21.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 215/7


Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika

(Verżjoni mqassra. It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bil-lingwi EN, FR u DE fuq is-sit elettroniku tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2012/C 215/08

I.   Daħla

I.1.   Il-proċess leġiżlattiv tal-UE dwar l-ACTA

1.

Fl-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (“ACTA” jew il-“Ftehim”) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika (1).

2.

Il-Ftehim għandu l-għan li jindirizza l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (“drittijiet tal-PI”) billi jiżviluppa approċċ komuni lejn l-infurzar u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni fuq livell internazzjonali. Il-Kapitolu II fih miżuri f’diversi oqsma tal-liġi, jiġifieri fil-qasam tal-infurzar ċivili (Taqsima 2), il-miżuri tal-konfini (Taqsima 3), l-infurzar kriminali (Taqsima 4), u l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-ambjent diġitali (Taqsima 5). Il-Kapitolu III fih miżuri għat-titjib tal-prattiki ta’ infurzar, u l-Kapitolu IV jittratta l-kooperazzjoni internazzjonali.

3.

L-ACTA ġie adottat b’mod unanimu mill-Kunsill f’Diċembru 2011 (2) u ffirmat mill-Kummissjoni Ewropea u minn 22 Stat Membru (3) fis-26 ta’ Jannar 2012. Skont l-Artikolu 40 tal-Ftehim, l-ACTA ser jidħol fis-seħħ wara r-ratifika minn sitt stati firmatarji. Madankollu, biex jidħol fis-seħħ bħala liġi tal-UE il-Ftehim għandu jkun irratifikat mill-UE, li jfisser l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew taħt il-proċedura ta’ kunsens għall-ftehimiet kummerċjali internazzjonali (4) u r-ratifikazzjoni mill-Istati Membri taħt il-proċeduri kostituzzjonali tagħhom. Il-vot tal-Parlament Ewropew dwar l-ACTA huwa ppjanat li jittieħed matul l-2012 waqt sessjoni plenarja.

I.2.   Is-sitwazzjoni attwali tal-ACTA fl-UE

4.

F’dawn l-aħħar xhur tqajjem tħassib dwar l-ACTA (5). Dan wassal sabiex fit-22 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirreferi l-ftehim lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni (6). Proċedura bħal din hija prevista fl-Artikolu 218(11) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (7).

5.

Fl-4 ta’ April 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistaqsi din il-mistoqsija lill-Qorti: “Il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) huwa kompatibbli mat-Trattati Ewropej, b’mod partikolari mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?”. (8) F’każ li l-eżitu jkun negattiv, l-Artikolu 218(11) tat-TFUE jagħmilha ċara li “l-ftehim maħsub jista’ ma jidħolx fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat jew it-Trattati ma jiġux riveduti”.

6.

Madankollu, ir-riferiment tal-Ftehim mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jissospendix b’mod awtomatiku l-proċedura ta’ kunsens li għaddejja bħalissa fil-Parlament Ewropew. Wara diskussjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew, ġie deċiż li l-votazzjoni dwar il-Ftehim titkompla skont l-iskeda ppjanata (9).

I.3.   Ir-raġunijiet għal Opinjoni oħra tal-KEPD dwar l-ACTA

7.

Fi Frar 2010, il-KEPD ħareġ Opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aspetti tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-dejta li għandhom jiġu kkunsidrati fin-negozjati tal-ACTA (10). Għalkemm in-negozjati kienu qegħdin isiru b’mod kunfidenzjali, kien hemm indikazzjonijiet li l-ACTA kien ser ikollu miżuri ta’ infurzar online li jkollhom impatt fuq id-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta, jiġifieri l-mekkaniżmu ta’ tliet atti illegali (11).

8.

