwalità tal-prodott aħħari. |
5.4.1.2 It-taħriġ
— |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tfakkar il-messaġġ tal-Komunikazzjoni tagħha COM(2012) 582 final (kapitolu III-D). Il-kapital uman u l-kompetenzi, kif ukoll l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet huma iktar minn qatt qabel indispensabbli għas-suċċess ta' kwalunkwe azzjoni meħuda fil-qasam tal-komponenti tal-mikro u nanoelettronika, li min-natura tagħhom jevolvu kontinwament. Il-Kummissjoni diġà introduċiet klassifikazzjoni għall-ipparagunar tal-ħiliet li għandha tibbenefika lill-mobbiltà intra-Ewropea. |
— |
Il-qagħda tal-Istati Membri fir-rigward tat-taxxi, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-kapital, u l-ispiża tax-xogħol hija differenti għal kull wieħed minnhom minħabba li m'hemmx armonizzazzjoni. Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni meta din tagħmel enfasi fuq il-kompetenzi. Huwa jitlob li tiġi implimentata kwalunkwe miżura sabiex fl-Unjoni tiġi faċilitata l-konverġenza tat-taħriġ, il-kwalifiki, il-kapaċitajiet, id-diplomi, li huma meħtieġa biex ikopru l-katina ta' valur tal-industrija Ewropea tal-mikro u nanoteknoloġiji. |
5.4.1.3 Is-saħħa
5.4.1.3.1 |
L-OECD tiddefinixxi n-nanoteknoloġiji bħala t-teknoloġiji li jawtorizzaw il-manipulazzjoni, l-istudju jew l-isfruttar ta' strutturi u sistemi żgħar ħafna (2009). Dawn il-materjali, naturali jew manifatturati, huma indispensabbli għan-nanoteknoloġiji u huma manipulati u użati mill-bnedmin, kemm bħala ċittadini kif ukoll bħala ħaddiema. |
5.4.1.3.2 |
Il-KESE huwa tal-fehma li f'Komunikazzjoni maħsuba sabiex tqiegħed lill-UE fil-livell dinji f'dan il-qasam, għandha tiġi inkluża kawtela fejn hu xieraq li jissemmew ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem, jitfakkar il-prinċipju tal-prekawzjoni, sabiex ikun żgurat li kulħadd igawdi mill-benefiċċji u li r-riskji jkunu l-inqas possibbli sabiex ma nerġgħux nirriproduċu l-mudell tal-asbestos. Xi komponenti attwali u futuri tas-sistemi nanoelettroniċi ma jiqfux mal-barrieri tal-pulmun, id-demm tal-moħħ u l-plaċenta. Għandhom firxa ta' interazzjoni konsiderevoli. |
5.4.1.3.3 |
Min-naħa l-oħra, is-settur tas-saħħa juża sistemi nanoelettroniċi u jikkontribwixxi b'hekk għall-iżvilupp tar-riċerka: tajjeb li niftakru li attwalment dan is-settur jista' jagħmel dan bis-saħħa tas-sistemi soċjali li jirrappreżentaw suq għar-riċerka, sakemm il-kriżi, il-qgħad u d-defiċits jippermettu li jsir dan. |
5.4.1.4 L-iżvilupp sostenibbli
5.4.1.4.1 |
Il-KESE jfakkar fl-Istrateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv mixtieqa mill-Kummissjoni (UE 2020; COM(2010) 2020 final), u jemmen li l-istrateġija Ewropea fil-qasam tal-komponenti u s-sistemi mikro u nanoelettroniċi hija fil-qofol ta' dan is-suġġett. |
5.4.1.4.2 |
Din għandha mill-bidu nett tirrikonoxxi li l-industrija li nixtiequ niżviluppaw diġà qed tipproduċi skart partikolari u ser tkompli tipproduċi iktar, u li mill-fażi ta' riċerka 'l quddiem, jeħtieġ li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-mikro u nanomaterjali jiġi ġestjonat u finanzjat, speċjalment dawk il-materjali li huma manifatturati, kif ukoll is-sistemi li jużawhom (ara l-approċċ minn isfel għal fuq), b'mod speċjali peress li għadhom ma ġewx identifikati r-riskji kollha. Forsi ta' min jikkunsidra li d-Direttiva dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija (3) tiġi supplementata. |
5.4.1.4.3 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-istrateġija industrijali proposta tista' tiġi kategorizzata bħala politika tax-xogħlijiet pubbliċi, u li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tal-iżvilupp sostenibbli. |
5.4.1.5 Il-governanza
Għadd ta' Stati Membri kienu organizzaw dibattiti pubbliċi dwar din ir-rivoluzzjoni industrijali. Fl-aħħar tal-katina ta' valur, l-isfida hi li tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini-konsumaturi sabiex dawn jixtru prodotti Ewropej.
Għaldaqstant, il-KESE jitlob biex il-partijiet interessati jkunu involuti u biex jiġu diskussi l-kwistjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju u d-definizzjoni tal-innovazzjoni responsabbli. Li jitqiesu l-interess kollettiv u r-responsabbiltajiet tal-atturi, kif ukoll li jiġu identifikati l-kwistjonijiet u l-kunflitti ta' interess, għandu jgħin sabiex jinstabu soluzzjonijiet li huma soċjalment aċċettabbli għaċ-ċittadini li huma konxji mill-investimenti li qed jitfittxu u l-importanza strateġika tas-settur.
Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 44, 15.2.2013, p. 88; ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.
(2) COM (2011) 808 final, “Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020”.
(3) COM(2011) 169 final.