19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/122


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 — Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21”

COM(2012) 736 final

2013/C 271/23

Relatur: is-Sinjura CAÑO AGUILAR

Nhar id-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 – Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21

COM(2012) 736 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-22 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’154 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’interess il-proposta ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar is-saħħa elettronika 2012-2020. Madankollu, il-Komunikazzjoni ma tinkludix kapitolu ddedikat għall-aspett soċjali tal-prestazzjoni tas-servizzi u l-iżvilupp tal-kura soċjali u tas-saħħa.

1.2

Il-KESE jfakkar li r-responsabbiltà għas-suċċess tal-Pjan il-ġdid fundamentalment hija f’idejn l-Istati Membri, għalkemm il-Kummissjoni taqdi rwol essenzjali għall-appoġġ u l-koordinazzjoni.

1.3

Id-dimensjoni umana għandha tibqa’ fil-qalba tas-saħħa elettronika. Ir-riskju ta’ “impersonalità” u n-nuqqas ta’ attenzjoni lill-fatturi psikoloġiċi għandhom jiġu evitati.

1.4

Il-KESE jiddispjaċih partikolarment li qed jitnaqqas in-numru ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa fl-istess ħin li qegħdin jiżdiedu l-eżiġenzi fuq is-sistema tas-saħħa.

1.5

Il-KESE jindika li fil-Komunikazzjoni hemm biss referenzi parzjali dwar kif ser jiġi ffinanzjat il-Pjan il-ġdid. Hemm bżonn ta’ ħarsa ġenerali li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni mistennija mis-settur pubbliku, mis-settur privat u, fejn xieraq, mill-pazjenti u mill-kontribwenti b’mod ġenerali.

1.6

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jkun hemm koordinazzjoni sħiħa bejn il-programmi, l-attivitajiet u l-gruppi ta’ ħidma inklużi fil-Komunikazzjoni sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ dupplikazzjoni.

1.7

Fir-rigward tal-istandardizzazzjoni tal-funzjonijiet neċessarji fit-tagħmir tal-IT, hemm bżonn li tiġi sottolinjata l-ħtieġa ta’ kontroll adegwat mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ abbuż minn pożizzjonijiet dominanti, bħalma jiġri diġà f’ċerti oqsma tal-ICT.

1.8

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni li jiġi indirizzat aspett fundamentali ieħor tal-interoperabbiltà, bħall-kwistjonijiet legali prinċipali li jimpedixxu li tiġi implimentata sistema ta’ telemediċina transkonfinali.

1.9

Il-KESE jqis li l-pjan tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tan-nisġa intraprenditorjali relatata mas-saħħa elettronika hu adegwat, speċjalment l-appoġġ tiegħu għall-SMEs, iżda n-nuqqas ta’ dettall u ċifri jwaqqaf milli titwettaq valutazzjoni aktar preċiża.

1.10

Il-KESE jenfasizza li “Nikkollegaw l-Ewropa” m’għandhiex tikkonsisti biss f’li jiġu kkonessi s-sistemi, iżda għandha tippermetti li ċ-ċittadini jsiru jafu, jifhmu u jiksbu benefiċċji minn ċittadinanza Ewropea konnessa.

1.11

Il-programm il-ġdid tas-saħħa elettronika għandu jkollu l-għan li jiggarantixxi aktar ugwaljanza għaċ-ċittadini Ewropej fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. F’dan ir-rigward, l-użu wiesa’ tal-broadband ser jaqdi rwol fundamentali.

Sabiex jiġi evitat li l-inugwaljanza li diġà teżisti fl-aċċess għall-kura tas-saħħa ssir ukoll fis-saħħa elettronika, hemm bżonn ta’ miżuri usa’ u aktar investimenti minn dawk ipprovduti fil-FEŻR (Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali).

1.12

Titjib tal-għarfien diġitali dwar is-saħħa A) tal-pazjenti: waqt li titqies l-esperjenza tal-proġett Sustains, huwa importanti ħafna li l-persuni jitħarrġu dwar kif jaċċessaw u jużaw id-data tagħhom li attwalment “tinsab maqfula” fis-sistemi ta’ informazzjoni dwar is-saħħa. B) tal-professjonisti tas-saħħa: huwa essenzjali li jiġi inkluż l-għarfien dwar is-saħħa diġitali fil-programmi tat-taħriġ.

