19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/127


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa — Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b’mod diġitali”

COM(2012) 784 final

2013/C 271/24

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar it-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa – Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b’mod diġitali

COM(2012) 784 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-22 ta' Mejju 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’156 vot favur, u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-Aġenda Diġitali, bl-enfasi fuq l-azzjonijiet prijoritarji, li tant huma meħtieġa b’mod urġenti għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

1.2

L-ekonomija Ewropea tinsab fi kriżi. Skont il-Kummissjoni, il-PDG fi ħdan l-UE-27 huwa staġnat, u fiż-żona tal-euro ser jitnaqqas b’0,25 % oħra fl-2013. Il-qgħad laħaq rekord għoli ġdid fi Frar, b’10,9 % tal-forza tax-xogħol fl-UE-27, b’aktar minn 26 miljun persuna qiegħda (1). Il-Greċja u Spanja jkomplu jsofru minn l-ogħla rati ta’ qgħad ta’ 26,4 % u 26,3 % rispettivament, filwaqt li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE-27 hija 23,5 %.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li dan il-livell għoli inaċċettabbli tal-qgħad huwa traġedja u li l-Ewropa għandha timmobilizza r-riżorsi disponibbli kollha sabiex toħloq l-impjiegi u tmur lura għat-tkabbir sostenibbli (2).

1.3

Minkejja r-reċessjoni ekonomika, l-ekonomija diġitali qed tikber b’rata mgħaġġla u toħloq l-impjiegi. Fil-fatt, l-industrija tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) testima li sal-2015 ser ikun hemm 700 000 impjieg vakanti minħabba n-nuqqas ta’ ħiliet fl-ICT fl-Ewropa. Din il-lakuna fil-ħiliet f’dan iż-żmien ta’ qgħad kbir hija tal-mistħija.

1.4

L-Ewropa għandha bżonn mill-aktar fis l-istrateġija tal-Aġenda Diġitali sabiex l-irkupru jsir aktar malajr u jitwettaq tkabbir sostenibbli u inklużiv, speċjalment fl-aktar reġjuni ekonomikament batuti tal-UE. Hija f’waqtha li ssir issa r-reviżjoni tal-istrateġija, biex b’hekk jiġu pprijoritizzati l-azzjonijiet l-aktar kritiċi għat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg.

1.5

Il-broadband huwa l-infrastruttura abilitanti essenzjali għall-Aġenda Diġitali. Għalhekk, il-Kumitat kien iddiżappuntat ferm bid-deċiżjoni li ħa l-Kunsill fi Frar (3) biex inaqqas l-baġit 2014-20 tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, minn EUR 9,2 biljun għal EUR 1 biljun biss. Dan it-tnaqqis ineħħi l-appoġġ tal-QFP għall-implimentazzjoni tal-broadband, u l-akbar impatt negattiv ser iħossuh ir-reġjuni l-aktar foqra u żvantaġġati tal-UE, bir-riżultat li d-distakk diġitali li dejjem qed jikber ser ikompli jiggrava.

1.6

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddeskrivi sensiela ambizzjuża ħafna ta’ proposti sabiex jiġu indirizzati l-ostakli għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa. Il-KESE jistenna bil-ħerqa li meta jkun il-waqt jirrevedi l-Komunikazzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni dwar kull waħda mill-inizjattivi proposti. Dakinhar biss ikun possibbli li jikkummenta bis-sħiħ dwar il-miżuri partikolari, l-impatti mistennija tagħhom u l-kwistjonijiet possibbli.

1.7

B’kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet ta’ ħin u riżorsi, il-KESE huwa tal-fehma li l-eżami mill-ġdid tal-istrateġija tal-Aġenda Diġitali għandha tagħti prijorità lill-azzjonijiet għat-tkabbir li ġejjin:

il-provvista ta’ konnettività mal-Internet b’veloċità għolja u li tintlaħaq mill-but taċ-ċittadini kollha;

iż-żieda fl-inklużjoni diġitali u l-litteriżmu diġitali;

l-iżvilupp tal-ħiliet fl-ICT, il-mili tal-lakuna fil-ħiliet fl-ICT, il-ħolqien ta’ impjiegi, u l-appoġġ lill-intraprenditorija;

il-bini ta’ fiduċja u t-tisħiħ tas-sigurtà ċibernetika;

il-protezzjoni tal-privatezza u s-sikurezza personali onlajn (speċjalment għat-tfal);

il-ħolqien ta’ Karta tad-Drittijiet Diġitali għall-utenti;

iż-żieda fl-involviment tas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika;

l-implimentazzjoni ta’ strateġija effettiva ta’ cloud computing, inkluża regolamentazzjoni adatta;

iż-żieda fil-kompetittività globali fl-ICT u s-servizzi diġitali, bil-għan li l-kumpaniji Ewropej jiġu stabbiliti bħala l-mexxejja tas-suq dinji f’teknoloġiji u servizzi ewlenin;

sinerġiji b’effett ta’ lieva mill-proġetti Ewropej GNSS, Galileo u EGNOS.

