7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/1


OPINJONI Nru 1/2013

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej

(skont l-Artikoli 287 u 322 TFUE)

2013/C 67/01

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 287 u 322 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposti tal-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidrat it-talbiet tal-Parlament Ewropew għal opinjonijiet, irċevuti mill-Qorti fil-5 ta’ Novembru 2012 u fil-25 ta’ Jannar 2013,

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill għal opinjoni, li waslet għand il-Qorti fil-11 ta’ Ottubru 2012,

Billi:

(1)

Il-proposti tal-Kummissjoni jimmiraw li jżidu l-viżibilità, ir-rikonoxximent, l-effettività, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

(2)

Fl-2012, total ta’ 13-il partit politiku u 12-il fondazzjoni politika fil-livell Ewropew irċevew finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem “il-baġit tal-UE”) (2). Il-partiti politiċi ilhom jingħataw finanzjament mill-2004 (3) u l-finanzjament tal-fondazzjonijiet politiċi beda fl-2007 (4). Il-fondi huma amministrati mill-Parlament Ewropew.

(3)

Bħalissa, il-finanzjament mill-baġit tal-UE huwa bil-bosta s-sors prinċipali ta’ dħul għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Sorsi oħra possibbli ta’ finanzjament huma kontribuzzjonijiet mill-membri tagħhom, donazzjonijiet, self u qligħ minn attivitajiet ekonomiċi.

(4)

Skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ bħalissa (5), il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet affiljati tagħhom m’għandhomx status legali skont il-liġi tal-UE; jeżistu għadd differenti ta’ forom legali, skont il-pajjiż fejn il-partit jew il-fondazzjoni huma bbażati.

(5)

Il-“proposta għal regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej” (minn issa ’l quddiem “l-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut”) tagħti lil dawn il-korpi personalità legali Ewropea. Fil-futur, ir-reġistrazzjoni bi status ta’ dan it-tip mill-Parlament Ewropew se tkun prekondizzjoni biex jirċievu fondi mill-baġit tal-UE.

(6)

Barra minn hekk, l-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut jipprovdi regoli dwar il-governanza u d-demokrazija interna, finanzjament mill-baġit tal-UE, donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet, arranġamenti kontabilistiċi u ta’ kontroll u obbligi ta’ rappurtar u penali.

(7)

Il-proposta għall-emenda tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej (minn issa ’l quddiem “il-proposta li temenda r-Regolament Finanzjarju”) timmira li ma tkomplix għaddejja bis-sistema attwali ta’ sostenn finanzjarju għal partiti politiċi Ewropej permezz ta’ għotjiet mill-baġit tal-UE (6). Il-Parlament Ewropew għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal bidliet lil din is-sistema (7). Il-Kummissjoni tipproponi li, fil-futur, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jirċievu sostenn fil-forma ta’ “kontribuzzjonijiet”. Ma jkunx hemm aktar bżonn li jiġu ppreżentati l-programmi ta’ ħidma annwali u l-istimi tal-baġits operattivi. Il-partiti politiċi Ewropej se jkollhom bżonn jiġġustifikaw ex post l-użu tajjeb tal-fondi tal-Unjoni,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

SFOND

1.

Il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej mhumiex korpi stabbiliti mill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 287(1) TFUE u fil-fatt mhumiex soġġetti għall-awditjar mill-Qorti (8). Madankollu, safejn huma jirċievu finanzjament mill-baġit tal-UE, il-Qorti hija kompetenti biex twettaq awditi bbażati fuq l-eżami tar-rekords u żjarat fuq il-post fil-bini tagħhom.

2.

Fondi li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jirċievu minn sorsi oħra għajr dawk tal-baġit tal-UE mhumiex soġġetti awtomatikament għall-awditjar mill-Qorti. Madankollu, minħabba fl-interazzjoni bejn il-finanzjament tal-UE u finanzjament minn sorsi oħra, il-Qorti jista’ jkollha bżonn teżamina wkoll dawn tal-aħħar fl-andament tax-xogħol tal-awditjar tagħha.

HEMM XI DISTAKKI SINIFIKANTI FIL-QAFAS LEGALI PROPOST

3.

Il-Qorti tagħraf li l-proposti tal-Kummissjoni jindirizzaw għadd ta’ nuqqasijiet fid-dispożizzjonijiet attwalment fis-seħħ. Madankollu, xi kwistjonijiet ulterjuri għandhom bżonn jiġu indirizzati sabiex titħeġġeġ kultura politika Ewropea ta’ indipendenza, obbligu ta’ rendikont u responsabbiltà, jissaħħaħ l-iskrutinju u jiġi evitat l-abbuż potenzjali tar-regoli ta’ finanzjament.

