12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku — Aġġornament dwar il-Komunikazzjoni tal-Politika Industrijali”

COM(2012) 582 final

2013/C 327/14

Relatur: is-Sur VAN IERSEL

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar is-16 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku — Aġġornament dwar il-Komunikazzjoni tal-Politika Industrijali

(COM(2012) 582 final)

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2013.

Fl-491 sessjoni plenarja tiegħu, li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju (laqgħa tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni li ġejja bi 132 vot għal 1 bi 3. astensjoni(jiet).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-attenzjoni mmirata lejn l-industrija Ewropea – il-manifattura u s-servizzi – kif intwera fl-aġġornament tal-Kummissjoni dwar il-politika industrijali ta’ Ottubru 2012, inkluż fl-Annessi, b'analiżi artikolata dwar il-politiki u n-nuqqasijiet industrijali fl-Istati Membri. Ħafna elementi jaqblu ma' opinjonijiet mogħtija mill-KESE (1). Il-prova vera se tkun fl-implimentazzjoni.

1.2

Il-politika industrijali, waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, għandha tkun il-bażi ta' Inizjattiva għat-Tkabbir tal-UE, li qed tissemma ħafna iżda ftit li xejn tittieħed azzjoni effettiva dwarha. Hemm bżonn ta' mentalità tajba u approċċi koerenti. L-impatt politiku jidher waħdu. Il-KESE jinkoraġixxi lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jintensifikaw inizjattivi (koerenti) u politiki trasversali li jilħqu l-isfidi enormi tat-titjib tal-produzzjoni industrijali madwar l-Ewropa.

1.3

Il-Kunsill Ewropew għandu jmexxi l-aġenda dwar il-Politika Industrijali. Il-Kummissjoni għandha tkun involuta bis-sħiħ. Hemm bżonn punt fokali mmirat u kondiviż fil-Kunsilli differenti - Kompetittività, Riċerka, Ambjent, Soċjali, - fil-Kummissjoni u fil-PE biex jidentifikaw u jippromwovu politiki tal-ogħla livell madwar l-Ewropa.

1.4

Hemm bżonn ta' komunikazzjoni mifruxa tad-deċiżjonijiet dwar il-politika industrijali fir-rigward ta' azzjonijiet, pjanijiet u skadenzi sabiex dawn isiru strateġija mexxejja għall-Ewropa. Għad hemm nuqqas kbir ta' dan attwalment.

1.5

Barra minn hekk, l-UE għandha bżonn konverġenza Ewropea ottimali tal-politiki industrijali tal-UE u tas-27 Stat Membru, li skont firxa wiesgħa ta' analiżijiet, hi 'l bogħod mir-realtà attwali. Id-diversità hija ta' valur iżda l-frammentazzjoni hija ta' dannu. L-iżbilanċi ġeopolitiċi għandhom jiġu indirizzati.

1.6

Kundizzjonijiet qafas aħjar ifissru, qabel kollox, it-tkomplija tas-suq intern tal-UE fi ħdan ekonomija soċjali tas-suq, żgurata minn valutazzjonijiet, regolamenti u implimentazzjoni korretti madwar l-Unjoni. L-investiment pubbliku għal konnessjonijiet transkonfinali bħal toroq, kanali tal-ilma, portijiet, ajruporti u linji ferrovjarji, għandu jappoġġja s-Suq Intern.

1.7

Bil-qgħad jikber għal iktar minn 26 miljun ruħ, tkabbir żgħir u baġits dejjem jonqsu, l-industrija u l-innovazzjoni għandhom bżonn prospetti u kundizzjonijiet li jistimulawhom. Irid jinstab bilanċ tajjeb bejn il-konsolidazzjoni fiskali - il-miżuri ta' awsterità -, il-programmi nazzjonali ta' riforma u l-politika industrijali sabiex jiġu ġġenerati investimenti u jinħolqu l-impjiegi, u b'hekk tiżdied il-kunfidenza.

1.8

Kwalunkwe inizjattiva tal-UE għandha ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinamiċi globali bħala kompettitriċi u msieħba. L-għan tant ambizzjuż ta’ 20 % ta' industrija fil-manifattura sal-2020 jitlob investiment estensiv u aġġustament sostanzjali tal-politika. Hemm bżonn kbir ta’ titjib fil-produttività.

1.9

Kundizzjonijiet intelliġenti għall-industrija jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet u l-aġġustamenti tekniċi. Dawn huma relatati mal-ambjent kollu tal-industrija, prinċipalment politika dwar il-klima u l-enerġija li tkun koerenti u prevedibbli għal perjodu twil ta' żmien, sabiex tappoġġja bażi industrijali kompetittiva. Il-kundizzjonijiet għandhom isaħħu l-prestazzjonijiet tajbin ħafna kif ukoll irawmu attivitajiet u industriji li għadhom jibdew.

1.10

Il-politiki tal-UE għandhom ikunu mfassla apposta u speċifiċi għas-setturi, u għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet minn isfel għal fuq li jindirizzaw bl-aħjar mod il-kapaċitajiet u l-isfidi tekniċi u ekonomiċi. Dawn il-prinċipji għandhom ikunu applikati wkoll fit-tilħiq tal-għanijiet tal-inizjattiva ewlenija dwar l-effiċjenza tar-riżorsi li għandha l-għan li żżid l-effiċjenza fl-użu tal-materja prima waqt li, fl-istess ħin, il-prinċipji għandhom l-intenzjoni li jippromovu l-innovazzjoni u jrawmu r-reżiljenza tal-kumpaniji Ewropej.