2.   Daħla

2.1

Għalkemm sar progress minn mindu l-UE nediet l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika fl-2004, xorta għad hemm ostakli sabiex tiġi żviluppata sistema integrata Ewropea, fost raġunijiet oħra, minħabba:

nuqqas ta’ għarfien u ta’ fiduċja fis-soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika fost il-pazjenti, iċ-ċittadini u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa;

nuqqas ta’ interoperabbiltà bejn is-soluzzjonijiet tas-saħħa elettronika;

oqfsa legali inadegwati jew frammentati;

differenzi reġjonali fl-aċċess għas-servizzi tal-ICT u aċċess limitat f’żoni żvantaġġati.

2.2

Il-proliferazzjoni fl-Ewropa ta’ prodotti li huma inkompatibbli bejniethom hija l-konsegwenza inevitabbli ta’ suq frammentat u l-ineżistenza, jew in-nuqqas ta’ għarfien min-naħa tax-xerrejja prinċipali, tal-istandards tal-komunikazzjoni u l-iskambju. B’riżultat ta’ dan, ta’ spiss is-sistemi tal-IT f’pajjiżi, reġjuni ġirien jew anke fi ħdan iċ-ċentri tas-saħħa ma jkunux jistgħu jiġu konnessi. Pereżempju f’xi każijiet, hemm sptarijiet li fid-dipartimenti tar-radjoloġija tagħhom għandhom software maħluq għalihom li ma jistax jikkomunika mal-programmi użati f’dipartimenti oħra tal-istess sptar.

2.3

B’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-Pjan il-ġdid ta’ Azzjoni għandu l-għan li jindirizza u jneħħi dawn l-ostakli, kif ukoll li jiċċara l-qasam ta’ politika u jagħti deskrizzjoni tal-viżjoni għas-saħħa elettronika fl-Ewropa.

2.4

Is-suq globali tas-saħħa elettronika, li qed jikber b’mod qawwi, jista’ jkun jammonta għal USD 27 300 miljun fl-2016. F’xi każijiet, l-intrapriżi Ewropej il-kbar huma mexxejja globali u, b’mod ġenerali, huwa stmat li hemm 5 000 intrapriża f’dan is-settur.

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni tenfasizza l-isfidi li jaffaċċaw is-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej. Fuq naħa, l-infiq fis-saħħa pubblika tas-27 Stat Membru tal-UE jista’ jitla’ sa 8,5 % tal-PDG fl-2060 b’riżultat tal-iżvilupp demografiku u fatturi oħra, u fl-istess ħin tonqos il-popolazzjoni attiva u jiżdied in-numru ta’ persuni li għandhom aktar minn 65 sena. Sfida oħra hija li l-Ewropa tipparteċipa b’mod attiv fis-suq globali tas-saħħa elettronika.

3.2

L-għanijiet huma:

li tiżdied l-interoperabbiltà tas-servizzi;

li jiġu appoġġjati r-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-kompetittività;

li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni u tiġi żgurata l-implimentazzjoni usa’ tas-saħħa elettronika;

li jiġu promossi d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam.

3.3

Miżuri: tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà transkonfinali (elementi tekniċi u semantiċi, tikketta tal-kwalità, ċertifikazzjoni); tiġi adottata Green Paper dwar is-Saħħa, jittejbu l-kundizzjonijiet tas-suq għall-intrapriżi u tiżdied il-kultura diġitali taċ-ċittadini (Programm Qafas għall-Innovazzjoni u l-Kompetittività u Orizzont 2020), fost oħrajn.

4.   Il-fehma tal-KESE – Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa’ b’interess il-proposta ta’ Pjan ta’ azzjoni dwar is-saħħa elettronika 2012-2020.

