10.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/6


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

2012/C 37/02

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(2) tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

I.   INTRODUZZJONI

I.1.   Konsultazzjoni mal-KEPD

1.

Fid-19 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“il-Proposta”) (3). Il-Proposta hija akkumpanjata minn Komunikazzjoni intitolata “It-Takografu diġitali: Pjan Direzzjonali għall-attivitajiet futuri” (“il-Komunikazzjoni”) (4). Il-Proposta u l-Komunikazzjoni ntbagħtu lill-KEPD għall-konsultazzjoni fl-istess ġurnata.

2.

Il-KEPD diġà ġie kkonsultat b’mod informali f’April 2011 dwar verżjoni preċedenti tal-Proposta, li dwarha huwa pprovda kummenti informali fit-13 ta’ Mejju 2011. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-konsultazzjoni informali li għenet sabiex jitjieb it-test minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-data fi stadju bikri tal-proċess ta’ abbozzar. Xi wħud minn dawk il-kummenti ġew ikkunsidrati fil-Proposta. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon referenza għal din l-Opinjoni fil-preambolu tal-Proposta.

I.2.   Sfond ġenerali

3.

Il-Proposta tittratta l-installazzjoni u l-użu ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni fil-vetturi li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ oġġetti bit-triq sabiex tkun ikkontrollata l-konformità tas-sewwieqa professjonali tat-trasport bit-triq mal-leġiżlazzjoni soċjali dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ (5).

4.

Sa mill-1985, ġiet imwaqqfa sistema ta’ takografi għal dan il-għan, ibbażata fuq apparat ta’ reġistrazzjoni flimkien ma’ kards tat-takografu (6). L-apparat ta’ reġistrazzjoni jirreġistra, jaħżen, juri, jistampa, u jipprovdi data relatata mal-attivitajiet tas-sewwieq. Kard tat-takografu hija smart card maħsuba għall-użu mal-apparat ta’ reġistrazzjoni; il-kards tat-takografu jippermettu l-identifikazzjoni ta’ sid il-kard mill-apparat ta’ reġistrazzjoni u t-trasferiment u l-ħażna tad-data.

5.

L-abbozz ta’ proposta jemenda r-Regolament attwali (KEE) Nru 3821/85 dwar l-użu ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (“ir-Regolament”) u jaġġornah skont l-iżviluppi tekonoloġiċi attwali bl-għan li jtejjeb l-użu tat-takografu diġitali mqabbel mal-verżjonijiet analogi, u li jwessa’ l-funzjonijiet tiegħu sabiex joħloq tip ġdid ta’ takografu diġitali. It-takografu diġitali l-ġdid ser ikollu dawn il-karatteristiċi teknoloġiċi li ġejjin: (i) ser juża apparat ta’ lokalizzazzjoni ġeografika sabiex jiġbor ċerta data dwar il-pożizzjoni tas-sewwieqa b’mod awtomatiku; (ii) ser juża faċilitajiet ta’ komunikazzjoni mill-bogħod sabiex iwettaq kontrolli mill-bogħod; u (iii) ser ikollu interfaċċa standardizzata ma’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI) oħrajn li jagħmluh komponent essenzjali tal-pjattaforma tal-STI ta’ vettura (7).

6.

Bosta kwistjonijiet imqajma fil-Proposta sejrin ikunu jeħtieġu aktar azzjonijiet komplimentari li huma deskritti fil-Komunikazzjoni. Il-Komunikazzjoni tidentifika bosta miżuri li għandhom jinbdew mill-Kummissjoni, u b’mod partikolari tinkludi l-aġġornament, permezz ta’ atti delegati, tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tat-takografu diġitali stabbiliti fl-Anness IB tar-Regolament u l-aġġornament tal-mekkaniżmi tas-sigurtà, kif ukoll l-emenda tad-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan sabiex jiġu amalgamati l-kards tas-sewwieqa professjonali użati fit-takografi mal-liċenzji tas-sewqan tagħhom.

I.3.   Kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data mqajma mill-Proposta

7.

L-użu ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali relatata mas-sewwieqa professjonali. Parti kbira mill-ipproċessar tiddependi fuq l-użu ta’ tagħmir ta’ lokalizzazzjoni ġeografika u faċilitajiet ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, li huma teknoloġiji li għandhom impatt konsiderevoli fuq il-privatezza tal-individwi u l-protezzjoni tad-data.

8.

B’hekk il-Proposta taffettwa l-privatezza tas-sewwieqa professjonali b’mod viżibbli ħafna, b’mod partikolari minħabba li tippermetti l-monitoraġġ kostanti ta’ fejn jinsabu s-sewwieqa u tintroduċi l-possibbiltà ta’ kontrolli mill-bogħod minn awtoritajiet ta’ kontroll, li jkollhom aċċess dirett kostanti għad-data maħżuna fit-takografi. Barra minn hekk, l-inkorporazzjoni prevista tal-kard tas-sewwieq mal-liċenzja tas-sewqan tista’ ukoll taffettwa l-protezzjoni attwali mogħtija lid-data tas-sewwieqa.

