19.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/6


Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

COMP/39.793 – EPH u oħrajn

2012/C 316/04

I.   KUNTEST

(1)

Fl-24-26 ta' Novembru 2009 il-Kummissjoni wettqet spezzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) fuq il-post ta’ J&T Investment Advisors, s.r.o (minn hawn 'il quddiem “J&T IA”) (3) u Energetický a průmyslovy holding, a.s. (minn hawn ‘il quddiem “EPH”) (4).

(2)

Fis-17 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni fetħet proċeduri skont l-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kontra J&T IA u EPH (minn hawn 'il quddiem “il-Partijiet”) dwar allegazzjoni ta' rifjut ta' sottomissjoni għall-ispezzjoni. (5)

II.   PROĊEDURA BIL-MIKTUB U ORALI INIZJALI

(3)

Fis-17 ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (“DO”) kontra J&T IA u EPH dwar ksur allegat kif imsemmi fl-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. L-oġġezzjonijiet kienu relatati ma' tliet inċidenti li seħħew matul l-ispezzjoni.

(4)

Il-partijiet irċevew aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fis-6 ta’ Jannar 2011. Jien ma rċevejt ebda talba mingħand il-Partijiet dwar l-aċċess għall-fajl, u għalhekk nikkonkludi li ma nħolqot l-ebda problema f'dan ir-rigward.

(5)

Il-partijiet issottomettew kummenti bil-miktub dwar id-DO fis-17 ta’ Frar 2011, fil-limitu taż-żmien stipulat mill-Kummissjoni. Fil-kummenti tagħhom bil-miktub, il-partijiet talbu biex jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f'seduta orali, li seħħet fil-25 ta' Marzu 2011.

(6)

Fl-ittra li stiednet lill-partijiet għas-seduta orali, jiena inkludejt ċerti kwistjonijiet ta' kjarifika marbuta ma' wieħed mit-tliet inċidenti li seħħew matul l-ispezzjoni u li kienu msemmija fid-DO. (6) Il-partijiet ġew mistiedna biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet fis-seduta orali, u dan wassal għal diskussjoni utli dwar dan l-inċident waqt is-seduta orali.

III.   IT-TIENI PROĊEDURA BIL-MIKTUB U ORALI

(7)

Wara s-seduta orali, il-partijiet kienu informati mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni matul laqgħa dwar is-sitwazzjoni attwali li l-Kummissjoni ma kenitx se tkompli ssegwi l-inċident waħdieni li hu msemmi fil-paragrafu (6) hawn fuq.

(8)

Ukoll wara s-seduta orali, il-Kummissjoni indirizzat lil EPIA u EPH dikjarazzjoni supplimentari ta' oġġezzjonijiet (“DSO”) fil-15 ta' Lulju 2011, li bidlet il-kwalifika tal-ksur allegat b’ieħor minn dawn it-tliet inċidenti minn intenzjonali għal intenzjonali jew għall-inqas negliġenti.

(9)

Il-Partijiet ingħataw aċċess għall-fajl fl-1 ta’ Awwissu 2011 u ssottomettew kummenti bil-miktub dwar id-DSO fil-limitu taż-żmien stipulat mill-Kummissjoni. Huma talbu biex jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f'seduta orali oħra, li seħħet fit-13 ta’ Ottubru 2011.

IV.   L-ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

(10)

Skont l-Artikolu 16 tat-Termini ta’ Referenza, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jindirizzax biss l-oġġezzjonijiet rigward liema partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, u jien ilħaqt konklużjoni pożittiva.

V.   OSSERVAZZJONIJIET FINALI

(11)

Kollox ma' kollox, jien nikkonkludi li l-partijiet kienu kapaċi jeżerċitaw effettivament id-drittijiet proċedurali tagħhom f'dan il-każ.

Brussell, it-13 ta’ Marzu 2012.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikolu 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni, ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29, (it-“Termini ta’ Referenza”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU L 1, 4.1.2003, paġni 1-25.

(3)  L-isem ta’ J&T IA inbidel għal EP Investment Advisors (“EPIA”) matul il-kors tal-proċedimenti. Fit-18 ta' Marzu 2011, l-isem tal-każ ġie mibdul minn “J & T u oħrajn” għal “EPH u oħrajn” fuq talba mill-Partijiet.

(4)  J&T IA kienet sussidjarja kollha kemm hi ta’ EPH.

(5)  Ara l-istqarrija tal-Istampa tal-Kummissjoni IP/10/627.

(6)  Skont l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA tat-23 ta' Mejju 2001 applikabbli dakinhar dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni – ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21, issa l-Artikolu 11(1) tat-Termini ta’ Referenza.