4.2

Madankollu, il-KESE jqis li l-Pjan għandu jinkludi kapitolu ddedikat għall-aspett soċjali tal-prestazzjoni tas-servizzi, li b’mod konkret ikun jinkludi aspetti bħall-approċċ adegwat għad-distakk diġitali, id-disponibbiltà tat-teknoloġija, il-kapaċità tal-użu tagħha, jew l-analiżi tal-inugwaljanzi soċjali fis-saħħa, li hemm ir-riskju li jiżdiedu. Għandu jinkludi wkoll żvilupp usa’ tal-kura soċjali u tas-saħħa, li jista’ jkun iffaċilitat ħafna bl-użu tal-ICT.

4.3

Il-KESE jfakkar li, minħabba d-distribuzzjoni tal-kompetenzi, ir-responsabbiltà għas-suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni fundamentalment hija f’idejn l-Istati Membri, peress li attwalment hemm differenzi notevoli bejniethom fl-implimentazzjoni tas-saħħa elettronika.

Il-Kummissjoni taqdi rwol essenzjali ta’ appoġġ u koordinazzjoni, prinċipalment fuq il-bażi legali tal-Artikoli 114, 168, 173 u 179 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Għandu jkun hemm kooperazzjoni sħiħa u parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tan-netwerk tas-saħħa elettronika (Direttiva 2011/24/UE).

4.4

Is-saħħa elettronika għandha tippromovi l-fiduċja reċiproka bejn il-pazjenti u l-professjonisti, waqt li jiġu evitati r-riskju ta’ “impersonalità” u n-nuqqas ta’ attenzjoni lill-fatturi psikoloġiċi. Id-dimensjoni umana għandha tibqa’ fil-qalba tas-saħħa elettronika. Madankollu, il-KESE jinnota li, skont ċerti organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw id-drittijiet tal-pazjenti, bħall-Forum Ewropew tal-Pazjenti, il-proċess huwa mmexxi aktar mit-teknoloġija milli mill-bżonnijiet tal-pazjenti. Dan huwa aspett preokkupanti li għandu jitqies.

4.5

In-nuqqas ta’ persunal ma jistax jiġi sostitwit mill-IT. Il-KESE jiddispjaċih partikolarment li qed jitnaqqas in-numru ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa fl-istess ħin li qegħdin jiżdiedu l-eżiġenzi tas-sistema tas-saħħa. L-ICT hi biss għodda li tgħin lin-nisa u lill-irġiel li kuljum iwettqu x-xogħol iddedikat li jipprovdu l-kura tas-saħħa lill-pazjenti u li tgħin lil dawn tal-aħħar biex ikollhom relazzjoni aktar faċli mal-professjonisti tas-sistemi tas-saħħa.

4.6

Il-KESE jindika li fil-Komunikazzjoni hemm biss referenzi parzjali dwar kif ser jiġi ffinanzjat il-Pjan il-ġdid. Hemm bżonn ta’ ħarsa ġenerali li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni mistennija mis-settur pubbliku, mis-settur privat u, fejn xieraq, mill-pazjenti u mill-kontribwenti b’mod ġenerali.

4.7

Waqt li jitqiesu l-programmi, l-attivitajiet, il-proġetti u l-gruppi ta’ ħidma li huma inklużi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE jindika l-bżonn li jkun hemm koordinazzjoni sħiħa bejniethom sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ dupplikazzjoni.

4.8

Sabiex il-Pjan il-ġdid dwar is-Saħħa Elettroniku jkun ta’ suċċess, hemm bżonn ta’ sforz sabiex ikun hemm tibdil organizzattiv tal-provvedituri tas-servizzi tas-saħħa. Mhux possibbli li r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-aċċess għas-saħħa elettronika tkun biss f’idejn il-livelli għoljin tal-amministrazzjoni jew f’idejn il-popolazzjoni bħala utent finali. L-organizzazzjonijiet intermedjarji li jipprovdu s-servizzi tas-saħħa għandhom jagħmlu sforz sabiex l-istrutturi u l-persunal tagħhom jadattaw ruħhom għal dawn il-mudelli ġodda ta’ servizz.

5.   Kummenti partikolari

5.1   L-interoperabbiltà

5.1.1   L-aspetti tekniċi u semantiċi

5.1.1.1   B’mod ġenerali, il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-interoperabbiltà hija adegwata, għalkemm jindika li mhix biżżejjed sabiex tintroduċi l-possibbiltà ta’ skambju tad-data jew dokumenti bl-użu ta’ protokolli komuni, peress li hemm ukoll problemi ta’ natura semantika, organizzattiva jew legali li għandhom jiġu solvuti.

