9.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej”

COM(2012) 499 final — 2012/0237 (COD)

2013/C 133/16

Relatur: is-Sur MALOSSE

Korelaturi: is-Sur DASSIS, is-Sur JAHIER

Nhar l-10 ta’ Ottubru 2012 u nhar it-22 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

COM(2012) 499 final - 2012/0237 (COD).

B’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, nhar il-15 ta’ Novembru 2012, il-Kumitat iddeċieda li joħloq sottokumitat inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma dwar is-suġġett.

Is-sottokumitat dwar “Il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej”, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-abbozz ta’ Opinjoni tiegħu nhar it-30 ta’ Jannar 2013. Ir-relatur kien is-Sur MALOSSE u l-korelaturi kienu s-Sur DASSIS u s-Sur JAHIER.

Matul l-487 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Frar 2013 (seduta tat-13 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’155 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.

L-istess bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jisħaq li funzjonament aħjar tal-Unjoni Ewropea jimplika li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi l-aktar magħrufa u rikonoxxuti jiġu kkonsolidati fil-livell Ewropew, kif ukoll li jkunu aktar rappreżentattivi u eqreb taċ-ċittadini.

2.

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ statut legali uniku għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, kif ukoll reviżjoni ta’ kif jiġi kkontrollat il-mod kif jaħdmu, sabiex jittejbu kemm il-kundizzjonijiet tal-funzjonament demokratiku intern tagħhom kif ukoll l-effiċjenza, il-viżibilità u t-trasparenza u l-lat tal-kontabilità.

3.

Il-KESE jinsisti b’mod partikolari li l-partiti u l-fondazzjonijiet li jgawdu minn dan l-istatut jissieħbu fl-għanijiet tal-proġett Ewropew u fil-valuri essenzjali li jiffurmaw il-pedament tiegħu, kif inhuma stabbiliti fit-Trattati Ewropej u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.1

Rigward l-għanijiet tal-proġett Ewropew, il-KESE jemmen li dan l-istatut għandu jimplika l-adeżjoni għall-konsolidazzjoni tal-paċi, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-popli, il-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali, u l-benesseri taċ-ċittadini, kif ukoll l-eżerċitar demokratiku tal-libertajiet tal-espressjoni u tad-dibattitu.

3.2

Dwar ir-rispett tal-valuri essenzjali garantiti fil-livell Ewropew, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati l-valuri stabbiliti fit-Trattati Ewropej, b’mod partikolari fil-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fejn b’mod partikolari fl-Artikolu 21 tagħha tipprojbixxi kull xorta ta’ diskriminazzjoni, tkun xi tkun il-bażi tagħha. Il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, li jissemma’ fl-Artikolu 23 tal-Karta msemmija, għandu jseħħ fil-prattika fi ħdan il-korpi maniġerjali kollha tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

3.3

Il-KESE jirrakkomanda li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi li jixtiequ jkollhom statut Ewropew jikkonfermaw ir-rispett tal-prinċipji fundamentali msemmija hawn fuq permezz ta’ dikjarazzjoni. Huwa f’idejn il-Parlament Ewropew, b’mod partikolari l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu, li jħares u jiddenunzja l-każijiet ta’ ksur tal-prinċipji u tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fit-Trattati tal-UE.

3.4

Il-KESE jfakkar ukoll fir-rwol ċentrali li ser ikollha taqdi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-monitoraġġ tar-rispett ta’ dawn il-prinċipji, billi b’mod partikolari tippermetti li jkun hemm proċeduri legali permezz tal-proċedura sommarja.

4.

Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa li, permezz tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi li jeżistu diġà, jiġi appoġġjat il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ partiti u fondazzjonijiet ġodda fil-livell Ewropew, bil-kundizzjoni li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-tħaddim, tar-rispett tal-valuri u tar-rappreżentattività.

4.1

Dwar il-kundizzjoni supplimentari meħtieġa biex ikunu eliġibbli għall-fondi, il-kriterju li jgħid li jkun biżżejjed li persuna tiġi eletta fil-Parlament Ewropew mhuwiex rilevanti, speċjalment minħabba l-fatt li l-mod kif jiġu valutati, u għaldaqstant il-kundizzjonijiet għas-suċċess, dejjem ikunu differenti ħafna minn Stat Membru għal ieħor.

4.2

Għaldaqstant il-KESE jissuġġerixxi li jinżammu r-referenzi dwar ir-rappreżentattività ħalli b’hekk ikun hemm inqas ċans li jinħolqu xi diskriminazzjonijiet arbitrarji. Huwa jissuġġerixxi li dawn ikunu mnebbħa mill-kriterji stabbiliti fl-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u jipproponi li tinżamm il-kundizzjoni li fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej ikunu nkisbu mill-inqas miljun vot minn mill-inqas seba’ pajjiżi differenti.

