6.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 336/7


Sommarju eżekuttiv tal-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2012/C 336/05

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fit-28 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni bit-titolu “Il-Ġlieda kontra l-Kriminalità f’din l-Era Diġitali: It-Twaqqif ta’ Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità” (1).

2.

Il-KEPD jinnota li l-Kunsill ippubblika l-Konklużjonijiet tiegħu dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità fis-7-8 ta' Ġunju 2012 (2). Il-Kunsill japprova l-miri tal-Komunikazzjoni, jappoġġja t-twaqqif taċ-Ċentru (imsejjaħ ukoll “EC3”) fl-Europol u l-użu tal-istrutturi eżistenti biex jaħdmu flimkien ma’ oqsma oħra tal-kriminalità, jikkonferma li l-EC3 għandu jservi bħala punt fokali fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, u li l-EC3 sejjer jikkoopera mill-qrib mal-aġenziji u ma’ atturi rilevanti f’livell internazzjonali, u jappella lill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mal-Europol biex telabora aktar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti speċifiċi li sejrin ikunu meħtieġa biex jagħmlu l-EC3 operattiv sal-2013. Madankollu, il-Konklużjonijiet ma jirreferux għall-importanza tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari, għall-protezzjoni tad-dejta fit-twaqqif tal-EC3.

3.

Qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-KEPD kien ingħata l-possibbiltà li jipprovdi kummenti informali dwar l-abbozz ta’ Komunikazzjoni. Fil-kummenti informali tiegħu, il-KEPD enfasizza li l-protezzjoni tad-dejta hija aspett essenzjali li għandha tittieħed f’kunsiderazzjoni fit-twaqqif taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (minn hawn ’il quddiem “EC3”). Sfortunatament, il-Komunikazzjoni ma ħaditx f’kunsiderazzjoni l-kummenti magħmula fl-istadju informali. Barra minn hekk, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill jitolbu li jiġi żgurat li sas-sena d-dieħla, iċ-Ċentru jkun diġà operattiv. Din hija r-raġuni għala l-protezzjoni tad-dejta għandha tittieħed f'kunsiderazzjoni fil-passi li jmiss li diġà sejrin jittieħdu fuq perjodu ta' żmien qasir ħafna.

4.

Din l-opinjoni tindirizza l-importanza tal-protezzjoni tad-dejta waqt it-twaqqif tal-EC3, u tipprovdi suġġerimenti speċifiċi li jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni waqt it-twaqqif tat-termini ta’ referenza għall-EC3 u fir-reviżjoni leġiżlattiva tal-qafas legali tal-Europol. Filwaqt li jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess, il-KEPD għalhekk adotta l-Opinjoni attwali bbażata fuq l-Artikolu 41 (2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

1.2.   Ambitu tal-Komunikazzjoni

5.

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tindika l-intenzjoni li toħloq Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità bħala prijorità tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna (3).

6.

Il-Komunikazzjoni tipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ diversi aspetti ta’ ċiberkriminalità li fuqhom huwa mistenni jiffoka l-EC3: ċiberkriminalità mwettqa minn gruppi tal-kriminalità organizzata, b'mod partikolari dawk li jiġġeneraw profitti kriminali kbar bħal frodi online, ċiberkriminalità li tikkawża ħsara serja lill-vittmi tagħha, bħall-isfruttament sesswali online tat-tfal, u ċiberkriminalità li taffettwa serjament sistemi kritiċi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) fl-Unjoni.

7.

Fir-rigward tal-ħidma taċ-Ċentru, il-Komunikazzjoni telenka erba’ kompiti ewlenin (4):

jservi bħala l-punt fokali ta’ informazzjoni għaċ-ċiberkriminalità Ewropea;

jiġbor flimkien l-għarfien espert dwar iċ-ċiberkriminalità Ewropea biex jappoġġja l-Istati Membri fil-bini ta’ kapaċità;

jipprovdi appoġġ għall-investigazzjonijiet taċ-ċiberkriminalità tal-Istati Membri;

isir il-leħen kollettiv tal-investigaturi taċ-ċiberkriminalità Ewropea fl-oqsma kollha tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura.

