12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli”

COM(2013) 106 final — 2013/0063 (COD)

2013/C 327/15

Relatur: is-Sur MACIULEVIČIUS

Nhar it-12 ta' Marzu 2013 u l-15 ta' Marzu 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 43(2) u 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli

COM(2013) 106 final – 2013/0063 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'149 vot favur, b'9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' din il-proposta biex isir allinjament mat-Trattat ta' Lisbona, kif għamel fl-Opinjoni tal-KESE 357/2011 (1) u kompla jagħmel b'mod konsistenti fl-opinjonijiet sussegwenti.

1.2

Il-KESE jappella biex ir-regoli tal-kummerċ kollha jiġu mmodernizzati, isiru iktar trasparenti b'mod ġenerali, bl-involviment tal-partijiet interessati kollha, u fl-istess ħin, ikunu konsistenti mal-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni sabiex jiġu promossi l-valuri tal-UE madwar id-dinja.

1.3

Il-KESE japella biex jiġu pprovduti għodod ta' protezzjoni effettiva kontra l-abbuż potenzjali f'każijiet fejn Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles iservu bħala aċċess għas-suq tal-UE għal prodotti tal-ikel bi standards iktar baxxi li huma irħas u iktar faċli li jiġu prodotti.

1.4

Il-KESE jirrakommanda b'qawwa li kwalukwe skema ta' kummerċ futura għandha tilqa' kontra d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-UE li tirriżulta minn standards ambjentali, soċjali, tas-sigurtà tal-ikel u tal-benessri tal-annimali iktar baxxi applikati minn pajjiżi terzi. Dan jista' jiġi żgurat permezz ta' komponenti kompensatorji u addizzjonali fid-dazji ta' importanzzjoni.

1.5

Il-KESE jappella għar-reviżjoni tas-sistema li tattribwixxi l-liċenzji tal-importazzjoni, iċ-ċertifikati ta' rifużjoni u ċ-ċertifikati ta' pproċessar attiv, u speċjalment għall-allokazzjoni tal-kwoti, sabiex jibqa' spazju biżżejjed għall-produtturi żgħar u ta' daqs medju.

1.6

Il-Kumitat jappella għall-introduzzjoni ta' għodod ta' akkwist elettroniku integrati fi ħdan is-sistema tad-dwana għall-ġestjoni tal-liċenzji, il-kwoti u ċ-ċertifikati. Tali sistema għandha tkun kapaċi tissorvelja f'ħin reali s-sitwazzjoni eżatta tas-suq u tirreaġixxi minnufih jekk il-volumi indikattivi jew il-prezzijet indikattivi jintlaħqu.

1.7

Il-Kumitat jappella biex is-sistema ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni tinżamm dejjem pronta, billi bħalissa ma nistgħux inbassru meta se jerġa' jkun hemm bżonn dan il-mekkaniżmu ta' sikurezza.

1.8

Il-Kumitat japella lill-Kummissjoni biex tirrafforza r-rwol tal-Grupp Konsultattiv dwar l-Aspetti Internazzjonali tal-Agrikoltura sabiex jirċievi kummenti diretti mill-bdiewa, il-proċessuri, il-konsumaturi, in-negozji eċċ (2).

2.   Il-kuntest

2.1

L-għan tar-Regolament propost huwa li jallinja l-arranġementi kummerċjali attwali għall-prodotti agrikoli proċessati/prodotti li mhumiex inklużi fl-Anness I, li bħalissa huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009, u s-sistema komuni tal-kummerċ tal-ovalbumin u l-lactalbumin li hija attwalment stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 614/2009 mat-Trattat ta' Lisbona u jgħaqqadhom għal finijiet ta’ razzjonalizzazzjoni, ta’ armonizzazzjoni u ta’ simplifikazzjoni, sabiex:

jiġu identifikati s-setghat iddelegati u implimentattivi tal-Kummissjoni u tiġi stabbilita l-proċedura li tkun tikkorrispondi għall-adozzjoni ta' dawn l-atti,

jiġu allinjati mar-Regolament il-ġdid dwar l-OKS unika [COM(2011) 626 final] fil-kuntest tal-addattament tal-OKS għat-Trattat ta' Lisbona u għall-PAK wara l-2013, li attwalment qed isiru diskussjonijiet twal u eżawrenti dwarha fil-livelli tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew,

jiġu aġġornati dawn ir-regolamenti u tingħata bażi legali aktar ċara u soda għar-regoli implimentattivi,

jinħoloq qafas legali sod għall-ġestjoni tad-dazji mnaqqsa fuq l-importazzjoni u l-kwoti għall-importazzjoni mnaqqsa kif previst mill-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles (FTAs) u għall-ġestjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, u biex ir-Regolament attwali jiġi adatt skont il-prattiċi attwali fl-FTAs u r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni,

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għas-simplifikazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kummerċ ta' prodotti agrikoli proċessati, u partikolarment il-fatt li ż-żewġ regolamenti (dwar l-arranġamenti ta' kummerċ dwar il-prodotti agrikoli proċessati u l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli) se jiġu allinjati mat-Trattat ta' Lisbona b'mod parallel, peress li t-tnejn li huma fihom dispożizzjonijiet simili dwar l-arranġamenti ta' importazzjoni u esportazzjoni għall-prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati (bħal, ngħidu aħna: dazji fuq l-importazzjoni mnaqqsa, dazji fuq l-importazzjoni addizzjonali, kwoti tal-importazzjoni, rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, liċenzji tal-esportazzjoni u ċertifikati ta’ rifużjoni).