1.11

Il-politika industrijali, għandha dimensjoni soċjali qawwija li taffettwa l-livelli kollha tas-soċjetà: ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, in-negozji kollha, il-forzi tax-xogħol fejn it-tendenzi tal-post tax-xogħol jinbidlu malajr – id-diġitizzazzjoni, ir-robotizzazzjoni, il-manifattura marbuta mas-servizzi, l-ICT -, is-settur tal-edukazzjoni u l-universitatjiet, il-konsumaturi u ċ-ċittadini. Il-politika industrijali hija marbuta kemm mar-ristrutturar kif ukoll mal-antiċipazzjoni. Għandha tipprovdi edukazzjoni, taħriġ u informazzjoni aġġornati, u trawwem it-teknoloġija, l-innovazzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija. Il-bidla demografika għandha tkun antiċipata u mwieġba b'mod xieraq.

1.12

Ir-reġjuni ambizzjużi qed jgħollu l-prestazzjoni industrijali. L-UE u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-prattiċi awtonomi tagħhom, inkluż l-ispeċjalizzazzjoni u r-riċerka, il-kwalifiki u l-clusters. Għad hemm ħafna x'jista' jinkiseb.

1.13

Għandhom jiġu enfasizzati l-inizjattivi u l-proġetti kif ukoll eżempji nazzjonali u reġjonali li jistgħu jsaħħu l-kunfidenza tal-poplu u tal-atturi soċjo-ekonomiċi. Il-Ftehimiet ta’ sħubija UE-Stati Membru kif ukoll in-netwerking fost l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiġu intensifikati. Is-Semestru Ewropew annwali jagħti ħafna opportunitajiet għal monitoraġġ kontinwu.

1.14

Il-politika industrijali tal-UE għandha tkun proċess kondiviżiv li tulu jsir skambju tal-viżjonijiet u l-kompetenzi tal-UE u dawk nazzjonali, kif ukoll azzjonijiet kondiviżi li fihom in-negozji u t-trejdunjins ikunu msieħba sħaħ. Partijiet interessati oħra bħall-edukazzjoni, l-universitajiet (ir-riċerka), l-NGOs, il-konsumaturi u oħrajn, kull fejn hu xieraq, għandhom ikunu impenjati bl-istess mod.

1.15

Minkejja differenzi sostanzjali f’termini ta’ produzzjoni ekonomika fost l-Istati Membri, kollha għandhom jibbenefikaw mill-aħjar prattiki kif ukoll mill-opinjonijiet u l-approċċi li jappoġġjawhom.

1.16

Il-KESE kontinwament jippreżenta proposti dwar is-setturi u dwar il-politika industrijali, ara l-Anness. Din l-Opinjoni hija pjuttost dwar il-koerenza ta’ temi importanti, u dwar governanza effettiva permezz tal-koordinazzjoni u l-perfezzjonament.

2.   Kuntest

– A/   Globali

2.1

Skont analiżi tal-Kummissjoni, is-sehem tal-ispejjeż tax-xogħol jidher li qed isir dejjem parti iżgħar mill-ispejjeż totali tal-produzzjoni (2). Il-produttività hija fattur importanti. Xi ftit produzzjoni qed tiġi lura lejn l-Ewropa iżda, l-kompetizzjoni qiegħda dejjem tikber f’oqsma oħra bħat-titjib tal-infrastruttura ekonomika fil-pajjiżi BRICS, l-apprezzament tal-euro u l-prezzijiet tal-enerġija, li jistimulaw l-investimenti barra l-Unjoni.

2.2

Barra minn dan, l-Ewropa għadha lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Ġappun fir-rendiment innovattiv u l-ispeċjalizzazzjoni teknoloġika. L-Ewropa hija rappreżentata aħjar mill-Istati Uniti fl-industriji b’teknoloġija medju-għolja jew medju-baxxa, iżda d-differenza tradizzjonali bejn iż-żewġ kontinenti fis-settur tat-teknoloġija għolja żdiedet sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin.

2.3

Il-White House u l-Kungress qed juru impenn qawwi għar-rinaxximent tal-manifattura bi strateġija nazzjonali għall-kompetittività għall-2014-2018 (3). Kwistjoni ċentrali hija r-rwol u l-valur tal-manifattura fl-ekonomija, is-sigurtà u t-tmexxija globali tal-Istati Uniti.

2.4

Is-sħubijiet pubbliċi-privati jirraffurzaw l-infrastruttura teknoloġika u innovattiva. Il-Ministeri tad-Difiża, l-Enerġija u l-Kummerċ huma involuti direttament, kif huma wkoll in-National Science Foundation u n-NASA, li b’hekk jagħtu impetu lil għadd kbir ta’ universitajiet u istituti ta’ riċerka nazzjonali.

2.5

Dan huwa żvilupp ta’ min jinnotah f’pajjiż li sa ftit żmien ilu kien qed jirrakkomanda l-ekonomija post-industrijali. Il-kompetittività dejjem tikber taċ-Ċina u pajjiżi oħra sservi ta' twissija. Il-perċezzjoni qiegħda tinbidel. Huwa mbassar li ċ-Ċina se tkun l-ikbar qawwa ekonomika fid-dinja sal-2030 waqt li l-Istati Uniti se jżommu t-tmexxija globali u l-Ġappun u l-Ewropa se jibqgħu fuq wara sew (4).

2.6

L-esplorazzjoni ġdida għaż-żejt, u fuq kollox, għall-gass tax-shale, mistennija li twassal għall-indipendenza enerġetika tal-Amerika. Din l-esplorazzjoni qed tkun ikkunsidrata bħala rivoluzzjoni enerġetika permezz ta' rinaxximent industrijali fl-Istati Uniti kif ukoll ċaqliq ġeopolitiku. Għad iridu jiġu indirizzati kwistjonijiet ambjentali u tas-saħħa (5).

2.7

Iċ-Ċina, il-Brażil u l-Indja qed ikomplu jagħmlu progress. Ir-Russja wkoll miexja 'l quddiem. Bis-saħħa ta' dawn qed javvanzaw malajr pajjiżi oħra fl-Asja u l-Amerika Latina. Għal numru ta’ snin, iċ-ċifri tat-tkabbir fl-ekonomiji emerġenti kienu ogħla mill-medja sew, speċjalment fl-Asja. Sistemi edukattivi li għadhom kif twaqqfu qed joħolqu għadd kbir ta’ tekniċi u inġiniera bi kwalifiki u edukazzjoni għolja. Fl-istess ħin, qed jitwaqqfu istituti ta’ riċerka enormi. Il-kwalità tal-prodotti u l-proċessi innovattivi kollha qed jitjiebu. Il-faċilitajiet tat-trasport u l-infrastruttura tas-servizzi qed ilaħħqu magħhom sew.