Donazzjonijiet

4.

Il-Qorti tinnota li d-definizzjoni proposta għat-terminu “donazzjoni” (9) hija ppreżentata bi kliem ristrett wisq. Konsegwentement, hija ma tkoprix it-tipi kollha ta’ tranżazzjoni li jistgħu jipprovdu vantaġġi ekonomiċi lill-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, u b’hekk ikun hemm lok li huma jevitaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza u l-livelli massimi (10).

5.

Hekk kif inhu, l-abbozz ta’ regolament fuq l-istatut ma jirregolax speċifikament donazzjonijiet minn persuni naturali jew legali li jipprovdu oġġetti u servizzi għal istituzzjonijiet tal-UE jew għal awtoritajiet pubbliċi oħra involuti fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE.

6.

L-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut jirregola d-donazzjonijiet lill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati tagħhom. Madankollu, mhija proposta ebda regola fuq donazzjonijiet lil entitajiet li huma relatati, direttament jew indirettament, mal-partiti jew mal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jew li huma taħt il-kontroll effettiv tagħhom b’mod ieħor (11).

7.

L-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut ma jirregolax speċifikament donazzjonijiet minn entitajiet privati (12) bbażati f’pajjiżi li mhumiex membri jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Huwa jipprojbixxi biss donazzjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi li mhumiex membri u impriżi kkontrollati minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi (13).

8.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, mhumiex esklużi donazzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE lill-partiti politiċi Ewropej u lill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (14). Jekk hemm bżonn li tinżamm din l-għażla, għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari f’dan ir-rigward.

Kontribuzzjonijiet

9.

Regoli dwar kontribuzzjonijiet lill-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi mill-membri tagħha (15) mhumiex kompletament konsistenti mal-prinċipji li japplikaw għad-donazzjonijiet. Filwaqt li l-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut jillimita donazzjonijiet għal valur ta’ EUR 25 000 kull sena u għal kull donatur, mhuwa stabbilit ebda limitu għall-kontribuzzjonijiet individwali minn membri ta’ partiti u fondazzjonijiet politiċi.

Self

10.

Il-Kummissjoni ma tipproponi ebda regola dwar self, is-sorsi tiegħu u t-termini u l-kondizzjonijiet tiegħu. Mingħajr dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip, hemm riskju li regoli dwar donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet jiġu evitati bl-irċevuta ta’ self b’kundizzjonijiet partikolarment vantaġġużi.

Sanzjonijiet

11.

Il-ksur tar-regoli għandu jwassal għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi. Skont ir-regolament propost (16), l-ammont massimu għal multi huwa limitat għal 10 % tal-baġit annwali tal-partit jew tal-fondazzjoni inkwistjoni korrispondenti mas-sena fejn tiġi imposta s-sanzjoni. Il-multi kieku jiġu deċiżi mill-Parlament, wara li jittieħed kont ta’ għadd ta’ parametri (17). Għal irregolaritajiet relatati ma’ donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet, il-Qorti tirrakkomanda approċċ inqas diskrezzjonali. L-ammont tal-multa għandu jkun multiplu tal-ammonti irregolari involuti, mingħajr limitu massimu.

12.

M’huma prevvisti ebda penali għal persuni jew korpi li jkunu għamlu pagamenti irregolari lil partit jew fondazzjoni. Tassew li skont l-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut kwalunkwe ammont imħallas irregolarment irid jitħallas lura lil dawk li jkunu għamlu pagamenti ta’ dan it-tip.

13.

Il-Qorti tilqa’ l-fatt li fl-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut hemm proviżjoni għal multi obbligatorji fejn kwalunkwe wieħed mill-korpi awtorizzati li jawditjaw jew jagħmlu kontrolli fuq il-benefiċjarji ta’ fondi mill-baġit tal-UE jiskopri ineżatezzi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali (18). Il-Qorti tirrakkomanda li l-penali obbligatorji amministrattivi u finanzjarji għandhom japplikaw ukoll fejn il-Parlament Ewropew jew il-Qorti jiġu mxekkla milli jeżerċitaw is-setgħat ta’ awditjar tagħhom.

Donazzjonijiet diretti lil kandidati jew rappreżentanti eletti

14.