3.2

Fl-istess ħin, il-Kumitat jaħseb li din is-simplifikazzjoni, razzjonalizzazzjoni u armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni se tkun opportunità biex ir-regoli tal-kummerċ jiġu mmodernizzzati u jsiru, b'mod ġenerali, trasparenti bl-involviment tal-partijiet interessati kollha rilevanti biex jiġu promossi l-valuri tal-UE madwar id-dinja kollha.

3.3

Il-KESE japprezza li r-Regolament propost jirrapreżenta "l-Lisbonizzazzjoni" tad-dispożizzjonijiet attwali b'ebda bidla sostanzjali, imma fl-istess ħin jappella għal reviżjoni profonda tal-politiki tal-kummerċ, sabiex isiru konsistenti mal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni kif stabbilit fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.4

F'numru ta' okkażjonijiet, il-KESE wera l-appoġġ tiegħu għal ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles u arranġamenti kummerċjali preferenzjali u enfasizza l-importanza tan-negozjati tad-WTO. Madankollu, il-KESE jisħaq li l-UE, minħabba li hi l-importatur ewlieni tal-prodotti tal-ikel mad-dinja kollha, taqdi rwol fundamentali rigward il-promozzjoni tal-ogħla standards tagħha stess tas-sikurezza u l-kwalità tal-ikel, tal-benesseri tal-annimali, tal-protezzjoni ambjentali u tal-valuri soċjali.

3.5

Il-KESE jinnota li d-dazji fuq l-importazzjoni, u speċjalment is-sehem agrikolu tagħhom, għandhom jiġu miżjuda b'komponenti addizzjonali rigward l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, il-benesseri tal-annimali u komponenti soċjali, li jistgħu jintużaw bħala għodda biex il-valuri tal-UE dwar il-produzzjoni tal-ikel jitferrxu f'pajjiżi terzi. Dawn il-komponenti għandhom jitnaqqsu biss jekk il-produttur tal-esportazzjonijiet lejn l-UE ikun jirrispetta dawn il-valuri. Fuq perjodu ta' żmien twil, dan il-mod ta' kif jiġu kondiviżi l-valuri soċjetali tagħna se jtejjeb ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-sistema globali tal-produzzjoni tal-ikel.

3.6

Għandhom jingħataw għodod ta' protezzjoni li jilqgħu kontra l-abbuż f'każi fejn l-FTAs iservu ta' punt minn fejn jitqiegħdu fuq is-suq tal-UE prodotti tal-ikel irħas li ġejjin minn produzzjoni faċli bi standards aktar baxxi.

3.7

Aħna nappellaw lill-Kummissjoni biex tirrevedi s-sistema tagħha għat-tqassim tal-liċenzji tal-importazzjoni, ċ-ċertifikati ta' rifużjoni u ċ-ċertifikati ta' pproċessar attiv u speċjalment għall-allokazzjoni tal-kwoti, sabiex ikun hemm biżżejjed opportunitajiet għal produtturi żgħar u ta' daqs medju u jiġi evitat li numru żgħir ta' operaturi jiddominaw is-suq.

3.8

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tintroduċi għodod għall-akkwist elettroniku integrati fis-sistema doganali għall-ġestjoni tal-liċenzji, il-kwoti u ċ-ċertifikati li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u r-riskji marbuta mal-immaniġġjar fiżiku tad-dokumenti mill-operaturi.

3.9

Tali sistema għandha tkun kapaċi tissorvelja f'ħin reali s-sitwazzjoni eżatta tas-suq u tirreaġixxi minnufih jekk il-volumi indikattivi jew il-prezzijet indikattivi jintlaħqu.

3.10

Il-Kumitat iqis li r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, minkejja li attwalment ma jintużawx, għandhom funzjoni importanti ħafna bħala mekkaniżmu ta' sikurezza, f'każ ta' żbilanċi fis-suq. Fl-istess ħin, meta niftakru li attwalment ma nistgħux inbassru meta se jkun meħtieġ mill-ġdid mekkaniżmu ta' sikurezza, ikun importanti ferm li s-sistema tinżamm dejjem pronta għal xi eventwalità.

3.11

Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tirrafforza r-rwol tal-Grupp Konsultattiv dwar l-Aspetti Internazzjonali tal-Agrikoltura sabiex jirċievi kummenti diretti mill-bdiewa, il-proċessuri, il-konsumaturi, in-negozji eċċ, u għalhekk jipprovdi forum prezzjuż għall-konsultazzjoni u l-informazzjoni (3).

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 33-36.

(2)  ĠU C 304, 10.11.1993, p. 8-10.

(3)  ĠU C 304,10.11.1993, p. 8-10.