6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi”

COM(2012) 727 final

2013/C 161/13

Relatur ġenerali: is-Sur TRANTINA

Korelatur ġenerali: is-Sur DE BUCK

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew,lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi

COM(2012) 727 final.

Nhar it-13 ta’ Novembru 2012 il-Bureau tal-Kumitat ħatar lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tiegħu dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-488 sessjoni plenarja tiegħu tal-20 u l-21 ta’ Marzu 2013 (seduta tal-21 ta’ Marzu 2013) li jaħtar lis-Sur Trantina bħala relatur ġenerali u lis-Sur de Buck bħala korelatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’174 vot favur, 4 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jtenni d-denunzja tiegħu dwar ir-rata ta’ qgħad katastrofika fost iż-żgħażagħ u jitlob miżuri urġenti, effettivi u definittivi mill-partijiet interessati kollha sabiex jitkisser iċ-ċirku vizzjuż, li qed ipoġġi f’riskju l-futur ta’ ġenerazzjoni sħiħa. Wasal iż-żmien ta’ investiment sew fiż-żgħażagħ billi dak li jinżera’ llum jinħasad fil-ġejjieni.

1.2

Fl-istess ħin il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa strateġija ta’ tkabbir reali fil-livell nazzjonali u fl-UE biex tappoġġja l-ħolqien ta’ iktar impjiegi u impjiegi iktar stabbli, billi dawn huma kundizzjoni minn qabel għas-suċċess ta’ miżuri biex iż-żgħażagħ jersqu lejn l-impjiegi. Dan għandu bżonn approċċ ikkordinat għall-isforzi u l-politiki kollha li għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività u jġibu lura l-fiduċja tal-investituri u tal-familji. Is-Semestru Ewropew jipprovdi opportunità biex jirrakommanda riformi u politiki xierqa li għandhom jiġu implimentati f’kull Stat Membru.

1.3

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta dwar il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ u jirrakkomanda li attenzjoni speċjali tingħata lill-applikazzjoni tagħha fil-livell tal-Istati Membri, billi l-miżuri li jiġġieldu kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ isiru parti importanti mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

1.4

Il-KESE jappoġġja l-idea li jiġu stabbiliti garanziji għaż-żgħażagħ fl-Istati Membri permezz ta’ Fond ta’ Inizjattiva dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ speċifiku, fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u japprezza l-ħolqien tiegħu waqt li jinnota li għandu jiġi kkumplimentat fuq livell nazzjonali. Madanakollu, il-KESE ma jikkunsidrax li huwa biżżejjed li dan il-fond ikun iffinanzjat b’EUR 6 biljun biss, li parti minnhom se jiġu mill-fondi eżistenti fil-Fond Soċjali Ewropew. Barra minn dan, fid-dawl tal-fatt li dan ser jappoġġja biss dawk ir-reġjuni fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa ’l fuq minn 25 %, il-KESE jenfasizza li r-reġjunijiet l-oħra għandu jkollhom aċċess għal appoġġ finanzjarju skont il-proċeduri standard tal-FSE. Madanakollu, hija meħtieġa azzjoni immedjata, li tiffinanzja l-miżuri proposti b’fondi ġodda, mingħajr ma toħloq kompetizzjoni fost iż-żgħażagħ u kategoriji oħra svantaġġati fil-qafas tal-FSE.

1.5

Il-KESE jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni fejn il-Garanzija għaż-Żgħażagħ trid tingħata permezz ta’ skema komprensiva u ħolistika li tiżgura li ż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, ikomplu bl-edukazzjoni, jieħdu apprendistat jew jagħmlu esperjenza ta’ taħriġ fi żmien erba’ xhur wara li jieqfu mill-iskola jew li jiġu qiegħda. Il-KESE jifhem li hemm differenzi bejn l-Istati Membri u jagħraf l-importanza li huma stess ikollhom is-setgħa li jistabbilixxu l-limitu tal-età skont il-ħtiġijiet u l-possibbiltajiet tagħhom. Minkejja dan, jirrakkomanda li meta possibbli, l-età massima għall-aċċess għall-iskema għandha tiżdied għal 30 sena, biex jiġu inklużi ż-żgħażagħ li jitilqu mill-università ta’ età akbar jew dawk li għadhom f’fażi ta’ transizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u li għadhom fir-riskju li jitilfu l-kuntatt mas-suq tax-xogħol, speċjalment fil-pajjiżi li għandhom l-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ.

1.6

Il-KESE jilqa’ wkoll il-ftehim politiku tal-Kunsill EPSCO li ntlaħaq fit-28 ta’ Frar 2013 dwar il-proposta ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ. Madanakollu, il-KESE jemmen li intervent wara erba’ xhur huwa tard wisq. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jkollha effett kemm jista’ jkun malajr, idealment meta jirreġistraw f’ċentru għall-impjiegi (1).