Finalment, il-Qorti tiġbed l-attenzjoni dwar il-bżonn li r-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tal-partiti politiċi japplikaw mutatis mutandis għall-finanzjament ta’ kampanji tal-kandidati individwali għall-elezzjonijiet Ewropej jew tar-rappreżentanti eletti. Dan kieku jimmitiga r-riskju li d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi jiġu evitati b’donazzjonijiet diretti lil kandidati jew rappreżentanti eletti.

15.

Għal raġunijiet legali, mhux se jkun possibbli li jiġu ppreżentati regoli ta’ dan it-tip permezz ta’ proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 224 TFUE. Kwistjonijiet relatati mal-elezzjonijiet Ewropej u mal-prestazzjoni tad-dmirijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew huma rregolati bl-Artikolu 223 TFUE. Abbażi ta’ dan tal-aħħar, il-Parlament Ewropew għandu s-setgħa li jabbozza proposta leġiżlattiva bid-dispożizzjonijiet meħtieġa, pereżempju għall-inklużjoni fl-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew bil-vot universali dirett (19). Fil-preżent l-Artikolu 4 ta’ dan il-Att jipprovdi biss għal għażla li kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi limitu massimu għall-ispejjeż tal-kampanja tal-kandidati.

IL-KONDIZZJONIJIET TAL-ELIĠIBBILTÀ GĦAL FINANZJAMENT MILL-UE U XI KUNĊETTI EWLENIN OĦRA GĦANDHOM JIĠU DEFINITI B’AKBAR DETTALL

16.

L-Artikolu 8 tar-regolament fis-seħħ bħalissa jiddefinixxi n-natura tal-infiq tal-partiti politiċi Ewropej li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Nefqa ta’ dan it-tip tinkludi “nefqa amministrattiva u nefqa marbuta ma’ assistenza teknika, laqgħat, riċerka, avvenimenti transkonfinali, studji, informazzjoni u pubblikazzjonijiet”. Definizzjoni ta’ dan it-tip m’għadhiex aktar inkluża fil-proposti tal-Kummissjoni, għalkemm kieku tipprovdi gwida utli għas-sejħiet għall-kontribuzzjonijiet li jridu jinħarġu mill-Parlament Ewropew. Dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fil-proposta li temenda r-regolament finanzjarju mhumiex preċiżi biżżejjed (20). Il-proposta li temenda r-regolament finanzjarju għandha wkoll tagħmilha ċara li l-partiti politiċi Ewropej li jirċievu kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali m’għandhomx jirċievu fondi oħra mill-baġit.

17.

L-Artikolu 2 ta’ dan l-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut jipprovdi biss għadd limitat ta’ definizzjonijiet għat-termini użati fit-test kollu. Fl-interesss taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, għandhom jiġu inklużi definizzjonijiet ulterjuri (21) għat-termini segwenti: “uffiċjal li jawtorizza”, “baġit annwali” tal- partiti u l-fondazzjonijiet politiċi (22), “nefqa annwali rimborżabbli”, “spiża annwali eliġibbli”, “awtoritajiet nazzjonali kompetenti”, u “kontribuzzjonijiet” mill-membri tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi.

HUWA MEĦTIEĠ OBBLIGU TA’ RENDIKONT B’SAĦĦTU

Obbligi ta’ kontabbiltà u rappurtar

18.

L-Artikolu 19 tal-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut jirrikjedi li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi jippreżentaw dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali skont il-liġi applikabbli fl-Istat Membru fejn huma jkollhom is-sede tagħhom (23). Sabiex tittejjeb il-komparabbiltà u t-trasparenza jkun preferibbli li jkun hemm preżentazzjoni tal-kontijiet li tkun standardizzata u bbażata fuq id-dovuti u obbligi ta’ rappurtar dettaljati, permezz tal-użu ta’ mudell obbligatorju, li tkun tapplika għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi kollha indipendentement mill-liġi applikabbli fl-Istat Membru fejn huma jkollhom is-sede tagħhom.

19.

Barra minn hekk, l-Artikolu 19 għandu jistipola li dawk li huma inkarigati mill-awditjar estern huma magħżula, jingħataw mandat u jiġu mħallsa mill-Parlament Ewropew. Dan kieku jgħin fl-iżgurar tal-konsistenza fit-twettiq tal-funzjoni tal-awditjar estern u fl-iffaċilitar tal-monitoraġġ ta’ din l-attività (24).

Id-dispożizzjoni dwar is-setgħat tal-awditjar tal-Qorti

20.