F’dak iż-żmien, il-KEPD iffoka l-analiżi tiegħu fuq il-legalità u l-proporzjonalità ta’ dan it-tip ta’ miżura u kkonkluda li l-introduzzjoni fl-ACTA ta’ miżura li tinvolvi sorveljanza wiesgħa tal-utenti tal-Internet tmur kontra d-drittijiet fundamentali tal-UE u b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta, li huma protetti taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (12). Barra minn hekk, il-KEPD enfasizza ulterjorment is-salvagwardji meħtieġa għall-iskambji internazzjonali ta’ dejta personali fil-kuntest tal-infurzar tad-drittijiet tal-PI.

9.

Issa li t-test tal-ftehim propost dwar l-ACTA ġie ppubblikat (13), il-KEPD jikkunsidra xieraq li joħroġ Opinjoni oħra dwar l-ACTA sabiex jevalwa wħud mid-dispożizzjonijiet fil-Ftehim mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta, u permezz ta’ dan jipprovdi esperjenza speċifika li tista’ tkun ikkunsidrata fil-proċess ta’ ratifikazzjoni. Fuq inizjattiva tiegħu stess, il-KEPD għaldaqstant adotta din l-Opinjoni bbażata fuq l-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 bl-għan li jipprovdi gwida dwar il-kwistjonijiet ta’ privatezza u protezzjoni tad-data mqajma mill-ACTA.

(Verżjoni mqassra. It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab fuq is-sit elettroniku tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

II.   Konklużjoni

67.

Filwaqt li l-KEPD jirrikonoxxi t-tħassib leġittimu li jiżgura l-infurzar tad-drittijiet tal-PI f’kuntest internazzjonali, għandu jinstab bilanċ ġust bejn it-talbiet għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-PI u d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta.

68.

Il-KEPD jenfasizza li l-mezzi previsti għat-tisħiħ tal-infurzar tad-drittijiet tal-PI m’għandhomx jintużaw għad-detriment tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi għall-privatezza, il-protezzjoni tad-dejta u l-libertà tal-espressjoni, u drittijiet oħrajn bħall-preżunjoni tal-innoċenza u protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

69.

Ħafna mill-miżuri previsti fil-Ftehim fil-kuntest tal-infurzar tad-drittijiet tal-PI fl-ambjent diġitali jinvolvu l-monitoraġġ tal-imġiba tal-utenti u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom fuq l-Internet. Dawn il-miżuri huma ferm intrużivi għall-isfera privata tal-individwi u, jekk ma jkunux implimentati tajjeb, jistgħu għaldaqstant ixekklu d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom ta’, inter alia, privatezza, protezzjoni tad-dejta u kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tagħhom.

70.

Għandu jkun żgurat li kwalunkwe miżura ta’ infurzar online implimentata fl-UE bħala riżultat tad-dħul fl-ACTA tkun meħtieġa u proporzjonata mal-għan tal-infurzar tad-drittijiet tal-PI. Il-KEPD jenfasizza li l-miżuri li jinvolvu l-monitoraġġ mingħajr diskriminazzjoni u mifrux tal-imġiba tal-utenti tal-Internet, u/jew tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom, b’rabta ma’ ksur trivjali, fuq skala żgħira u mingħajr skop ta’ qligħ ikun sproporzjonat u jikser l-Artikolu 8 tal-KEDB, l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta.

71.

Barra minn hekk il-KEPD għandu tħassib speċifiku rigward bosta dispożizzjonijiet tal-Ftehim, b’mod partikolari:

il-Ftehim mhuwiex ċar dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar fl-ambjent diġitali previsti fl-Artikolu 27, u dwar jekk jimmirawx biss lejn ksur tad-drittijiet tal-PI fuq skala kbira. Il-kunċett ta’ “skala kummerċjali” fl-Artikolu 23 tal-Ftehim mhuwiex spjegat tajjeb biżżejjed, u atti mwettqa minn utenti privati għal skop personali u mingħajr qligħ mhumiex espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim;

il-kunċett ta’ “awtoritajiet kompetenti” fdati bis-setgħa ta’ inġunzjoni taħt l-Artikolu 27(4) tal-Ftehim huwa vag wisq u ma jipprovdix biżżejjed ċertezza li l-iżvelar tad-dejta personali ta’ min allegatament ikun wettaq il-ksur iseħħ biss taħt il-kontroll tal-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati mid-detenturi tad-drittijiet sabiex jingħataw inġunzjoni bħal din ukoll mhumiex sodisfaċenti. Dawn l-inċertezzi jista' jkollhom impatt partikolari f’każijiet ta’ talbiet minn “awtoritajiet kompetenti” barranin lill-fornituri tas-servizz tal-Internet ibbażati fl-UE;