2.8

Fiċ-Ċina, qed tibda tidher sistema mħallta ta’ kapitaliżmu statali u mekkaniżmi ta’ suq ħieles (6). Din hija magħġuna sew mal-kultura nazzjonali u t-tradizzjonijiet (politiċi) eżistenti. Il-ħolqien tal-ġid ma jmurx id f’id mad-demokrazija u lanqas mad-drittjiet tal-ħaddiema u tal-bniedem. Il-kundizzjonijiet ambjentali u tas-saħħa għadhom mhux żviluppati sew, minkejja li l-kwalità tal-produzzjoni qiegħda tiżdied. Ir-reazzjonijiet negattivi huma dejjem possibbli. Iżda wieħed irid isemmi li l-intervenzjonijiet kapitalistiċi mill-Istat se jkomplu jmexxu ċerti tipi ta’ produzzjoni li tikkorispondi mal-ambizzjonijiet nazzjonali. L-investiment minn fondi tal-ġid sovran jistgħu jaħdmu fl-istess direzzjoni, kemm f'investimenti interni kif ukoll fl-investimenti barra l-pajjiżi.

2.9

Għadd ta' pajjiżi normalment jibbenefikaw minn struttura ta' governanza iktar sempliċi milli l-UE minħabba l-fatt li dawn għandhom ċentru wieħed fejn jieħdu d-deċiżjonijiet, strateġija komuni u għanijiet maqbula fis-settur pubbliku.

2.10

Partijiet mill-Afrika ukoll qegħdin fi proċess ta’ żvilupp rapid Iċ-Ċina tinvesti ħafna mingħajr ma tagħti każ l-impatt fuq is-soċjetà.

2.11

Il-kuntest globali u l-ġeopolitika qed jinbidlu b’mod kostanti. Id-data hija ta' importanza kbira biex l-opinjoni pubblika u politika ssir iktar sensittiva. Il-KESE jirrakkomanda tabella ta’ valutazzjoni regolari tal-UE għal għadd ta’ żviluppi soċjo-ekonomiċi, teknoloġiċi u tal-impjieg.

– B/   L-Ewropa

2.12

L-analiżi dettaljati tal-Kummissjoni dwar ix-xejriet Ewropej u għal kull pajjiż juru aktar għarfien dwar il-ħtieġa għal industrija tal-manifattura.

2.13

Hemm sitwazzjoniet differenti sew bejn pajjiż u ieħor, mill-Ġermanja li għandha kważi 30 % tal-industrija tal-manifattura tal-Ewropa, għal pajjiżi – kbar jew żgħar – b’perċentwali sostanzjalment inqas sa baxxi ħafna. F’xi Stati Membri l-investiment industrijali naqas b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar 20 sena. F’xi każi dan ġara minħabba ristrutturazzjoni fuq skala kbira, u f’oħrajn minħabba negliġenza wkoll (7).

2.14

Fost l-Istati Membri li qed itejbu l-kundizzjonijiet uħud minnhom qed jirnexxu aktar minn oħrajn. L-impjieg fl-industrija qiegħed dejjem jonqos. Barra minn dan, fil-kriżi attwali li bdiet fl-2008, intilfu iktar minn 4 miljun impjieg fil-manifattura.

2.15

M’hemm ebda indikazzjoni li l-politiki u l-istrumenti jew l-aħjar prattiki qed ikunu diskussi bejn l-Istati Membri. Il-kunċetti nazzjonali tal-politiki industrjali u innovattivi huwa xprunati prinċipalment minn tradizzjonijiet u proċeduri nazzjonali, u identifikati minn oqsfa nazzjonali u relazzjonijiet bejn is-settur pubbliku u privat, fost l-oħrajn, negozji, istituti ta’ riċerka u universitajiet u trejdunjins.

2.16

Għalhekk, ħafna politiki u l-arranġamenti finanzjarji marbuta magħhom huma prinċipalment orjentati lejn pajjiż wieħed, li ma jiffavorix is-suq intern jew il-proġetti trasversali transkonfinali.

2.17

Minkejja riżultati ta’ suċċess kbir f’xi pajjiżi, il-Kummissjoni tinnota li l-frammentazzjoni tas-suq intern ittellef il-fatturi ta’ tkabbir potenzjali.

2.18

Id-diversità kreattiva hija assi importanti fl-Ewropa, iżda tkun ta’ benefiċċju għall-Ewropej kollha biss jekk tiġi żgurata konverġenza lejn għanijiet komuni. Għandu jintlaħaq l-aħjar bilanċ bejn id-diversità kreattiva fost l-Istati Membri u l-konvergenza trasparenti u konvinċenti.

2.19

Din il-konverġenza se tagħti riżultati partikolarment lin-netwerks kontinentali ta' SMEs b'potenzjal għat-tkabbir, kif jidher mill-eżempju Amerikan.

3.   L-istrateġija Ewropa 2020: viżjoni, kompetenzi u azzjonijet kondiviżi

3.1

Is-suq intern għandu bżonn impetu ġdid. Għalkemm il-protezzjoniżmu moħbi qed jiżdied, u għad hemm id-dell tar-rinazzjonalizzazzjoni u l-frammentazzjoni, l-UE qed jirnexxiela żżomm is-suq intern sħiħ u l-prinċipji ta’ swieq miftuħa bla tibdil, għalkemm l-implimentazzjoni tibqa' dgħajfa.

