12.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 327/26 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa”
COM(2013) 37 final
2013/C 327/06
Relatur: is-Sur ŠARMÍR
Nhar it-18 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa
COM(2013) 37 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.
Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 9 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jieħu nota tal-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' dan il-Green Paper u jaħseb li jirrifletti bidla pożittiva u ċara fl-approċċ tal-Kummissjoni għal prattiki kummerċjali inġusti (UTPs). |
1.2 |
Il-KESE jqis l-użu ta' prattiki kummerċjali inġusti bħala mhux biss "inġusti" jew "mhux etiċi" iżda wkoll li jmorru kontra l-prinċipji legali fundamentali u kontra l-interess tal-provvista u d-domanda. Peress li dan ifisser, bħala fatt, l-abbuż ta' pożizzjoni fis-suq aktar b'saħħitha b'mod sinifikanti, nirrakkomandaw l-użu tat-terminu "prattiki kummerċjali abbużivi", li jintuża ta' spiss bil-Franċiż u bl-Ingliż, pereżempju. |
1.3 |
Il-Kumitat iqis li fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-wisgħa u l-profondità attwali tal-prattiki kummerċjali inġusti huma r-riżultat tal-fużjonijiet u l-akkwisti li saru f'dawn id-deċennji reċenti. |
1.4 |
Fil-fehma tal-Kumitat, ir-riżultati s'issa tal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel mhumiex ċari l-approċċi proposti mhux suffiċjenti sabiex tiġi solvuta l-problema ta' prattiki inġusti. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ b'aktar inizjattivi. |
1.5 |
Filwaqt li l-KESE ma jiddubitax li prattiki inġusti jistgħu jintużaw fi kwalunkwe tip ta' relazzjoni kuntrattwali, huwa konvint li s-sitwazzjoni hija partikularment gravi fir-rigward tan-negozju mas-supermarkets fuq naħa, u l-SMEs tal-biedja u tal-ikel min-naħa l-oħra. Hawnhekk hawn tipi u gradi differenti ta' abbuż li ma jidhru mkien ieħor. |
1.6 |
Il-KESE huwa partikolarment kuntent li l-Kummissjoni tesprimi d-dubji tagħha b'mod espliċitu fil-Green Paper fir-rigward tal-eżistenza ta' libertà kuntrattwali vera u proprja fejn relazzjonijiet huma inugwali ħafna, u b'hekk taqbel mal-fehma tal-KESE. |
1.7 |
Il-Kumitat jaħseb li l-Green Paper tal-Kummissjoni jaqbad b'mod tajjeb ħafna l-essenza u t-tipi ewlenin ta' prattiki kummerċjali inġusti. Madankollu, huwa tal-fehma soda li l-Kummissjoni għandha tipprovdi definizzjoni uniformi tal-UTPs simili għal dik diġà stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE, peress li l-prattiki msemmija fil-Green Paper jixbhu xi ftit "prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni" (1). |
1.8 |
Il-UTPs huma iktar importanti fi ħdan "klima ta' biża'" fejn il-parti kontraenti l-iktar dgħajfa tibża' li titlef in-negozju tal-parti b'saħħitha. Hemm ukoll fost l-oħrajn il-każ fejn il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar jagħmlu pressjoni inġusta fuq il-fornituri tagħhom u/jew jgħaddu prezzijiet għoljin wisq lill-bejjiegħa bl-imnut u għalhekk lill-konsumaturi. |
1.9 |
Fil-fehma tal-KESE, il-konsegwenzi ta' prattiki kummerċjali inġusti m'humiex ristretti għal relazzjonijiet bejn negozju u ieħor; u lanqas ma jaffettwaw biss il-partijiet kontraenti l-iktar dgħajfa. Il-konsumaturi huma vittmi wkoll, kif ukoll l-interessi ekonomiċi nazzjonali – dan il-fatt ma jiġix enfasizzat biżżejjed fil-Green Paper. |