ħafna mill-miżuri ta’ kooperazzjoni ta’ infurzar volontarju li jistgħu jkunu implimentati taħt l-Artikolu 27(3) tal-Ftehim jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali mill-fornituri tas-servizz tal-Internet li jmur lil hinn minn dak li huwa permess mil-liġi tal-UE;

il-Ftehim ma fihx limitazzjonijiet u salvagwardji suffiċjenti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri li jinvolvu l-monitoraġġ ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni elettroniċi fuq skala kbira. B’mod partikolari, ma jistabbilixxix salvagwardji bħar-rispett tad-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, proċess ġust, u r-rispett tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2012.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Messiku, ir-Renju tal-Marokk, New Zealand, ir-Repubblika ta’ Singapor, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika, COM(2011) 380 finali.

(2)  It-test tal-Ftehim, u l-aktar verżjoni reċenti tiegħu tal-Kunsill tat-23 ta’ Awwissu 2011, huwa disponibbli fuq: http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/11/st12/st12196.en11.pdf

(3)  Il-Ġermanja, Ċipru, l-Estonja, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovakkja għadhom ma ffirmawhx.

(4)  Skont l-Artikolu 218(6) tat-TFUE.

(5)  Ara fost oħrajn: http://euobserver.com/9/115043; http://euobserver.com/871/115128; https://www.bfdi.bund.de/bfdi_forum/showthread.php?3062-ACTA-und-der-Datenschutz, http://www.bbc.co.uk/news/technology-17012832

(6)  Dikjarazzjoni mill-Kummissarju Karel De Gucht dwar l-ACTA (Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni), http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=MEMO/12/128

(7)  L-Artikolu 218(11) tat-TFUE jipprevedi li “Stat Membru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jiksbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim maħsub ikunx kompatibbli mat-Trattati. Meta l-opinjoni tal-Qorti tkun kuntrarja, il-ftehim maħsub ma jistax jidħol fis-seħħ sakemm ma jiġix emendat jew it-Trattati ma jiġux riveduti.” Skont l-Artikolu 107(2) tar-Regoli ta’ proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-Opinjoni tista’ titratta mhux biss il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim previst huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati iżda wkoll il-kwistjoni dwar jekk l-Unjoni jew kwalunkwe istituzzjoni tal-Unjoni għandhiex is-setgħa li tidħol f’dak il-ftehim.”.

(8)  http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/12/354&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en

(9)  Ara http://www.neurope.eu/article/parliament-halts-sending-acta-court-justice

(10)  Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar in-negozjati attwali tal-Unjoni Ewropea dwar Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA), ĠU C 147, 5.6.2010, p. 1.

(11)  L-iskemi ta’ “politiki ta’ qtugħ tal-konnessjoni mal-Internet wara tliet atti illegali” jew ta’ “rispons gradwat” jippermettu lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, jew lil-partijiet terzi fdati, li jissorveljaw lill-utenti tal-Internet u jidentifikaw lil dawk li allegatament jiksru d-drittijiet tal-awtur. Wara li jikkuntattjaw lill-Fornituri tas-Servizz tal-Internet (“ISPs”) ta’ min allegatament wettaq il-ksur, l-ISPs iwissu lill-utent identifikat bħala dak li wettaq il-ksur, u dan tinqatagħlu l-konnessjoni mal-aċċess għall-Internet wara li jkun irċieva tliet twissijiet.

(12)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(13)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 3.