3.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 64/7


Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

COMP/39.482 – Frott Eżotiku

2012/C 64/08

Dan il-każ jikkonċerna kartell bejn l-impriżi Chiquita (2) u Pacific (3) (“il-Partijiet”) fl-importazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ tal-banana fil-Greċja, fl-Italja u fil-Portugall.

SFOND

Il-każ huwa fergħa tal-każ Banana (COMP/39.188) li fih il-Kummissjoni sabet li l-impriżi kkonċernati pparteċipaw f'kartell li jkopri l-Ewropa ta' Fuq bejn l-2000 u l-2002 (4).

Fis-26 ta' Novembru 2007, Chiquita ġiet infurmata li l-uffiċjali tal-Kummissjoni se jwettqu spezzjoni fil-bini tagħha u billi Chiquita kienet diġà rċeviet immunità kondizzjonali mill-multi għall-Komunità kollha kienet, għalhekk, fid-dmir li tikkoopera skont l-Avviż ta' Klemenza. Il-Kummissjoni wettqet ukoll spezzjonijiet għal għarrieda skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fil-bini ta' kumpaniji importaturi oħra tal-frott inkluża Pacific Fruit Company Italy f'Ruma.

Il-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet

Il-Kummissjoni ħarġet, fl-10 ta' Diċembru 2009, Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (DO) lil seba' entitjiet legali li jappartjenu lill-Partijiet. Fid-DO, il-Kummissjoni allegat li l-partijiet kisru l-Artikolu 101 tat-TFUE billi kkoordinaw l-istrateġiji tal-prezz u l-volum tagħhom, inklużi l-prezzijiet futuri, il-livelli tal-prezzijiet, il-movimenti fil-prezz u/jew it-tendenzi filwaqt li skambjaw informazzjoni fuq l-imġiba futura tas-suq, il-provvista, il-prezzijiet u l-volumi matul perjodu ta' madwar 18-il xahar. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll l-intenzjoni tagħha li timponi multi.

L-aċċess għall-fajl

Il-Partijiet irċevew aċċess għall-fajl fil-21 ta' Diċembru 2009 permezz ta' DVD li fih l-indiċi tad-dokumenti kollha fil-fajl u tad-dokumenti kollha aċċessibbli għat-tnejn li huma. Kull wieħed mill-Partijiet irċieva barra minn hekk CD-Rom bid-dokumenti użati biss kontrihom fil-parti tal-obbligu tad-DO u kunfidenzjali għall-Parti l-oħra. Finalment, ingħataw aċċess għas-sottomissjonijiet skont l-Avviż ta’ Klemenza fil-bini tal-Kummissjoni (5).

Bi tkomplija, iż-żewġ Partijiet issottomettew bosta talbiet lid-DĠ Kompetizzjoni għal aċċess ulterjuri għall-fajl li ammontaw għal madwar 2 000 biċċiet ta' informazzjoni mhux żvelati. Wara rifjut għal aċċess għall-parti l-kbira tal-informazzjoni mitluba, il-Partijiet issottomettewli t-talbiet tagħhom. Kull Parti ddikjarat li l-informazzjoni mhux aċċessibbli tal-Parti l-oħra kienet ġiet editjata ħafna u bla bżonn u kienet akkumpanjata biss minn sommarju qasir li ma tax biżżejjed informazzjoni, li jrendi diffiċli li wieħed jaċċerta l-kontenut u/jew jipprovdi talba raġunata u ġustifikata għal żvelar ulterjuri.