1.7

Il-KESE jikkunsidra fundamentali d-definizzjoni aħjar u b’mod iktar ċar fil-livell nazzjonali u tal-UE, tal-istrumenti, ir-responsabbiltajiet, il-miri u l-indikaturi għall-monitoraġġ, għal implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagh tiġi inkluża fost l-indikaturi fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

1.8

Ibbażat fuq l-eżempju ta’ xi wħud mill-Istati Membri li rnexxew, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-pjattaformi rappreżentattivi tagħhom għandu jkollhom rwol ewlieni fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-iskema.

1.9

Riformi fis-Servizzi Ewropej tal-Impjiegi (EURES), u, fejn meħtieġ, tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi fl-Istati Membri għandhom jappoġġjaw liż-żgħażagħ b’mod attiv u jadattaw is-servizzi u l-approċċi tagħhom sabiex jrenduhom aktar aċċessibbli. Servizzi personalizzati ta’ parir u gwida dwar il-karriera għandhom jiġu stabbiliti diġà fl-iskejjel.

1.10

Il-kundizzjonijiet għall-offerti tal-esperjenzi tat-taħriġ u tal-apprendistati għandhom jitjiebu. Il-kwalità għolja tal-esperjenzi tat-taħriġ u tal-apprendistati għandha tkun żgurata permezz ta’ kriterji speċifiċi li għandhom ikunu obbligatorji meta jintalab l-appoġġ finanzjarju. Biex ikomplu ma’ dan, għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi biex jimmonitorjaw u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-persuni li qed jitħarrġu.

2.   Sinteżi tal-inizjattivi tal-Kummissjoni

2.1

Ir-rata globali tal-impjieg fost iż-żgħażagħ naqset bi kważi 5 % f’dawn l-aħħar erba’ snin – tliet darbiet inqas minn dik tal-adulti. Il-possibbiltà li persuna żagħżugħa li mhix impjegata ssib impjieg hija baxxa: 29,7 % biss minn dawk bejn il-15 u l-24 sena li kienu mingħajr impjieg fl-2010 sabu xogħol fl-2011, tnaqqis ta’ kważi 10 % fi tliet snin. Aktar minn 30 % ta’ persuni qiegħda taħt il-25 sena ilhom mingħajr impjieg għal aktar minn 12-il xahar – 1,6 miljun fl-2011 meta mqabbla ma’ 0,9 miljun fl-2008. Skont il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), 14-il miljun persuna żagħżugħa fl-UE bejn il-15 u d-29 sena (7,5 miljun persuna żagħżugħa bejn il-15 u l-24 sena) huma NEETS (2) L-ispiża ekonomika kkaġunata min-nuqqas tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol gie stmat għal aktar minn EUR 150 biljun fis-sena, jew 1,2 % tal-PDG tal-UE. Il-konsegwenzi soċjali jinkludu fenomeni bħad-diżimpenn mis-soċjetà u sfiduċja fis-sistema politika, livelli baxxi ta’ awtonomija, il-biża’ ta’ dak li mhux magħruf u l-ħela ta’ mħuħ.

2.2

Il-Kummissjoni ppreżentat il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ tagħha, li jinkludi erba’ oqsma ta’ azzjoni. L-ewwel nett hemm proposta għal Rakkommandazzjoni lill-Istati Membri dwar l-introduzzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, ikomplu bl-edukazzjoni, jieħdu apprendistat jew jagħmlu esperjenza ta’ taħriġ fi żmien erba’ xhur wara li jieqfu mill-iskola jew li jiġu qiegħda. Il-Proposta ta’ Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sħubiji b’saħħithom mal-partijiet interessati, jiżguraw miżuri ta’ intervent kmieni mis-servizzi tal-impjieg u msieħba oħra li jappoġġjaw iż-żgħażagħ, jieħdu miżuri li jippermettu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi strutturali oħra għal dak il-għan, jivvalutaw u jtejbu b’mod kontinwu l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ u jwettquhom malajr. Il-Kummissjoni ser tappoġġja l-Istati Membri permezz ta’ fondi mill-UE, il-promozzjoni ta’ skambji tal-aqwa prattiċi fost l-Istati Membri, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ fl-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew u s-sensibilizzazzjoni.

2.3

Biex jiġu ffaċilitati t-transizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol, il-Pakkett iniedi wkoll konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar Qafas ta’ Kwalità għall-Esperjenzi ta’ Taħriġ, intiż biex tippermetti liż-żgħażagħ jakkwistaw esperjenzi ta’ xogħol ta’ kwalità għolja f’kundizzjonijiet siguri.