8.

L-informazzjoni pproċessata mill-EC3 sejra tinġabar mill-firxa l-aktar wiesgħa ta’ sorsi pubbliċi, privati u miftuħa, tarrikkixxi d-dejta disponibbli tal-pulizija, u tkun tikkonċerna attivitajiet, metodi u suspettati taċ-ċiberkriminalità. L-EC3 sejjer jikkollabora direttament ukoll ma’ aġenziji u korpi Ewropej oħra. Dan sejjer iseħħ permezz tal-parteċipazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fil-Bord tal-Programm tal-EC3 u wkoll permezz ta’ kooperazzjoni operattiva fejn rilevanti.

9.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-EC3 ikun l-interfaċċja naturali għall-attivitajiet taċ-ċiberkriminalità tal-Europol u ta’ unitajiet oħrajn tal-pulizija internazzjonali taċ-ċiberkriminalità. Fi sħubija mal-Interpol u ma’ msieħba strateġiċi oħrajn madwar id-dinja, l-EC3 għandu wkoll ifittex li jtejjeb ir-rispons ikkoordinat fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.

10.

F'termini prattiċi, il-Kummissjoni tipproponi li toħloq dan l-EC3 bħala parti mill-Europol. L-EC3 sejjer ikun parti mill-Europol  (5) u, għalhekk, sejjer jitpoġġa taħt ir-reġim legali tal-Europol (6).

11.

Skont il-Kummissjoni Ewropea (7), in-novitajiet ewlenin li l-EC3 propost sejjer iġib lill-attivitajiet attwali tal-Europol sejrin ikunu: (i) aktar riżorsi biex ikun hemm ġbir aktar effiċjenti ta’ informazzjoni minn sorsi varji (ii) l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ msieħba lil hinn mill-komunità tal-infurzar tal-liġi (prinċipalment mis-settur privat).

1.3.   Fokus tal-Opinjoni

12.

F’din l-opinjoni, il-KEPD ifittex li:

jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-EC3, safejn ikunu rilevanti għall-protezzjoni tad-dejta;

jivvaluta l-attivitajiet previsti fil-kuntest tal-qafas legali attwali tal-Europol, speċjalment il-kompatibilità tagħhom mal-qafas;

jenfasizza l-aspetti rilevanti fejn il-leġiżlatur għandu jintroduċi aktar dettall fil-kuntest tar-reviżjoni futura tar-reġim legali tal-Europol biex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni tad-dejta.

13.

L-opinjoni hija organizzata kif ġej. Parti 2.1 telabora għala l-protezzjoni tad-dejta hija element essenzjali fit-twaqqif tal-EC3. Parti 2.2 tittratta l-kompatibilità tal-għanijiet stabbiliti għall-EC3 fil-Komunikazzjoni mal-mandat legali tal-Europol. Parti 2.3 tittratta l-kooperazzjoni mas-settur privat u mal-imsieħba internazzjonali.

3.   Konklużjonijiet

50.

Il-KEPD iqis li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità hija pedament fil-bini ta’ sikurezza u sigurtà fl-ispazju diġitali u fil-ġenerazzjoni tal-fiduċja meħtieġa. Il-KEPD jinnota li l-konformità mas-sistemi għall-protezzjoni tad-dejta għandha titqies bħala parti integrali tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u mhux bħala deterrent tal-effikaċja tagħha.

51.

Il-Komunikazzjoni tirreferi għat-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew ġdid taċ-Ċiberkriminalità fl-Europol filwaqt li Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol diġà ilu jeżisti għal għadd ta’ snin. Il-KEPD jixtieq li tiġi pprovduta aktar ċarezza dwar il-kapaċitajiet ġodda u l-attivitajiet li sejrin jiddistingwu l-EC3 il-ġdid miċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità eżistenti tal-Europol.

52.