1.8

Il-KESE jinnota bi pjaċir li ħafna mill-azzjonijiet li l-Kumitat appella għalihom fl-Opinjonijiet tiegħu “Is-suq diġitali – xprun għat-tkabbir” (4) u “Suq Intern diġitali inklużiv” (5) huma koperti fil-Komunikazzjoni. Dawn jinkludu l-konnettività tal-broadband, l-interoperabbiltà, is-sikurezza onlajn, in-newtralità tal-internet u l-internet miftuħ, u l-armonizzazzjoni tal-VAT.

1.9

Peress li l-implimentazzjoni tal-broadband ta’ veloċità għolja fl-UE kollha hija daqshekk importanti, il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda firxa ta’ strumenti ta’ finanzjament biex jappoġġjaw l-investiment aċċellerat fl-infrastruttura tal-broadband, speċjalment fejn il-profitti normali tas-suq ma jkunux biżżejjed biex jattiraw fondi privati.

1.10

Is-soluzzjonijiet innovattivi, inkluż użu akbar ta’ teknoloġiji mingħajr fili, għandhom jitnedew mill-aktar fis possibbli biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-broadband u jiġi indirizzat id-distakk diġitali li qed jikber bejn iż-żoni urbani u dawk rurali.

1.11

Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tagħti parir kif l-aċċess għall-broadband ta’ veloċità għolja jista’ jiġi rikonoxxut bħala dritt universali taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-post.

1.12

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għall-integrazzjoni sħiħa tal-ICT fil-politika tal-edukazzjoni, sabiex it-tagħlim tul il-ħajja fil-litteriżmu diġitali u l-ħiliet tal-ICT ikun disponibbli għaċ-ċittadini kollha (6), u jappoġġja l-iżvilupp ta’ intelliġenza diġitali soda fis-soċjetà kollha u fl-ekonomija. Il-Kumitat iqis ukoll li huwa essenzjali li jiġu implimentati politiki li jippromovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni fl-ICT.

1.13

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtieġa għal taħriġ ta’ kompetenza diġitali u ħiliet diġitali immirat għaċ-ċittadini qiegħda, kif ukoll għat-titjib tal-ħiliet ta’ persuni li diġà huma parti mill-forza tax-xogħol, li għandhom bżonn ħiliet ġodda sabiex ikomplu jaħdmu fl-ekonomija diġitali.

1.14

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tqis kif l-użu tal-infrastruttura pubblika tal-ICT, b’mod partikolari l-broadband u r-riżorsi tal-informatika fl-iskejjel u fil-libreriji, jista’ jintuża bħala kwistjoni ta’ politika biex jappoġġja t-taħriġ fil-ħiliet tal-ICT u l-litteriżmu diġitali fl-Unjoni.

1.15

Il-fiduċja tal-konsumaturi hija fundamentali biex tistimula d-domanda għal servizzi diġitali innovattivi. Din il-fiduċja tissaħħaħ permezz ta’ protezzjonijiet leġislattivi aktar b’saħħithom għall-konsumaturi, inkluż l-infurzar ta’ regoli ta’ “nuqqas ta’ konformità” meta l-konsumaturi ma jirċevux l-veloċitajiet tal-broadband reklamati mill-kumpaniji li jipprovdu s-servizz tal-Internet.

1.16

Il-Kumitat jappella għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar l-introduzzjoni ta’ marka ta’ fiduċja Ewropea għan-negozji. Kif argumentat f’Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (7), skema ta’ ċertifikazzjoni u ttikkettar fl-UE kollha għan-negozjanti diġitali żżid il-kunfidenza tal-konsumatur bil-kbir fin-negozju diġitali u transkonfinali, u tgħin lill-SMEs jkabbru n-negozji transkonfinali onlajn.

1.17

Il-Kumitat jirreferi lill-Kummissjoni għall-Opinjoni tal-KESE dwar “L-Internet Miftuħ u n-Newtralità tan-Net” (8), u jitlob bil-qawwa li l-prinċipju tan-newtralità tan-net jiġi stabbilit fil-liġi tal-UE malajr kemm jista’ jkun.

