6.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 336/15


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal”

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2012/C 336/08

I.   Introduzzjoni

I.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fit-2 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha dwar “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal” (1) (li minn hawn ’il quddiem sejra tissejjaħ “il-Komunikazzjoni”).

2.

Qabel l-adozzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, il-KEPD ingħata l-opportunità li jipprovdi kummenti informali. Il-KEPD jilqa’ l-fatt li fil-Komunikazzjoni ttieħdu f’kunsiderazzjoni wħud mill-kummenti informali tiegħu. Fir-rigward tal-importanza tas-suġġett, il-KEPD xorta waħda jixtieq jippreżenta din l-opinjoni fuq inizjattiva personali tiegħu.

I.2.   Għanijiet u sfond tal-Komunikazzjoni

3.

L-għan tal-Komunikazzjoni huwa li tiżviluppa strateġija biex ittejjeb il-protezzjoni tat-tfal fuq l-Internet. Il-Komunikazzjoni tinsab fil-kuntest tal-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, (2) l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, (3) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni tat-Tfal fid-Dinja Diġitali. (4)

4.

Il-Komunikazzjoni hija msejsa fuq erba’ pilastri ewlenin:

(1)

stimolu ta’ kontenut fuq l-Internet ta’ kwalità għaż-żgħażagħ;

(2)

żieda fil-ħolqien ta’ kuxjenza u l-għoti ta’ setgħa;

(3)

il-ħolqien ta’ ambjent fuq l-Internet sikur għat-tfal; u

(4)

il-ġlieda kontra abbuż sesswali u sfruttament sesswali ta’ tfal.

5.

Il-Komunikazzjoni tispjega numru ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-industrija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, rispettivament. Tkopri kwistjonijiet bħal kontrolli mill-ġenituri, issettjar tal-privatezza, klassifikazzjonijiet skont l-età, għodod ta’ rapportar, linji telefoniċi ta’ assistenza immedjata, u kooperazzjoni bejn l-industrija, il-linji telefoniċi ta’ assistenza immedjata u l-korpi ta’ infurzar tal-liġi

I.3.   Għanijiet u kamp ta’ applikazzjoni tal-Opinjoni tal-KEPD

6.

Il-KEPD jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-protezzjoni tat-tfal fuq l-Internet u jtejbu l-mezzi għall-ġlieda kontra l-abbuż ta’ tfal fuq l-Internet (5). F’żewġ Opinjonijiet preċedenti, il-KEPD xeħet dawl fuq l-importanza tal-protezzjoni u s-sikurezza tat-tfal fuq l-Internet f’perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta (6). Jilqa’ l-fatt li dan ġie rikonoxxut fil-Komunikazzjoni.

7.

L-użu dejjem ikbar tal-ambjent diġitali mit-tfal u l-evoluzzjoni kostanti ta’ dan l-ambjent jimponu riskji ġodda għall-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza, li huma esposti fil-punt 1.2.3 tal-Komunikazzjoni. Riskji bħal dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-użu ħażin tad-dejta personali tagħhom, it-tqassim mhux mixtieq tal-profil personali tagħhom fuq siti ta’ netwerks soċjali, l-użu dejjem ikbar tas-servizzi ta’ ġeolokalizzazzjoni, il-fatt li dejjem qegħdin ikunu iktar soġġetti direttament għal kampanji ta’ pubbliċità u għal delitti serji bħal abbuż fuq tfal. Dawn huma riskji partikolari li jridu jiġu indirizzati b’mod li jkun xieraq għall-ispeċifiċità u l-vulnerabilità tal-kategorija tal-individwi f’riskju.

8.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li l-azzjonijiet previsti fil-Komunikazzjoni għandhom jirrispettaw il-qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta attwali (inkluża d-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE (7) dwar il-Privatezza Elettronika), id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku 2000/31/KE (8) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u li din tieħu f’kunsiderazzjoni wkoll il-qafas il-ġdid dwar il-protezzjoni tad-dejta (9). Il-KEPD jisħaq li l-miżuri kollha li jridu jiġu implimentati wara l-Komunikazzjoni għandhom ikunu konsistenti ma’ dan il-qafas.

9.