Il-KEPD jagħti parir li l-kompetenzi tal-EC3 għandhom jiġu definiti b'mod ċar u mhux biss stabbiliti b’referenza għall-kunċett ta’ “Kriminalità tal-Kompjuter” inkluż fil-leġiżlazzjoni attwali tal-Europol. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kompetenzi u s-salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta tal-EC3 għandhom ikunu parti mir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Europol. Sakemm il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-Europol issir applikabbli, il-KEPD jirrakkomanda li l-Kummissjoni tressaq kompetenzi u salvagwardji bħal dawn għall-protezzjoni tad-dejta fit-termini ta’ referenza għaċ-Ċentru. Dawn jistgħu jinkludu:

definizzjoni ċara f'liema kompiti tal-ipproċessar tad-dejta (b'mod partikolari, investigazzjonijiet u attivitajiet operattivi ta’ appoġġ) jista' jkun involut fihom il-persunal taċ-Ċentru, waħdu jew f'kollaborazzjoni ma’ timijiet investigattivi konġunti, u

proċeduri ċari li min-naħa waħda jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet individwali (inkluż id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta), u min-naħa l-oħra jipprovdu garanziji li l-evidenza tkun inkisbet legalment u tista’ tintuża quddiem qorti.

53.

Il-KEPD jikkunsidra li l-iskambji ta’ dejta personali tal-EC3 mal-“firxa l-aktar wiesgħa ta’ atturi pubbliċi, privati u miftuħa” jimplikaw riskji speċifiċi għall-protezzjoni tad-dejta peress li spiss jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta miġbura għal skopijiet kummerċjali u trasferimenti internazzjonali tad-dejta. Dawn ir-riskji ġew indirizzati mid-Deċiżjoni attwali tal-Europol li tistabbilixxi li, b'mod ġenerali, l-Europol m'għandux jiskambja dejta direttament mas-settur privat, u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali speċifiċi f'ċirkostanzi konkreti biss.

54.

F'dan l-isfond, u minħabba l-importanza ta’ dawn iż-żewġ attivitajiet għall-EC3, il-KEPD jirrakkomanda li għandhom jiġu pprovduti salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta skont id-dispożizzjonijiet eżistenti fid-Deċiżjoni tal-Europol. Dawn is-salvagwardji għandhom jiġu integrati fit-termini ta’ referenza li għandhom jiġu elaborati mit-tim ta’ implimentazzjoni għall-EC3 (u aktar tard fil-qafas legali rivedut tal-Europol) u fl-ebda każ ma għandhom iwasslu għal livell aktar baxx ta’ protezzjoni tad-dejta.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2012.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Iċ-Ċiberkriminalità mhijiex definita fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità t-3172 laqgħa tal-Kunsill ĠUSTIZZJA u AFFARIJIET INTERNI Lussemburgu, 7 u 8 ta’ Ġunju 2012.

(3)  L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-azzjoni: ħames passi lejn Ewropa aktar sikura. KUMM(2010) 673 finali, 22 ta’ Novembru 2010. Ara wkoll l-opinjoni tal-KEPD dwar din il-Komunikazzjoni, maħruġa fis-17 ta’ Diċembru 2010 (ĠU C 101, 1.4.2011, p. 6).

(4)  Komunikazzjoni p. 4-5.

(5)  Kif rakkomandat mill-istudju ta’ fattibbiltà ppubblikat fi Frar 2012 li jevalwa l-opinjonijiet differenti disponibbli (l-istatus quo, ospitat mill-Europol, propjetà ta’/jagħmel parti miċ-Ċentru virtwali, Europol,). http://ec.europa.eu/home-affairs/doc_centre/crime/docs/20120311_final_report_feasibility_study_for_a_european_cybercrime_centre.pdf

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (2009/371/ĠAI).

(7)  Stqarrija għall-istampa tat-28 ta’ Marzu. Mistoqsijiet Komuni: iċ-Ċentru Ewropew l-ġdid taċ-Ċiberkriminalità Referenza: MEMO/12/221 Data: 28.3.2012 http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=MEMO/12/221