5.1.1.2   L-interoperabbiltà semantika

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tiċċara r-relazzjoni bejn id-diversi programmi, attivitajiet jew gruppi ta’ ħidma – bħas-7 Programm Kwadru u l-ISA, fost oħrajn – u s-SNOMED CT (Systematized Nomenclature of Medicine – Clinical Terms), it-terminoloġija komprensiva, multinlingwi u kodifikata li hija l-iktar mifruxa, preċiża u importanti żviluppata fid-dinja, distribwita mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Istandards Terminoloġiċi tas-Saħħa (International Health Terminology Standards Development Organisation – IHTSDO). Din hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li l-membri tagħha jinkludu diversi pajjiżi tal-UE, l-Istati Uniti, l-Awstralja, eċċ.

5.1.1.3   Standardizzazzjoni

Għas-saħħa elettronika jeżistu għadd ta’ provvedituri ta’ software u hardware. Huwa importanti ħafna li jsir progress, fi ħdan il-qafas tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, fil-proċess ta’ standardizzazzjoni tal-funzjonijiet neċċesarji bil-għan li l-industrija u l-utenti – speċjalment dawk li jridu jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri – jiġu offruti qafas aktar interessanti, b’inqas riskji u investiment iktar utli u kosteffettiv. Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jkun hemm kontroll adegwat mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, bħalma jiġri diġà f’ċerti oqsma tal-ICT.

5.1.1.4   L-aspett organizzattiv

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta miżuri konkreti mmirati lejn l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni fl-UE. Il-proġett pilota EPSOS (European Patients Smart Open Services) (1) ser jiffaċilita t-tfassil tal-miżuri konkreti mħabbra mill-Kummissjoni sabiex jiġu integrati l-proċessi transkonfinali tas-saħħa elettronika.

5.1.1.5   Aspetti legali

5.1.1.5.1   Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet legali prinċipali li jimpedixxu li tiġi implimentata sistema ta’ telemediċina transkonfinali (2). Peress li dawn huma teknoloġiji innovattivi, il-lakuni u l-ostakli legali għadhom mhux totalment riżolti fil-livell globali u lanqas fil-livell nazzjonali.

5.1.1.5.2   Għoti ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet lil professjonisti u istituzzjonijiet mediċi

Skont id-Direttiva 2011/24/UE dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura transkonfinali, għandha tiġi applikata l-leġislazzjoni tal-Istat Membru tat-trattament (Artikolu 4(1)(a)) (3). Il-KESE jissuġġerixxi li titqies ir-riforma tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, li ma tkoprix il-kura transkonfinali.

5.1.1.5.3   Protezzjoni tad-data

L-informazzjoni dwar is-saħħa hija sensittiva. Il-pazjenti jkunu jixtiequ jikkontrollaw din l-informazzjoni u jaċċessawha għall-benefiċċju tagħhom. Id-diskussjoni dwar id-dritt tal-pazjent biex jibblokkja l-informazzjoni dwar l-istorja medika tiegħu għandha tiġi analizzata fil-livell globali sabiex jinkisbu l-istess standards għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Il-KESE jfakkar li n-nuqqas ta’ fiduċja fis-sigurtà tad-data medika tista’ twassal lill-pazjenti sabiex jaħbu informazzjoni essenzjali.

5.1.1.5.4   Il-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali garantit mit-TFUE (Artikolu 16) u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Artikoli 7 u 8). Id-Direttiva 95/46/KE tistabbilixxi dan it-tip ta’ protezzjoni fil-każ tal-ipproċessar u l-moviment liberu tad-data (4). Madankollu, il-marġni konċess lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tagħha wassal għal disparità kbira fil-livell ta’ protezzjoni, li attwalment jirrappreżenta wieħed mill-ikbar ostakli għat-telemediċina transkonfinali. Għalhekk il-KESE jrid itenni l-appoġġ għall-Proposta għal Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali (5), kif espress fl-Opinjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2012 (6).