Din l-Opinjoni tixħet dawl fuq il-kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-protezzjoni tad-dejta li joħorġu mill-miżuri previsti fil-Komunikazzjoni, li jridu jiġu indirizzati kif xieraq mill-indirizzati relevanti kollha tal-Komunikazzjoni, jiġifieri l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija, fejn applikabbli. B’mod partikolari, il-Kapitolu II jixħet dawl fuq il-mezzi speċifiċi li jistgħu jgħinu jtejbu l-protezzjoni u s-sikurezza tat-tfal fuq l-Internet minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta. Fil-Kapitolu III, l-Opinjoni tixħet dawl fuq xi kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta li jridu jiġu indirizzati għall-implimentazzjoni ta’ miżuri li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali ta’ tfal fuq l-Internet, b’mod partikolari dwar l-użu ta’ għodod ta’ rapportar u l-kooperazzjoni bejn l-industrija, l-infurzar tal-liġi u l-linji telefoniċi ta’ assistenza immedjata.

IV.   Konklużjoni

49.

Il-KEPD jappoġġja l-inizjattivi tal-Komunikazzjoni li tagħmel l-Internet iktar sikur għat-tfal, u fil-ġlieda kontra abbuż sesswali u sfruttament sesswali ta’ tfal. B’mod partikolari, jilqa’ l-fatt li l-protezzjoni tad-dejta hija rikonoxxuta bħala element ewlieni għall-iżgurar tal-protezzjoni tat-tfal fuq l-Internet u sabiex jingħataw is-setgħa li jgawdu l-benefiċċji tiegħu b’mod sikur.

50.

Il-KEPD jixħet dawl fuq il-fatt li r-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-dejta għandhom jiġu kkunsidrati kif suppost mill-industrija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni meta jimplimentaw inizjattivi bil-għan li jiżguraw is-sikurezza tat-tfal fuq l-Internet, u b’mod partikolari:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinkludu referenzi fil-kampanji u l-materjali edukattivi tagħhom għar-riskji assoċjati mal-protezzjoni tad-dejta kif ukoll tagħrif dwar kif it-tfal u l-ġenituri jistgħu jevitawhom. Is-sinerġiji bejn l-awtoritajiet ta’ protezzjoni tad-dejta, l-Istati Membri u l-industrija għandhom jiġu żviluppati wkoll sabiex titrawwem kuxjenza fost it-tfal u l-ġenituri dwar is-sikurezza fuq l-Internet.

L-industrija għandha tiżgura li tipproċessa dejta personali tat-tfal skont il-liġi, u li tikseb kunsens mingħand il-ġenituri, meta jkun hemm bżonn. Għandha timplimenta settings awtomatiċi ta’ privatezza għat-tfal li jipprovdu għal mekkaniżmi iktar protettivi minn dawk li għandhom jitħaddmu b’mod awtomatiku għall-utenti kollha. Għandha timplimenta wkoll mekkaniżmi ta’ twissija xierqa biex tavża lit-tfal li jixtiequ jibdlu s-settings awtomatiċi tal-privatezza tagħhom u biex tiżgura li bidla bħal dik hija vvalidata b’kunsens mill-ġenituri, fejn ikun hemm bżonn. Għandha taħdem biex iddaħħal fis-seħħ għodod xierqa għal verifika tal-età li mhumiex intrużivi mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta.

Fir-rigward tat-tagħrif lit-tfal, l-industrija għandha tesplora kif tiżviluppa tassonomija biex tipprovdi tagħrif lit-tfal b’mod sempliċi u biex tgħarrafhom dwar ir-riskji potenzjali jekk jibdlu s-settings awtomatiċi tagħhom.

Fir-rigward tar-reklamar għat-tfal, il-KEPD ifakkar li ma għandu jkun hemm ebda kummerċjalizzazzjoni diretta mmirata speċifikament għal persuni taħt l-età u li t-tfal ma għandhomx ikunu soġġetti għal reklamar skont l-imġiba. Il-KEPD iqis li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ iktar lill-industrija sabiex tiżviluppa miżuri awtoregolatorji favur il-privatezza fil-livell tal-UE, li jippromwovu prattiki tajbin fir-rigward tar-reklamar fuq l-Internet għat-tfal, li għandhom ikunu bbażati fuq konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta. Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni sabiex tanalizza l-possibilità li tkompli tilleġiżla fil-livell tal-UE biex tiżgura li d-drittijiet tat-tfal għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta fil-kuntest ta’ reklamar jittieħdu f’kunsiderazzjoni xierqa.