1.18

Il-KESE jixtieq jara l-ħolqien ta’ Karta tad-Drittijiet Diġitali għaċ-ċittadini kollha biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur.

1.19

Il-Kumitat jappella għal darb’oħra lill-Kummissjoni biex tagħraf is-sinerġiji sostanzjali li għandhom jinkisbu bl-inklużjoni adegwata tal-programmi GNSS fl-Aġenda Diġitali.

1.20

Hekk kif is-soċjetà diġitali tevolvi u jiġu pprovduti aktar servizzi pubbliċi kritiċi onlajn, il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tibqa’ tipprovdi appoġġ iffukat għall-istrateġiji mmirati lejn iż-żieda fl-inklużjoni diġitali madwar l-Unjoni kollha. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-inklużjoni ta’ ċittadini li huma żvantaġġati minħabba xi diżabbiltà, problemi ta’ litteriżmu, età, mezzi ekonomiċi jew ġeneru. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-ħatra tal-Promoturi Diġitali fl-Istati Membri, u jistenna bil-ħerqa rapporti dwar l-effettività ta’ din l-istrateġija.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

L-ekonomija diġitali qed tikber daqs seba’ darbiet ir-rata tal-bqija tal-ekonomija Ewropea, u 50 % taż-żieda fil-produzzjoni tiġi mill-investiment fl-ICT. Hemm aktar minn 4 miljun ħaddiem tal-ICT mifrux ma’ bosta setturi fl-Ewropa, u minkejja l-kriżi, l-għadd tagħhom qed jiżdied bi 3 % fis-sena. L-ICT hija t-teknoloġija trasformattiva essenzjali li tappoġġja bidla strutturali f’setturi bħall-enerġija, il-kura tas-saħħa, is-servizzi finanzjarji, il-manifattura, is-servizzi pubbliċi, u l-edukazzjoni. Iżda l-frammentazzjoni tal-qafas ta’ politika pan-Ewropew u ostakli strutturali attwalment qed iwaqqfu dan il-potenzjal milli jseħħ.

2.2

Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa billi tiffoka l-Aġenda Diġitali mill-ġdid f’oqsma prinċipali:

it-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali  (9) sal-2015.

it-tħaffif tal-innovazzjoni diġitali fis-settur pubbliku bl-użu tal-effett ta’ lieva tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) (10).

l-aċċellerazzjoni tal-forniment ta’ konnettività tal-Internet b’veloċità għolja.

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Cloud Computing  (11), li se tnaqqas l-ispejjeż tal-ICT u żżid il-produttività, it-tkabbir u l-impjiegi.

l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ċibernetika  (12) Ewropea. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tespandi l-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Onlajn (13).

it-tmexxija ta’ Gran Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, li ser twettaq azzjoni koordinata madwar l-UE sabiex tingħata spinta lill-impjieg u l-ħiliet diġitali.

Ambjent tan-negozju aktar favorevoli għal dawk li għadhom kemm jiftħu u pjan ta’ azzjoni għall-intraprenditorija tal-web.

Permezz tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet fil-Komunikazzjoni hemm it-tama li jinħolqu 3,8 miljun impjieg ġdid fl-ekonomija fuq terminu twil.

it-tmexxija ta’ strateġija industrijali ġdida għall-elettronika, b’finanzjament tar-RŻI ffukat fuq ir-rekwiżiti strateġiċi, fit-teknoloġiji ewlenin.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1

Hija meħtieġa ħafna aktar azzjoni biex jinkiseb iċ-ċiklu virtuż previst fl-Aġenda Diġitali, li jgħaqqad l-infrastruttura diġitali, il-kontenut, is-servizzi, is-suq, u l-innovazzjoni għal aktar produttività u tkabbir. Is-Suq Uniku Diġitali għadu ’l bogħod milli jsir realtà u l-Istati Membri għadhom ivarjaw b’mod konsiderevoli fir-rata tal-iżvilupp tal-infrastruttura u r-riforma regolatorja tagħhom.

3.2

L-ekonomija Ewropea tinsab fi kriżi. Aktar minn 26 miljun persuna fl-UE-27, 10,9 % tal-forza tax-xogħol, huma qiegħda. Il-kundizzjoni ħażina tal-ekonomija Ewropea tikkuntrasta sfavorevolment mal-kompetituri globali tagħna: il-qgħad fl-Istati Uniti kien biss ta’ 7,7 % f’Jannar, rata baxxa għal 4 snin, u 4,3 % fil-Ġappun.