9.

Għaldaqstant huwa essenzjali li l-ipproċessar tad-data permezz tat-takografi fl-Unjoni Ewropea jsir skont il-qafas tal-UE tal-protezzjoni tad-data, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-Direttiva 95/46/KE (8) u d-Direttiva 2002/58/KE (9).

10.

Ta’ min jinnota li fiż-żmien meta ġie adottat ir-Regolament fl-1985, ma kien hemm l-ebda qafas komprensiv tal-protezzjoni tad-data fl-UE. Għalhekk ir-reviżjoni attwali tar-Regolament hija opportunità sabiex ir-Regolament ikun aġġornat skont is-sistema attwali tal-protezzjoni tad-data.

11.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon b’mod partikolari l-introduzzjoni fil-Proposta ta’ premessa u dispożizzjoni apposta għall-protezzjoni tad-data (10). Madankollu l-KEPD jinnota li dawn id-dispożizzjonijiet waħedhom ma jsolvux il-kwistjonijiet kollha dwar il-protezzjoni tad-data mqajma mid-diversi miżuri mressqa fil-Proposta. Għaldaqstant, għandhom ikunu inklużi garanziji addizzjonali fil-Proposta u fil-miżuri komplimentari deskritti fil-Komunikazzjoni.

12.

F’din l-Opinjoni, il-KEPD jindika bosta aspetti tal-Proposta li għandhom jiġu kkunsidrati ulterjorment mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data. Il-KEPD ser jiffoka b’mod partikolari fuq dawn il-kwistjonijiet li ġejjin, li mbagħad jiġu eżaminati fis-sezzjoni II hawn taħt:

(i)

ir-rekwiżiti ġenerali ta’ protezzjoni tad-data u ta’ sigurtà stabbiliti fid-dispożizzjonijiet iddedikati tal-Proposta;

(ii)

il-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data li jsir permezz tat-takografi;

(iii)

il-modalitajiet ta’ aċċess għad-data u l-użu ulterjuri tad-data rreġistrata fit-takografi; u

(iv)

il-kwistjonijiet speċifiċi mqajma mill-użu propost tal-kards tas-sewwieqa.

II.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

II.1.   Rekwiżiti ġenerali ta’ protezzjoni tad-data u ta’ sigurtà

Miżuri ġenerali ta’ protezzjoni tad-data li għandhom ikunu implimentati mill-kontrolluri tad-data, l-Istati Membri u mid-disinjaturi tat-takografi

13.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon l-inseriment ta’ dispożizzjoni speċifika dwar il-protezzjoni tad-data fl-Artikolu 34 tal-Proposta. L-Artikolu 34 jenfasizza b’mod ċar ir-responsabbiltà tas-sidien tal-vetturi u/jew tal-impriżi tat-trasport, bħala kontrolluri tad-data, li jikkonformaw mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Fost affarijiet oħra, dan jitlob minnhom li jinfurmaw lis-sewwieqa professjonali dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom fit-takografi, jagħtu lis-sewwieqa aċċess għad-data tagħhom u li jikkoreġu data żbaljata jew mhux kompluta. Il-KEPD jenfasizza li din l-informazzjoni dwar l-ipproċessar għandha tkun kompluta għall-attivitajiet kollha ta’ pproċessar imwettqa, u għaldaqstant huwa jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Artikolu 5(6) tal-Proposta jeżiġi li l-kontrolluri tad-data jinfurmaw lis-sewwieqa b’mod speċifiku dwar il-possibbiltà ta’ kontroll mill-bogħod minn awtoritajiet ta’ kontroll. Il-KEPD jenfasizza wkoll li l-kontrolluri tad-data għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni dwar l-ipproċessar kif ipprovdut fl-Artikoli 18 sa 20 tad-Direttiva 95/46/KE.

14.

Din id-dispożizzjoni tenfasizza wkoll id-dmir tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti li jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali fit-takografi użati fit-trasport bit-triq isir skont il-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Dan ikun jeżiġi li l-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi rigward l-użu ta’ teknoloġiji speċifiċi, bħas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS), interfaċċji ta’ komunikazzjonijiet mill-bogħod u tal-STI, jew rigward l-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni fuq il-kards tas-sewwieqa u ż-żamma ta’ rekords mill-impriżi tat-trasport. Kull fejn huwa possibbli, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data fl-Istati Membri għandhom ikunu kkonsultati qabel jiġu adottati miżuri bħal dawn, sabiex jiġu żviluppati oqsfa kompatibbli mar-rekwiżiti applikabbli ta’ protezzjoni tad-data.