3.2

L-Istrateġija Ewropa 2020, li tipprevedi kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri, għandha twitti t-triq f’dan ir-rigward. Din l-istrateġija, li tirrispetta l-approċċi u l-metodi nazzjonali speċifiċi, tipprovdi strumenti effikaċi biex isir gwadann mill-vantaġġi ta’ azzjoni fuq skala Ewropea. Il-benefiċċji potenzjali ta' tali governanza mmirata baqgħu ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni.

3.3

Hemm bżonn urġenti wkoll ta’ riżultati viżibbli biex il-proċessi innovattivi ta’ suċċess u l-ħolqien tal-impjiegi jimxu b'mod parallel max-xejriet dejjem jinbidlu tal-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni u s-servizzi.

3.4

Hemm bżonn ta' azzjoni immirata biex tantiċipa r-ristrutturar. Din se twassal għal aċċettazzjoni tal-aġġustamenti, tiffavorixxi it-tagħlim ta’ ħiliet ġodda jew l-aġġornament tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u tgħin biex tillimita l-impjiegi prekarji (8).

3.5

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2010 diġà wasslet għal inizjattivi,bħall-programm Orrizont 2020, l-ittestjar għall-kompetittività, l-innovazzjoni industrijali, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-ħiliet u l-edukazzjoni, l-aċċess għall-finanzjament, l-interazzjoni bejn l-industrija u s-servizzi u n-nuqqas ta' distinzjoni bejniethom, u ż-żieda fl-għarfien dwar il-kumplikazzjonijiet fl-investimenti internazzjonali u t-trasferiment tat-teknoloġija.

3.6

Huwa sorprendenti li sa ftit żmien ilu, ftit li xejn saret evalwazzjoni bejn il-pari fl-Istati Membri. Għall-Kummissjoni,għandu jiġi estiż ir-rwol ta' monitoraġġ.

3.7

L-evalwazzjonijiet bejn il-pari se juru fejn hemm strutturi obsoleti fl-industrija kif ukoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn jgħinu biex titħaffef il-modernizzazzjoni bl-użu ta’ approċċi ta’ suċċess, u jistgħu jkunu indikaturi għall-konverġenza Ewropea ottimali "minn isfel għal fuq" kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku.

3.8

Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni fih rakkomandazzjonijiet għal kull pajjiż li huma marbuta mal-iżvilupp industrijali (9). Jeħtieġ li dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż jiġu indirizzati aħjar fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, kif diskussi mill-Istati Membri u l-Kummissjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew.

3.9

Madanakollu, ikun żball kbir li dan jitħalla f’idejn il-Kummissjoni biss. Huwa wkoll kompitu primarju tad-dipartimenti kompetenti fl-Istati Membri stess li huma responsabbli mill-politiki li mhux koperti mir-regolamenti jew miżuri tal-UE. Barra minn hekk, dawn id-dipartimenti għandhom jiżguraw ukoll l-implimentazzjoni preċiża tar-regolamenti tal-UE.

3.10

Il-politiki finanzjarji fi ħdan iż-żona tal-euro jitolbu koordinazzjoni rfinata bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali. M’hemm ebda raġuni għaliex ma tistax tintlaħaq koordinazzjoni komparabbli fit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet qafas għall-industrija, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.

3.11

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni jista' wkoll jgħin lill-Istati Membri jwettqu reviżjonijiet bilaterali jew trilaterali bejniethom dwar oqsma marbuta mal-industrija, bħall-ħiliet u l-edukazzjoni, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, il-piżijiet amminstrattivi, il-politika dwar it-taxxa u l-għajnuna mill-Istat. Kull pajjiż faċilment jista’ jasal għal konklużjonijiet dwar politiki tajbin għalih f’perspettiva Ewropea komuni. L-ewalwazzjoni serja tal-miżuri applikati għandha xorta waħda tkun parti mill-programmi nazzjonali.

3.12

Billi dawn ix-xejriet għandhom ikunu appoġġjati mis-soċjetà kollha, importanti ħafna li l-assoċjazzjonijiet tan-negozji u t-trejdunjins jaġixxu bħala msieħba sħaħ fil-proċess. Dan jgħodd ukoll għal partijiet interessati oħra bħas-settur tal-edukazzjoni, l-NGOs, il-konsumaturi u oħrajn, fejn xieraq. Approċċi konsenswali jwasslu għal riżultati tajba. Id-djalogi soċjali fil-livell nazzjonali u reġjonali kif ukoll fi ħdan is-settur u l-kumpaniji huma ta’ kontribut kbir.

4.   Temi li jridu jiġu indirizzati

4.1   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-kumplimentarjetajiet bejn l-interventi nazzjonali u tal-UE fil-politika industrijali huma kundizzjoni fundamentali għas-suċċess tal-politika industrijali Ewropea. Dawn se jżidu l-impatt tal-azzjonijiet tal-UE u nazzjonali, u joffru ħafna opportunitajiet biex ngħaddu mill-kliem għall-fatti.

4.1.1   Kunċett kumplessiv ifisser approċċ olistiku u politiki trasversali. Hawn taħt, il-KESE jenfasizza temi interkonnessi li jqis li huma kruċjali għall-futur tal-industrija Ewropea.

4.2   Innovazzjoni industrijali

4.2.1

L-innovazzjoni industrijali għandha bżonn bażi teknoloġika Ewropea b’saħħitha, sostnuta minn-koordinazzjoni u kooperazzjoni transkonfinali bejn l-istituti ta’ riċerka u l-universitajiet, it-teknoloġija applikata u n-negozji.

4.2.2

It-Teknoloġiji Abilitanti Prinċipali u teknoloġiji oħra trasversali huma kruċjali għall-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp nazzjonali u tal-UE. Għadd ta’ attivitajiet aktar 'l isfel fil-katina, kif ukoll politiki pubbliċi, li jikkonċernaw l-iżvilupp sostenibbli jibbenefikaw minnhom. Il-qafas tal-UE għall-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika-privata, prinċipalment permezz ta’ pjattaformi tat-teknoloġija tal-UE, huwa essenzjali. L-akkwist pubbliku għandu jiġġenera wkoll inċentivi għal innovazzjoni avvanzata.