3.2.1

L-aħħar figuri mill-Eurostat (14) jenfasizzaw ukoll id-differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. L-Awstrija u l-Ġermanja kellhom rati tal-qgħad ta’ 4,8 % u 5,4 % biss rispettivament. B’kuntrast ma’ dan, ir-rata tal-qgħad tal-Greċja u Spanja hija ta’ aktar minn 26 %.

3.2.2

Il-qgħad fost dawk li għandhom inqas minn 25 sena huwa partikolarment għoli. Aktar minn wieħed minn kull żewġ żgħażagħ huma bla xogħol fil-Greċja (58,4 %) u fi Spanja (55,7 %).

3.3

L-Aġenda Diġitali tistabbilixxi kopertura tal-broadband u miri rigward il-veloċità ambizzjużi u titlob lill-Istati Membri jieħdu miżuri, inklużi dispożizzjonijiet legali, biex jiffaċilitaw l-investiment tal-broadband. Madankollu, skont il-Kummissjoni (15), l-Ewropa qed taqa’ aktar lura mill-kompetituri globali tagħha fil-forniment ta’ infrastruttura broadband. L-investimenti tal-broadband b’veloċità għolja qed isiru aktar malajr f’partijiet tal-Asja u fl-Istati Uniti, li jwassal għal kopertura sinifikament aħjar u veloċitajiet ogħla. Minn Diċembru 2011, il-Korea t’Isfel, b’20,6 % ta’ abbonamenti għal kull 100 resident, kellha l-ogħla użu ta’ fibrottika fid-dinja kollha, jiġifieri d-doppju ta’ dak tal-Isvezja (9,7 %) li kienet l-aqwa fl-UE. Il-Ġappun kellu t-tieni l-ogħla użu tal-fibrottika bi 17,2 %.

3.4

L-inklużjoni diġitali għandha tkun dritt taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-post tagħhom fis-soċjetà. Għandhom isiru sforzi speċjali biex jiġu inklużi dawk iċ-ċittadini li huma żvantaġġati minħabba xi diżabbiltà fiżika, mezzi ekonomiċi, età, problemi ta’ litteriżmu jew ġeneru.

3.5

L-aċċess għall-broadband ta’ veloċità għolja għandu jiġi rrikonoxxut bħala dritt universali għaċ-ċittadini tal-UE. Il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni rigward l-inklużjoni tal-broadband fl-Obbligu ta’ Servizz Universali fl-2010 (16). Tweġiba għal din il-mistoqsija hija meħtieġa b’mod urġenti biex jiġu promossi l-benesseri taċ-ċittadini, l-impjiegi u l-inklużjoni diġitali.

3.6

Il-gvernijiet għandhom jiżguraw li l-aċċessibbiltà diġitali u l-kompetenza diġitali huma disponibbli għal kulħadd. Il-Kumitat jixtieq jara li kull ċittadin ikollu aċċess għal taħriġ tul il-ħajja ta’ ħiliet diġitali għal raġunijiet professjonali, personali, u ta’ ċittadinanza.

3.7

Id-distakk diġitali jsir dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-broadband b’veloċità għolja, peress li ċ-ċittadini mhumiex biss imċaħħda mill-aċċess għall-informazzjoni, bħal ma hu fil-każ ta’ broadband bażiku, iżda huma mċaħħda wkoll minn servizzi diġitali bbażati fuq l-Internet disponibbli biss fuq konnessjonijiet ta’ veloċità għolja, bħas-saħħa elettronika, l-edukazzjoni elettronika, u l-gvern elettroniku.

3.8

It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (17) u ċ-ċifri l-aktar reċenti tal-Eurostat (18) juru li d-distakk diġitali qiegħed dejjem jikber, u li d-differenzi bejn l-Istati Membri huma kbar. Fl-2012, 28 % tal-unitajiet domestiċi fl-UE-27 ma kellhomx konnettività tal-broadband. Iżda fil-Ġermanja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit aktar minn 80 % tal-unitajiet domestiċi għandhom konnessjoni tal-broadband, filwaqt li fil-Bulgarija, il-Greċja, l-Italja u r-Rumanija din tinżel għal anqas minn 60 %. Barra minn hekk, 90 % tal-unitajiet domestiċi mingħajr broadband jinsabu fiż-żoni rurali. Hemm 35 miljun dar f’żoni rurali li għadhom qed jistennew għall-konnettività ta’ veloċità għolja, u jekk ma tingħatax attenzjoni adegwata lil ċittadini li jgħixu ’l barra minn ċentri urbani, dawn ser ibatu dejjem aktar minn żvantaġġi soċjali u ekonomiċi.