15.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-kunċett ta’ privatezza fid-disinn huwa integrat fil-Proposta billi tipprovdi li l-apparat ta’ reġistrazzjoni għandu jkun “magħmul b’mod li jiżgura l-privatezza”. Il-KEPD jenfasizza li minn stadju bikri tad-disinn tat-takografu diġitali, dan għandu jiffavorixxi l-privatezza u l-protezzjoni. Dawn il-miżuri favur il-privatezza għandhom ikunu riflessi kif xieraq fl-aġġornament tal-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fl-Anness IB.

16.

Madankollu, kif enfasizzat fil-paragrafu 11 hawn fuq, l-Artikolu 34 u l-Premessa 15 tal-Proposta waħedhom ma jindirizzawx it-tħassib kollu dwar il-protezzjoni tad-data marbut mal-użu tat-takografi. Għaldaqstant, il-KEPD jenfasizza f’din l-Opinjoni l-miżuri addizzjonali meħtieġa sabiex jiggarantixxu livell sodisfaċenti ta’ protezzjoni tad-data fit-takografi.

Il-Proposta ma tiddeskrivix biżżejjed ir-rekwiżiti ta’ sigurtà li għandhom ikunu sodisfatti għall-użu tat-takografi

17.

Il-KEPD jikkunsidra li r-rekwiżiti ta’ sigurta għat-takografu diġitali, li jinsabu f’bosta partijiet tal-Proposta u fl-Artikolu 15, m’humiex żviluppati biżżejjed fil-Proposta. Barra minn hekk, il-KEPD jenfasizza li l-Proposta tintroduċi l-użu ta’ bosta teknoloġiji sabiex toħloq “takografu diġitali ġdid”, li għalihom l-Anness IB attwali huwa skadut u la fih speċifikazzjonijiet rilevanti u lanqas miżuri ta’ sigurtà xierqa.

18.

Il-KEPD jenfasizza li l-industrija tista’ ssofri minn nuqqas ta’ ċarezza fil-qafas legali li jinħoloq mill-adozzjoni ta’ Regolament aġġornat li jintroduċi bosta bidliet teknoloġiċi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom ma jkunux spjegati fl-annessi skaduti eżistenti. Għaldaqstant hemm riskju li l-industrija tiżviluppa miżuri u oqfsa li jmorru kontra l-privatezza sakemm l-ispeċifikazzjonijiet jiġu aġġornati, u dan ir-riskju jibqa’ jeżisti sakemm idum iseħħ il-proċess ta’ reviżjoni ta’ dawn l-annessi, jiġifieri sal-aħħar tal-2014.

19.

Il-KEPD jirrakkomanda bil-qawwa li l-introduzzjoni ta’ kull aġġornament teknoloġiku (GNSS, komunikazzjoni mill-bogħod, STI) fit-takografi tkun appoġġjata kif dovut billi jsiru valutazzjonijiet tal-impatt fuq il-privatezza sabiex jiġu evalwati r-riskji tal-privatezza mqajma mill-użu ta’ dawn it-teknoloġiji.

20.

Il-KEPD jirrakkomanda wkoll l-inklużjoni fil-Proposta ta’ Artikolu speċifiku dwar il-livell ta’ sigurtà li għandu jinkiseb fl-istadji kollha ta’ żvilupp u użu tat-takografi (mhux biss fil-fażijiet ta’ disinn u ta’ installazzjoni iżda wkoll, u pjuttost importanti, waqt l-użu tagħhom). Dan l-Artikolu għandu jenfasizza dan li ġej:

miżuri ta’ sigurtà xierqa għandhom ikunu adottati sabiex tiġi ppreżervata l-kunfidenzjalità tad-data, tkun żgurata l-integrità tad-data u sabiex jiġu evitati l-frodi u l-manipulazzjoni llegali;

il-katina sħiħa tal-ipproċessar, li tinkludi mhux biss l-apparat ta’ reġistrazzjoni u l-kards infushom iżda wkoll is-sistema ta’ komunikazzjoni mill-bogħod u l-użu ta’ apparat tal-GNSS, għandha tirrispetta r-rekwiżiti ta’ sigurtà tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE;

għal finijiet ta’ responsabbiltà, il-mod kif l-evalwaturi indipendenti jagħmlu xogħolhom għandu jkun iċċarat;

il-valutazzjoni tal-impatt fuq il-privatezza għandha ssir qabel ma jiddaħħal xi aġġornament teknoloġiku.

21.