2.4

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħabbar l-istabbiliment ta’ Alleanza Ewropea għall-Apprendistat sabiex jittejbu l-kwalità u l-provvista ta’ apprendistati disponibbli, billi tifrex l-iskemi ta’ apprendistat li huma ta’ suċċess madwar l-Istati Membri, u tissuġġerixxi modi kif jitnaqqas ix-xkiel għall-mobbiltà taż-żgħażagħ.

2.5

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-differenzi sostanzjali li hemm bejn il-livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri, il-Kummissjoni tissuġġerixxi miżuri biex tiżdied il-mobbiltà transnazzjonali ta’ ħaddiema żgħażagħ, l-aktar permezz ta’ titjib fis-sistema EURES.

2.6

Il-miżuri proposti fil-Pakkett għall-Impjieg taż-Żgħażagħ jibnu fuq l-azzjonijiet tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ, li tniedet f’Diċembru 2011. Il-Kummissjoni tuża wkoll strumenti oħra ta’ politika biex tindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ, bħalma huma r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs). F’Lulju 2012, l-Istati Membri kważi kollha ngħataw Rakkomandazzjonijiet (3) li kienu mmirati biex titjieb is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-Pakkett tal-Kummissjoni

3.1

Tinħtieġ strateġija għal tkabbir reali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex tappoġġja l-ħolqien ta’ dejjem aktar impjiegi. Din għandha bżonn approċċ ikkordinat għall-isforzi u l-politiċi kollha li għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività u jġibu lura l-fiduċja tal-investituri u tal-familji. Is-Semestru Ewropew jipprovdi opportunità biex jirrakommanda riformi u politiki xierqa li għandhom jiġu implimentati f’kull Stat Membru. M’għandhomx ikunu injorati l-effetti sinerġiċi bħall-inklużjoni tal-aspetti soċjali fis-sejħiet pubbliċi.

3.2

Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ Ewropej fis-suq tax-xogħol hija ta’ tħassib ewlieni. Sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol huwa importanti li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex:

jitnaqqsu l-ostakli kollha li jfixklu d-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn il-provvista u d-domanda tal-ħiliet;

tiġi appoġġjata l-awtonomija taż-żgħażagħ;

tiżdied l-attrattività tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari l-apprendistati f’suġġetti li huma importanti strateġikament, bħat-teknoloġija u l-inġinerija.

jiġu promossi s-sħubiji u s-sinerġiji bejn il-partijiet interessati kollha;

in-negozji jkunu inkoraġġuti u appoġġjati biex joħolqu l-impjiegi u l-esperjenzi ta’ taħriġ għaż-żgħażagh.

3.3

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fokus fit-tul li għandha l-Kummissjoni fuq iż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ huwa pass ieħor ’il quddiem lejn il-bini ta’ approċċ koerenti u integrat biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tiġi promossa transizzjoni ta’ kwalità mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol. Madankollu, irid jitqies li attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-Istati Membri, għax dawn huma l-atturi ewlenin fil-qasam tal-impjieg taż-żgħażagħ u li huma mistennija li jieħdu azzjoni sussegwenti fix-xhur li ġejjin. Minkejja dan, fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni u l-importanza kruċjali tal-investiment fiż-żgħażagħ bħala riżors ewlieni fis-suq tax-xogħol, dan mhuwiex biżżejjed. Hija ta’ importanza ewlenija li tinbena l-fiduċja bl-istabbiliment ta’ prinċipji komuni għall-Garanzija taż-Żgħażagħ fl-Ewropa, bil-għan li jiżdiedu l-kwalità, l-aċċessibilità u l-impatt ta’ din l-għodda madwar il-kontinent.

3.4

Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi b’mod attiv lejn it-tfassil u l-promozzjoni tal-Pakkett, peress li:

il-membri tiegħu, li jirrappreżentaw l-impjegaturi, it-trejdjunjins u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, kienu involuti fil-proċessi li wasslu għal impjieg aħjar taż-żgħażagħ fuq medda twila ta’ zmien. B’hekk għandhom il-kuntatti meħtieġa u l-kapaċità li jilħqu n-nies, u żviluppaw numru kbir ta’ inizjattivi biex ilaħħqu mal-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Il-KESE għandu għarfien espert wiesgħa, billi fis-snin reċenti organizza għadd ta’ konferenzi, seduti u seminars (4) u pproduċa għadd ta’ Opinjonijiet importanti dwar l-istess suġġett (5).

