19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE”

COM(2013) 78 final — 2013/0049 (COD)

2013/C 271/15

Relatur ġenerali: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar il-25 ta’ Frar 2013 u nhar it-12 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE

COM(2013) 78 final – 2013/0049 (COD).

Nhar it-12 ta’ Frar 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tas-22 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur HERNÁNDEZ BATALLER bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’120 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit qafas legali, b’livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, li jistabbilixxi l-obbligu li l-prodotti għall-konsumatur iridu jkunu sikuri.

1.2

Il-Kumitat iqis li r-Regolament huwa l-istrument legali adegwat sabiex jiġu kkonsolidati t-testi legali eżistenti, waqt li jiġu adattati għall-qafas leġislattiv il-ġdid għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Bir-Regolament ser jiġi stabbilit l-istess livell ta’ sigurtà fil-pajjiżi kollha tal-UE, u b’hekk jiġu stabbiliti kriterji komuni.

1.3

Peress li r-Regolament huwa l-uniku strument li jippermetti li l-miżuri jiġu adottati bl-istess mod, bl-istess appoġġ għall-istess livell ta’ riskju fil-pajjiżi kollha tal-UE, huwa xieraq li din il-proposta tiġi espressa f’termini li jistgħu jiġu interpretati bl-istess skop fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni.

1.4

Il-KESE jqis li, minħabba l-importanza tal-istandardizzazzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-prodotti, il-Kummissjoni għandha żżid l-appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fis-CEN u korpi oħrajn simili.

1.5

Fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern, il-Kumitat iqis li, minn naħa, il-proposta tirrappreżenta mezz ta’ protezzjoni importanti ħafna għall-konsumaturi sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ periklu u mewt u terġa’ tistabbilixxi l-fiduċja; min-naħa l-oħra, iqis li hemm bżonn ta’ trasparenza u kundizzjonijiet indaqs fit-transazzjonijiet kummerċjali, bil-għan li dawk li jippruvaw jipproduċu u jbiegħu prodotti perikolużi ma jkollhomx vantaġġ inġust fuq il-kompetituri li jaċċettaw l-ispejjeż involuti sabiex jagħmlu l-prodotti tagħhom siguri.

2.   Daħla

2.1

Il-protezzjoni tas-sigurtà tal-konsumaturi timplika li l-oġġetti u s-servizzi għad-dispożizzjoni tagħhom iridu jkunu tali li, meta użati f’kundizzjonijiet normali jew prevedibbli, ma jkunux ta’ periklu għas-sigurtà tal-konsumaturi, u f’każ li jippreżentaw periklu, jistgħu jiġu rtirati mis-suq permezz ta’ proċeduri rapidi u sempliċi. Il-protezzjoni tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji prijoritarji fil-politika Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumatur sa mill-programm preliminari tagħha fl-1975 (1). B’riżultat tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1986 (2) dwar il-protezzjoni u t-tħeġġiġ tal-interessi tal-konsumaturi ġie xprunat ’l hekk imsejjaħ “approċċ ġdid” fil-qasam tal-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni (3).

2.2

L-ewwel Direttiva dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, adottata fl-aħħar tal-1992 (4), ġiet issostitwita bid-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 (5), li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Jannar 2002 bi skadenza għal traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri stabbilita għall-15 ta’ Jannar 2004. Dak iż-żmien, il-KESE kien ikkummenta dwar dan (6) u approva l-approċċ propost mill-Kummissjoni iżda esprima riservi dwar ċerti aspetti.

2.3

Bil-ħolqien tas-sistema ta’ twissija bikrija għall-prodotti li mhumiex tal-ikel (RAPEX) ġiet stabbilita sistema għaċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-miżuri adottati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenti ekonomiċi f’rabta mal-prodotti li jippreżentaw riskju serju għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, sabiex jiġu indirizzati ’l hekk imsejħa “sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”. Fl-2004 (7), il-Kummissjoni approvat xi linji gwida speċifiċi sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tar-RAPEX.