1.10 |
Il-KESE jaħseb li l-liġijiet li jwaqqfu prattiki kummerċjali inġusti adottati f'diversi Stati Membri jirriflettu l-fatt li s-sitwazzjoni attwali mhijiex aċċettabbli. Għalkemm għal diversi raġunijiet dawn il-liġijiet ma pproduċewx riżultati sodisfaċenti, ma jkunx minnu li ngħidu li ma sar xejn. Suċċess wieħed huwa trasparenza ikbar fil-qsim tal-benefiċċji u t-twaqqif tal-prattiki ta' estorsjoni l-iżjed esaġerati. |
1.11 |
Għalkemm il-KESE m'għandux għalfejn jaħseb li l-adozzjoni ta' dawn il-liġijiet mill-Istati Membri xxekkel il-moviment ħieles ta' prodotti fl-UE, jista' jkun li jkun hemm xi restrizzjonijiet. Madankollu, l-ebda minn dawn il-liġijiet hija protezzjonista min-natura tagħha, u kollha japplikaw b'mod ugwali għan-negozji domestiċi u għal dawk minn Stati Membri oħra. |
1.12 |
Il-KESE jirrakkomanda li kwalunkwe ħsieb dwar kif għandha tiġi indirizzata l-problema tal-UTPs għandu jibda min-nuqqas ta' libertà kuntrattwali f'uħud mir-relazzjonijiet. |
1.13 |
Il-KESE jirrakkomanda li kull proposta fil-ġejjieni biex jiġu regolati r-relazzjonijiet kummerċjali mhux ugwali tqis ukoll il-"fattur tal-biża'". Għandha tiżgura l-bilanċ meħtieġ bejn il-partijiet sabiex ikun jista' jkollhom relazzjoni ġusta. Għal din ir-raġuni, l-għan ewlieni tar-regolazzjoni tal-UTPs ma jistax ikun biss li tiġi protetta l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa, iżda wkoll l-interess ekonomiku nazzjonali. Dan ifisser, pereżempju, li l-fornituri tal-ikel affettwati ma jkollhomx jieħdu sehem attiv fil-proċeduri amministrattivi u legali. |
1.14 |
Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropa biex tipproponi leġislazzjoni li tipprojbixxi l-UTPs. Din għandha tkun ibbażata fuq lista indikattiva tal-prattiki l-iżjed tipiċi li jużaw il-partijiet kontraenti l-iżjed b'saħħithom u maħsuba biex jittrasferixxu l-ispejjeż u r-riskji normali tagħhom għall-parti l-iktar dgħajfa. |
1.15 |
Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali sabiex ifasslu, abbażi tal-esperjenza konkreta mġarrba tul id-deċennji li għaddew, reviżjoni radikali tar-regoli tal-kompetizzjoni attwali – u evidentement skaduti – sabiex jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta bbażata wkoll fuq skambju ġust ta' informazzjoni rilevanti f'dan il-qasam biex jirrifletti l-pożizzjonijiet dominanti reali. |
2. Daħla
2.1 |
Il-Green Paper joħloq distinzjoni bejn il-katini tal-provvista/distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel, li hija totalment ġustifikata peress li tal-ewwel għandha l-aspetti partikolari tagħha meta mqabbla ma' oħrajn. |
2.2 |
Saret konsolidazzjoni sostanzjali fost il-kumpaniji li jagħmlu parti mill-katini ta' provvista/distribuzzjoni tul dawn l-aħħar żewġ deċennji, li wasslet għall-ħolqien ta' entitajiet li huma vera u proprja oligarkiji. Safejn huma kkonċernati l-katini ta' provvista/distribuzzjoni tal-ikel, dan huwa partikolarment vera fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, xi ftit inqas fl-industrija tal-ipproċessar, u l-inqas fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli. Dan irriżulta fi żbilanċji kbar fil-katina tal-provvista tal-ikel, peress li l-oligopolji għandhom saħħa ta' negozjar enormi ħdejn l-imsieħba kummerċjali tagħhom, li huma ħafna iżjed ifframmentati. |
2.3 |
