|
19.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 271/111 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi”
COM(2013) 17 final
u dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi”
COM(2013) 18 final — 2013/12 (COD)
2013/C 271/21
Relatur: is-Sur BACK
Nhar l-24 ta’ Jannar il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi
COM(2013) 17 final.
Nhar il-5 ta’ Frar u t-8 ta’ Frar 2013 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewrope dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi
COM(2013) 18 final – 2013/12 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta' April 2013.
Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-22 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pakkett dwar Enerġija Nadifa għat-Trasport (1) u l-objettiv tiegħu sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni fis-suq tal-massa ta’ propulsjoni nadifa minn sorsi ta’ enerġija nodfa. |
|
1.2 |
Il-KESE japprova l-approċċ ta’ żvilupp tas-suq u kopertura minima tal-infrastruttura għall-iċċarġjar/mili bi standards komuni sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-utent u tiġi żgurata mobilità transkonfinali. |
|
1.3 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-enfasi tal-proposti fuq l-informazzjoni lill-konsumatur u l-fiduċja tal-konsumatur sabiex is-suq tal-massa jirċievi l-għajnuna biex jiżviluppa, li huwa prerekwiżit importanti ħafna għal vetturi affordabli b’sistemi ta’ propulsjoni alternattivi. |
|
1.4 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi li għandu jkun mistenni mill-opportunitajiet tas-suq ġodda u l-kompetittività mtejba tal-industrija Ewropea minħabba l-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi u l-infrastruttura tagħhom. |
|
1.5 |
L-implimentazzjoni ta’ strateġija għal fjuwils nodfa m’għandhiex tkun limitata għal għadd ta’ fjuwils maturi iżda wkoll tindirizza kwistjonijiet fit-tul dwar sorsi oħra ta’ enerġija nadifa, l-iżvilupp mgħaġġel u wiesa’ f’dan is-settur u l-ħtieġa biex jitħeġġu l-innovazzjoni u l-introduzzjoni fis-suq. |
|
1.6 |
Il-KESE jirriferi għall-kwistjonijiet li tqajmu fl-Opinjoni tiegħu dwar “Tibdiliet indiretti fl-użu tal-art (ILUC)/bijokarburanti (REN/502 – CES2363-202), u b’mod partikolari il-punti 1.9 sa 1.12, li juru l-kumplessità u l-karattru fuq perjodu twil ta’ dawn il-kwistjonijiet u l-ħtieġa għal valutazzjoni aġġornata kontinwa. |
|
1.7 |
Għaldaqstant, il-KESE jaħseb li l-għanijiet strateġiċi fit-tul tal-Komunikazzjoni għandhom ikunu segwiti aħjar fil-proposta. Pereżempju, il-qafas ta’ politika nazzjonali għal fjuwils nodfa u l-infrastruttura tagħhom, li l-Istati Membri se joħolqu taħt il-proposta, għandu jinkludi dawk is-sorsi ta’ enerġija kollha, bħall-bijokarburanti, li jitqiesu importanti fil-Komunikazzjoni. |
|
1.8 |
Għalhekk, il-proposta għandha tiddefinixxi taħlita ta’ fjuwils ottimizzata b’mod ekonomiku u ambjentali fil-livell tal-UE fejn politiki nazzjonali kkoordinati jistgħu jsaħħu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni. L-Artikoli 3, 8 u 10 kif ukoll l-Anness I tal-proposta għandhom jiġu riveduti f’dan is-sens. |
|
1.9 |
Il-KESE jiddubita li l-infrastruttura pubblika għaċ-ċarġjar tal-vetturi elettriċi tista’ tiġi pprovduta mingħajr fondi pubbliċi, talinqas matul il-fażi inizjali, sakemm l-għadd ta’ vetturi elettriċi jkun laħaq livell fejn pagamenti jistgħu jiffinanzjaw b’mod raġonevoli l-investiment. |
|
1.10 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel u vijabbli għal taħlita ta’ enerġija modifikata, u l-importanza li jitqies il-potenzjal għal titjib fir-rekord ambjentali tal-karburanti fossili. |