2.4

Minkejja li s-27 Stat Membru ttrasponew id-Direttiva fil-leġislazzjoni rispettiva tagħhom, il-metodi ta’ implimentazzjoni ma kinux l-istess fl-Istati Membri kollha, u b’hekk teżisti diskrepanza f’xi atti ta’ traspożizzjoni, fosthom:

l-aspetti relatati mal-valutazzjoni tas-sigurtà kif jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva;

fir-rigward tat-traċċabbiltà, xi Stati Membri għamluha obbligatorja li fuq il-prodott jew fuq l-ippakkjar tiegħu jkun hemm indikati l-identità u d-dettalji tal-prodott, inkluż l-importatur, filwaqt li għal xi Stati Membri oħra, dan huwa fakultattiv;

barra minn hekk, f’xi Stati Membri, in-notifika mill-produtturi hija meħtieġa biss f’każ ta’ riskju magħruf u mhix obbligatorja f’każ li l-produttur “ikun irid jaf” bir-riskju abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Din il-proposta għal Regolament hija parti mill-“Pakkett dwar is-Sigurtà tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq” li tinkludi wkoll il-proposta għal Regolament dwar is-sorveljanza tas-suq uniku u pjan ta’ azzjoni pluriennali għas-sorveljanza tas-suq li jkopri l-perjodu mill-2013 sal-2015.

3.2

Il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tikkompleta l-qafas legali tas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, adottat fl-aħħar snin b’rabta mal-prodotti manifatturati mhux għall-ikel, bl-eċċezzjoni ta’ xi prodotti bħall-antikitajiet. Hija tesiġi li l-prodotti għall-konsumatur ikunu “siguri”, tistabbilixxi ċerti obbligazzjonijiet fuq l-operaturi ekonomiċi u fl-istess ħin tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ standards favur ir-rekwiżit ġenerali tas-sigurtà. Bħala bażi legali, il-Kummissjoni tuża l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jservi wkoll għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern abbażi tal-eżerċizzju tal-poteri kondiviżi tal-Unjoni u l-Istati Membri.

3.3

Il-Kummissjoni tibdel l-istrument leġislattiv u tippreżenta proposta għal Regolament minflok Direttiva, bil-għan li tistabbilixxi l-istess livell ta’ sigurtà fil-pajjiżi kollha tal-UE u jiġu armonizzati r-regolamenti f’dan il-qasam, waqt li tistabbilixxi kriterji komuni dwar il-kwistjoni mingħajr ħsara għal-leġislazzjoni settorjali. Il-proposta għal Regolament timponi regoli ċari u dettaljati li jsiru applikabbli b’mod uniformi u fl-istess waqt fl-Unjoni kollha.

3.4

Il-Kummissjoni għandha l-għan li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, waqt li tirrazzjonalizza u tissemplifika l-funzjonament tas-sistema tas-sigurtà u l-interazzjoni tagħha ma’ leġislazzjoni oħra tal-Unjoni.

3.5

Il-proposta għandha l-għan li tħassar id-Direttiva 87/357/KE u d-Direttiva 2011/95/KE, li l-kontenut tagħhom jinsab maqsum bejn iż-żewġ proposti għal Regolament li qegħdin jitħejjew. B’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet relatati mas-sorveljanza tas-suq u s-sistema RAPEX, li attwalment jinsabu fid-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti ġew trasferiti għall-proposta għal Regolament ġdid uniku dwar is-sorveljanza tas-suq, li ser jgħaqqad id-dispożizzjonijiet kollha dwar din il-kwistjoni fi strument uniku, u b’hekk is-sistema RAPEX tkun l-unika sistema ta’ twissija għall-prodotti li jippreżentaw riskju.

3.6

Barra minn hekk, din il-proposta tistabbilixxi l-obbligi elementari tal-operaturi ekonomiċi milqutin (il-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri) li huma involuti fil-katina tal-provvista tal-prodotti għall-konsumatur diment li dawn ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti korrespondenti fil-leġislazzjoni settorjali ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk l-ambitu tagħha huwa limitat għal sitwazzjonijiet li mhumiex regolati jew regolati parzjalment biss mil-leġislazzjoni settorjali.

3.7

Il-punt ta’ tluq huwa l-prinċipju ġenerali li l-prodotti għall-konsumatur mhux għall-ikel iridu jkunu siguri meta jkunu disponibbli jew jitpoġġew fis-suq tal-Unjoni. L-obbligi aktar dettaljati tal-operaturi ekonomiċi japplikaw biss għal dawk l-operaturi li mhumiex soġġetti għall-obbligi korrespondenti stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni applikabbli għas-settur ta’ prodott konkret.