Sabiex ikunu promossi prattiki tajbin ta’ protezzjoni tad-data, ikun utli li l-KEPD u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data tal-Artikolu 29 ikunu inklużi fil-lista ta’ parteċipanti fil-Forum dwar it-Takografu previst fl-Artikolu 41 tal-Proposta.

II.2.   Proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data

Il-Proposta m’hijiex ċara u ċerta dwar il-modalitajiet ta’ pproċessar li jitħallew għal aġġornament aktar tard tal-Anness IB għar-Regolament

22.

Il-Proposta fiha nuqqas ta’ preċiżjoni u ċertezza rigward ħafna mill-modalitajiet tal-ipproċessar, li madankollu għandhom ikunu ċċarati sabiex ikun żgurat li dawn il-miżuri jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 95/46/KE. Dan jirrigwarda partikolarment it-tipi ta’ data pproċessata u rreġistrata fit-takografi u permezz tal-użu ta’ apparat ta’ lokalizzazzjoni ġeografika, it-tul ta’ żmien li din id-data tista’ tinżamm u min għandu jkollu permess għall-aċċess ta’ liema data, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ komunikazzjonijiet mill-bogħod.

23.

Ħafna mid-dettalji tal-ipproċessar tad-data fil-preżent huma stabbiliti fl-Anness IB għar-Regolament, li m’għadux aġġornat u aktar tard ser ikun soġġett għal reviżjoni permezz ta’ atti ddelegati tal-Kummissjoni. Għaldaqstant m’hemmx ċertezza legali dwar jekk l-ipproċessar previst huwiex ser jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità, minħabba li bosta miżuri jitħallew biex jiġu deċiżi aktar tard f’kumitati regolatorji. Barra minn hekk, hemm riskju li matul iż-żmien meħud sabiex l-annessi jkunu aġġornati, l-industrija tiżviluppa l-iskemi tagħha stess, li jistgħu jwasslu għal diskrepanzi possibbli.

24.

Il-KEPD ma jappoġġjax approċċ bħal dan u jirrakkomanda li l-modalitajiet ġenerali tal-ipproċessar jiġu ċċarati fil-Proposta nnifisha, filwaqt li d-dettalji eżatti biss jitħallew jiġu ttrattati fl-annessi. Il-KEPD jiddispjaċih li l-Proposta m’għadhiex tiddeskrivi l-kategoriji ta’ data li għandha tinġabar u tiġi rreġistrata fit-takografi diġitali, għalkemm dan kien speċifikat b’mod ċar fl-Artikolu 5 tal-verżjoni preċedenti tal-Proposta kkomunikata lill-KEPD (eż. il-moviment u l-veloċità tal-vettura, il-kejl tal-ħin, il-post fejn jibda u jispiċċa l-perjodu ta’ ħidma ta’ kuljum tas-sewwieq, l-identità tas-sewwieq, l-attività tas-sewwieq, avvenimenti u ħsarat). L-Artikolu 34(3) tal-Proposta issa jipprovdi biss li “id-dejta strettament neċessarja għall-iskop tal-ipproċessar biss għandha tiġi proċessata” mingħajr ma jispeċifika t-tipi ta’ data li sejra tkun ipproċessata.

25.

Il-KEPD jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu deskritti l-modalitajiet ġenerali tal-ipproċessar fit-test tar-Regolament, li, għall-kuntrarju tal-adozzjoni tal-annessi, ikunu approvati permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja. Dan l-approċċ jgħin sabiex iġib aktar ċertezza legali għas-sewwieqa professjonali, li min-naħa tagħha ssaħħaħ l-użu validu tad-data fil-qorti.

26.

Il-KEPD jenfasizza li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jiġi emendat l-Anness IB skont l-iżviluppi teknoloġiċi. Huwa jirrakkomanda bil-qawwa li l-KEPD ikun ikkonsultat kif dovut waqt l-aġġornament tal-Anness IB għar-Regolament. Il-KEPD jemmen li dan l-aġġornament għandu jseħħ mill-aktar fis possibbli sabiex ikun żgurat li l-industrija tintegra speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati fit-takografiji.

L-użu ta’ apparat ta’ lokalizzazzjoni ġeografika u r-reġistrazzjoni ta’ data tal-lokazzjoni

27.

Il-KEPD jinnota li skont il-Premessa 5 tal-Proposta, ir-reġistrazzjoni ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni ġeografika hija ġġustifikata bħala għajnuna għall-uffiċjali tal-kontroll matul il-kontrolli. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop stabbilit fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE, il-KEPD jenfasizza li d-data tal-lokazzjoni rreġistrata fuq it-takografi m’għandhiex tintuża għal xi skop ieħor li jkun inkumpatibbli.

28.

