6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC)”

COM(2012) 682 final — 2012/0321 (NLE)

2013/C 161/10

Relatur: is-Sur STANTIČ

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC)

COM(2012) 682 final – 2012/0321 (NLE).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2013.

Matul l-488 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u fil-21 ta’ Marzu 2013 (seduta tal-20 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’87 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-emenda proposta għall-Artikolu 9 tar-Regolament sabiex titneħħa d-diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati u tingħata spinta lill-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiżi assoċjati fit-twaqqif u l-operat ta’ ERICs (Konsorzji għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka) futuri.

1.2

Il-KESE jemmen li l-ugwaljanza fid-drittijiet tal-vot mhux se tolqot lid-Dimensjoni Komunitarja tar-Regolament u li l-Komunità tista’ żżomm kontroll biżżejjed tal-elementi essenzjali tal-attivitajiet ta’ ERIC permezz ta’ dispożizzjonijiet oħra li jeżistu fir-Regolament.

1.3

Il-KESE huwa mħasseb dwar ir-ritmu baxx li bih qed jiġi applikat l-istrument legali tal-ERIC għat-twaqqif u l-operat ta’ proġetti ta’ infrastrutura tar-riċerka b’interess Ewropew skont il-Pjan Direzzjonali tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI). Għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti l-akbar appoġġ possibbli lill-imsieħba potenzjali u b’hekk tiffaċilita l-użu tal-forma legali ta’ ERIC.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Komunità tikkontribwixxi aktar għall-kofinanzjament ta’ proġetti ta’ ERIC, billi jiġu żgurati sinerġiji aħjar bejn il-Fondi Strutturali u l-Programm Qafas Orizzont 2020.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1

L-infrastruttura tar-riċerka ta’ livell għoli għandha rwol kruċjali fl-isfruttament tal-għarfien u t-teknoloġiji l-ġodda, għal ekonomija Ewropea aktar kompetittiva u msejsa fuq l-għarfien.

2.2

Minkejja li l-appoġġ u l-iżvilupp ta’ infrastruttura tar-riċerka fl-Ewropa ilhom fil-mira tal-Komunità għal dan l-aħħar deċennju, il-frammentazzjoni u r-reġjonalizzazzjoni (1) ta’ din l-infrastruttura kienu minn dejjem uħud mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eċċellenza.

2.3

Fl-2006 l-ESFRI identifika numru ta’ proġetti ta’ infrastruttura ewlenin b’interess pan-Ewropew li jridu jiġu żviluppati sal-2020 (2). Ostaklu prinċipali għat-twaqqif ta’ tali infrastruttura bejn il-pajjiżi tal-UE kien in-nuqqas ta’ qafas legali adegwat għall-ħolqien ta’ sħubijiet adegwati.

2.4

Għalhekk, il-Kunsill adotta r-Regolament ERIC fl-2009 (3). Dan l-istrument legali speċifiku jagħti lil ERIC personalità ġuridika li hija rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha. Dan jista’ jibbenefika wkoll minn eżenzjoni tal-VAT u tad-dazju tas-sisa, u jista’ jadotta l-proċeduri tiegħu stess għall-akkwist.

3.   Kuntest tal-proposta li temenda r-Regolament ERIC

3.1

Skont ir-Regolament attwali, l-ERICs għandhom jinkludu membri minn tal-anqas tliet Stati Membri u jistgħu jinkludu wkoll pajjiżi (4) assoċjati kkwalifikati kif ukoll pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet intergovernattivi speċjalizzati. L-Istati Membri dejjem ikollhom bejniethom il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot fl-Assemblea.

3.2

Arranġament bħal dan iqiegħed lill-pajjiżi assoċjati f’pożiżżjoni inġusta u subordinata, fir-rigward tad-drittijiet tal-vot tagħhom, anke jekk huma jkunu lesti li jagħtu kontribut finanzjarju sostanzjali għat-twaqqif u l-operat ta’ ERIC (5).

3.3

Sabiex il-pajjiżi assoċjati jiġu inkoraġġiti jipparteċipaw b’mod attiv fl-ERICs, l-emenda għall-Artikolu 9 tipproponi bidla b’mod li Stat Membru wieħed biss (minn mimimu ta’ tliet membri) ikun meħtieġ biex jitwaqqaf Konsorzju. Iż-żewġ membri l-oħra jistgħu jkunu minn pajjiżi assoċjati. Il-pajjiżi assoċjati jista’ jkollhom drittijiet tal-vot bl-istess mod.

4.   Kummenti ġenerali u partikolari

4.1

Il-KESE ġeneralment jappoġġja l-emenda fir-Regolament ERIC jekk din tkun tista’ ssaħħaħ il-parteċipazzjoni attiva tal-pajjiżi assoċjati rigward it-twaqqif u l-operat ta’ ERICs futuri, imma jixtieq jagħmel dawn ir-rimarki.