|
1.11 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-periklu li jixxekkel l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi ġodda u iktar vijabbli għal modi u gruppi ta’ utenti differenti. Eżempju ta’ dan huma l-impenn qawwi favur l-LNG għat-trasport marittimu għalkemm alternattivi ġodda u irħas qed jiġu żviluppati. Bl-istess mod jidru soluzzjonijiet ġodda għal enerġija u mmirati lejn l-utent, pereżempju għal trakkijiet, xarabanks u vetturi b’żewġ roti. |
2. Introduzzjoni: kuntest politiku u preżentazzjoni tal-Komunikazzjoni u tal-Proposta
|
2.1 |
Fl-inizjattivi ewlenin “Ewropa effiċjenti fir-riżorsi” u “Unjoni tal-Innovazzjoni”, l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tindirizza it-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tal-enerġija u r-riżorsi, il-ħtieġa biex tissaħħaħ il-kompetittività u titjieb is-sigurtà tal-enerġija permezz ta’ effiċjenza mtejba tar-riżorsi u tal-enerġija. Fil-qasam tat-trasport il-White Paper tal-2011 dwar il-politika tat-trasport issejjaħ biex titwaqqaf id-dipendenza tat-trasport fuq iż-żejt u tistabbilixxi mira ta’ tnaqqis ta’ 60 % sal-2050 tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mit-trasport. Fl-għaxar għanijiet tagħha għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti, il-White Paper tirriferi għall-iżvilupp u l-użu ta’ fjuwils u sistemi ta’ propulsjoni ġodda u sostenibbli. Il-lista ta’ inizjattivi fil-White Paper tindirizza dawk l-għanijiet taħt l-Inizjattiva 24, “Pjan direzzjonali tat-teknoloġija”, u l-Inizjattiva 26, “Qafas regolatorju għal trasport innovattiv”. Il-Komunikazzjoni u l-Proposta għal Direttiva jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, fis-sħuħija tagħhom jew parti minnhom. |
|
2.2 |
F’għadd ta’ opinjonijiet, il-KESE appella għal inizjattiva mill-Kummissjoni biex jiġu promossi fjuwils alternattivi u l-infrastruttura relatata. Dawn jinkludu:
|
|
2.3 |
Il-pakkett ippreżentat mill-Kummissjoni jikkonsisti minn dawn l-elementi li ġejjin:
|
|
2.4 |
Il-fjuwils koperti mill-Komunikazzjoni huma il-gass naturali inkluż il-bijometan (LNG, CNG, GTL), l-elettriku, il-bijokarburanti (likwidi) u l-idroġenu, b’karatteristiċi u użi differenti. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġiji għal kull tip ta’ trasport. L-istrateġija għandha l-għan li tistabbilixxi qafas fit-tul biex tiggwida l-iżvilupp teknoloġiku u l-investiment fl-użu ta’ fjuwils alternattivi, bil-għan li titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt, titjieb is-sigurtà tal-fjuwils u jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-azzjonijiet previsti fl-istrateġija jikkonċernaw erba’ oqsma:
|
|
2.5 |
Il-proposta tiffoka fuq l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni u l-informazzjoni lill-konsumatur. Madankollu, tobbliga wkoll lill-Istati Membri biex jadottaw qafas ta’ politika nazzjonali għall-iżvilupp fis-suq ta’ fjuwils alternattivi u l-infrastruttura tagħhom. Dak il-qafas se jinkludi rekwiżit ta’ informazzjoni, miżuri ta’ politika u regolatorji sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-infrastruttura, miżuri ta’ appoġġ, ta’ riċerka u ta’ twaqqif ta’ objettivi u kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra: a) sabiex tiġi żgurata koerenza internazzjonali fl-infrastruttura; b) ikun possibbli li jsiru vjaġġi madwar l-UE kollha kemm hi. |
|
2.6 |