3.9

Il-kompetenza diġitali u l-użu tal-internet huma marbutin mill-qrib mal-konnettività tal-broadband. Għalhekk, fejn anqas minn 10 % tal-persuni fil-Finlandja u l-Isvezja qatt ma użaw l-internet, dan il-persentaġġ jitla’ għal aktar minn 40 % fil-Bulgarija, il-Greċja u r-Rumanija.

3.10

Ir-riforma tar-regolamenti tal-ippjanar, l-ippjanar tal-infrastruttura intelliġenti, l-inċentivi ta’ investiment u t-teknoloġiji innovattivi jistgħu jgħinu biex jitnaqqas id-distakk tal-broadband. Madankollu, iċ-ċittadini għandhom ukoll jaġixxu b’mod responsabbli u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-konnettività tal-Internet b’veloċità għolja.

3.11

Il-fiduċja u l-parteċipazzjoni tal-konsumatur huma kruċjali biex jitwettqu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali. Mingħajr fiduċja, ikun hemm domanda żgħira għal numru ta’ servizzi innovattivi b’potenzjal għoli ta’ tkabbir bħall-kummerċ elettroniku u l-cloud computing. Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja, huwa importanti li d-dispożizzjonijiet leġislattivi jżommu l-pass mal-evoluzzjoni teknoloġika u transazzjonali tas-Suq Uniku Diġitali. Sfortunatament, dan mhuwiex il-każ u huwa meħtieġ aktar progress b’mod urġenti dwar azzjonijiet kritiċi bħar-rimedju kollettiv, li dwar l-Kumitat sejjaħ għal direttiva fl-2009 (19).

3.12

Għas-suċċess tal-Aġenda Diġitali huwa kritiku li t-taqsimiet kollha tas-soċjetà jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-iżvilupp u l-eżekuzzjoni tal-istrateġija u jkunu rappreżentati b’mod addattat fil-konsultazzjonijiet. Sfortunatament, il-konsumaturi u ċ-ċittadini inġenerali huma spiss sottorappreżentati fid-diskussjonijiet dwar xi kwistjonijiet kritiċi, u l-Kummissjoni jeħtieġ li tagħmel sforzi akbar biex tiżgura rappreżentanza ugwali għall-membri tas-soċjetà ċivili fil-fora kollha.

4.   Kummenti Speċifiċi

4.1

Peress li l-implimentazzjoni tal-broadband ta’ veloċità għolja fl-UE kollha hija daqshekk importanti, il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tipproponi firxa ta’ strumenti ta’ finanzjament biex tappoġġja l-pass aċċellerat ta’ investiment fl-infrastruttura tal-broadband li teħtieġ l-Ewropa, speċjalment meta l-profitti normali tas-suq ma jkunux biżżejjed.

4.2

Il-Kumitat jilqa’ l-fokus tal-Kummissjoni fuq it-tnaqqis l-ispejjeż għall-forniment tal-infrastruttura broadband; huwa jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-effett multiplikatur fuq l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja minn tali tnaqqis fl-ispejjeż; u jappella lill-partijiet interessati kollha biex jaħdmu b’mod assidwu fuq din il-kwistjoni.

4.3

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni u ’l-Istati Membri biex jgħinu sabiex tintlaħaq malajr il-mira tal-kopertura tal-broadband, billi jimplimentaw bis-sħiħ il-programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju (20).

4.4

Il-forniment ta’ konnettività tal-Internet b’veloċità għolja għandha tiżgura li l-operaturi joffru aċċess ġust u kompetittiv għall-infrastruttura, inkella l-kwalità tal-għażliet ta’ servizz għall-konsumaturi tkun imfixkla jew limitata.

4.5

Il-Kumitat jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati mudelli tal-kost għal broadband ta’ veloċità għolja li jkunu konsistenti madwar l-UE, biex jintużaw mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali; biex jgħinu jiżguraw li l-ispejjeż ikunu ġusti b’mod universali u kkalkolati skont l-istess standards.