Il-KESE huwa konvint li l-iżbilanċji strutturali li ħarġu fid-dieher iwasslu biex jintużaw l-UTPs f'xi każijiet u li dawn il-prattiki ta' sikwit ma jmorrux biss kontra l-ġustizzja, l-onestà u l-etika, iżda wkoll kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi. |
2.4 |
Il-Green Paper huwa żbaljat meta jgħid li l-UTPs ġew diskussi l-ewwel darba fil-livell tal-UE biss fl-2009. Din hija s-sena fejn dehru l-ewwel darba fuq l-aġenda uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Anke lura fl-2005, madankollu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien ħareġ opinjoni importanti (2) li – fi żmien meta l-kwistjoni tal-UTPs kienet għadha tabu – enfasizzat u kkritikat għadd ta' aspetti negattivi tal-imġieba tal-katini tal-bejgħ bl-imnut. Wieħed għandu jsemmi wkoll ir-rwol importanti li qdiet id-dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż tal-poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea (3) fl-2007, fejn il-Kummissjoni Ewropea ssejħet b'mod dirett biex tieħu l-passi meħtieġa sabiex titranġa s-sitwazzjoni. |
2.5 |
Fil-fehma tal-KESE, ir-riżultati s'issa tal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel huma xi ftit inċerti, peress li l-qafas propost għall-implimentazzjoni tal-prattika tajba ma wassalx għal ftehim dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-UTPs, kwistjoni li dwarha tliet Kummissarji esprimew id-dispjaċir tagħhom (4). |
2.6 |
Ir-rapport tan-Netwerk tal-Kompetizzjoni Ewropew (ECN) jikkonferma li l-użu tal-UTPs huwa realtà, speċjalment fis-settur tal-ikel. Dan jaqbel mal-konvinzjoni tal-KESE li l-abbuż ta' pożizzjoni ekonomika iktar b'saħħitha mis-supermarkets fir-rigward tal-SMEs li huma produtturi u proċessuri tal-ikel huwa ħafna iżjed gravi milli huwa f'relazzjoni kuntrattwali oħrajn. Prova oħra ta' dan hija l-fatt li għal bosta snin kienu biss il-fornituri tal-ikel lill-katini l-kbar tal-bejgħ bl-imnut li lmentaw, u ħadd iżjed. |
2.7 |
Il-KESE jieħu nota tal-istqarrija tal-Kummissjoni li l-UTPs jagħmlu ħsara lill-ekonomija tal-UE u mhux biss lir-relazzjoni kuntrattwali bejn żewġ intrapriżi. |
3. Definizzjoni ta' prattiki kummerċjali inġusti
3.1 Il-kunċett ta' prattiki kummerċjali inġusti
3.1.1 |
S'issa ħadd ma tefa' d-dubju b'mod uffiċjali fuq l-eżistenza tal-libertà kuntrattwali fir-relazzjonijiet kummerċjali - lanqas bejn is-supermarkets u l-SMEs li jipproduċu l-ikel. Sa reċentement, din il-libertà kienet wieħed mill-argumenti ewlenin mhux biss tas-supermarkets iżda wkoll tal-awtoritajiet pubbliċi kontra r-regolazzjoni tal-UTPs, li allegatament kienet se xxekkel din il-libertà. Il-KESE jaħseb li huwa sinifikanti ħafna li l-Green Paper abbanduna din il-pożizzjoni u jirrikonoxxi b'mod espliċitu li ma teżisti l-ebda libertà kuntrattwali meta jkun hemm inugwaljanza ċara fis-saħħa ekonomika bejn żewġ partijiet kontraenti. |
3.1.2 |
Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dan l-għarfien tan-nuqqas ta' libertà kuntrattwali huwa l-prerekwiżit fundamentali biex jinstabu soluzzjonijiet b'mod effettiv għall-problemi li jinħolqu min żbilanċji eżistenti fin-netwerk tal-provvista/distribuzzjoni, fuq kollox fil-każ tal-ikel. |
3.1.3 |
F'din it-taqsima tal-Green Paper il-Kummissjoni Ewropea taqbad b'mod tajjeb ħafna l-essenza u t-tipi ewlenin ta' UTPs. F'relazzjonijiet bejn is-supermarkets u l-fornituri tal-ikel b'mod partikolari, il-parti l-iżjed dgħajfa m'għandhiex għażla alternattiva, peress li huma ftit ħafna l-klijenti ewlenin fis-suq, u iżjed importanti, kollha jittrattaw il-fornituri b'mod simili ħafna. |