4.3

Il-fondi, il-baġits u d-donazzjonijiet tal-partiti u l-fondazzjonijiet Ewropej iridu jkunu trasparenti u pubbliċi. Iċ-ċittadini għandhom id-dritt u d-dmir li jkunu infurmati dwar il-mod kif jiġu ffinanzjati u dwar l-ispejjeż tal-partiti u l-fondazzjonijiet. F’każ li jkun hemm xi penali u/jew sospensjonijiet tal-fondi, dawn għandhom jiġu ppubblikati fil-mezzi tax-xandir.

5.

Fl-okkażjoni tal-analiżi ta’ din il-Proposta għal Regolament, il-KESE jixtieq ukoll ifakkar bil-qawwa l-inugwaljanza li għadha teżisti, u li saħansitra qed tiżdied, fit-trattament tal-partiti u l-fondazzjonijiet Ewropej bi skop politiku u dak tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet li jaħdmu favur għanijiet ta’ interess ġenerali fil-livell Ewropew (ekonomiċi, trejdjunjonistiċi, soċjali, umanitarji, kulturali, ambjentali, sportivi, eċċ.).

5.1

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Lisbona) jiddedika l-Artikolu 11 tiegħu għar-realtà tad-demokrazija parteċipattiva u għaldaqstant għall-importanza tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet li jagħtu ħajja lid-dibattitu fl-isfera pubblika tal-UE. Il-KESE jisħaq li l-importanza ta’ dawn in-netwerks assoċjattivi Ewropej kibret ħafna, u xi drabi saret saħansitra wisq, f’dan iż-żmien fejn l-internet huwa għal kulħadd. Bħala vetturi ġodda ta’ demokrazija parteċipattiva, in-netwerks assoċjattivi diġà għandhom rwol vitali u li qed jikber fl-informazzjoni, fid-dibattiti politiċi u fl-iffurmar tal-opinjoni Ewropea. B’dan il-mod, huma jżidu l-valur u jikkompletaw b’mod utli l-istrutturi tad-demokrazija politika rappreżentattiva. Dan il-valur miżjud huwa partikolarment evidenti fil-livell Ewropew minħabba li l-friegħi differenti ta’ din id-demokrazija parteċipattiva min-natura tagħhom imorru lil hinn mill-fruntieri bejn l-Istati.

5.2

Fid-dawl tal-lakuna li qed tikber minħabba l-kriżi bejn iċ-ċittadini u l-mexxejja u l-persuni responsabbli għall-politika Ewropea, il-KESE jwissi lill-Kummissjoni kontra l-effetti ħżiena u kontroproduttivi ta’ approċċ mhux adegwat li jiffoka biss fuq id-drittijiet speċifiċi u awtonomi tal-“assoċjazzjonijiet” politiċi Ewropej mingħajr ma jagħraf l-istess ħaġa għal dan it-tip ieħor ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej. Il-KESE jixtieq ifakkar b’mod speċjali li l-affermazzjoni ta’ Ewropa politika għadha ma tistax tinfired minn dik ta’ Ewropa taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili, strutturata abbażi ta’ assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet li għandhom għodod legali adegwati, effikaċi u armonizzati fil-livell Ewropew.

5.3

Il-KESE jtenni li ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ ftit snin ilu li tirtira l-abbozz ta’ statut tal-assoċjazzjonijiet Ewropej għar-raġuni li kien diffiċli li jintlaħaq qbil politiku fi ħdan il-Kunsill. Għall-KESE din ir-raġuni dwar dan is-suġġett partikolari ma hija la aċċettabbli fiha nfisha u lanqas ma tista’ tiġi verifikata fil-prattika.

5.4

Il-KESE jtenni wkoll it-tħassib tiegħu dwar l-ostakli li għadhom jeżistu għat-twaqqif ta’ kumpaniji bi statut Ewropew, kemm minħabba li l-istatut Ewropew eżistenti mhuwiex attraenti, li jixhed falliment ta’ veru, kif ukoll minħabba d-dewmien u l-imblukkar persistenti ta’ statut semplifikat miftuħ fl-aħħar għal għadd sinifikanti ta’ negozji ta’ kull daqs.

6.

Il-KESE jfakkar ukoll fl-appoġġ tiegħu għall-istatut tal-fondazzjoni Ewropea li kien esprima fl-Opinjoni tiegħu tat-18 ta’ Settembru 2012 (1), u jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni ta’ sitwazzjoni mal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

7.

Filwaqt li jikkonferma li jaqbel li jkun hemm statut legali uniku għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, fid-dawl tad-diversi osservazzjonijiet li għamel u b’konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni garantit mill-Unjoni Ewropea, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta regolament Ewropew ekwivalenti dwar l-istatut u l-finanzjament tal-assoċjazzjonijiet Ewropej bi skopijiet li mhumiex politiċi, kif ukoll li jiżdied il-pass tal-ħidma tal-adozzjoni tar-Regolament dwar l-istatut tal-fondazzjoni Ewropea.

Brussell, 13 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 57.