3.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-Abbozz ta’ Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-introduzzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha sal-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, ikomplu bl-edukazzjoni, jieħdu apprendistat jew jagħmlu esperjenza ta’ taħriġ fi żmien erba’ xhur wara li jieqfu mill-iskola jew li jiġu qiegħda. Il-garanzija, jekk tiġi implimentata sew, tista’ tkun pass importanti fl-investiment fiż-żgħażagħ, tista’ tnaqqas l-ispejjeż enormi li l-qgħad fost iż-żgħażagħ iġib kemm għall-individwi kif ukoll għall-Ewropa inġenerali u jista’ jkollha rwol ewlieni biex jiżdiedu l-kwalità u l-effettività tat-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għax-xogħol. Madanakollu, Il-KESE jemmen li intervent wara erba’ xhur huwa tard wisq. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jkollha effett kemm jista’ jkun malajr, jiġifieri idealment meta jirreġistraw f’ċentru għall-impjiegi.

3.6

Il-KESE jappoġġja l-idea li jiġu stabbiliti garanziji għaż-żgħażagħ fl-Istati Membri permezz ta’ Fond speċifiku ta’ Inizjattiva dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u japprezza l-ħolqien tiegħu waqt li jinnota li għandu jiġi kkumplimentat fuq livell nazzjonali. Madanakollu, il-KESE ma jikkunsidrax li huwa biżżejjed li dan il-fond ikun iffinanzjat b’EUR 6 biljun biss, li parti minnhom se jiġu mill-flus eżistenti fil-Fond Soċjali Ewropew. Barra minn dan, meta tikkunsidra li t-telf tan-nuqqas ta’ integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol (f’termini ta’ iżjed trasferimenti tas-sigurtà soċjali, qligħ mitluf u taxxi li ma tħallsux) jiswa’ EUR 150 biljun fis-sena (1,2 % tal-PDG tal-UE) (6), u li l-ILO kkonkludiet li investiment ta’ EUR 21 biljun jista’ jwassal għal bidla sinifikanti fi żmien ftit snin (7), il-KESE jikkunsidra li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija miżura soċjali utli b’impatt pożittiv enormi fuq il-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż.

3.7

Il-KESE jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni fejn il-Garanzija għaż-Żgħażagħ trid tingħata permezz ta’ skema komprensiva u ħolistika li tiżgura li ż-żgħażagħ jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, ikomplu bl-edukazzjoni, jieħdu apprendistat jew jagħmlu esperjenza ta’ taħriġ fi żmien erba’ xhur wara li jieqfu mill-iskola jew li jiġu qiegħda. Il-KESE jifhem li hemm differenzi bejn l-Istati Membri u jagħraf l-importanza li huma stess ikollhom is-setgħa li jistabbilixxu l-limitu tal-età skont il-ħtiġijiet u l-possibbiltajiet tagħhom. Minkejja dan, jirrakkomanda li meta possibbli, l-età massima għall-aċċess għall-iskema għandha tiżdied għal 30 sena, biex jiġu kopruti ż-żgħażagħ li jitilqu mill-università ta’ età akbar jew dawk li għadhom f’fażi ta’ transizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u li għadhom fir-riskju li jitilfu l-kuntatt mas-suq tax-xogħol, speċjalment fil-pajjiżi li għandhom l-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Barra minn dan, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha ssir miżura strutturali fil-politiki tas-suq tax-xogħol attiv tal-UE u mhux biss matul dan il-perjodu ta’ kriżi.

3.8

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa importanti li jiġu żviluppati standards ta’ kwalità u indikaturi ċari dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-garanziji għaż-żgħażagħ fil-livell Ewropew u nazzjonali. L-esperjenzi tat-taħriġ li jsiru fil-qafas tal-iskema tal-garanzija għaż-żgħażagħ għandhom ikunu b’konformità mal-qafas ta’ kwalità għall-iskemi ta’ taħriġ, u għandhom ukoll jippermettu li ż-żgħażagħ jgħixu b’mod indipendenti. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll li jiżviluppaw servizzi personalizzati ta’ parir u gwida dwar il-karriera u jintroduċu mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-opportunitajiet diversi li huma offruti u għall-valutazzjoni tal-impatt tal-iskema fuq it-transizzjoni sussegwenti għad-dinja tax-xogħol ta’ dawk li jibbenefikaw minnha.

3.9

Il-KESE jenfasizza li l-Inizjattiva tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tkun integrata fil-qafas ta’ strateġija attiva tas-suq tax-xogħol immirata lejn l-appoġġ tal-inserzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol sabiex jiksbu l-awtonomija tagħhom. Parti importanti oħra ta’ tali strateġija għandha tkopri riformi fis-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi (PES) fl-Istati Membri fejn meħtieġ, li għandhom ikunu orjentati sabiex jilħqu b’mod attiv liż-żgħażagħ u jadattaw is-servizzi u l-approċċi tagħhom sabiex irenduhom aktar aċċessibbli, filwaqt li jkomplu jtejbu s-servizzi li jagħtu lill-persuni qiegħda kollha. Il-PES għandu jikkoopera mal-istituzzjonijiet edukattivi, jagħmel kuntatt dirett maż-żgħażagħ u joffrilhom opportunità ta’ xogħol jew taħriġ addizzjonali fil-qafas ta’ approċċ proattiv u li joffri gwida adatta għall-ħtiġijiet tagħhom, fi żmien bikri qabel ma jitilqu mill-iskola. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra dan l-element fl-istrateġija ta’ appoġġ tagħha għall-PES fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, is-servizzi tal-EURES għandhom ikunu adattati aħjar għall-bżonnijiet taż-żgħażagħ u promossi b’mod ħafna aktar intensiv fost il-ġenerazzjoni iżgħar.