Għalkemm żewġ partijiet speċifiċi biss tad-data ta’ lokazzjoni jkunu rreġistrati skont l-Artikolu 4 tal-Proposta (l-identifikazzjoni tal-post tal-bidu u tat-tmiem tal-perjodu tax-xogħol ta’ kuljum), il-KEPD jifhem li l-użu ta’ apparat ta’ lokalizzazzjoni ġeografika jippermetti pożizzjonar kostanti tal-vettura, u għalhekk tas-sewwieq. Dan jista’ jsir għal diversi skopijiet, pereżempju għall-monitoraġġ tal-veloċità u tad-direzzjoni, biex wieħed jara jekk il-vettura hix tiċċaqlaq jew le, eċċ. Fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Proposta u l-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop, il-KEPD jenfasizza li dan l-użu ma jkunx permess. Il-KEPD jenfasizza li l-installazzjoni u l-użu ta’ apparat għall-iskop dirett u prinċipali li min iħaddem jitħalla jissorvelja mill-bogħod u fil-ħin reali l-azzjonijiet jew il-pożizzjoni tal-impjegati tagħhom m’għandhomx ikunu permessi.

II.3.   Aċċess għad-data rreġistrata f’takografi diġitali u użu ulterjuri

29.

L-aċċess għad-data maħżuna fl-apparat ta’ reġistrazzjoni jista’ jingħata fi kwalunkwe ħin lil (i) l-awtoritajiet ta’ kontroll għal skopijiet ta’ kontroll, u (ii) l-impriża rilevanti sabiex tkun tista’ tikkonforma mal-obbligi legali tagħha, b’mod partikolari kif stabbiliti fl-Artikoli 28 u 29 tal-Proposta. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li d-drittijiet li jirrestrinġu l-aċċess għad-data ġew definiti skont it-tip u/jew l-identità tal-utent.

Kontroll mill-bogħod mill-awtoritajiet ta’ kontroll

30.

Skont il-Premessa 6, il-komunikazzjonijiet mill-bogħod għal skopijiet ta’ kontroll huma ġġustifikati sabiex jiffaċilitaw kontrolli fit-triq immirati u sabiex jonqos il-piż amministrattiv maħluq minn kontrolli aleatorji fuq l-impriżi tat-trasport. Il-KEPD jifhem il-konvenjenza tal-introduzzjoni ta’ miżura bħal din iżda jfakkar li għandhom ikunu implimentati salvagwardji adegwati fid-dawl tar-riskji tal-privatezza ta’ aċċess mill-bogħod kontinwu bħal dan għall-informazzjoni maħżuna fl-apparat ta’ reġistrazzjoni.

31.

F’dan ir-rigward, il-KEPD jinnota b’sodisfazzjon li l-Artikolu 5 tal-Proposta jipprovdi għadd ta’ salvagwardji importanti, b’mod partikolari li (i) dan l-aċċess mill-bogħod ikun ristrett għall-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti biss, (ii) l-ambitu tad-data skambjata mal-awtoritajiet ta’ kontroll għandu jkun limitat għal dik strettament meħtieġa għall-kontrolli fit-triq immirati, (iii) hemm definit b’mod ċar perjodu qasir ta’ żamma ta’ sagħtejn tad-data miġbura waqt il-kontrolli mill-bogħod, (iv) l-informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ kontrolli mill-bogħod għandha tkun ipprovduta lis-sewwieqa mis-sid jew id-detentur tal-vettura, u (v) miżuri ta’ sigurtà xierqa għandhom ikunu implimentati sabiex tiġi żgurata l-integrità u l-awtentikazzjoni tad-data.

32.

Il-KEPD madankollu jikkunsidra li m’huwiex ċar biżżejjed liema data tista’ tkun skambjata permezz tal-komunikazzjonijiet mill-bogħod. Sabiex ikun żgurat li l-ammont ta’ data kkomunikata lill-awtoritajiet ta’ kontroll ma jkunx eċċessiv, il-KEPD jirrakkomanda li l-Artikolu 5(3) jiġi fformulat b’mod differenti. Minflok ma tiġi elenkata d-data li m’għandhiex tkun ikkomunikata, huwa jissuġġerixxi li l-Artikolu 5(3) jipprovdi lista eżawrjenti tad-data li tista’ tkun ikkomunikata.

33.

Fir-rigward tal-penali, il-KEPD jisħaq ukoll li kontroll mill-bogħod m’għandux iwassal għal multi jew penali awtomatiċi għas-sewwieq jew għall-impriża. Minħabba li l-kontroll mill-bogħod attwali jsir mingħajr l-għarfien tal-persuna kkonċernata, għandhom jittieħdu l-passi xierqa qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni. Il-kontroll mill-bogħod għaldaqstant għandu jitqies bħala miżura preliminarja li tista’ twassal għal kontroll fil-fond fil-preżenza tas-sewwieq, jekk l-uffiċjali ta’ kontroll jiskopru xi anomalija fil-fażi preliminari.