4.6

L-impjiegi ġodda maħluqa fl-ekonomija diġitali jeħtieġu li l-ħaddiema jkollhom kompetenza diġitali, u ħafna drabi jitolbu ħiliet speċjali fl-ICT. Sfortunatament l-Ewropa mhux jirnexxiela tħarreġ il-ħaddiema fil-kwantità meħtieġa mill-industrija tal-ICT li qiegħda dejjem tikber. Filwaqt li l-UE bħalissa għandha livelli rekord ta’ qgħad, l-industrija tal-ICT testima li sal-2015 ser ikollha 700 000 impjieg vakanti. Din il-lakuna fil-ħiliet trid timtela b’mod urġenti bi kwalunkwe miżuri straordinarji li hemm bżonn.

4.6.1

Skont l-“Aġenda għall-ħiliet ġodda u impjiegi”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tipprovdi approċċ għall-UE kollha u strumenti biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-integrazzjoni tal-kompetenzi tal-ICT u l-kompetenzi diġitali fil-politiki ewlenin tat-tagħlim tul il-ħajja. L-Ewropa teħtieġ dan l-element tal-Istrateġija UE 2020 biex tagħti riżultati mingħajr dewmien.

4.6.2

Ir-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ hija parzjalment dovuta għal nuqqas ta’ qbil bejn il-politika tal-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tal-impjegaturi. Bħala kwistjoni ta’ urġenza, l-Istati Membri għandhom jirreaġixxu għal din il-problema billi jżidu programmi ġodda ta’ ħiliet fl-ICT fiċ-ċiklu tal-edukazzjoni għolja. Huwa essenzjali wkoll li l-politika tal-edukazzjoni fl-ICT tippromovi l-ugwaljanza bejn is-sessi.

4.6.3

Għal persuni li huma diġà fil-forza tax-xogħol, il-ħiliet diġitali huma dejjem aktar meħtieġa biex isostnu l-produttività u l-flessibbiltà tax-xogħol. Ir-riskju ta’ nuqqas ta’ impjieg fil-futur, jew anke ta’ qgħad, qed jiżdied għall-ħaddiema li m’għandhomx il-ħiliet diġitali meħtieġa. Għalhekk, għall-produttività u l-kompetittività Ewropea huwa essenzjali li l-kumpaniji u l-ħaddiema jikkooperaw biex jimplimentaw programmi ta’ taħriġ fuq ix-xogħol sabiex itejbu l-kompetenzi diġitali u l-ħiliet tal-ICT.

4.6.4

Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati programmi edukattivi ta’ ħiliet speċjali fl-ICT u ta’ kompetenzi diġitali biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-problema serja tal-qgħad fl-Ewropa, b’mod partikolari biex jgħinu lill-ħaddiema qiegħda jirritornaw f’impjieg bi ħlas.

4.6.5

Ir-riżorsi tal-broadband u tal-informatika fl-iskejjel, il-libreriji pubbliċi u bini pubbliku ieħor, jistgħu jintużaw bħala kwistjoni ta’ politika, biex jappoġġjaw it-taħriġ tal-ħiliet fl-ICT u l-kompetenza diġitali fl-Unjoni kollha.

4.7

F’Opinjonijiet preċedenti l-Kumitat appella għal karta tad-drittijiet onlajn għaċ-ċittadini (21). Għalkemm il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni: “Il-kodiċi tad-drittijiet onlajn fl-UE” (22), il-Kumitat huwa tal-fehma li l-UE għandha tistabbilixxi Karta għad-Drittijiet Diġitali, sabiex tipprovdi protezzjoni ċara għall-utenti kollha, u reċentement talab dan fl-opinjoni tiegħu dwar Suq Intern diġitali inklużiv  (23).

4.8

Il-konsumaturi madwar l-Ewropa qed jilmentaw li l-kumpaniji li jipprovdulhom is-servizz tal-Internet mhumiex jipprovdu l-veloċitajiet ta’ konnessjoni tal-Internet imwiegħda fil-kuntratti tagħhom. Dan “in-nuqqas ta’ konformità” kuntrattwali u r-reklamar falz idgħajjef il-fiduċja fis-suq diġitali. Il-problema għandha tiġi indirizzata permezz ta’ leġislazzjoni u dispożizzjonijiet ta’ infurzar aktar b’saħħithom.

4.9

Il-KESE jenfasizza l-importanza kritika li jitlesta s-Suq Uniku Diġitali li javvanza l-Pjan ta’ Azzjoni tal-kummerċ elettroniku, tal-Green Paper dwar Pagamenti bil-Kard, bl-Internet u bil-Mowbajl u tal-Aġenda Ewropea għall-Konsumatur.