4.2.3

It-teknoloġija hija l-kamp tal-battalja tal-futur. Bil-promozzjoni ta’ proġetti internazzjonali (ewlenin), il-Kummissjoni u l-Kunsill għar-Riċerka għandhom ikunu fit-tmexxija fit-triq għar-raffurzar tas-suq intern għat-teknoloġija u l-proġetti transkonfinali. Ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ suċċess u l-privattivi Ewropej għandhom isostnu l-investimenti innovatti u l-impjiegi ta’ kwalità għolja.

4.2.4

Il-KESE jenfasizza s-sinifikat tar-riżorsi finanzjari tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp u l-proġetti transkonfinali. Il-programm Orizzont 2020 għandu jilħaq il-livell tal-isforzi ta’ pajjiżi oħra. Għalkemm l-Ewropa għadha f’pożizzjoni tajba, it-tmexxija tradizzjonali tagħha qed tiddgħajjef. Tnaqqis fil-baġit tal-programm Orizzont 2020 huwa kontroproduċenti.

4.2.5

Ir-rwol ewlieni tal-edukazzjoni ogħla u r-riċerka relatata mal-innovazzjoni jidher waħdu. Il-programmi u l-ġestjoni għandhom ikunu aġġustati fejn hemm bżonn.

4.2.6

Tajjeb li jkun hemm informazzjoni annwali dwar l-investiment pubbliku u privat fit-teknoloġiji ewlenin.

4.2.7

L-innovazzjoni taffettwa ħafna iktar oqsma. Hija dwar dinamiċi ġodda fin-negozju u fuq il-post tax-xogħol: id-disinn mill-ġdid ta’ metodi ta’ produzzjoni attwali, il-bżonn tar-ristrutturar tal-operazzjonijiet obsoleti, l-iżvilupp tal-katina tal-valur u s-setturi l-ġodda, in-nuqqas ta' distinzjoni bejn l-industrija u s-servizzi. L-innovazzjoni hija kwistjoni ta' modernizzazzjoni u kreattività fis-soċjetà. Għandha tkun komunikata bħala tali.

4.2.8

Il-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn għat-teknoloġija u l-innovazzjoni fis-servizzi kollha tagħha bħala prijorità orizzontali. Tajjeb li l-amministrazzjonijiet nazzjonali jsegwu dan il-metodu.

4.3   Ħiliet u kwalifiki

4.3.1

It-teknoloġija, l-innovazzjoni, id-disinn mill-ġdid tal-proċessi ta’ produzzjoni, l-integrazzjoni tal-industrija u s-servizzi, il-ħtiġijiet ġodda tas-soċjetà u s-setturi avvanzati l-ġodda, kollha jagħmlu parti mill-qasam kruċjali tal-ħiliet u l-kwalifiki xierqa.

4.3.2

Sistemi ta' edukazzjoni aġġornati fil-livelli kollha huma ta' importanza kbira. L-attenzjoni tal-UE għall-edukazzjoni, l-iskejjel u t-taħriġ qed tiżdied kif xieraq - kif qed tiżdied fil-livelli nazzjonali u reġjonali. L-edukazzoni hija ħtieġa bażika u għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd.

4.3.3

Kwalukwe inizjattiva tal-UE favur it-tkabbir titlob enfasi kontinwa fuq il-firxa kollha tal-edukazzjoni. Minħabba d-differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri, l-iskambju tal-prattiki t-tajba se jkun indispensabbli biex jindirizzaw b'mod partikolari il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

4.3.4

Il-partjiet interessati għandhom rwol ewlieni. F’kull livell – fil-kumpanija (inklużi l-kumitati azjendali), fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE – id-djalogi soċjali għandhom jindirizzaw l-edukazzjoni, l-apprentistati/l-edukazzjoni fuq żewġ binarji, it-taħriġ industrijali u t-taħriġ avvanzat (tul il-ħajja) sabiex itejbu l-kompetenzi u l-impjegabbiltà u b'hekk jilħqu l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. Ir-rikonoxximent tal-kompetenzi u l-kwalifiki bejn pajjiż u ieħor għandha tkun ir-regola biex tiġi promossa l-mobilità internazzjonali.

4.3.5

Kif suġġerit mill-OECD, il-Kummissjoni għandu jkollha l-mandat biex twettaq evalwazzjonijiet bejn il-pari tas-sistemi edukattivi u r-riżultati tagħhom fl-Istati Membri. Dawn se jipproduċu indikaturi utli għat-titjib, fejn hemm bżonn, kif iseħħ f’ħafna oqsma oħra.

4.3.6

Il-livell ta’ kompetenzi meħtieġa għan-negozji u għas-soċjetà qiegħed dejjem jiżdied. L-edukazzjoni teknika, u s-servizzi fil-manifattura huma prijoritajiet, mill-kwalifiki ta’ livell baxx sal-edukazzjoni ogħla. L-iskejjel sekondarji tekniċi u s-sitemi VET jaqdu rwol essenzjali.

4.3.7

Fl-edukazzjoni ogħla, għandhom jiġu indirizzati nuqqasijiet strutturali ta' xjenzati, inġiniera u matematiċi - studenti u riċerkaturi -, għall-ġlieda kontra d-distakk bejn id-domanda u l-provvista fis-suq tax-xogħol.

4.3.8

Kull ħaddiem għandu jkun intitolat għat-taħriġ vokazzjonali. Dan huwa partikolarment neċessarju għall-ħaddiema u l-persuni tas-sengħa bi speċjalizzazzjonijiet speċifiċi fl-SMEs u fl-artiġjanat.

4.3.9

Il-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli fis-settur industrijali, ibbażat fuq kundizzjonijiet tax-xogħol aġġornati, u kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza, huwa parti mill-mentalità t-tajba għall-proċessi ta’ modernizzazzjoni fl-industrija. Il-kompetittività imtejba għandha timxi id f’id ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol adatti u mad-drittjiet tal-ħaddiema.