Skambji transkonfinali tad-data

34.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tindika li għadd ta’ pajjiżi terzi japplikaw il-prinċipji tar-regolamenti dwar it-trasport bit-triq u r-regolament dwar it-takografu. Fil-verżjoni attwali tal-Proposta m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ xi skambju internazzjonali ta’ data tat-takografu. Għandu jkun iċċarat fil-Proposta jekk humiex ikkunsidrati skambji transkonfinali ta’ data ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, f’liema każ ikunu meħtieġa salvagwardji xierqa ta’ protezzjoni tad-data sabiex ikun żgurat li livell adegwat ta’ protezzjoni huwa ggarantit meta d-data tiġi ttrasferita għal dawn il-pajjiżi terzi, skont l-Artikoli 25 u 26 tad-Direttiva 95/46/KE.

Użu ulterjuri tad-data fil-kuntest ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (STI)

35.

Il-fatt li t-takografi jsiru komponent essenzjali tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti jqajjem għadd ta’ kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data, li kienu enfasizzati mill-KEPD fl-Opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva dwar l-STI (11).

36.

L-ipproċessar ulterjuri tad-data rreġistrata jew prodotta mit-takografu għall-użu f’applikazzjonijiet ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti għandu jseħħ biss jekk l-ipproċessar ulterjuri ma jkunx inkompatibbli mal-għan oriġinali tal-ġbir. Dan għandu jkun evalwat fuq bażi ta’ każ b’każ.

37.

Il-kontrolluri tad-data għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ulterjuri tad-data tat-takografu għall-użu f’applikazzjoni ta’ STI isir skont waħda mill-bażijiet legali elenkati fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE. Il-KEPD jenfasizza li fost il-bażijiet legali kollha disponibbli, jista’ jkun diffiċli li wieħed joqgħod fuq il-kunsens tas-sewwieqa, meta jitqies il-kuntest tax-xogħol li fih iseħħu l-operazzjonijiet ta’ pproċessar. Is-sewwieqa jistgħu jkunu mġiegħla minn min iħaddimhom li jużaw ċerti applikazzjonijiet ta’ STI li għalihom għalhekk ma jkunux taw il-kunsens verament liberu tagħhom (12).

38.

B’konsegwenza ta’ dan, il-KEPD jissuġġerixxi l-emenda tal-Artikolu 6(2) tal-Proposta sabiex jiddikjara li “vetturi (…) għandhom ikunu mgħammra b’apparat ta’ reġistrazzjoni b’interfaċċja armonizzata li tippermetti li d-data rreġistrata jew prodotta tintuża għall-applikazzjonijiet tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti. L-użu ulterjuri tad-data rreġistrata fit-takografi għandu jkun permess biss sakemm is-sewwieq ikun ta l-kunsens tiegħu liberament għal ipproċessar ulterjuri u r-rekwiżiti l-oħrajn kollha tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE ikunu sodisfatti”.

39.

Barra minn hekk il-KEPD jenfasizza li d-data kollha rreġistrata jew prodotta mit-takografu m’għandhiex tkun awtomatikament aċċessibbli għall-użu f’applikazzjonijiet oħrajn tal-STI iżda dawk biss li jkunu neċessarjament meħtieġa għall-ipproċessar f’din l-applikazzjoni tal-STI. Dan għandu jkun enfasizzat fl-Artikolu 6(3) tal-Proposta. Il-KEPD jirrakkomanda li ssir valutazzjoni speċifika tal-privatezza għal kull applikazzjoni sabiex ikun iddeterminat liema data hija strettament neċessarja għall-ipproċessar u l-limitu ta’ żmien li matulu għandha tinżamm din id-data.

II.4.   Kards tas-sewwieqa

L-integrazzjoni tal-kards tas-sewwieqa mal-liċenzji tas-sewqan

40.

L-Artikolu 27 jipprevedi l-inkorporazzjoni tal-funzjonalitajiet tal-kards tas-sewwieqa fil-liċenzji tas-sewqan. Meta wieħed iqis l-ammont potenzjali ta’ informazzjoni rreġistrata dwar l-attivitajiet tas-sewwieq, il-kard tas-sewwieq hija aktar minn sempliċi karta tal-identità li tiċċertifika li l-persuna hija sewwieq professjonali. Għaldaqstant hija aktar intrużiva mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data minħabba li għandha l-għan li tissorvelja l-konformità ta’ persuna ma’ regolamenti soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq.

41.