4.10

F’Opinjoni preċedenti (24) l-Kumitat appoġġja b’mod qawwi l-proposta għal Regolament tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Il-KESE jittama li r-riforma komprensiva tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data tiġi adottata b’mod formali mill-aktar fis. Huwa importanti li d-diskussjonijiet dwar ir-Regolament Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Data jqisu l-impatt possibbli tiegħu f’oqsma politiċi oħrajn. Obbligi li huma restrittivi wisq jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet għall-użu tad-data personali għall-benefiċċju tas-soċjetà u biex jinkisbu l-għanijiet tal-aġenda diġitali (eż. monitoraġġ tad-data tal-pazjenti sabiex jiġi previst l-iżvilupp ta’ marda speċifika; jew għall-ġestjoni tal-enerġija permezz ta’ grilji intelliġenti).

4.11

Il-Kumitat jerġa’ jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għall-introduzzjoni ta’ marka ta’ fiduċja Ewropea għan-negozji. Bħal ma saħaq il-KESE f’Opinjonijiet preċedenti (25), “skema pan-Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar tan-negozjanti diġitali” tista’ tipprovdi lill-konsumaturi bi “protezzjoni universali huma u jixtru l-prodotti u s-servizzi mill-internet, irrispettivament mill-fruntieri nazzjonali”; Din kieku żżid b’mod sostanzjali l-kunfidenza tal-konsumatur fil-kummerċ diġitali u transkonfinali, u tgħin lill-SME jkabbru n-negozji transkonfinali onlajn.

4.12

Minbarra li timplimenta l-interoperabbiltà pan-Ewropea għall-iskemi nazzjonali tat-teknoloġija tal-identità elettronika (eID), il-Kumitat jixtieq li l-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ skema eID volontarja għaċ-ċittadini kollha tal-UE sabiex tipprovdi eID għat-tranżazzjonijiet ta’ kummerċ ekonomiku li jkun ivverifikat mill-UE.

4.13

Sabiex tiġi stimulata l-ekonomija diġitali, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom jippromwovu hotspots tal-WiFi bla ħlas f’żoni pubbliċi.

4.14

Għalkemm il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta Rakkomandazzjoni dwar is-salvagwardja tal-Internet miftuħ għall-konsumaturi, il-KESE jitlob bis-saħħa li l-prinċipju tan-Newtralità tan-Net ukoll jiġi formalment minqux fil-liġi tal-UE mill-aktar fis possibbli. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn l-Opinjoni tal-KESE dwar L-Internet Miftuħ u n-Newtralità fl-Ewropa  (26), li tispjega li n-newtralità tan-net tfittex li tiżgura li l-kumpaniji li jipprovdu s-servizz tal-Internet jittrattaw b’mod ugwali is-sorsi kollha ta’ data simili tal-Internet, u ma jagħmlux diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ profitti.

4.15

L-użu tal-cloud computing jirrinforza l-ħtieġa li jkunu protetti l-membri tal-pubbliku, id-data tagħhom u l-ħajja privata tagħhom, b’mod partikolari meta d-data tal-konsumaturi u n-negozji Ewropej qed tiġi maħżuna barra mill-UE jew minn kumpaniji mhux tal-UE. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn l-Opinjoni reċenti tal-Kumitat dwar l-istrateġija tal-cloud computing (27) fejn iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-qafas regolatorju dwar:

Il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza;

L-aċċess tal-gvernijiet għad-data;

Il-monitoraġġ tad-data u l-ġestjoni tal-kunflitti bejn l-utenti u l-provvedituri;

Il-possibbiltà ta’ ġarr u ta’ interoperabbiltà.

Il-KESE jwissi wkoll lill-Kummissjoni biex tqis il-ħtieġa li kwalunkwe oqfsa ta’ Cloud Computing adottati fil-livell tal-UE jibqgħu jgħoddu għall-futur, minħabba li l-evoluzzjoni futura ta’ din it-teknoloġija se tkun ferm dinamika u imprevedibbli għal xi żmien.

4.16

Il-KESE jinnota l-pubblikazzjoni tal-istrateġija ta’ Sigurtà Ċibernetika tal-Unjoni Ewropea u jistenna bil-ħerqa li jirrevedi l-pakkett ta’ miżuri li jappoġġjaha, inkluża d-Direttiva proposta dwar Is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni.