3.8

Il-proposta ġiet issemplifikata permezz tal-introduzzjoni ta’ rabta ċara mal-leġislazzjoni settorjali u tas-semplifikazzjoni tal-istandards. Il-prodotti għall-konsumatur li jkunu konformi mal-leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni settorjali tal-Unjoni bil-għan li tiżgura s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni ser jitqiesu siguri wkoll permezz ta’ dan ir-Regolament propost.

3.9

Barra minn hekk, it-taqsima tad-definizzjonijiet ġiet aġġornata u allinjata mal-Qafas Leġiżlattiv il-ġdid għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Prodotti. Apparti hekk, il-proċess li jidentifika l-istandards Ewropej eżistenti jew li jitlob it-tfassil ta’ standards Ewropej ġodda li joħolqu l-preżunzjoni li prodott huwa sigur ġie ssemplifikat ħafna u ġie allinjat mal-qafas ġenerali ġdid għall-istandardizzazzjoni.

3.10

L-obbligi tal-operaturi ekonomiċi jindirizzaw, fost affarijiet oħra, kwistjonijiet relatati mat-tikkettar, l-identifikazzjoni tal-prodotti, l-azzjonijiet korrettivi li għandhom jiġu adottati f’każ ta’ prodotti mhux siguri u l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

3.10.1

Il-proposta teħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jidentifikaw l-operaturi li fornewhom bil-prodott u l-klijenti tagħhom. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa sabiex tadotta miżuri li jkunu jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jistabbilixxu jew jaderixxu ma’ sistema ta’ traċċabbiltà elettronika.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-KESE jappoġġja l-eżistenza ta’ leġislazzjoni b’livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi – speċjalment tal-prodotti – u jqis li l-proposta tal-Kummissjoni tista’ tgħin issaħħaħ dan; madankollu jixtieq li jitqiesu l-kummenti li saru f’din l-Opinjoni sabiex tiġi ċċarata l-proposta.

4.2   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li l-informazzjoni kompluta mogħtija fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta ma ġietx inkluża fit-test tar-Regolament. Għalhekk, il-premessi jinkludu kwistjonijiet bħal li l-proposta l-ġdida tapplika għat-tekniċi kollha ta’ bejgħ, inkluż il-bejgħ fuq distanza, li qabel kienu neqsin mit-test tar-Regolament. Fid-dawl tal-istrument legali propost, li jeħtieġ li l-kriterji jkunu standardizzati minn qabel sabiex ikunu jistgħu jiġu interpretati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE, għalhekk ser ikun rakkomandat li għall-inqas tiġi inkluża referenza mqassra għal dawn il-punti fit-test tar-Regolament.

4.2.1   Fil-fehma tal-KESE, il-proposta permezz ta’ Regolament hija rilevanti u adegwata, peress li huwa l-uniku strument li jippermetti li l-miżuri jiġu adottati bl-istess mod, bl-istess appoġġ għall-istess livell ta’ riskju fil-pajjiżi kollha tal-UE. Huwa l-istrument adatt sabiex jitħassru d-Direttiva 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE, dejjem jekk jinżamm il-livell ta’ protezzjoni stabbilit f’dawn iż-żewġ Direttivi fir-rigward tal-livell ta’ sigurtà meħtieġ.

4.2.2   Dan jirriżulta fiċ-ċertezza legali għas-suq u għall-konsumaturi, li flimkien mas-semplifikazzjoni tal-miżuri, tirrappreżenta tnaqqis fl-ispejjeż ekonomiċi għall-adozzjoni tar-Regolament, bit-termini tiegħu li jridu jiġu interpretati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni.

4.2.3   Għandu jiġi enfasizzat li l-proposta għal Regolament tiddefinixxi l-kamp tal-applikazzjoni tiegħu meta mqabbel mal-leġislazzjoni settorjali tal-Unjoni. Għalhekk ikun xieraq li fl-Artikolu 1 tiġi enfasizzata n-natura “ġenerali” u trasverali tagħha relatata mal-bqija tal-leġislazzjoni settorjali fir-rigward tas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur.