L-integrazzjoni ta’ din il-kard mal-liċenzja tas-sewqan tqajjem tħassib dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, il-ħtieġa u l-benefiċċju tal-integrazzjoni tal-kard tas-sewwieq fil-liċenzja tas-sewqan ma ntwerewx biżżejjed. B’mod partikolari, ma ntweriex kif din l-integrazzjoni tkun l-aħjar mod sabiex jingħelbu l-frodi u l-użu ħażin tal-kards tas-sewwieqa. Il-KEPD jirrakkomanda li din l-integrazzjoni għandha tkun ikkunsidrata biss wara li tkun saret valutazzjoni tal-impatt fuq is-sigurtà u l-privatezza. Dan għandu jissemma b’mod ċar fl-Artikolu 27 tal-proposta.

42.

Barra minn hekk, din l-integrazzjoni teħtieġ li ssir emenda tad-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan, li għaliha l-Kummissjoni sejra tressaq proposta. Meta wieħed iqis l-aspetti ta’ protezzjoni tad-data mqajma minn emendi bħal dawn, il-KEPD jenfasizza li jixtieq ikun ikkonsultat kif dovut dwar din il-proposta.

Skambju ta’ informazzjoni dwar kards tas-sewwieqa permezz ta’ TACHONET

43.

L-informazzjoni dwar il-kards tas-sewwieqa jkunu skambjati b’mod elettroniku permezz ta’ reġistri elettroniċi nazzjonali qabel ma jinħarġu l-kards tas-sewwieqa sabiex ikun ivverifikat jekk l-applikant għandux diġà kard bħal din. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni jsir permezz ta’ sistema eżistenti, TACHONET. L-Artikolu 26 jipprovdi l-bażi legali għal dan l-iskambju elettroniku ta' informazzjoni. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li d-data personali speċifika rreġistrata f’dawn ir-reġistri hija spjegata b’mod ċar fl-Artikolu 26 tal-Proposta, kif ukoll il-perjodu ta’ żamma tagħhom u dawk li huma awtorizzati jirċievu d-data. Il-KEPD jenfasizza li l-modalitajiet kollha ġenerali tal-ipproċessar f’TACHONET għandhom ikunu deskritti f’dan l-Artikolu u li speċifikazzjonijiet purament tekniċi għandhom ikunu adottati permezz ta’ atti implimentattivi.

44.

Il-KEPD jinnota li r-rwol tal-Kummissjoni fil-konnessjoni bejn ir-reġistri elettroniċi m’huwiex ċar biżżejjed. Huwa jenfasizza li dan ir-rwol għandu jkun iċċarat aktar fl-atti implimentattivi proposti. Huwa jisħaq ukoll li kull meta dan ir-rwol jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni, dan l-ipproċessar għandu jirrispetta r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

III.   KONKLUŻJONI

45.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li kien ikkonsultat dwar Proposta li taffettwa l-privatezza ta’ sewwieqa professjonali b’mod verament viżibbli. Huwa jilqa’ partikolarment il-fatt li dispożizzjoni ddedikata dwar il-protezzjoni tad-data hija pprovduta fil-Proposta. Il-KEPD jinnota madankollu li din id-dispożizzjoni waħedha ma tistax tindirizza l-kwistjonijiet kollha dwar il-protezzjoni tad-data mqajma mill-miżuri mressqa fil-Proposta. Għaldaqstant huma meħtieġa garanziji addizzjonali fil-Proposta u fil-miżuri komplimentari deskritti fil-Komunikazzjoni.

46.

Il-KEPD jikkunsidra li l-modalitajiet ġenerali tal-ipproċessar fit-takografi għandhom ikunu stabbiliti fil-Proposta nnifisha u mhux f’annessi għar-Regolament. L-aspetti ewlenin tal-ipproċessar għandhom ikunu deskritti fil-Proposta nnifisha, bħat-tipi ta’ data rreġistrata fit-takografi u permezz ta’ apparat ta’ lokalizzazzjoni ġeografika, min jirċievi d-data, u l-perjodi ta’ żmien ta’ żamma. L-annessi għar-Regolament għandhom jipprovdu biss dettalji purament tekniċi ta’ prinċipji ġenerali li jkunu stabbiliti fir-Regolament innifsu.

47.

Barra minn hekk, il-KEPD jinnota li l-annessi eżistenti huma skaduti, li jista’ jwassal għal diskrepanzi fil-mod kif it-takografi huma żviluppati mill-industrija. Il-Proposta tintroduċi bosta aġġornamenti teknoloġiċi, li għalihom m’hemm l-ebda speċifikazzjoni teknika rilevanti stabbilita fl-annessi eżistenti għar-Regolament. Hemm riskju li l-industrija tiżviluppa oqfsa li jmorru kontra l-privatezza sakemm l-aġġornament tal-annessi għar-Regolament ikun għadu pendenti. Il-KEPD iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex taġġorna l-annessi għar-Regolament mill-aktar fis possibbli.