3.10

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jgħollu l-livell ta’ appoġġ għall-intrapriżi, il-kooperattivi u l-organizzazzjonijiet tat-tielet settur li jixtiequ jipparteċipaw fi skemi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ b’kooperazzjoni mill-qrib mal-PES. Mekkaniżmi bħall-inċentivi fiskali, sussidji għall-ispejjeż fissi tal-impjieg u l-possibbiltà li jsir aċċess għall-fondi għat-taħriġ fuq il-post huma elementi importanti fit-tħaddim sew tal-iskema, u japoġġjaw l-intrapriżi li jixtiequ jinvestu fil-potenzjal taż-żgħażagħ b’mod adatt u effettiv. L-applikazzjoni tagħhom għandha tkun marbuta mal-oqfsa tal-kwalità/linji gwida u tinvolvi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ. Il-KESE jqis il-ħtieġa li jiġi appoġġjat il-bini tal-kapaċitajiet tal-atturi kollha involuti f’sistemi ta’ apprendistat ta’ kwalità.

3.11

Il-KESE jqis li l-imsieħba soċjali għandhom rwol fundamentali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-iskema. Djalogu soċjali sod huwa fundamentali sabiex iż-żgħażagħ jiġu offruti skemi ta’ garanzija bi standards ta’ kwalità għolja, kemm għall-intrapriżi kif ukoll għaż-żgħażagħ stess. F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jkunu involuti l-imsieħba soċjali fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-garanzija għaż-żgħażagħ u l-offerti ta’ impjieg jew taħriġ disponibbli taħt il-varji skemi.

3.12

L-organizzazzjonijiet tat-tielet settur, b’mod speċjali l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-pjattaformi rappreżentattivi tagħhom, ukoll għandhom rwol importanti, għax huma mezzi ta’ parteċipazzjoni importanti għaż-żgħażagħ li tippermettihom jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom u jakkwistaw l-imġiba u r-relazzjonijiet adatti għax-xogħol. Għalhekk huwa importanti li jiġu involuti wkoll fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-iskemi. Diversi intrapriżi soċjali u partijiet interessati relevanti oħra jistgħu wkoll ikunu involuti. Il-Kumitat jinnota wkoll il-prattika tajba stabbilita fl-Awstrija (8), l-Isvezja u l-Finlandja (9) fir-rigward tal-involviment tal-partijiet interessati.

3.13

Prijorità oħra għandha tkun li l-iskema ssir aktar aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tat-tielet settur. Permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu offerti għal impjiegi sabiex itejbu l-komunitajiet lokali tagħhom u b’hekk ikollhom rwol li jibbenefika kemm liż-żgħażagħ kif ukoll lis-soċjetà.

3.14

Il-KESE jqis ta’ importanza ewlenija li l-Proposta jkollha l-mezzi adegwati biex tappoġġja l-Istati Membri u r-reġjuni li jixtiequ jistabbilixxu skemi ambizzjużi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ jew alleanzi tal-apprendistat. F’dan il-qafas, il-KESE jixtieq jirrakkomanda li l-fondi mill-UE jiġu allokati lil dawk l-iskemi li huma konformi mal-istandards minimi ta’ kwalità stabbiliti mill-inizjattiva tal-UE u l-Istati Membri.

3.15

Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-idea li jiġu stabbiliti garanziji għaż-żgħażagħ fl-Istati Membri permezz ta’ fondi minn Inizjattiva dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ speċifika, iffinanzjati fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, u li jkollhom l-użu ta’ mill-anqas EUR 6 biljun. Nofs dan l-ammont ser jittieħed mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-KESE jilqa’ l-istabbiliment ta’ dan il-fond, iżda fid-dawl tal-fatt li dan ser jappoġġja biss dawk ir-reġjuni fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa ’l fuq minn 25 %, jenfasizza li r-reġjuni l-oħra għandu jkollhom aċċess għal appoġġ finanzjarju skont il-proċeduri standard tal-FSE. Dan il-fond ikun sors fundamentali, li jikkomplementa l-investimenti meħtieġa mill-baġits nazzjonali.