51.

L-inizjattivi enfasizzati fil-Komunikazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal iqajmu numru ta’ kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta, li jridu jiġu kkunsidrati b’reqqa mill-partijiet interessati kollha fil-qasam ta’ azzjoni rispettiv tagħhom:

Minħabba s-sensittività tagħhom minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta, id-dħul fis-seħħ ta’ għodod ta’ rapportar għandu jkun imsejjes fuq bażi legali xierqa. Il-KEPD jirrakkomanda li d-dħul fis-seħħ tal-għodda ta’ rapportar madwar l-UE kollha għat-tfal previst fit-taqsima 2.2.3 ikun stabbilit b’mod ċar fil-liġi. Barra minn hekk, jirrakomanda li jiġi ddefinit b’mod ċar x’jikkostitwixxi ‘imġiba u kontenut dannużi’ li jistgħu jiġu rraportati permezz tal-għodda ta’ rapportar ta’ madwar l-UE għat-tfal fil-ġejjieni.

Il-KEPD iħeġġeġ l-iżvilupp mill-industrija ta’ mudelli ta’ rapportar minimu standard, li għandhom jitfasslu b’tali mod li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-ipproċessar ta’ dejta personali għal dak li huwa strettament meħtieġ biss.

Il-proċeduri għar-rapportar permezz ta’ linji telefoniċi ta’ assistenza immedjata jistgħu jiġu definiti aħjar. Kodiċi Ewropew tal-Prattika li jinkludi proċeduri ta’ rapportar komuni u salvagwardji ta’ protezzjoni tad-dejta, anki fir-rigward tal-iskambji internazzjonali ta’ dejta personali, ikun qiegħed itejjeb il-protezzjoni tad-dejta f’dan il-qasam.

Biex jiżguraw l-iżvilupp ta’ għodod ta’ rapportar li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta, l-awtoritajiet ta’ protezzjoni tad-dejta għandhom jieħdu sehem fi djalogi kostruttivi mal-industrija u partijiet interessati oħrajn.

Il-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-proċeduri ta’ avviżi u tneħħija li jikkonċernaw materjal ta’ abbuż fuq tfal maħruġ fuq l-Internet trid isseħħ biss skont bażi legali xierqa. Il-modalitajiet għal kooperazzjoni bħal dik iridu jiġu ddefiniti b’mod iktar ċar. Dan jgħodd ukoll fil-każ tal-kooperazzjoni ben l-industrija u ċ-Ċentru Ewropew dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-ġejjieni.

Il-KEPD iqis li jrid jinstab bilanċ tajjeb bejn l-għan leġittimu ta’ ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-għamla xierqa tal-mezzi użati. Ifakkar li kwalunkwe azzjoni ta’ sorveljanza ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, fejn dan ikun meħtieġ f’każijiet speċifiċi, għandha tkun il-kompitu tal-infurzar tal-liġi.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2012.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  COM(2012) 196 finali.

(2)  Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, COM(2011) 60 finali.

(3)  Aġenda Diġitali għall-Ewropa, COM(2010) 245 finali.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali, 3128 laqgħa tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura u l-isport fi Brussell, 28 u 29 ta’ Novembru 2011.

(5)  Hemm ukoll numru ta’ inizjattivi fil-livell internazzjonali, bħall-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tat-Tfal (2012-2015), COM(2011) 171 finali 15 ta’ Frar 2012.

(6)  Ara l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-protezzjoni tat-tfal li jużaw l-Internet u teknoloġiji ta' komunikazzjoni oħrajn, ippubblikata fil-ĠU C 2, 7.1.2009, p. 2, u l-Opinjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/JHA, ippubblikata fil-ĠU C 323, 30.11.2010, p. 6.

(7)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(8)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(9)  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Ir-Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali), COM(2012) 11 finali.