5.1.1.5.5   Rimborż

Il-pajjiż ta’ affiljazzjoni (fejn tingħata l-kura medika) irid jassigura li, fejn adegwat, l-ispejjeż tal-kura transkonfinali jiġu rimborżati (Direttiva 2011/24/UE, Artikolu 7(1)). Il-fehma tal-KESE: għandha tingħata informazzjoni lill-pazjent dwar il-kundizzjonijiet tar-rimborż.

5.1.1.5.6   Responsabbiltà għall-ħsara kkawżata minn żbalji professjonali u l-provvista ta’ tagħmir mediku

Din hija kwistjoni kumplessa minħabba, fost raġunijiet oħra, il-possibbiltà li jkunu involuti diversi partijiet interessati. Fil-każ tal-kura medika transkonfinali, hemm prinċipju ġenerali – l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istat Membru tat-trattament (Direttiva 2011/24/UE, Artikolu 4(1)). Fir-rigward ta’ prodotti difettużi tapplika d-Direttiva 85/374/KEE, li tistabbilixxi l-prinċipju tar-responsabbiltà objettiva. Il-fehma tal-KESE: bil-bażijiet legali eżistenti, każijiet speċifiċi jridu jiġu riżolti permezz tal-każistika.

5.1.1.5.7   Ġurisdizzjoni u leġislazzjoni applikabbli

Dan ukoll huwa suġġett kumpless ħafna li għandu jiġi indirizzat skont l-istandards u t-trattati internazzjonali fis-seħħ. Il-KESE jissuġġerixxi li jitqiesu s-sistemi extraġudizzjarji għas-soluzzjoni tal-kunflitti, bħall-arbitraġġ u l-medjazzjoni.

5.1.1.5.8   Dritt għall-aċċess

Il-livell tal-aċċess mill-pazjent u ċ-ċittadin għall-informazzjoni medika u l-istorja medika personali tiegħu żdied. Xi reġjuni żiedu l-livell tas-servizzi billi offrew ċentri ta’ kura u servizz 24 siegħa kuljum, għall-popolazzjoni inġenerali, għall-gruppi magħżula ta’ pazjenti f’riskju jew għal reġjuni sħaħ. Il-pazjenti jistgħu jagħmlu l-appuntament tagħhom u jkollhom l-aċċess adegwat għall-informazzjoni li tinsab fl-istorja medika. Dan jinkoraġġixxi lill-pazjent sabiex jieħu responsabbiltà attiva fil-kura tas-saħħa tiegħu u fil-prevenzjoni. Il-fehma tal-KESE: id-dritt għall-aċċess fil-każ tal-kura transkonfinali għandha tkun irregolata.

5.1.1.5.9   Is-saħħa u l-benesseri mobbli

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tindirizza, fil-Green Paper li ser tippreżenta fl-2014, l-applikazzjonijiet tas-saħħa u ta’ benesseri mobbli (mobile e-Health). Dan huwa aspett partikolari tas-saħħa elettronika li attwalment qiegħda tiżdied minħabba l-firxa ta’ applikazzjonijiet mobbli (smartphones, tablets, eċċ.) u software speċifiku għal dawn l-applikazzjonijiet, li t-tixrid tagħhom fost il-popolazzjoni jeħtieġ li l-aspetti tekniċi u legali relatati mal-użu tagħhom jiġu regolati.

5.2   Riċerka, żvilupp u investiment

5.2.1

Il-KESE jqis adegwati l-oqsma ta’ riċerka proposti mill-Kummissjoni sabiex jiġu appoġġjati taħt l-Objettiv “Saħħa, bidla demografika u benesseri” tal-programm Orizzont 2020.

5.2.2

Peress li għadha trid tiġi stabbilita l-allokazzjoni li l-UE ser tiddedika għar-riċerka medika għall-perjodu 2014-2020, il-KESE jindika li l-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa (Stati Uniti) kull sena jinvesti USD 30 900 miljun għal dan l-iskop.