3.1.4 |
Diversi eżempji ta' UTPs imsemmija fil-Green Paper joħorġu fid-dieher li xi xerrejja ma joqogħdux lura milli jużaw kwalunkwe mezz possibbli biex jiksbu benefiċċji żejda u kompletament mhux mistħoqqa bi ħsara għall-parti l-oħra. Forma ta' pagament partikolari hija għal servizzi fittizji jew servizzi li ma ntalbux u li m'għandhomx l-ebda valur għall-parti l-oħra. |
3.1.5 |
Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:
|
3.2 Eżempji ta' prattiki kummerċjali inġusti
3.2.1 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea hawnhekk qed tuża informazzjoni minn għadd ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali. Barra minn dawk imsemmija, nirrakkomandaw b'mod partikolari l-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Franċiżu u Ċeki, li għandhom esperjenza diretta fl-implimentazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-UTPs. Huma u jwettqu l-ispezzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet dwar il-liġi kontra l-monopolji għandhom id-dritt li jeżaminaw id-dokumenti tal-kontabilità (kuntratti, fatturi, dikjarazzjonijiet bankarji, eċċ.) li jistgħu jagħtu prova diretta tal-użu ta' UTPs. |
3.2.2 |
Dawn l-eżempji mogħtija mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit, ta' Spanja u tal-Irlanda juru li huwa żball li wieħed jirriferi għal ħafna mill-prattiki li jintużaw biss bħala "mhux etiċi", peress li huwa ċar li jmorru lil hinn mil-legalità (b'mod speċjali fejn huma involuti "ibbulljar u intimidazzjoni"). |
3.3 Effetti potenzjali ta' prattiki kummerċjali inġusti
3.3.1 |
M'hemmx dubji dwar l-impatt negattiv tal-użu mill-parti l-iżjed b'saħħitha tal-UTPs kontra l-parti l-iktar dgħajfa, u s-soffokar tal-investiment u tal-innovazzjoni fil-produzzjoni huwa l-konsegwenza loġika ta' dan. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, l-impatt fuq il-konsumaturi ma jintweriex b'mod adegwat, peress li jfisser ħafna iżjed minn sempliċiment li l-innovazzjoni tixxekkel. Minkejja dan, din it-taqsima tinjora għal kollox it-theddida għall-interessi ekonomiċi nazzjonali, li tissemma xi ftit qabel fil-Green Paper. Din it-theddida tidher l-iżjed fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fejn is-supermarkets huma kompletament f'idejn l-intrapriżi minn Stati Membri oħra. Meta wieħed iqis li produtturi domestiċi - il-maġġoranza kbira tagħhom SMEs - mhumiex kapaċi jlaħħqu ma' kondizzjonijiet li ta' spiss isarrfu f'estorsjoni vera u proprja, is-settur agroalimentari kollu f'dan ir-reġjun qed jikkollassa u pajjiżi li tradizzjonalment kienu awtosuffiċjenti fil-produzzjoni tal-ikel ewlieni tagħhom fil-biċċa l-kbira tagħhom tilfu s-sigurtà tal-ikel tagħhom. B'hekk importazzjonijiet li ta' sikwit huma ta' kwalità dubjuża qed jieħdu post il-produzzjoni domestika. |
3.3.2 |
Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:
|
4. Oqfsa legali dwar prattiki kummerċjali inġusti
4.1 |
Żewġ fatti joħorġu fid-dieher minn analiżi tal-oqfsa legali attwali fil-livell tal-Istati Membru u tal-UE. L-ewwel nett l-użu tal-UTPs minn xi atturi ekonomiċi b'saħħithom issa jafu kulħadd u huwa fatt, u l-awtoritajiet adatti f'diversi Stati Membri kkonkludew li s-sitwazzjoni attwali titlob għal regolazzjoni. |