Matul eżaminazzjoni ta' talba ta' żvelar, in-natura kunfidenzjali ta’ kull biċċa informazzjoni mitluba għandha tiġi vvalutata u mwieżna kontra l-interess leġittimu tal-parti li tagħmel ir-rikjesta għall-iżvelar ta' dik il-biċċa informazzjoni sabiex teżerċita effettivament id-dritt tagħha li tinstema'. Minħabba l-ammont sinifikanti tal-informazzjoni mitluba, l-eżerċizzju wera li kien ferm ikkumplikat u jieħu ħafna ħin, li inevitabbilment wassal għal dewmien fil-proċedimenti. Il-Partijiet għalhekk ipproponew li jikkonkludu Ftehim ta' Kunfidenzjalità (“NDA”), bħala alternattiva effikaċi fl-użu tal-ħin u vijabbli għall-eżerċizzju ta' aċċess tradizzjonali għall-fajl. Minħabba l-ammont sinifikanti ta' informazzjoni li għaliha ntalab aċċess u l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-informazzjoni mitluba oriġinat miż-żewġ partijiet involuti, jien approvajt bis-sħiħ il-proposta u l-Partijiet sussegwentement innegozjaw ftehim li ġie ffirmat minnhom f'Marzu 2010. Skont l-NDA, il-Partijiet ipprovdew, fuq bażi ta' konsultazzjoni, aċċess reċiproku għall-informazzjoni editjata li għaliha l-parti l-oħra kienet talbet aċċess. Sussegwentement, wara analiżi tal-informazzjoni, il-Partijiet żammew it-talbiet ta’ aċċess biss għal informazzjoni li huma qisu meħtieġa għad-drittijiet tagħhom tad-difiża. L-eżerċizzju NDA tlesta erba' ġimgħat wara li kellha titlesta l-eżekuzzjoni tal-Ftehim NDA u ebda kwistjoni ta' kunfidenzjalità ma nqalgħet bħala konsegwenza tiegħu. Fir-rigward tat-talbiet pendenti għal aktar aċċess li ma kinux koperti mill-NDA, dawn ġew deċiżi minni skont l-Artikolu 8 tal-Mandat.

Wara dan l-eżerċizzju, it-talbiet kollha għal aċċess ulterjuri għall-fajl imressqa mill-Partijiet ġew solvuti b'mod sodisfaċenti.

Barra minn hekk, wara Seduta Orali, il-Partijiet kisbu mid-DĠ Kompetizzjoni aċċess addizzjonali għal dokumenti oħra fil-fajl.

L-estensjonijiet taż-żmien għal tweġiba għad-DO

Fid-dawl tat-talbiet għal aċċess addizzjonali u l-ħin meħtieġ biex jiġu eżaminati dawn it-talbiet, inklużi l-konklużjoni u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-NDA, il-partijiet ingħataw żmien addizzjonali biex jirrispondu għad-DO.

Kemm Chiquita u Pacific wieġbu fi ħdan l-iskadenzi mogħtija.

Il-PROĊEDURA ORALI

Seduta Orali

Kemm Chiquita kif ukoll Pacific eżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu f'Seduta Orali, li seħħet fit-18 ta' Ġunju 2010.

KWISTJONIJIET PROĊEDURALI OĦRA

Privileġġ Professjonali Legali

Matul il-proċedimenti, parti waħda talbet l-esklużjoni ta' ċerti dokumenti mill-fajl taħt il-Privileġġ Professjonali Legali (PPL). Filwaqt li xi dokumenti kienu esklużi mill-fajl, id-DĠ Kompetizzjoni żamm dokument partikolari wieħed, għalkemm aċċetta provviżorjament talbiet għall-kunfidenzjalità tal-Parti fir-rigward tiegħu.

Il-Parti kkonċernata talbet lill-Uffiċjal tas-Seduta li jagħti struzzjoni wkoll dwar l-esklużjoni ta' dan id-dokument mill-fajl. Karen Williams, l-Uffiċjal tas-Seduta responsabbli fiż-żmien, qieset li t-talba ma kellha x'taqsam ma' ebda dispożizzjoni tal-Mandat, għalhekk eskludiet kwalunkwe deċiżjoni formali, u pprovdiet biss osservazzjonijiet informali fit-18 ta’ Diċembru 2009 li japprova l-pożizzjoni tad-DĠ Kompetizzjoni.

Minħabba li ma rċevejt l-ebda kummenti oħra f'dan ir-rigward, jiena nikkunsidra li din il-kwistjoni ġiet solvuta.

Aċċess għal tweġibiet tax-xerrejja

Bħala parti mit-talbiet tagħha għal aċċess ulterjuri għall-fajl, Parti waħda talbet aċċess għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet tax-xerrejja individwali għal talbiet għal informazzjoni, minflok taqsiriet komuni mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet tagħhom li kienu saru aċċessibbli.