5.2.3

Fid-dawl tal-proposti tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-settur tas-saħħa, bħall-EPHA (European Public Health Alliance), il-KESE jissuġġerixxi li l-programmi tar-riċerka jqisu, fost affarijiet oħra, dan li ġej:

li jiġu kkomplementati programmi oħra, bħal “Is-Saħħa għat-Tkabbir”, billi tinġabar statistika affidabbli dwar l-iżvilupp tal-mard b’inċidenza għolja fil-popolazzjoni: obeżita, mard tal-qalb, kanċer, dijabete, eċċ.;

il-koordinazzjoni, peress li tradizzjonalment ir-riċerkaturi ħadmu indipendentement u ma kkomunikawx biżżejjed bejniethom;

il-kundizzjonijiet tal-brevetti għax-xogħol imħallas mill-kontribwenti sabiex jiġi evitat il-periklu li jiġu soċjalizzati r-riskji tar-riċerka filwaqt li jiġu privatizzati l-benefiċċji (7).

5.3   Il-KESE jqis li l-pjan tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tan-nisġa intraprenditorjali relatata mas-saħħa elettronika hu adegwat, speċjalment l-appoġġ tiegħu għall-SMEs, iżda n-nuqqas ta’ dettall u ċifri jwaqqaf milli titwettaq valutazzjoni aktar preċiża.

5.4   Fir-rigward tal-mekkaniżmu “Nikkollegaw l-Ewropa” 2014-2020, skont ir-riżultati tal-proġett pilota EPSOS u ta’ proġetti u studji oħra, il-KESE jenfasizza li din m’għandhiex tkun tikkonsisti biss f’li “jiġu konnessi s-sistemi”. Barra minn hekk il-persuni għandu jkollhom il-possibbiltà li jsiru jafu, jifhmu u jiksbu l-benefiċċji ta’ “ċittadinanza konnessa”.

5.5   Koeżjoni

5.5.1

Il-programm il-ġdid tas-saħħa elettronika għandu jkollu l-għan li jiggarantixxi aktar ugwaljanza għaċ-ċittadini Ewropej fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa. Kif diġà indika l-KESE, huwa evidenti li l-aċċess b’veloċità qawwija fil-pajjiżi kollha u l-konnettività totali huma kundizzjonijiet essenzjali għall-iżvilupp tat-telemediċina. Għal din ir-raġuni, għandu jissaħħaħ it-tagħmir diġitali fir-reġjuni, speċjalment fiż-żoni rurali u ultraperiferiċi (8).

5.5.2

Hekk kif il-perjodu attwali ta’ programmazzjoni tal-FEŻR ser jispiċċa, il-KESE għandu fiduċja li fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 ser jiġu implimentati, u fuq kollox ser ikollhom biżżejjed baġit, il-proposti sabiex jinxterdu l-aħħar teknoloġiji fuq skala kbira fit-territorju tal-UE. Madankollu, sabiex jiġi evitat li l-inugwaljanza li diġà teżisti fl-aċċess għall-kura tas-saħħa ssir ukoll fis-saħħa elettronika, hemm bżonn ta’ miżuri usa’ u aktar investimenti minn dawk ipprovduti fil-FEŻR.

5.6   Titjib tal-għarfien diġitali dwar is-saħħa

5.6.1

Għall-KESE, fil-każ tal-pazjenti: huwa importanti ħafna li l-persuni jitħarrġu dwar kif jaċċessaw u jużaw id-data tagħhom li f’ħafna każijiet attwalment “tinsab maqfula” fis-sistemi ta’ informazzjoni dwar is-saħħa. F’dan ir-rigward, nixtiequ nsemmu l-proġett “Sustains”, li attwalment huwa stabbilit fi tlettax-il reġjun Ewropew u li jfittex li jiffaċilita l-aċċess tal-persuni għad-data medika tagħhom permezz ta’ “fajls personali tas-saħħa” u servizzi miżjuda oħra fl-ambjenti web.

5.6.2

Fil-każ tal-komunità tas-saħħa: huwa essenzjali li tiġi promossa l-inklużjoni tal-għarfien dwar is-saħħa diġitali fil-programmi ta’ taħriġ tal-professjonisti, kemm dawk li jaħdmu fil-kliniki kif ukoll tal-maniġers.