3.16

Sabiex iż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-ħiliet li huma essenzjali fil-ħajja professjonali futura tagħhom, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-miżuri introdotti biex jistimolaw l-impjieg fost iż-żgħażagħ, b’mod speċjali dawk iffinanzjati bis-sħiħ jew parzjalment mill-fondi tal-UE, ikunu aktar effettivi u permanenti. B’hekk iż-żgħażagħ ma jkollhomx bżonn li jkunu appoġġjati finanzjarjament wara kollokament f’impjieg temporanju jew bla ħlas.

3.17

Peress illi l-istabbiliment tal-garanzija għaż-żgħażagħ ikun effettiv biss jekk jiġi integrat fl-approċċi tal-UE u dawk nazzjonali li huma orjentati lejn it-tkabbir u l-impjiegi, il-KESE jappella mill-ġdid għal definizzjoni ta’ miri ġodda biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ (10). Dan għandu jkun element ewlieni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma relatati mal-Istrateġija Ewropa 2020.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-proposti tal-Kummissjoni

4.1   Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ

4.1.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ fiha għadd ta’ elementi importanti, inkluża definizzjoni ċara tal-garanzija għaż-żgħażagħ bħala “offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta joħorġu mill-iskola jew minn meta jispiċċaw qiegħda”. Madanakollu, Il-KESE jemmen li intervent wara erba’ xhur huwa tard wisq. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jkollha effett kemm jista’ jkun malajr, jiġifieri idealment meta jirreġistraw f’ċentru għall-impjiegi.

4.1.2

Huwa importanti li jiġi rikonoxxut il-kost-effettività tal-investimenti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, peress illi, skont il-Eurofound (11), l-ispiża annwali madwar l-Ewropa kollha taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (f’termini ta’ iżjed trasferimenti tas-sigurtà soċjali, qligħ mitluf u taxxi li ma tħallsux) trasferimenti tas-sigurtà soċjali, qligħ mitluf u taxxi li ma tħallsux), attwalment hija ta’ 1,2 % tal-PDG, jiġifieri EUR 153 biljun. Fl-istess waqt, meta ninvestu biex niġġieldu kontra dan it-telf, għandna niffukaw fuq is-sħubija aħjar, it-titjib tas-servizzi relatati u l-għoti tas-setgħa lill-fornituri tal-edukazzjoni.

4.1.3

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ validazzjoni korretta tal-edukazzjoni mhux formali (NFE) bħala mod ta’ valutazzjoni tal-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol.

4.1.4

Il-KESE jinnota t-tipoloġiji l-ġodda tan-NEET u l-bżonn li jsir fokus ukoll fuq il-kategoriji li huma tradizzjonalment meqjusa li mhumiex fir-riskju tal-esklużjoni, bħall-gradwati u żgħażagħ li diġà għandhom xi esperjenza professjonali jew ta’ taħriġ fuq il-post (internship) iżda li għadhom ma jistgħux jiksbu aċċess permanenti għas-suq tax-xogħol.

4.1.5

In-numru dejjem jiżdied ta’ żgħażagħ kwalifikati u tas-sengħa li jkollhom jaħdmu f’livell taħt il-potenzjal tagħhom u li qed jesperjenzaw “ħela ta’ moħħ” għandu wkoll jiġi indirizzat, għax din is-sitwazzjoni mhux biss tirriżulta fl-impjieg tagħhom f’xogħol fejn ma jistgħux jużaw l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, iżda wkoll taffettwa lil dawn l-individwi soċjalment u psikoloġikament. Korrispendenza aħjar u aktar adatta bejn il-ħiliet personali u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jistgħu jnaqqsu dan il-fenomenu.

4.2   Qafas ta’ Kwalita għall-Esperjenzi ta’ Taħriġ

4.2.1

Il-KESE jirrikonoxxi r-rwol pożittiv li l-esperjenzi ta’ taħriġ jista’ jkollhom biex jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ għall-impjieg u biex jgħinu l-intrapriżi jsibu ħaddiema potenzjali tas-sengħa. Din it-tip ta’ esperjenza tista’ tiżgura li ż-żgħażagħ jakkwistaw il-kompetenzi meħtieġa għall-bżonnijiet tagħhom u skont il-ħiliet li diġà għandhom, filwaqt li jirċievu kumpens adatt u jkollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali u toroq oħra edukattivi fil-qafas tat-Tagħlim Tul il-Ħajja. F’dan il-qafas, attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-esperjenzi ta’ taħriġ li jsiru barra mis-sistema edukattiva, b’mod speċjali wara l-gradwazzjoni. Dawn għandhom jitqiesu bħala esperjenzi prattiċi ta’ xogħol u għalhekk ikunu protetti skont l-istandards internazzjonali tax-xogħol.