48.

Il-KEPD jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ dawn l-emendi li ġejjin fil-Proposta:

tiddaħħal dispożizzjoni ddedikata dwar il-livell ta’ sigurtà li għandu jinkiseb fit-takografi u jkun ipprovdut li ssir valutazzjoni tal-impatt fuq il-privatezza qabel l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe aġġornament teknoloġiku;

jiġu ċċarati l-għanijiet speċifiċi u leġittimi li għalihom sejra ssir il-lokalizzazzjoni ġeografika kostanti. Għandu jkun speċifikat b’mod ċar fil-Proposta li m’humiex permessi l-installazzjoni u l-użu ta’ apparat għall-iskop dirett u prinċipali li jippermetti lil dawk li jħaddmu jissorveljaw mill-bogħod u fil-ħin reali l-azzjonijiet jew il-pożizzjoni tal-impjegati tagħhom;

tiġi ddefinita fl-Artikolu 5(3) lista eżawrjenti ta’ data li tista’ tkun skambjata mal-awtoritajiet ta’ kontroll u jiġi żgurat li l-kontrolli mill-bogħod ma jwasslux għal penali awtomatiċi;

jiġi ċċarat jekk huwiex ser ikun hemm xi skambju transkonfinali ta’ data ma’ awtoritajiet ta’ kontroll f’pajjiżi terzi, u jekk iva jiġu adottati salvagwardji adegwati ta’ protezzjoni tad-data sabiex tkun żgurata l-konformità mal-Artikoli 25 u 26 tad-Direttiva 95/46/KE;

il-kontrolluri tad-data jintalbu jiżguraw li l-ipproċessar ulterjuri tad-data rreġistrata fit-takografi għall-użu f’applikazzjonijiet ta’ STI isir f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE, b’mod partikolari li s-sewwieqa professjonali jagħtu l-kunsens espliċitu u liberu tagħhom għal dan u li dan l-ipproċessar ulterjuri ma jkunx inkompatibbli mal-għan oriġinali tal-ġbir. Barra minn hekk, għandu jkun enfasizzat fl-Artikolu 6(3) li l-aċċess għad-data maħżuna fl-apparat tat-takografu għandha tkun ristretta għal dik strettament neċessarja għall-ipproċessar fl-applikazzjoni tal-STI;

ikun ipprovdut fl-Artikolu 27 li l-amalgamazzjoni tal-kards tas-sewwieqa mal-liċenzji tas-sewqan għandha tkun ikkunsidrata biss wara li tkun saret valutazzjoni tal-impatt fuq is-sigurtà u l-privatezza;

jiġu ċċarati aktar ir-rwol tal-Kummissjoni fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kards tas-sewwieqa permezz ta’ reġistri elettroniċi nazzjonali u l-modalitajiet tal-iskambju.

49.

Il-KEPD jistieden lill-Istati Membri jikkonsultaw lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-data qabel jadottaw miżuri nazzjonali għat-takografi, b’mod partikolari dawk il-miżuri dwar l-użu ta’ apparat ta’ lokalizzazzjoni ġeografika, komunikazzjoni mill-bogħod, interfaċċji tal-STI u TACHONET.

50.

Sabiex jiżgura l-kunsiderazzjoni xierqa tar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data f’azzjonijiet komplimentari oħrajn mill-Kummissjoni, il-KEPD jixtieq li jkun inkluż fil-lista ta’ parteċipanti fil-Forum dwar it-Takografu u li jkun ikkonsultat dwar l-aġġornament tal-Anness IB u dwar il-Proposta għall-emenda tad-Direttiva 2001/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2011.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2011) 451 finali.

(4)  COM(2011) 454 finali.

(5)  Ara b’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ, id-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq, u d-Direttiva 92/6/KEE dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur fil-Komunità.

(6)  Kard tat-takografu tista’ tkun ta’ dawn it-tipi li ġejjin: (i) kard tas-sewwieq, (ii) kard ta’ kontroll, (iii) kard tal-workshop, u (iv) kard tal-kumpanija; ara d-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tal-Proposta.

(7)  Skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/40/UE tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport, (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kusill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(9)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(10)  Ara l-Premessa 15 u l-Artikolu 34 tal-Proposta.

(11)  Opinjoni tal-KEPD tat-22 ta’ Lulju 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi varat l-użu ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa u l-Proposta li takkumpanjaha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-qafas biex jiġi varat l-użu ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċji ma’ modi oħra ta’ trasport, ĠU C 47, 25.2.2010, p. 6.

http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2009/09-07-22_Intelligent_Transport_Systems_EN.pdf

(12)  Ara l-Opinjoni 15/2011 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-kunsens: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2011/wp187_en.pdf.