Fl-istess waqt li nħarġu l-Komunikazzjoni u l-proposta, il-Kummissjoni għamlet pubbliku wkoll.id-Dokument ta’ Ħidma li jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni lejn qafas komprensiv tal-UE dwar l-LNG għat-trasport fuq il-baħar. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-EMSA, qed tippjana li tipproponi, sa tmiem l-2014, sensiela komprensiva ta’ regoli, standards u linji gwida għall-forniment, bunkering u l-użu tal-LNG fit-trasport fuq il-baħar. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1 |
Kif ġie rrimarkat hawn fuq, il-KESE indirizza f’għadd ta’ okkażjonijiet il-kwistjonijiet rigward il-ħtieġa għal fjuwils alternattivi għat-trasport u l-urġenza li tiġi żviluppata infrastruttura adegwata għal sistema kredibbli ta’ riforniment ta’ karburant jew ċarġjar tal-batteriji, li tappoġġa l-mobilità transkonfinali. Enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu mnedija aktar miżuri li jippromovu l-adozzjoni fis-suq ta’ vetturi elettriċi u li tingħata biżżejjed awtonomija lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika. Għaldaqstant il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva. |
|
3.2 |
Il-KESE jappoġġa l-approċċ definit fil-Komunikazzjoni u implimentat fil-proposta, li jiġi stipolat obbligu għall-Istati Membri biex jadottaw oqfsa ta’ politika nazzjonali għall-iżvilupp fis-suq ta’ fjuwils alternattivi li jissodisfaw ċerti rekwiżiti minimi, soġġetti għal sistema ta’ notifika u valutazzjoni ġestita mill-Kummissjoni. |
|
3.3 |
B’mod partikolari, il-KESE japprova l-enfasi fuq infrastruttura ta’ riforniment ta’ karburnat/ċarġjar tal-batteriji bħala mezz kif jingħata spinta s-suq għal vetturi u bastimenti li jużaw fjuwils alternattivi. Jidher li hemm ftehim ġenerali li miżuri bħal dawn huma importanti sabiex tinħoloq il-fiduċja fi fjuwils alternattivi min-naħa tal-utenti, li huwa element essenzjali biex is-suq jieħu spinta ’l quddiem. |
|
3.4 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll it-twaqqif ta’ standards tekniċi validi fl-UE għal infrastruttura ta’ riforniment ta’ karburnat/ċarġjar tal-batteriji. Din il-miżura hija fattur deċiżiv sabiex tinħoloq il-fiduċja fi fjuwils alternattivi bħala alternattiv vijabbli għat-trasport transkonfinali. Il-KESE jassumi li l-Kummissjoni se tuża l-poter tagħha, kif tagħti dispożizzjoni l-proposta, biex tadotta atti ddelegati sabiex jiġu aġġornati l-ispeċifikazzjonijiet, u b’hekk jiġi żgurat li huma dejjem kompatibbli ma’ dawk li japplikaw fis-suq dinji. |
|
3.5 |
Il-KESE josserva li l-proposta tobbliga lill-Istati Membri biex jadottaw qafas ta’ politika nazzjonali għal fjuwils alternattivi. Madankollu, l-Artikolu 3(3) jidher li jawtorizza lil Stat Membru biex iżomm il-fjuwils barra minn dik il-politika, u l-obbligi ta’ infrastruttura stipulati fl-Artikoli 4 sa 6 jkopru biss il-provvista tal-elettriku, tal-idroġenu u tal-gass naturali. Madankollu, l-obbligu ta’ informazzjoni lill-konsumatur fl-Artikolu 7 jidher li jkopri l-fjuwils alternattivi kollha fis-suq. Jidher ukoll mill-Komunikazzjoni li b’mod partikolari l-hekk imsejħa bijokarburanti avvanzati huma element importanti fit-taħlita tal-enerġija futura, talinqas kif qiegħda bħalissa s-sitwazzjoni, u meta wieħed iqis il-kwoti minimi previsti għal bijokarburanti fit-taħlita tal-enerġija futura. Għaldaqstant, il-KESE jaħseb li l-Artikolu 3 tal-proposta leġislattiva għandha tindika grupp bażiku ta’ fjuwils alternattivi li jridu jiġu indirizzati minn oqfsa ta’ politika nazzjonali. |
|
3.6 |