Is-setgħat tal-awditjar tal-Qorti għandhom l-oriġini tagħhom fil-liġi primarja, b’mod partikolari l-Artikolu 287 TFUE, u ma jistgħux jitbiddlu jew jiġu restritti mil-liġi sekondarja. Sabiex tiċċara li l-arranġamenti tal-awditjar stipulati fl-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut japplikaw mingħajr preġudizzju għal dawn is-setgħat, il-Qorti tadotta l-opinjoni li għandu jkun hemm referenza ġenerali għalihom fl-Artikolu 20 tal-abbozz ta’ regolament.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-7 ta’ Frar 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (COM(2012) 499 final tat-12 ta’ Settembru 2012); u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej (COM(2012) 712 final tad-29 ta’ Novembru 2012).

(2)  Ara t-Taqsima I: Parlament/Nefqa/l-Artikoli 402 u 403 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012 (ĠU L 56, 29.2.2012, p. 1).

(3)  Skont data ta’ Marzu 2012 ippubblikata mill-Parlament Ewropew, l-ammonti mogħtija lill-partiti politiċi Ewropej żdiedu minn EUR 4,65 miljun fl-2004 għal EUR 18,90 miljun fl-2012.

(4)  Għall-perjodu minn Ottubru 2007 sa Awwissu 2008, il-Kummissjoni Ewropea tat għotjiet għal fondazzjonijiet politiċi Ewropej taħt proġett pilota. Skont data minn Marzu 2012 ippubblikata mill-Parlament Ewropew, l-ammonti mogħtija żdiedu minn EUR 6,69 miljun fl-2009 għal EUR 11,96 miljun fl-2012.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1524/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 5).

(6)  Ara l-Artikolu 125 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Ara r-rIżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ April 2011 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fil-livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom, b’mod partikolari l-paragrafi 15, 16 u 20 (ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 46).

(8)  B’mod partikolari, il-Qorti ma tfassalx rapporti annwali speċifiċi dwar il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

(9)  L-Artikolu 2(7) tal-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut jinqara kif ġej: “[…] ‘donazzjoni’ tfisser offerti ta’ flus u donazzjonijiet oħra in natura (prodotti u servizzi) li jikkostitwixxu vantaġġ ekonomiku għall-partit politiku jew għall-fondazzjoni Ewropea kkonċernati”.

(10)  Pereżempju, permezz ta’ kuntratti ta’ servizz mogħtija lil entità taħt il-kontroll ta’ partit politiku, fejn l-ammont imħallas mhuwiex proporzjonali mas-servizz mogħti.

(11)  Pereżempju istituti tar-riċerka jew stamperiji.

(12)  Inklużi organizzazzjonijiet nongovernattivi.

(13)  Ara l-Artikolu 15(5)(d) tal-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut.

(14)  Ara l-Artikolu 15(5) tal-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut.

(15)  Ara l-Artikolu 15(7) u (8) u l-Artikolu 24(1)(f) tal-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut.

(16)  Ara l-Artikolu 22 tal-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut.

(17)  Notevolment il-gravità, it-tul, u r-rikorrenza tal-ksur, iż-żmien li jkun għadda, u l-grad ta’ negliġenza jew intenzjoni.

(18)  Ara l-Artikolu 22(2)(c) tal-abbozz ta’ regolament dwar l-istatut.

(19)  ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5.

(20)  Ara l-Artikoli 204b u 204d tal-proposta li temenda r-Regolament Finanzjarju. L-Artikolu 204b(1) jistipola li l-kontribuzzjonijiet “għandhom jintużaw biss biex jitħallas lura perċentwal tal-ispejjeż operattivi ta’ partiti politiċi Ewropej marbutin direttament mal-għanijiet ta’ dawn il-partiti”.

(21)  Fejn xieraq, permezz ta’ referenzi għal atti legali relevanti oħra.

(22)  Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ “baġit annwali”, se jkun impossibbli li tiġi ċċekkjata l-konformità mar-regola li l-kontribuzzjonijiet tal-membri lill-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej m’għandhomx jeċċedu 40 % tal-baġits annwali tagħhom.

(23)  Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali għandhom jiġu ppreżentati lir-Reġistru tal-Parlament Ewropew u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri.

(24)  Il-Qorti tinnota li, fl-2012, il-Parlament Ewropew ħareġ sejħa għall-offerti biex jagħżel l-istess awditur estern għall-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej kollha.