4.3.10

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-impatt tax-xejħin tal-popolazzjoni fl-UE fuq il-provvista tax-xogħol fl-industrija. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema ikbar fl-età għandhom ikunu adattati għal dan, kif ukoll l-istruttura u l-kapaċità tat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja.

4.4   Aċċess għall-finanzjamenti

4.4.1

L-aċċess għall-finanzjamenti jibqa’ punt dgħajjef. Is-settur industrijali bata ħafna minħabba l-kriżi bankarja. Il-banek jibqgħu jżommu jdejhom meta jaslu għall-finanzjamenti ta’ kreditu. Il-kriżi ħadmet favur ir-rinazzjonalizzazzjoni tal-operazzjonijiet. L-averżjoni għar-riskji tradizzjonali tiżdied minħabba regoli internazzjonali iktar stretti dwar il-kapital ta’ ekwità, u probabilment minħabba r-regolamenti finanzjarji tal-UE. Fortunatament, ir-Regolamenti Basel III, li jostakolaw is-self, se jiġu applikati b’inqas riġidità bil-mod il-mod.

4.4.2

L-SMEs għandhom bżonn inġinerija finanzjarja iktar adatta, u sorsi finanzjarji ġodda bħal pereżempju kumpaniji tal-assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni. Għan ewlieni hu li r-riskji jitqassmu jew jiddgħajfu, fost l-oħrajn permezz ta’ skemi ta' garanzija jew fondi mill-gvern. Il-finanzjament mill-poplu għandu jiftaħ prospettivi attraenti.

4.4.3

Sadanittant, il-finanzjamenti mill-privat u mhux mill-banek għandhom jiżdiedu. L-inizjattivi privati fl-Istati Membri għandhom jiġu enfasizzati. Id-distakk mal-Istati Uniti huwa ta’ eżempju: żewġ terzi tal-investimenti Amerikani huma ffinanzjati barra mis-settur finanzjarju, mqabbla ma’ terz biss fl-Ewropa. Il-leġislazzjoni nazzjonali u tal-UE għandha tinkoraġġixxi x-xejra lejn iktar finanzjamenti privati u ekwità privata, b’mod partikolari bħala appoġġ għall-innovazzjoni.

4.4.4

Is-sussidjarjetà tfisser diversità kbira fil-politiki dwar it-taxxi kif ukoll fis-sistemi ta’ sussidji u self madwar l-Ewropa. Il-KESE jinsisti dwar valutazzjoni u evalwazzjoni bejn il-pari tal-istrumenti nazzjonali mill-Kummissjoni, għal konverġenza effettiva tal-istrumenti.

4.4.5

Il-BEI u l-Kummissjoni qed jaħdmu fuq strumenti għall-UE kollha tal-ġenerazzjoni li jmiss b’impatt u b'effett ta' lieva akbar mill-għotjiet. Il-kapaċità ta’ riskju tal-fondi tal-UE, flimkien mal-kapaċità ta’ finanzjament tal-BEI, huwa maħsub biex iwassal għal taħlita ta’ kapaċitajiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għal għanijiet industrijali.

4.4.6

Il-Fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw, ikkordinati bejn il-BEI u l-Kummissjoni, u li għandhom jiġu applikati għall-programm Orizzont 2020, għal Cosme, għall-qafas pluriennali u għall-politika reġjonali għandu jkollhom riżultati multiplikaturi. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-viżibbiltà ta’ min hu responsabbli min xiex. Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jinżamm baġit tal-UE mmaniġjat sew u robust, ikkumplimentat minn strumenti ta’ kreditu nazzjonali (ri)organizzati li rnexxew. Il-bonds tal-proġetti u s-self favur l-ambjent għandhom jiġu estiżi.

4.4.7

Ir-regoli tal-UE attwali huwa ristretti u burokratiċi wisq. Il-KESE jerġa jinsisti li l-istrumenti tal-UE għandhom ikunu mfassla għas-suq u faċli biex timplimenthom. Għandhom ikunu flessibbli għall-kundizzjonijiet ta' suq li qed jinbidel malajr, għall-kumpaniji innovattivi kif ukoll għall-proġetti mikroekonomiċi żgħar li mhumiex magħrufa. Irid jinstab bilanċ ġdid bejn il-governanza tal-istrumenti li tista’ toqgħod fuqha u l-bżonnijiet tas-suq.

4.5   Żvilupp sostenibbli

4.5.1

L-iżvilupp sostenibbli u l-effiċjenza tar-riżorsi, minkejja differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, huma dejjem iktar integrati fl-istrateġiji tal-kumpaniji, u l-operazzjonijiet upstream u downstream. Il-mudelli tan-negozji sostenibbli jsaħħu r-reżiljenza tal-kumpaniji Ewropej. Il-pubbliku u l-privat iridu jistrieħu fuq xulxin.

4.5.2

Każ speċjali f'dan ir-rigward huwa t-tibdil fil-klima u l-emmissjonijiet tas-CO2. B'riskju persistenti tar-rilaxx tal-karbonju u tal-investiment, il-KESE jinsisti fuq valutazzjoni ġdida tal-politiki tal-UE bħala bażi għal tranżizzjoni sostenibbli lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

4.5.3

Il-kosteffiċjenza u l-fattibbiltà teknika biex tinżamm il-kompetittività tal-kumpaniji huma prerekwiżiti għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE. Is-sinerġiji bejn il-miri ambjentali u r-rendiment industrijali se jiġu ġġenerati biss wara li jsir dan kollu.

4.5.4

Tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi/ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, immexxija mit-teknoloġija, għandha tkun ukoll ġusta soċjalment għall-ġenerazzjonijiet kollha tal-forza tax-xogħol.