4.2 |
L-estent attwali tal-UTPs, b'mod speċjali f'relazzjonijiet bejn katini kbar tal-bejgħ bl-imnut u l-produtturi tal-ikel joħroġ fid-dieher l-ewwel nett li l-leġislazzjoni dwar il-kompetizzjoni hija skaduta. Xi tipi ta' UTP jenfasizzaw id-distorsjoni gravi tal-ambjent kompetittiv u l-eżistenza ta' pożizzjonijiet tabilħaqq dominanti li l-leġislazzjoni attwali dwar il-monopolji tonqos milli tindirizza. |
4.3 |
Barra mir-reviżjoni għal-leġislazzjoni dwar il-kompetizzjoni, il-KESE jaħseb li huwa kompletament leġittimu li jiġi pprojbit fil-livell tal-UE l-użu ta' ċerti UTPs definiti u b'hekk tinħoloq l-armonizzazzjoni meħtieġa ta' ambjent legali fejn hemm ħafna differenzi. Madankollu, irid ikun hemm rabta loġika bejn ir-regolazzjonit al-UTPs u l-leġislazzjoni riveduta dwar il-monopolji sabiex jiġi żgurat li huma biss l-inizjaturi loġiċi ta' kuntratti mal-UTPs - jiġifieri l-partijiet f'pożizzjoni dominanti - li jiġu sanzjonati. |
4.4 |
Sabiex tkun effettiva, din ir-regolazzjoni armonizzata trid tqis "it-theddida tat-tneħħija mil-lista" u b'hekk in-nuqqas ta' kapaċità tal-partijiet kontraenti iktar dgħajfa, b'mod speċjali l-SMEs li huma fornituri lis-supermarkets, biex jilmentaw; trid tkun konċepita biex tagħmel iktar minn sempliċiment tindirizza l-problemi fir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi. |
4.5 |
Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:
|
5. Infurzar tar-regoli kontra prattiki kummerċjali inġusti
5.1 Mekkaniżmi ta' infurzar fil-livell nazzjonali
5.1.1 |
Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li l-mekkaniżmi li qed jiġu implimentati bħalissa fil-livell nazzjonali kontra l-UTPs ġeneralment mhumiex adegwati. Dan huwa l-iżjed minħabba li jonqsu milli jqisu ċerta klima ta' biża' li tinħoloq min-nuqqas ta' libertà kuntrattwali reali u t-theddida li titneħħa mil-lista. Dawn il-problemi s'issa ġew indirizzati bl-aħjar mod fi Franza, fejn l-awtorità superviżorja tista' taġixxa abbażi ta' informazzjoni mhux uffiċjali u fuq inizjattiva proprja tagħha. Is-suppressjoni tal-UTPs hija bbażata wkoll fuq il-protezzjoni tal-interess ekonomiku nazzjonali u mhux fuq il-ħarsien tal-parti kontraenti l-iktar dgħajfa. |
5.1.2 |
Filwaqt li xi Stati Membri għandhom liġijiet li jiġġieldu kontra l-użu ta' prattiki kuntrattwali inġusti, oħrajn m'għandhomx. Barra minn hekk, hemm differenzi sinifikattivi bejn liġi individwali. M'hemmx dubju li dawn iż-żewġ fatti jikkostitwixxu ċertu xkiel għall-kummerċ transkonfinali (mistoqsija 16). |
5.1.3 |
Fil-fehma tal-KESE, l-uniku approċċ komuni li jagħmel sens biex jiġi indirizzat l-impatt negattiv ta' differenzi fil-leġislazzjoni applikabbli jkun li tiġi adottata leġislazzjoni armonizzata li timmira lejn l-użu tal-UTPs (mistoqsija 17). |
5.2 Mekkaniżmi ta' infurzar fil-livell tal-UE
5.2.1 |
Il-KESE jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni li bħalissa m'hemm l-ebda mekkaniżmu speċifiku fil-livell tal-UE sabiex jiġu miġġielda l-UTPs. Huwa konvint ukoll tal-bżonn – jekk se jingħeleb il-fattur tal-biża' – li l-awtoritajiet nazzjonali f'dan il-qasam jingħataw is-setgħat biex jaġixxu fuq inizjattiva proprja tagħhom, li jirċievu ilmenti anonimi jew mhux uffiċjali u jimponu sanzjonijiet (mistoqsija 18). |
6. Tipi ta' prattiki kummerċjali inġusti
6.1 |