4.3   Bħad-Direttiva, il-proposta għal Regolament tesiġi li l-prodotti għall-konsumatur ikunu “siguri”. Tistabbilixxi ċerti obbligazzjonijiet fuq l-operaturi ekonomiċi u tinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tfassil ta’ standards li jappoġġjaw ir-rekwiżit ġenerali tas-sigurtà. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jirreferux għall-“prinċipju ta’ prekawzjoni”, li għandu jirregola s-sigurtà tal-prodotti u li għandu jiġi inkluż espliċitament fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

4.4   Definizzjonijiet fil-proposta

4.4.1

Fir-rigward tad-definizzjonijiet użati fil-proposta, il-KESE jqis li xi wħud minnhom għandhom jiġu riveduti peress li, kemm jekk għal kwistjonijiet terminoloġiċi, ta’ traduzzjoni jew tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri, jistgħu joħolqu problemi fil-futur meta jiġi applikat ir-Regolament.

4.4.2

Il-kunċett ta’ prodotti “siguri” huwa adegwat u jinkludi l-aspetti diversi li jippermettu li tiġi evalwata s-sigurtà li joffru l-prodotti f’termini ta’ ċirkostanzi li l-konsumatur għandu jkun konxju tagħhom, bħall-ħajja, in-natura u l-kompożizzjoni tal-prodott. Madankollu, it-terminu ta’ prodott għandu jiġi kkompletat bit-terminu “manifatturat”.

4.4.3

Bl-istess mod, it-termini “normali” u “raġonevolment prevedibbli” jistgħu jwasslu għal xi konfużjoni, bl-istess mod li l-kriterju ta’ “raġonevolità” jista’ jissuġġerixxi li kwalunkwe prodott jista’ jiġi inkluż, anke jekk ma jkunx sigur, bil-kundizzjoni li jintuża b’mod adegwat.

4.4.4

Min-naħa tiegħu, it-terminu “normali” forsi jista’ jiġi sostitwit b’“tas-soltu”, jew possibbilment, dan it-terminu, minħabba l-ambigwità tiegħu, jiġi trasferit għall-konsumatur li għalih huwa intiż il-prodott. Għal dan il-għan huwa rrakkomandat li dan it-terminu jinbidel b’dak ta’ “prodott insigur”, peress li dan jista’ jgħaqqad il-kunċett ma’ dak li jeżisti fid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-prodotti difettużi (8), fejn hija rrakkomandata l-istandardizzazzjoni tal-qafas legali fl-Istati Membri, għalkemm f’dan il-qasam il-kunċett ta’ prodott huwa usa’.

4.4.5

Fir-rigward tat-terminu “rappreżentant awtorizzat”, għandu jiġi indikat li r-referenza għal “mandat” tista’ twassal għal kunflitti fil-futur f’dawk il-pajjiżi li jesiġu li jiġi ffirmat ftehim ta’ mandat minn qabel, u għalhekk ikun adegwat li jinbidel bit-terminu “mandat bil-miktub” li jħalli lill-pajjiżi ħielsa li jagħżlu l-formula kuntrattwali li hija l-aktar adegwata għal-liġi interna tagħhom, u fl-istess ħin jiġu evitati problemi futuri possibbli ta’ natura kuntrattwali.

4.4.6

Fir-rigward tad-definizzjoni “riskju serju”, ta’ min jirrakkomanda aktar li din tiġi estiża għal kull “espożizzjoni, emerġenza jew periklu” li jkun aktar faċli għall-konsumaturi sabiex jinterpretawha, jiġifieri li r-“riskju serju” jintrabat mal-bżonn li tittieħed azzjoni immedjata u jiġu adottati miżuri hekk kif jiġi magħruf ir-riskju.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-proposta għal Regolament tagħti importanza speċjali lill-bżonn li l-obbligi għall-operaturi ekonomiċi jiġu unifikati u ssemplifikati, u l-KESE jappoġġja dan bis-sħiħ minħabba l-konfużjoni eżistenti, kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali.

5.2   Fl-Artikolu 4 għandha tiżdied din il-frażi: “taħt il-kundizzjonijiet li ser jiġu stabbiliti aktar tard f’dan ir-Regolament”, peress li l-kunċett ta’ sigurtà jista’ ma jkunx jikkoinċidi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’regoli settorjali oħra.