4.17

Miżuri speċjali huma meħtieġa sabiex jiġu mħarsa l-interessi tat-tfal u tal-persuni vulnerabbli onlajn, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, il-frodi onlajn u l-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar bla skrupli mmirati lejn il-vulnerabbiltà tal-utenti. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn l-għadd kbir ta’ Opinjonijiet tal-Kumitat dwar din il-kwistjoni (28), b’mod partikolari “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal” (29), u “Qafas għar-reklamar immirat lejn iż-żgħażagħ u t-tfal” (30).

4.18

Kif imsemmi fl-Opinjoni tal-Kumitat dwar “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (31), standards miftuħa jiffaċilitaw il-kompetizzjoni u jippermettu lill-SME jikbru u jikkompetu globalment. Għalhekk, it-tħeġġiġ u l-appoġġ għall-istandards miftuħa għall-prodotti u s-servizzi kollha tal-ICT fl-Ewropa għandhom ikunu komponent espliċitu tal-politika tal-Aġenda Diġitali.

4.19

Il-kumpaniji Amerikani u Asjatiċi jiddominaw l-industrija tal-ICT. L-Ewropa ma rnexxiet assolutament tlaħħaq mal-innovazzjoni fl-ICT u toħloq kumpaniji enormi li huma l-mexxejja fis-suq tagħhom bħalma huma l-Google, il-Microsoft, l-Apple u s-Samsung. Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-pjan għal strateġija industrijali ġdida dwar il-mikroelettronika u n-nanoelettronika, bl-għan li trendi l-Ewropa aktar attraenti għall-investiment fid-disinn u l-produzzjoni kif ukoll biex tkabbar is-sehem tas-suq globali tagħha. Madankollu, il-politika tal-UE trid tinbidel b’mod radikali biex jiġi żgurat li l-kumpaniji Ewropej ikollhom l-ekosistema ta’ appoġġ li għandhom bżonn biex isiru mexxejja tas-suq dinjin fit-teknoloġiji u s-servizzi tal-ICT.

4.20

Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li jiġu applikati prattiki ta’ ġestjoni ta’ investimenti adatti għal din il-politika industrijali: l-investimenti għandhom jingħataw skont ir-ritorn ekonomiku u/jew soċjali mistenni, u kull investiment għandu jkun soġġett għal amministrazzjoni rigoruża biex jiġi żgurat li l-benefiċċji antiċipati jsiru realtà.

4.21

Il-governanza tal-investiment propost fir-Riċerka u l-Iżvilupp għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni tajba bejn il-programmi u l-proġetti kollha sabiex jinħareġ l-akbar ammont ta’ benefiċċji possibbli u sabiex tiġi evitata l-ħela minħabba xogħol doppju.

4.22

Il-KESE huwa tal-fehma li l-investiment enormi fit-teknoloġiji u s-servizzi GNSS Ewropej għandu jikkontribwixxi għas-suċċess tal-Aġenda Diġitali. Għalhekk il-Kumitat jitlob għal darb’oħra lill-Kummissjoni tagħraf is-sinerġiji sostanzjali li jistgħu jinkisbu bl-inklużjoni adegwata tal-programmi GNSS fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali. Il-KESE ġibed l-attenzjoni għal din il-kwistjoni fl-opinjoni oriġinali tiegħu dwar l-Aġenda Diġitali (32).

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Unemployment_statistics

(2)  http://www.euractiv.com/socialeurope/commission-calls-eu-unemployment-news-518852

(3)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/135344.pdf

(4)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 1-6.

(5)  CES273-2012_00_00_TRA_AC_MT.DOC.

(6)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9-18.

(7)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58-64.

(8)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139-145.

(9)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 69-73; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 165-169.

(10)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 116-119.

(11)  ĠU C 76, 14.3.2013, p. 15-19, u ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40-47.

(12)  JOIN(2013) 1 final.

(13)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 43-48, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 138-144, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 154-158.

(14)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Unemployment_statistics

(15)  SWD(2013)0073(parti 1).

(16)  COM(2008) 572 final.

(17)  https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/scoreboard

(18)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/information_society/data/main_tables

(19)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97-102.

(20)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53-57.

(21)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 1-6.

(22)  https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/code-eu-online-rights

(23)  CES273-2012_00_00_TRA_AC_MT.DOC.

(24)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90-97.

(25)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58-64.

(26)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139-145.

(27)  ĠU C 76, 14.3.2013, p. 59-65.

(28)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58-64, ĠU, C 128, 18.5.2010, p. 69-73, u ĠU, C 224, 30.8.2008, p. 61-66.

(29)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 68-72.

(30)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 6-11.

(31)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58-64.

(32)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58-64.