Il-KESE jaqbel li l-UTPs iseħħu matul il-katina ta' provvista alimentari u mhux alimentari, iżda huwa konvint – f'konformità ma' dak li ntqal hawn fuq – li s-sitwazzjoni tilħaq l-agħar tagħha fir-relazzjonijiet bejn is-supermarkets u l-SMEs li huma produtturi. |
6.2 |
Fejn il-lista hija kkonċernata, mhuwiex ċar x'qed jiġi kkunsidrat għall-miżata li l-fornitur potenzjali jrid iħallas. Fil-maġġoranza kbira tal-każi, anke l-ħlas ta' din il-miżata – li hija kondizzjoni preliminarja u neċessarja ta' kull għamla ta' relazzjoni kummerċjali – ma jagħtix lill-fornitur xi garanzija li x-xerrej se jieħu l-prodotti inkwistjoni u li mhuwiex, għall-ebda raġuni, se jaqtgħu mil-lista. |
6.3 |
Ribassi għall-fornituri huma parti li saret rutina tal-prattika attwali tal-katini l-kbar tal-bejgħ bl-imnut. Il-KESE jaħseb li mill-inqas il-benefiċċju ġenerali tagħhom huwa dubjuż. Minn naħa, ir-ribassi għall-fornituri huma simbolu tal-abbuż ta' pożizzjoni dominanti reali, peress li ta' sikwit jaħbu warajhom servizzi mhux mitluba u fittizji; min-naħa l-oħra, joħolqu nuqqas sinifikanti ta' trasparenza fir-rigward id-distribuzzjoni tal-benefiċċji. L-eżistenza ta' ribassi għall-fornituri jfisser li l-fornituri (u osservaturi minn barra) jsibuha diffiċli ħafna jaċċertaw kemm fil-fatt ħallsu għall-prodotti forniti. Fir-realtà, l-ordni biex jiġu forniti prodotti hija bil-kondizzjoni li jiġu aċċettati s-servizzi offruti mix-xerrej. Fil-fehma tal-KESE, miżati għal servizzi reali u ġustifikati pprovduti mix-xerrej lill-fornitur għandhom jiġu inklużi fil-prezz tax-xiri tal-ikel. |
6.4 |
Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:
|
Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali
Henri MALOSSE
(1) Ara l-Opinjoni tal-KESE,"Prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni",ĠU C 271, 19.09.2013, p. 61-65
(2) ĠU C 255, 14.10.2005, p. 44 (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) Ara d-dikjarazzjoni bil-miktub tal-MPEs Nru. 0088/2007. Written declaration on investigating and remedying the abuse of power by large supermarkets operating in the European Union (mhux disponibbli bil-Malti).
(4) Kummissjoni Ewropea, Stqarrija għall-Istampa, Brussell, 5 ta' Diċembru 2012, Improving the functioning of the food supply chain (Intejbu kif tiffunzjona l-katina tal-provvista tal-ikel) (mhux disponibbli bil-Malti)
(5) Consumers International, The relationship between supermarkets and suppliers: What are the implications for consumers?, 2012.
(6) Informazzjoni mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Kompetizzjoni, Affarijiet tal-Konsumatur u Kontroll tal-Frodi, ta' Franza.
APPENDIĊI
għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):
Punt 1.10
Ibdel it-test kif ġej:
"Il-KESE jaħseb li l-liġijiet li jwaqqfu prattiki kummerċjali inġusti adottati f'diversi Stati Membri jirriflettu l-fatt li s-sitwazzjoni attwali mhijiex aċċettabbli. Għalkemm għal diversi raġunijiet dawn il-liġijiet ma pproduċewx riżultati sodisfaċenti, ma jkunx minnu li ngħidu li ma sar xejn. Suċċess wieħed huwa Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir fir-rigward tat-trasparenza fl-iffissar tal-prezzijiet ikbar fil-qsim tal-benefiċċji u t-twaqqif tal-prattiki ta' estorsjoni l-iżjed esaġerati għadu 'l bogħod wisq milli jsir realtà."
Raġuni
Ser tingħata bil-fomm.
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur |
: |
54 |
Kontra |
: |
63 |
Astensjonijiet |
: |
27 |