Skont l-Artikolu 3 tal-proposta, l-Istati Membri għandhom jevalwaw il-kontinwità transfruntiera tal-kopertura tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi. L-artikolu jgħid ukoll li l-Istati Membri għandhom jikkooperaw, permezz ta’ konsultazzjonijiet jew oqfsa ta’ politika konġunta, biex jiżguraw li l-miżuri meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva jkunu koerenti u koordinati. L-uniku mod kif jista’ jiġi żgurat li dan l-obbligu fundamentali jkun implimentat b’mod adatt jidher li huwa l-mekkaniżmu ta’ rappurtar u ta’ valutazzjoni stipulat fl-Artikolu 3(5) u (6). Il-KESE jistaqsi jekk dan huwa biżżejjed u jaħseb jekk ma jkunx iktar utli li tinħoloq funzjoni ta’ koordinazzjoni permanenti, fuq il-linji tal-koordinaturi għal ċerti proġetti TEN-T taħt il-Linji Gwida dwar it-TEN-T. |
|
3.7 |
Il-Komunikazzjoni tagħti l-idea li qed tassumi li l-iffinanzjar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi tista’ ssir mingħajr finanzjament pubbliku dirett u bl-appoġġ esklużiv ta’ għodod ta’ politika bħal permessi għall-bini, konċessjonijiet, regoli dwar l-akkwist, regoli ta’ aċċess u ta’ ċarġjar u inċentivi mhux finanzjarji. Fil-fehma tal-KESE dan jista’ jkun minnu għal punti tal-iċċarġjar mingħajr aċċess pubbliku għal vetturi elettriċi, iżda jiddubita kemm dan il-kunċett jaħdem fir-rigward ta’ punti tal-iċċarġjar ta’ aċċess pubbliku għal vetturi elettriċi, fejn l-operazzjoni kummerċjali ġeneralment huwa kkunsidrat mhux fattibbli u l-finanzjament pubbliku bħala l-unika soluzzjoni realistika, talinqas matul il-fażi ta’ żvilupp. (Ara, pereżempju, Fortschrittsbericht der Nationalen Plattform Elektromobilität (Dritter Bericht), Taqsima 5.5 – rapport imfassal għall-Ministeru tat-Trasport tal-Ġermanju f’Lulju 2012). |
|
3.8 |
Minħabba l-livell ta’ spejjeż ta’ investiment u l-inċertezza tas-swieq, il-KESE huwa tal-fehma li hemm ħtieġa ġenerali u fit-tul għall-finanzjament pubbliku ta’ infrastruttura ddedikata għal riforniment ta’ karburant/ċarġjar tal-batteriji għall-fjuwils alternattivi. Għalhekk il-KESE jaħseb li l-valutazzjoni li għamlet il-Komunikazzjoni dwar dan il-punt għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid. Dawn il-ħtiġijiet ta’ finanzjament ġew ikkunsidrati fil-Guidelines on Financial Incentives for Clean and Energy Efficient Vehicles (Linji gwida ppubblikati dwar Inċentivi Finanzjarji għal Vetturi Nodfa u Effiċjenti fl-Enerġija) (SWD (2013)27) u għandhom jiġu kkunsidrati wkoll meta jiġu stabbiliti prijoritajiet, pereżempju, dwar il-finanzjament tat-TEN-T. |
|
3.9 |
Il-KESE jistaqsi wkoll dwar l-għadd ta’ punti tal-iċċarġjar għal kull Stat Membri previst għall-2020 fl-Anness II għall-proposta. Biex nikkwotaw eżempju wieħed, il-Ġermanja, l-Anness jipprevedi 1 500 000 punt tal-iċċarġjar, li minnhom 150 000 huma ta’ aċċess pubbliku. Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm tal-elettromobilità tal-Ġermanja kkwotat taħt 3(7) ibassar total ta’ ftit inqas minn miljun punt tal-iċċarġjar għal madwar l-istess ammont ta’ karozzi. Minn dawn il-punti tal-iċċarġjar, 150 000 se jkunu ta’ aċċess pubbliku, iżda hemm dubju dwar ’il fuq minn 50 % minnhom. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li ċ-ċifri ta’ mira fl-Anness II jiġu kkunsidrati u li jinħoloq mekkaniżmi sempliċi għar-reviżjoni tal-previżjonijiet fl-Anness II. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1 |
Il-KESE jistaqsi dwar il-kriterji ta’ kosteffettività fir-rigward ta’ faċilitajiet ta’ elettriku fuq ix-xatt stipulati fl-Artikolu 4(4) tal-proposta. Mhuwiex ċar kontra liema kriterji ta’ effettività se titkejjel l-ispiża. |
|