5.3   Fit-test għandu jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta fir-rigward tal-inklużjoni tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Madankollu, il-KESE jispera li l-Kummissjoni tippreżenta proposta kompluta dwar is-sigurtà tas-servizzi fl-UE.

5.4   Fir-rigward tar-referenza għal konsumaturi “vulnerabbli” stabbilita fl-Artikolu 6(d), għandu jiġi ċċarat jekk il-kunċett ta’ konsumatur vulnerabbli huwiex ibbażat fuq kriterju ġenerali (età, saħħa ... ) jew jekk jiddependix mal-karatteristiċi tal-prodott (nuqqas ta’ biżżejjed għarfien). Il-KESE jqis li, sabiex il-liġi tal-Unjoni tkun iktar konsistenti, għandhom jintużaw kunċetti awtonomi proprji fil-liġi kollha tal-Unjoni u mhux jiġu definiti kunċetti għall-finijiet ta’ kull proposta leġislattiva.

5.5   L-Artikolu 6(2)(h) jirreferi għall-aspettattivi raġonevoli tal-konsumatur dwar is-sigurtà. It-terminu ta’ “raġonevoli” għandu jiġi kkonkretizzat b’termini bħal “f’termini tan-natura, il-kompożizzjoni u l-użu tiegħu”, li għandu jagħti lill-Artikolu aktar ċertezza legali.

5.6   Il-KESE jqis li l-konsumaturi għandhom id-dritt għal informazzjoni ċara u preċiża dwar l-oriġini tal-prodotti li għandha tinkludi, fil-każijiet kollha, l-oriġini konkreta tagħhom, waqt li tissodisfa dak li hemm stabbilit fil-liġi tal-Unjoni.

5.7   Barra minn hekk, għandu jiġi rivedut il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li l-manifatturi u l-importaturi għandhom “jassiguraw” konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

5.8   Obbligi tal-manifatturi u operaturi oħra

5.8.1

Il-proposta għal Regolament tistabbilixxi regola dwar l-abbozzar tad-dokumentazzjoni min-naħa tal-manifatturi u l-passi li għandhom jieħdu sabiex iżommu s-sigurtà tal-konsumaturi. Il-KESE jqishom bħala importanti.

5.8.2

Dawn l-obbligi speċifiċi jikkonsistu f’li jiġu ttestjati kampjuni ta’ prodotti disponibbli fis-suq, jistħarrġu l-ilmenti u jżommu reġistru tal-ilmenti, ta’ prodotti mhux konformi u ta’ prodotti rkuprati, kif ukoll l-obbligu li d-distributuri jinżammu infurmati dwar kull monitoraġġ ta’ dan it-tip.

5.8.3

Madankollu, il-proposta ma tispeċifikax il-proċeduri ta’ implimentazzjoni; kull Stat Membru huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-miżuri li jridu jieħdu (bħal pereżempju l-ħolqien ta’ reġistru speċjali) jew li dawn il-miżuri jiġu armonizzati bil-għan li tinżamm sistema ta’ twissija li tippermetti lis-suq jinżamm infurmat kmieni biżżejjed sabiex ikun jista’ jieħu miżuri effettivi qabel ma ssir il-ħsara.

5.9   Dokumentazzjoni teknika

5.9.1

L-obbligu li l-konsumaturi jiġu infurmati għandu jirreferi biss għall-kwistjonijiet relatati mal-użu u n-natura tal-prodotti u mhux estiż għad-dokumentazzjoni teknika li tista’ tkun tinkludi informazzjoni dwar sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra tal-manifatturi li għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet, b’regoli ċari għal dan il-għan li jinsabu nieqsa mill-proposta.

5.9.2

Peress li t-test jidher li jitfa’ r-responsabbiltà fuq il-manifattur għad-danni li prodott jista’ jikkawża minħabba li jkun insigur, ikun aktar adegwat li jiġi stabbilit li l-kontenut ta’ dan id-dokument ser ikun validu għal għaxar snin. Sabiex l-Artikolu 8(6) ikun aktar ċar, l-espressjoni “il-manifatturi għandhom jiżguraw” għandha tinbidel b’“il-manifatturi għandhom ikunu responsabbli”, li tkun aktar konformi mal-obbligu li jaqa’ fuqhom. L-istess għandu japplika, bil-modifiki neċessarji, għall-importaturi u r-responsabbiltà tagħhom, flimkien mal-obbligu li d-dokumentazzjoni teknika tinżamm għal għaxar snin, bħalma għandhom jagħmlu l-operaturi ekonomiċi l-oħra.