Fil-prinċipju, il-partijiet għandhom jingħataw aċċess għad-dokumenti kollha li jikkostitwixxu l-fajl tal-Kummissjoni bl-eċċezzjoni ta' dokumenti interni, sigrieti tan-negozju ta' impriżi oħra, jew informazzjoni kunfidenzjali oħra. Fil-każ tal-aħħar il-Kummissjoni tista', pereżempju, tipprovdi taqsiriet tat-tweġibiet li tkun kisbet għal talbiet għal informazzjoni sabiex tipproteġi informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fihom. Jekk ġustifikat, tista’ saħansitra tagħmel dan minn rajha (6). Madankollu, filwaqt li l-impriżi jkollhom interess leġittimu fil-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, dak l-interess għandu jkun ibbilanċjat mad-drittijiet tad-difiża (7).

F'dan il-każ, kelli xi dubji li s-sommarji mhux kunfidenzjali kollha jirriflettu fedelment it-tweġibiet miksuba. Għalhekk, il-Parti ġiet ipprovduta b'verżjoni mtejba ta' xi sommarji u jien tajt istruzzjonijiet lid-DĠ Kompetizzjoni li jagħti lill-Parti aċċess għaż-żewġ verżjonijiet mhux kunfidenzjali disponibbli fil-fajl. Madankollu, il-Parti ma ngħatatx verżjonijiet mhux kunfidenzjali fil-forma oriġinali tagħhom minħabba li kien sar editjar ulterjuri mid-DĠ Kompetizzjoni minn jeddu mingħajr il-provvediment ta’ ġustifikazzjoni (8).

Filwaqt li din l-ommissjoni tista' tkun inkompatibbli mal-proċess dovut, ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet ta' difiża tal-partijiet. Il-Kummissjoni ma tibbażax l-abbozz tad-deċiżjoni fuq dawn it-tweġibiet tax-xerrejja. Barra minn hekk mhuwiex evidenti li l-informazzjoni editjata setgħet kienet utli għad-difiża tal-Parti (9).

L-ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI

Wara li rrevedejt l-abbozz tad-deċiżjoni, wasalt għall-konklużjoni li din tittratta biss oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom (10).

Jien nosserva li wara li nstemgħu l-Partijiet, it-tul tal-ksur tnaqqas minn 18-il xahar għal madwar 9 xhur fl-abbozz tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, id-DĠ Kompetizzjoni rrakkomanda li ma jiġix irtirat l-istatus ta' immunità mogħti lil Chiquita.

Fid-dawl ta' dan, inqis li f’dan il-każ ġie rrispettat id-dritt ta' smigħ tal-parteċipanti kollha fil-proċedimenti.

Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2011.

Michael ALBERS


(1)  Skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2001/462/KE, KEFA) tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar it-termini ta’ riferenza ta’ Uffiċjali tas-Seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21) (“Mandat”).

(2)  Chiquita Brands International Inc, Chiquita Banana Company BV u Chiquita Italia SpA.

(3)  FSL Holding NV, Firma Leon Van Parys NV u Pacific Fruit Company Italy SpA.

(4)  L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja; ara s-sommarju tad-deċiżjoni (ĠU C 189, 12.8.2009, p. 12)

(5)  Chiquita rċeviet aċċess fil-bini tal-Kummissjoni fis-16 ta' Diċembru 2009 filwaqt li Pacific eżerċitat id-dritt tagħha ta’ aċċess fit-18 u l-21 ta' Diċembru 2009.

(6)  Il-Każ T-5/02 Tetra Laval BV v Commission [2002] ECR II-4381, paragrafu 101 seq.

(7)  Il-Każ T-410/03 Hoechst v Commission [2008] ECR II-881, paragrafu 153; Il-Każ T-36/91, ICI v Il-Kummissjoni [1995] ECR II-1847, paragrafu 98.

(8)  Ara Tetra Laval BV v Commission, paragrafu 101.

(9)  Ara Tetra Laval BV v Commission, paragrafi 109 u 115.

(10)  L-Artikolu 15 tal-Mandat.