4.5.5

Ix-xejħin tal-popolazzjoni jfisser li l-anzjani se jkunu proporzjon ikbar mill-konsumaturi u l-produzzjoni industrijali jkollha tadatta għal xejriet ta' konsum differenti. Dan jipprovdi wkoll opportunitajiet ta' negozji ġodda u spazju għall-innovazzjoni bħall-ikel funzjonali u l-addattament tal-akkomodazzjoni u t-trapsort, kif ukoll teknoloġiji ġodda fil-kura tas-saħħa u kura għal tu ta' żmien.

4.5.6

Population ageing means senior citizens will make up a larger proportion of consumers and industrial production will have to cater for their different consumption pattern. This also provides new businesses opportunities and room for innovations such as functional food and in the adaptation of housing and transport, as well as new technologies in health and long-term care.

4.5.7

Il-programmi u d-dispożizzjonijiet regolatorji tal-UE għandhom, fost affarijiet oħra, jixprunaw l-innovazzjoni sostenibbli, b'konformità mal-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-inizjattiva ewlenija dwar l-effiċjenza tar-riżorsi. Minħabba l-interessi industrijali enormi involuti, kundizzjonijiet ambjentali stabbli, li jistgħu jitqabblu u li jistgħu jkunu mbassra, madwar l-Unjoni kollha, huma ta’ importanza kbira. Għandu jkun hemm valutazzjoni tal-”Ekodisinn” (10) u tal-introduzzjoni ta' limiti assoluti dwar l-użu tal-materja prima għall-industrija.

Ir-regolamentazzjoni żejda wkoll għandha effett fuq l-innovazzjoni u l-investiment u tista' twassal għal telf fl-ishma tas-suq. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jissalvagwardjaw l-industrija bażika (intensiva fl-enerġija) tal-Ewropa u jeliminaw id-distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi.

4.6   Servizzi

4.6.1

Is-servizzi jkopru 70 % tal-ekonomija Ewropea, u jħaddmu l-ikbar parti mill-forza tax-xogħol. Huma wkoll marbuta sew ma’ proċessi industrijali, u jsaħħu l-bażi tagħhom. Madanakollu, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandha ma saritx sew. Barra minn hekk, is-servizzi tan-negozju għadhom mhux żviluppati sew f’ħafna bnadi tal-UE.

4.6.2

In-nuqqas ta’ suq integrat tas-servizzi – element li ma jistax jiġi ttraskurat – għandu effett negattiv kemm fuq il-kummerċ intern Ewropew kif ukoll fuq il-produttività. F'dawn iż-żewġ oqsma l-Istati Uniti qed imexxu billi dawn għandhom suq tas-servizzi ħafna iktar integrat. Għad hemm “tendenza għas-suq domestiku” fis-servizzi, appoġġjata minn ostakli għal servizzi transkonfinali. B’inqas kummerċ ikollna inqas kompetizzjoni: is-swieq tas-servizzi tal-UE għandhom nazzjonali, b’mod ġenerali, u dan ifixkel it-tkabbir fil-produttività (11).

4.6.3

Dan l-iżvilupp fjakk huwa ostaklu għal settur tal-ICT kompetittiv fl-Ewropa, ifixkel l-inizjattivi pijunjieri u jżid l-ostakli għat-tkabbir tal-produttività. Għalhekk, l-UE għandha tiżgura l-iżvilupp tas-servizzi f’suq ħieles u tippromwovi servizzi tan-negozju, u l-ħolqien tal-impjiegi marbuta ma’ dan madwar l-Ewropa.

4.7   Ostakli amministrattivi

4.7.1

L-ilmenti dwar l-ostakli amminstrattivi huma komuni. Madankollu, xorta waħda għadhom iwasslu għal ftit li xejn evalwazzjoni sistematika mill-ġdid tar-regoli u r-regolamenti ta' oriġini nazzjonali li għalihom bl-istess mod għandhom isiru valutazzjonijiet tal-impatt kif il-Kummissjoni tapplika għall-politiki tagħha. Ftit li xejn hemm koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Ostakli amminstrattivi qed ikunu ta' dannu għal ħafna li jippruvaw joħolqu start-ups u jrawmu l-SMEs.

4.7.2

F’dan il-qasam, il-protezzjoniżmu moħbi qed jiżdied. Il-KESE jinsisti fuq valutazzjonijiet kontinwi u trasparenti. Il-Kummissjoni għandha jkollha l-mandat biex twettaq stħarriġ. Il-reviżjoni bejn il-pari għandha tkun diskussa fil-Kunsill. Il-Kunsill għandu jiddefinixxi l-miri u l-iskadenzi.

4.8   SMEs

4.8.1

Hemm ħafna SMEs differenti, li spiss ma tistax tqabbilhom. F’xi setturi, pereżempju fil-bejgħ bl-imnut, dawn qegħdin taħt pressjoni qawwija. Madanakollu, f’oħrajn qed jieħdu attivitajiet minn kumpaniji ikbar - esternalizzazzjoni, katini tal-valur, eċċ. Normalment dawn huma essenzjali għall-innovazzjoni tal-prodotti u s-servizzi. Minħabba s-saħħa innovattiva u s-suċċess fuq is-suq tagħhom, l-SMEs għandhom ikunu integrati u enfasizzati bħala forza mexxejja fil-politika industrijali tal-UE.

4.8.2

Minħabba d-dinamika tagħhom, l-interazzjoni fil-katini tal-valur, u l-flessibbiltà, l-SMEs spiss huma pijunjieri ta' soluzzjonijiet mfassla apposta u għar-rinnovament. Huma wkoll sors tajjeb ta’ impjiegi ġodda. L-SMEs għandhom ikunu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-użu tar-riżorsi skarsi u l-enerġija. Fl-aħħar mill-aħħar dan iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż li se jippermettilhom prestazzjoni aħjar u l-ħolqien tal-impjiegi.

4.8.3

L-Ewropa teħtieġ intraprendituri żgħażagħ. Għandha tkun enfasizzata l-edukazzjoni għall-intraprenditorija - inkluż il-fenomenu ta' università intraprenditorjali. Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija tal-Kummissjoni.