4.1.1

L-argument prinċipali favur minimu ta’ tliet Stati Membri fir-Regolament attwali huwa li tiġi assigurata d-dimensjoni Komunitarja ta’ dan ir-Regolament  (6). F’dan ir-rigward, il-bidla minn tlieta għal wieħed tidher pjuttost radikali.

4.1.2

Il-KESE jfakkar li dan ir-Regolament ġie stabbilit primarjament biex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti tal-proġetti Komunitarji tar-riċerka, it-teknoloġija u l-iżvilupp. Ghalhekk, il-KESE jagħraf il-bżonn li l-Komunità żżomm kontroll ta’ ċerti elementi essenzjali tal-attivitajiet ta’ ERIC.

4.1.3

Min-naħa l-oħra, il-KESE jinnota li ċerti dispożizzjonijiet fir-Regolament attwali li jistgħu jpattu għad-dgħajfien li jista’ jkun hemm fil-pożizzjoni tal-partijiet tal-UE minħabba l-emenda għal Artikolu 9, pereżempju:

L-entitajiet li jkunu jixtiequ jwaqqfu ERIC għandhom jibagħtu applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea;

L-ERICs huma regolati mill-ligi tal-Unjoni, minbarra l-liġi tal-Istat ospitanti;

L-ERICs għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni r-rapporti annwali tagħhom u kull informazzjoni li jistgħu jkunu ta’ xkiel biex iwettqu l-kompiti tagħhom jew biex jissodisfaw l-obbligi tar-Regolament;

Emendi sostanzjali tal-Istatuti jeħtieġu approvazzjoni formali tal-Kummissjoni;

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni rigward ERICs.

Il-KESE għandu bżonn assigurazzjoni sħiħa li d-dispożizzjonijiet t’hawn fuq jiżbqu l-emenda proposta u jiżguraw kontroll suffiċjenti fuq l-attivitajiet rigward ERIC.

4.1.4

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu li, s’issa l-ebda pajjiż assoċjat jew pajjiż terz issieħeb f’ERIC u jittama li s-sitwazzjoni sfavorevoli dwar id-drittijiet tal-vot kienet fil-fatt l-unika raġuni għan-nuqqas ta’ interess tagħhom.

4.1.5

Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li 19 minn 51 proġett ta’ infrastruttura fil-Pjan Direzzjonali tal-ESFRI huma previsti li jużaw il-forma legali ta’ ERIC għat-twaqqif u l-operat tagħhom. Fl-istess ħin, il-Kumitat huwa mħasseb li twaqqfu biss żewġ ERICs mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament fl-2009.

4.1.6

Il-KESE jixtieq li dan il-proċess jitħaffef. Huwa jikkunsidra li r-raġunijiet għal progress daqshekk limitat jinkludu r-rekwiżit ta’ proċeduri amministrattivi u legali tant kumplessi u onerużi biex jiġi stabbilit ERIC. Għaldaqstant il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprovdi miżuri u għodod t’appoġġ għal imsieħba potenzjali u b’hekk tiffaċilita xogħolhom (mudelli ta’ statuti, linji gwida prattiċi, miżuri t’appoġġ speċifiċi għal ERICs taħt l-Orizzont 2020, eċċ).

4.1.7

Minkejja li mhix relatata direttament mal-emenda proposta tar-Regolament, il-KESE jixtieq itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu biex il-Komunità tikkontribwixxi b’mod aktar attiv għall-kofinanzjament ta’ proġetti ta’ ERIC billi żżid il-fondi għall-infrastrutturi tar-riċerka fil-programm qafas Orizzont 2020, u b’mod partikolari billi żżid is-sinerġiji bejn l-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali.

Brussell, 20 ta’ Marzu 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Nofs it-total tal-infiq għar-riċerka imur għal 30 reġjun minn 254, u maġġoranza ta’ proġetti tal-Pjan Direzzjonali ESFRI jinsabu f’10 Stati Membri biss.

(2)  Il-Pjan Direzzjonali tal-ESFRI kien aġġornat fl-2008 u fl-2010. L-aġġornament li jmiss huwa skedat għall-2015.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 dwar il-Qafas Ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC).

(4)  Bħalissa hemm 14-il pajjiż assoċjati mas-Seba’ Programm Qafas. Dawn huma: Norveġja, Islanda, Liechtenstein (abbażi tal-Ftehim taż-ŻEE), Iżrael, Gżejjer Faeroe, Svizzera (abbażi ta’ ftehim internazzjanoli separat), Moldova, Kroazja, Turkija, Bosnja-Ħerzegovina, Montenegro, Albanija, Serbja u FYROM (abbażi ta’ Memoranda ta’ Qbil).

(5)  In-Norveġja għandha interess li tospita 3 ERICs għal proġetti prinċipali mill-Pjan Direzzjonali ESFRI (CESSDA, SIOS, ECCSEL), bil-kundizzjoni li jkun hemm drittijiet tal-vot aktar favorevoli.

(6)  Ara paragrafu (14), ĠU L 206 tat-8.8.2009, p. 1.