4.2.2

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti standards ta’ kwalità għolja għall-apprendistati, l-esperjenzi prattiċi tax-xogħol u l-esperjenzi tat-taħriġ. F’dan il-qafas, jerġa’ jiddikjara l-impenn tiegħu li “jissorvelja mill-qrib u jappoġġja kull inizjattiva biex tittejjeb il-kwalità tal-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi, bħall-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprendistati (“European Quality Charter on Internships and Apprenticeships”), imressqa mill-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ sabiex jissaħħaħ id-djalogu soċjali għat-twaqqif ta’ regoli adatti f’dan il-qasam” (12).

4.2.3

Il-KESE huwa konvint li t-titjib fil-kwalità tal-esperjenzi ta’ taħriġ huwa prijorità u għalhekk jara l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalita dwar l-esperjenzi ta’ taħriġ bħala progress f’din id-direzzjoni. Fl-istess waqt, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali involuti biex jagħmlu l-aktar użu effettiv possibbli mir-riżultati tal-konsultazzjonijiet attwali, filwaqt li jqisu l-appoġġ diġà muri fil-passat mill-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), membri tal-pubbliku u għadd ta’ fornituri tal-edukazzjoni. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaġixxu malajr u joħolqu qafas għal esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità u l-kontwinwazzjoni ta’ involviment dirett miż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom f’dan il-proċess flimkien mal-imsieħba soċjali. F’dan ir-rigward, il-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprendistati (13) tipproponi standards minimi ta’ kwalità sabiex jitneħħa d-distakk bejn il-pajjiżi fl-Ewropa fir-rigward tal-proċessi ta’ tagħlim, il-pariri u l-gwida disponibbli, id-drittijiet soċjali u tax-xogħol, ir-rikonixximent tal-ħiliet, id-dispożizzjonijiet tal-kuntratti legali, ir-rimborż u r-remunerazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ, eċċ.

4.2.4

Il-KESE jqis bħala fundamentali wkoll li qafas bħal dan ikun orjentat lejn l-appoġġ ta’ intrapriżi fl-isforzi tagħhom li joffru esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja għaż-żgħażagħ. Għalhekk, il-qafas għandu jiġi implimentat ukoll fil-livell nazzjonali permezz ta’ miżuri immirati lejn dan il-għan.

4.3   Alleanza Ewropea għall-Apprendistati

4.3.1

Il-KESE huwa konvint mill-utilità tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, peress illi l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-intrapriżi u l-imsieħba soċjali, kif ukoll dawk li jfasslu l-politiki, il-prattikanti u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ hija essenzjali għas-suċċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Il-prova ta’ dan huwa s-suċċess tas-sistemi doppji f’xi wħud mill-Istati Membri. L-iżvilupp tal-Alleanza għandu jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-ideat, u fl-aħħar mill-aħħar jgħin biex iżid in-numru u l-kwalità tal-pożizzjonijiet tal-apprendistati disponibbli madwar l-Istati Membri. Għandu wkoll iħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f’dawn l-iskemi.

4.3.2

L-Alleanza għandha wkoll tappoġġja kampanji Ewropej u nazzjonali biex tinbidel il-perċezzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali, inkluż fil-kuntest tal-Proċess ta’ Kopenħagen, u torganizza fora fuq bażi regolari għal diskussjonijiet mal-partijiet interessati rilevanti Ewropej u nazzjonali dwar il-monitoraġġ tal-istrateġija Ewropea għall-apprendistati.

4.3.3

Għandhom jiġu provduti inċentivi biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ taħriġ transkonfinali li jippermetti l-intrapriżi u l-imsieħba soċjali jiġu involuti fl-istabbiliment ta’ sistema doppja. Aktar proposti jistgħu jinstabu fil-pubblikazzjoni “Creating Opportunities for Youth: How to improve the quality and image of apprenticeships” (BusinessEurope, 2012), (14) jew fil-ftehim sindikali bejn Spanja u l-Ġermanja dwar l-istandards ta’ kwalità għall-apprendistati.

4.4   Il-mobbiltà għaż-żgħażagħ

4.4.1

Il-KESE huwa tal-fehma li, sabiex tiġi mrawma l-mobbiltà ta’ ħaddiema żgħażagħ, l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar progress lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u l-ħiliet, u lejn il-kompattibilità tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, b’mod speċjali tas-sistemi tal-pensjonijiet. Għandu wkoll isir aktar investiment fit-tagħlim tal-lingwi peress illi ostakli tal-lingwa wkoll għandhom bżonn jingħelbu. Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ aktar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali biex tiżgura li ma jintilef ebda xahar ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali minħabba impjieg f’pajjiż ieħor tal-UE.