5.7   Evalwazzjoni tal-programmi

5.7.1

Il-KESE jqis li l-istabbiliment ta’ valuri komuni u programmi ta’ valutazzjoni – li ser twettaq il-Kummissjoni – dwar il-vantaġġi tas-saħħa elettronika huwa wieħed mill-aktar aspetti interessanti, peress li l-veloċità tat-tibdil teknoloġiku sikwit timpedixxi li tintwera l-utilità reali tagħha. Is-sondaġġi li saru jenfasizzaw li l-appoġġ tal-popolazzjoni u tal-komunità medika għas-saħħa elettronika huwa direttament marbut mal-konvinzjoni li dan ser iwassal għal titjib verifikabbli fis-sistema tas-saħħa.

5.7.2

Il-KESE jixtieq jindika wkoll li għarfien tajjeb tal-mudelli u t-teknoloġiji li għandhom impatt pożittiv u l-promozzjoni ċara tagħhom huma essenzjali għall-mudelli tas-saħħa bbażati fuq l-ICTs. Sabiex jinkiseb dan il-benefiċċju, huwa essenzjali li jkun hemm metodoloġiji flessibbli u dinamiċi ta’ valutazzjoni, b’attenzjoni speċjali fuq il-valutazzjoni globali tas-servizz ipprovdut u mhux daqshekk fuq it-teknoloġija nnifisha. Huwa neċessarju wkoll li tiġi inkluża valutazzjoni tal-effiċjenza tas-servizz, b’rabta mal-ispejjeż u l-benefiċċji ekonomiċi globali tagħha. Evidentement, madankollu, l-effiċjenza ekonomika m’għandhiex tkun l-uniku kriterju sabiex jiġi rrakkomandat l-użu ta’ mudelli ta’ kura bbażati fuq l-ICTs.

5.7.3

B’mod ġenerali, fost l-awtoritajiet pubbliċi, is-setturi industrijali u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, tiddomina l-idea li s-saħħa elettronika (li tinkludi applikazzjonijiet differenti ħafna) tista’ toffri benefiċċji fil-qasam tas-saħħa. Il-KESE jikkondividi din l-idea, iżda jindika li għandhom jitqiesu wkoll il-fehmiet kritiċi, ibbażati fuq esperjenzi reali, li jitfgħu dubju fuq l-iffrankar tal-ispejjeż u jenfasizzaw il-problemi: żbalji tal-IT, “klonizzazzjoni” tar-rapporti, possibbiltà ta’ frodi, spejjeż għoljin, eċċ.

5.8   Il-promozzjoni tad-djalogu politiku u l-kooperazzjoni internazzjonali

Huwa evidenti li hemm bżonn li d-djalogu politiku dwar is-saħħa elettronika jseħħ fil-livell globali, kif propost mill-Kummissjoni, peress li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ukoll qegħdin jagħmlu sforzi kbar f’dan il-qasam. Dan ser jippermetti li l-użu tal-ICTs jiġu mmirati lejn it-twettiq tal-objettivi tan-Nazzjonijiet Uniti u jiġu applikati b’sens ta’ solidarjetà.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  EPSOS jiżviluppa rakkomandazzjonijiet, speċifikazzjonijiet tekniċi, deskrizzjonijiet tas-sistemi, mudelli ta’ organizzazzjoni, applikazzjonijiet u għodod tal-IT, eċċ., li l-għan tagħhom huwa li tittejjeb l-interoperabbiltà fuq skala multinazzjonali. Barra minn hekk ġew introdotti sistemi pilota f’diversi reġjuni.

(2)  Ara l-Commission Staff Working Document on the applicability of the existing EU legal framework to telemedicine services [Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tal-qafas legali eżistenti tal-UE għas-servizzi tat-telemediċina], SWD(2012) 414 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara d-Direttiva 2000/31/KE, Artikolu 3(1) u (2) – il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini.

(4)  Japplikaw ukoll id-Direttiva 2002/58/KE dwar il-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u d-Direttiva 2011/24/UE.

(5)  COM(2012) 11 final – 2012/0011 (COD).

(6)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Is-suq diġitali – xprun għat-tkabbir“, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 1.

(7)  EPHA Position on Horizon 2020 (Ġunju 2012). http://ec.europa.eu/research/horizon2020/pdf/contributions/during-negotiations/european_organisations/european_public_health_alliance.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 84.