4.8.4

L-għadd ta’ impriżi li għadhom jibdew qed jiżdied. Madanakollu, it-tqabbil mal-Istati Uniti juri li ftit wisq kumpaniji jilħqu l-livell ta’ tkabbir matur. Dan huwa marbut kemm ma' kundizzjonijiet finanzjarji ħżiena kif ukoll ma' ostakli nazzjonali għas-suq intern.

4.9   Enerġija

4.9.1

Politiki tal-enerġija nazzjonali differenti jwasslu għal politiki fframmentati dwar it-taħlita tal-enerġija fl-Unjoni, li taffettwa l-prezzijiet tal-enerġija, it-teknoloġija, ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi u s-suq intern. Il-KESE jinsisti dwar Politika Komuni għall-Enerġija. Minħabba l-implikazzjonijiet kbar tal-enerġija għall-ekonomija, politika industrijali serja ma tistax tieħu forma mingħajr ċerti prinċipji komuni madwar l-Ewropa.

4.9.2

Il-Kunsill ma jistax jibqa' jaħrab minn dibattitu strateġiku dwar il-prospetti tal-enerġiji għal tul ta' żmien u l-politiki marbuta ma' dan, jiġifieri t-taħlita tal-enerġija mixtieqa fl-UE, li tkopri l-materja prima fossili, l-enerġija nukleari, u l-enerġiji rinovabbli. Il-kundizzjonijiet ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza huma wkoll parti mill-aġenda.

4.9.3

Id-deċiżjonijiet huma iktar urġenti issa li l-iżvilupp tal-gass tax-shale fl-Istati Uniti bħalissa qed ibiddel totalment l-istampa globali tal-enerġija.

4.9.4

Il-prezzijiet tal-enerġija tal-UE huma sostanzjalment ogħla minn dawk ta' imsieħba kummerċjali ewlenin. Il-prezz tal-gass Amerikan huwa 20 % tal-prezz Ewropew. Dan għandu implikazzjonijiet enormi għas-settur tal-kimika u tal-azzar u jista' jaffetwa l-industriji downstream tagħhom. L-effett fuq l-investimenti fl-Ewropa u l-bżonn għal rispons kkordinat tal-UE u l-Istati Membri jqajmu kwistjonijiet jaħarqu li jitolbu tweġiba effettiva.

4.9.5

L-industrija qed tikkontribwixxi għall-enerġiji rinovabbli. Iżda minħabba l-ispiża għolja tal-enerġija, huwa kruċjali li jinstab bilanċ bejn il-kompetittività u l-proċess ta' finanzjament għas-sorsi rinovabbli li jista' jinvolvi tnaqqis mid-dażji kif ukoll skemi ta' appoġġ ta' titijb tal-kosteffiċjenza.

4.10   Relazzjonijiet esterni

4.10.1

Ir-relazzjonijiet esterni jmorru lill hinn mill-ftehimiet formali bħad-WTO. Fl-iżvilupp tad-dimensjoni esterna tal-politika industrijali, l-UE u l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu opinjonijiet komuni dwar kif jitrattwaw kwistjonijiet kumplikati prinċipalment biex jiżguraw kundizzjonijiet ugwali fuq livell dinji. Billi s-swieq miftuħa jitlobu reċiproċità, l-UE għandha tittratta b’mod serju tgħawwiġ konkret u dannuż għall-interessi industrijali Ewropej.

4.10.2

Il-forniment tal-enerġija mingħajr tfixkil huwa kruċjali għal raġunijiet ekonomiċi kif ukoll ta’ sigurtà. Din il-kwistjoni iktar u iktar titlob approċċ Ewropew komprensiv fid-dawl tal-prezzijiet baxxi tal-enerġija fl-Istati Uniti bħalissa. Attenzjoni speċjali għandha tiffoka wkoll fuq materjali li huma essenzjali għall-proċessi industrijali.

4.10.3

Standards ambjentali, klimatiċi u soċjali internazzjonali jew ftehimiet tas-settur korrispondenti huma vitali għal kundizzjonijiet ugwali fuq livell dinji. Għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet biex jinżammu l-ktajjen tal-valur fil-manifattura fl-Ewropa.

4.10.4

Il-KESE jenfasizza l-bżonn tal-protezzjoni tad-drittjiet tal-proprjetà intellettwali. Għandu jiġi żgurat l-aċċess għall-akkwist pubbliku barra l-pajjiż.

4.10.5

Ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bbilanċjati u nnegozjati sew, speċjalment mal-Istati Uniti, huma milqugħin tajjeb ferm. Il-monitoraġġ mill-qrib huwa indispensabbli.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara, fost l-oħrajn, ĠU C 218, 23.07.2011, p. 38, reazzjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni preċedenti tal-KE dwar il-Politika Industrijali fl-2010

(2)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SWD(2012)297 final, paġna 10

(3)  American Manufacturing Competitiveness Act (L-Att dwar il-Kompetittività tal-Industrija Amerikana), tal-2012.

(4)  Global Trends: Alternative Worlds, National Security Council, Washington, Diċembru 2012.

(5)  US EPA, Study of the Potential Impacts of Hydraulic Fracturing on Drinking Water Resources: Progress Report, (Studju dwar l-Impatti Potenzjali tal-Fratturazzjoni Idrawlika fuq ir-Riżorsi tal-Ilma tax-Xorb: Rapport ta' Progress) Diċembru 2012 (http://www2.epa.gov/hfstudy)

(6)  Ara State Capitalism, The Economist, Rapport speċjali, Jannar 2011.

(7)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Industrial Performance Scoreboard and Report on Member States’ Competitiveness, Performance and Policies, SWD(2012) 298 final, Partijiet 1, 2, 3 and 4.

(8)  Ara wkoll ir-Rapport tal-PE, tar-relatur Cercas.

(9)  Ara n-nota 7: Id-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal, Partijiet 1-4.

(10)  Id-Direttiva tal-UE 125/009 ta’ Ottubru 2009

(11)  “How to build European services markets”, John Springford, Centre for European Reform, Settembru 2012, p. 4.