4.4.2

Il-KESE jenfasizza l-utilità tal-programmi ta’ mobbiltà tal-UE bħall-Erasmus u ż-Żgħażagħ Attivi, għall-mobbiltà taż-żgħażagħ u jappoġġja l-iżvilupp tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-karattru tagħhom, permezz tal-volontarjat u inizjattivi ċiviki oħra. Il-KESE jappella għall-finanzjament kif xieraq tal-programmi futuri Erasmus for all / YES Europe fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali, li issa għandu EUR 1 biljun inqas mill-proposta inizjali.

4.4.3

Il-KESE jappoġġja t-titjib u l-investiment akbar fl-Inizjattiva “Your first EURES Job”. B’mod speċifiku, il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi titjib bħal dan fil-EURES. B’hekk dan iżid il-viżibbiltà u d-disponibbiltà tiegħu għaż-żgħażagħ, kif ukoll il-faċilità tal-użu tiegħu. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu mħeġġa b’mod attiv biex jipparteċipaw, sabiex jegħlbu l-ostakli kkaġunati minn differenzi fil-kultura u l-lingwa u n-nuqqas tal-kapaċitajiet organizzattivi tagħhom kif ukoll il-biża’ ta’ dak li mhux magħruf. Dan jista’ jsir permezz ta’ sistema mtejba ta’ pariri dwar il-karriera u pariri personali, li tappoġġja l-istudenti, dawk li qed jitħarrġu u ż-żgħażagħ inġenerali, sabiex isiru aktar konxji mix-xewqat, il-kapaċitajiet u l-opportunitajiet għax-xogħol tagħhom. Dan jinkludi wkoll pariri dwar il-liġi tal-impjieg u l-ambjent soċjopolitiku u pariri dwar id-drittijiet u l-obbligi kemm tal-impjegaturi kif ukoll tal-ħaddiema.

4.4.4

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew biex tiġi aġġornata d-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali. Id-direttiva attwali hija skaduta peress illi bosta professjonijiet jiżviluppaw malajr. Barra minn hekk, l-immodernizzar tad-direttiva tinvolvi l-introduzzjoni ta’ karta elettronika li tagħti d-dettalji tal-kwalifiki u l-esperjenza ta’ professjonist. Dan irendiha aktar faċli biex il-professjonisti jsibu x-xogħol u jkollhom il-kwalifiki tagħhom rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor, kif ukoll jarmonizza t-taħriġ, il-kompetenzi u l-prattiki fl-UE. Jinkoraġġixxi wkoll il-mobbiltà u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert.

Brussell, 21 ta’ Marzu 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 201 (ĠU C 133, 09.05.2013).

(2)  http://www.eurofound.europa.eu/emcc/labourmarket/youth.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ecofin/131662.pdf. (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Konferenza The Economic Crisis, Education and the Labour Market (Il-kriżi ekonomika, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol)– Brussell, 24 ta’ Jannar 2012; Konferenza From School to Work (It-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol) organizzat mil-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol (LMO) – Roskilde (DK), 4 ta’ Frar 2012; Konferenza Quality jobs for youth: are we asking too much? (Impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ: Qed nistennew wisq?) organizzat mil-LMO flimkien mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ – 20 ta’ April 2012; Konferenza Grupp III - (L-Edukazzjoni u l-Impjieg tażzz-ŻZZgħhhażzzagħhh fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020) – Sofija, 8 ta’ Ġunju 2012; Konferenza Grupp I The Future of Youth in Europe - European Youth: Hope or Despair for the New Generation? (Il-Futur taż-Żgħażagħ fl-Ewropa: Tama jew Disperazzjoni għall-Ġenerazzjoni l-Ġdida?) – Versailles, 29 u 30 ta’ Awwissu 2012.

(5)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 55-62; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 50-55; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 11-14; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 143-149; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 150-153; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 1-10; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 154-159; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 97-102; Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”, (ĠU C 11, 15.01.2013, p. 65).

(6)  http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1254.htm (mhix disponibbli bil-Malti).

(7)  L-Istitut Internazzjonali għall-Istudji dwar ix-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, fl-istudju tiegħu “EuroZone job crisis: trends and policy responses” (Kriżi tal-impjiegi fiż-żona tal-euro: xejrin u tweġibiet politiki).

(8)  http://issuu.com/yomag/docs/youth_guarantee (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1242.htm (mhix disponibbli bil-Malti).

(10)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94–101 u l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Linji gwida dwa l-Impjiegi (ĠU C 133, 09.05.2013,).

(11)  NEETs – Young people not in employment, education or training: Characteristics, costs and policy responses in Europe (2012) [Żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ: Karatteristiċi, spejjeż u risposti politiki fl-Ewropa (2012)].

(12)  ĠU C 299, 3.2.2009, p. 97-102.

(13)  http://qualityinternships.eu/wp-content/uploads/2012/01/internship_charter_EN.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  http://www.businesseurope.eu/Content/default.asp?pageid=568&docid=29967 (mhux disponibbli bil-Malti).