4.2 |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rekwiżiti li l-punti tal-iċċarġjar b’aċċess pubbliku għandhom jiġu mgħammra b’sistemi ta’ kejl intelliġenti. Dan se jiffaċilita l-iżvilupp futur ta’ funzjonijiet bħall-għażla tal-enerġija ekoloġika għall-iċċarġjar u l-forniment tal-elettriku minn vetturi fil-ħinijiet l-iżjed traffikużi. Il-KESE jaħseb jekk dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi kkonsidrat anke għall-punti tal-iċċarġjar mingħajr aċċess għall-pubbliku. |
|
4.3 |
Il-KESE jistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(8) tal-proposta huma suffiċjenti biex jiżguraw dritt għal roaming meta wieħed ikun qed juża vettura elettrika għal vjaġġ transkonfinali. Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tingħata konsiderazzjoni serja lill-alternattiva li jiġi impost obbligu fuq l-Istati Membri sabiex ikun żgurat li r-roaming ikun jista’ jsir fl-UE bi prezz raġonevoli. |
|
4.4 |
Huwa u jqabbel l-Artikolu 6(1) u (2) mal-(4), il-KESE jistaqsi jekk l-iskadenza ppjanata għad-disponibbiltà tal-istandards tekniċi għal-LNG, stipulata fl-Anness III 3.1 għall-proposta bħala “sal-2014” hija tabilħaqq sodisfaċenti, meta wieħed iqis li r-regola tal-kubrit ta' 0,1 % għall-fjuwils tal-baħar se tapplika fiż-Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Kubrit mill-1 ta’ Jannar 2015. Dan ifisser li l-perjodu ta’ żmien sa dik id-data huwa qasir ħafna biex isir ix-xogħol kollha, aħseb u ara li jiġu definiti l-kondizzjonijiet ta’ finanzjament. Għaldaqstant il-KESE jissuġġerixxi li jittiedħu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-portijiet, is-sidien tal-bastimenti u l-operaturi tal-bastimenti jkunu jistgħu jagħmlu użu f’waqtu tal-possibilità li jadattaw ir-rekwiżit ta’ 0,1 % billi jużaw l-LNG, mingħajr ma jkollhom ir-riskju li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE skont id-Direttiva 1999/32/UE kif emendata permezz tad-Direttiva 2012/33/UE, Artikolu 1(4). |
|
4.5 |
Il-KESE għandu jilqa’ b’sodisfazzjon referenza fil-proposta, possibilment fl-Artikolu 3, għall-ħtieġa biex jinstabu soluzzjonijiet adatti li jiżguraw li tkun disponibbli infrastruttura adegwata f’żoni b’popolazzjoni baxxa, fejn huwa partikolarment diffiċli biex jinstab finanzjament mingħajr l-għajnuna pubblika, anke wara li jintemm il-perjodu inizjali. |
|
4.6 |
Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota li għalkemm l-LNG fih innifsu jista’ jinġieb mill-karburanti fossili jew il-bijokarburanti, jidher mid-Dokument ta’ Ħidma (Sezzjoni 1, l-aħħar punt) li l-varjetà kkonsidrata għall-użu marittimu bħalissa tidher li hija ta’ oriġini fossila, għalkemm b’karatteristiċi ambjentali tajbin ħafna. Il-KESE jassumi li se jsiru sforzi sabiex jiġi promoss l-użu ta’ varjetajiet oħra ta’ LNG jew sistemi oħra ta’ propulsjoni. Il-karattru possibilment proviżorju tas-soluzzjoni tal-LNG għal darb’oħra joħroġ fid-dieher id-dubji dwar kemm il-proposta hija tabilħaqq impenjata favur faċilitajiet tal-LNG. |
Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Komunikazzjoni dwar Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi (il-Komunikazzjoni), il-Proposta għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (il-Proposta) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjahom dwar LNG għat-trasport fuq il-baħar (id-Dokument ta’ Ħidma).
(2) Opinjoni tal-KESE dwar “White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport”, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 146.
(3) Opinjoni tal-KESE dwar Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 47.
(4) L-Opinjoni tal-KESE dwar il-kontunent ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar, ĠU C 68, 6.3.2012, p. 70.
(5) Opinjoni tal-KESE dwar Linji Gwida għall-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 130.