5.9.3

Bil-għan li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni dwar prodott speċifiku mingħajr kwalunkwe tip ta’ ostaklu, huwa rakkomandabbli li l-possibbiltà mniżżla fl-Artikolu 8(7), li l-manifattur jindika indirizz wieħed fejn ikun jista’ jiġi kkuntattjat, ma tkunx ta’ piż fuq il-konsumatur, b’tali mod li tista’ tinftiehem li jekk din tintuża, ser twassal għal penalitajiet.

5.10   Fir-rigward tal-prodotti li jidhru li jkunu xi ħaġa oħra milli fil-fatt ikunu, il-KESE jappella għall-ogħla livell ta’ protezzjoni, partikolarment għall-prodotti li jidhru qishom ġugarelli, li għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-minorenni.

5.11   Il-KESE jappoġġja l-bżonn tat-traċċabbiltà tal-prodotti matul il-katina tal-provvista kollha, peress li dan jgħin biex ikunu identifikati l-operaturi ekonomiċi u biex jittieħdu miżuri korrettivi kontra l-prodotti perikolużi, kemm jekk ikunu miżuri ta’ rkupru kif ukoll ta’ rtirar mis-suq.

5.12   Fir-rigward tal-istandards Ewropej li jipprovdu l-preżunzjoni ta’ konformità, il-KESE jqis li l-proposta ttejjeb il-funzjonament attwali tas-sistema. Madankollu għandhom jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet tranżitorji u l-preżunzjoni ta’ konformità għal aktar ċertezza legali.

5.12.1   Minħabba l-importanza tal-istandardizzazzjoni, il-KESE jqis li l-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni għandhom jingħataw ir-riżorsi neċessarji sabiex iżidu l-produttività tagħhom u jiggarantixxu kwalità għolja. Barra minn dan hemm bżonn li r-rappreżentazzjoni tal-konsumaturi tkun aktar effettiva.

5.13   Bi prinċipju, ir-regoli dwar l-atti ddelegati jidhru raġonevoli, minkejja li ma jagħmilx sens li d-delega tingħata għal żmien indefinit. Barra minn hekk, l-atti ddelegati m’għandhomx jiġu adottati dwar kwistjonijiet essenzjali u għandhom jinżammu fil-limiti tal-att oriġinali. Għandhom partikolarment jintużaw qabel ma l-prodotti perikolużi jitpoġġew fis-suq. Għalhekk, jidher raġonevoli li jiġu adottati atti ddelegati fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3)(a) tal-proposta, filwaqt li l-każijiet li jidhru fis-sottoparagrafu (b) jidhru aktar dubjużi.

5.14   Fir-rigward tal-penalitajiet, għandu jiġi enfasizzat li l-KESE huwa favur li jiġu armonizzati t-tipi ta’ ksur u l-penalitajiet korrespondenti (9), peress li huwa biss is-sempliċi appell ġeneriku sabiex il-penalitajiet ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati li jista’ jagħti lok għal distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq.

5.14.1   Fl-aħħar nett, il-KESE jqis li l-Istati Membri għandu jkollhom mezzi ta’ rimedju u ta’ rikors adegwati u effettivi quddiem il-qrati kompetenti bil-għan li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament fl-interess ġenerali tal-konsumaturi.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ April 1975 dwar programm preliminari tal-KEE għal politika dwar il-protezzjoni u l-informazzjoni għall-konsumatur. ĠU C 92, 25.4.1975, p. 1. (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  ĠU C 167, 5.7.1986, p. 1. (mhux disponibbli bil-Malti)

(3)  Abbażi tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7.5.1985, ĠU C 136, 4.6.1985, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU L 228, 11.8.1992, p. 24.

(5)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4. (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 06 P. 447-462 )

(6)  ĠU C 367, 20.12.2000, p. 34. (mhux disponibbli bil-Malti)

(7)  Deċiżjoni 2004/418/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 151, 30.4.2004. p. 84) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 08 P. 386-413).

(8)  ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 01 P. 257-261).

(9)  Pereżempju, bħalma hemm fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009, ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.