2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/11


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Garanzija għaż-żgħażagħ”

2013/C 62/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta’ Diċembru 2012 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (COM(2012)0729),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ (2012/2901(RSP)),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ‘Żgħażagħ Attivi’ (COM(2010) 477),

wara li kkunsidra l-Opinjoni rispettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni (CdR 292/2010 fin),

Billi:

il-kriżi ekonomika wasslet biex ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE laħqu livelli għoljin li mhumiex aċċettabbli b’5,7 miljun żgħażugħ ikun bla impjieg,

iż-żgħażagħ li la mhuma f’impjieg, la fl-edukazzjoni u lanqas f’taħriġ (NEETs), bħalissa jilħqu is-7,5 miljun, u jirrappreżentaw nefqa ekwivalenti ta’ 1,2 % tal-PDG tal-UE (1),

Garanzija għaż-Żgħażagħ tikkontribwixxi biex jintlaħqu tlieta mill-ħames miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 billi tikkontribwixxi għat-tnaqqis fir-rati ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola u tal-persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, u żżid l-għadd ta’ persuni li jlestu l-livell terzjarju tal-edukazzjoni.

l-implimentazzjoni ta’ Garazija għaż-Żgħażagħ fiż-żona tal-euro ma tiswiex aktar minn EUR 21 biljun, ammont li jirrappreżenta madwar 0,45 % tal-infiq pubbliku fiż-żona tal-euro (2),

ħafna Stati Membri ma rnexxielhomx jagħtu segwitu lill-appelli tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew li jdaħħlu Garanzija għaż-Żgħażagħ bil-għan li jżidu l-impjieg taż-żgħażagħ,

il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija komponent ewlieni tal-Pakkett għall-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni Ewropea,

jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti spinta ġdida biex il-qgħad fost iż-żgħażagħ jiġi trattat. Din hija problema b’ħafna aspetti li għandha bżonn urġenti ta’ sforz politiku wiesa’ u koordinat; għaldaqstant jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, biex tkun strument ewlieni fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

ifakkar li fl-opinjoni rispettiva tiegħu (3), huwa kien appoġġja bil-qawwi l-mira li ż-żgħażagħ kollha ssirilhom offerta ta’ impjieg, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ kontinwu f’università jew kulleġġ, sa erba’ xhur minn meta jitilqu mill-iskola, kif huwa indikat fl-inizjattiva ewlenija ‘Żgħażagħ Attivi’ tal-Istrateġija Ewropa 2020;

jissuġġerixxi li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u b’mod aktar partikolari l-komponenti tal-impjieg, l-apprendistati jew l-iskemi ta’ taħriġ tagħhom, jiġu estiżi għal dawk li jkunu gradwaw reċentement sal-età ta’ 30 sena;

jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-oqsma tal-politiki tal-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni kif ġie kkonfermat fil-konferenza li saret mill-KtR dwar l-inizjattiva ewlenija ‘Żgħażagħ Attivi’ tal-istrateġija Ewropa 2020 fit-13 ta’ Diċembru 2012;

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni fuq approċċi bbażati fuq sħubijiet għall-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Madankollu jinsisti li dawn is-sħubijiet jiġu żviluppati mill-bidu nett tat-tfassil tal-politika bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali. S’issa dawn tal-aħħar fil-parti l-kbira tħallew barra mill-proċess relatat mal-istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew, għad-detriment tal-leġittimità demokratika kif ukoll tal-effikaċja tal-miżuri adottati;

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa ta’ intervent u attivazzjoni bikrin fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħ u jaqbel mal-fehma li l-prinċipju tal-obbligi reċiproċi għandu jiġi applikat mill-bidu nett;

jinsisti li miżuri ta’ appoġġ għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol imfassla fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jkollhom bilfors ħiliet ta’ lingwa, kif ukoll esperjenza ta’ xogħol fil-prattika, li jtejbu l-impjegabbiltà u jsaħħu l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE;

jisħaq dwar l-importanza li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jintrabtu mal-mobbiltà taż-żgħażagħ bejn l-Istati Membri u rwol aktar b’saħħtu għall-inizjattiva ewlenija Żgħażagħ Attivi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ir-rigward. Dawn tal-aħħar spiss jimplimentaw skemi ta’ mobbiltà fil-livell lokali u l-appoġġ tal-UE għal kooperazzjoni aħjar bejn ir-reġjuni tista’ tagħti riżultati aħjar;

jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiddaħħal karta professjonali Ewropea, bil-għan li jiġu ssemplifikati l-proċeduri tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. F’dan il-kuntest jinsisti li l-iskemi ta’ taħriġ li jagħmlu parti mit-taħriġ għal professjoni regolata, irrispettivament minn jekk humiex imħallsa, għandhom jiġu rikonoxxuti fl-UE kollha u jiġu regolati b’kuntratt. Dan hu importanti għaż-żgħażagħ Ewropej, li huma milquta b’mod allarmanti mill-qgħad u li għalihom il-mobbiltà okkupazzjonali hija mod realistiku kif jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol;

jisħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu sensibilizzati dwar il-possibbiltà li jagħmlu xi żmien ta’ studju, taħriġ jew impjieg fi Stati Membri oħra; dawn l-esperjenzi jista’ jkollhom rwol fundamentali fit-tisħiħ tal-ispirtu ta’ indipendenza tal-individwi u s-sens ta’ responsabbiltà għalihom innifishom, filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ideat ġodda u innovattivi;

jenfasizza li l-UE għandha tassigura li l-programmi ta’ mobbiltà jkunu aċċessibbli bl-istess kundizzjonijiet għaż-żgħażagħ kollha, u b’hekk jirrakkomanda li jiġi offrut appoġġ lir-reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħaż-żoni rurali u b’popolazzjoni baxxa, u b’mod partikolari r-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer;

jinnota, madankollu, li l-mod fundamentali sabiex jiżdied l-impjieg taż-żgħażagħ huwa li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fil-livelli kollha ta’ kwalifiki, mhux biss fis-setturi li jeħtieġu kwalifiki ta’ livell għoli;

jenfasizza li waħda mill-għodod importanti hija l-ħolqien u l-appoġġ tas-sistema edukattiva doppja, fejn tiġi stabbilita relazzjoni bejn l-istudenti u dawk li ser jimpjegawhom fil-futur sa mill-bidu tal-istudji tagħhom;

jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri li jsaħħu l-ħiliet u l-kompetenzi jiġu ffukati biex jindirizzaw id-differenzi bejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-offerta tal-ħiliet; għal dan il-għan, l-edukazzjoni kontinwa, l-apprendistati u l-iskemi ta’ taħriġ iridu jkunu ankrati fis-sod fil-mira tal-impjieg; barra minn hekk, huwa importanti r-rwol li għandhom dawk li jħaddmu fl-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jipprovdu opportunitajiet ta’ żvilupp fil-karriera;

fil-kuntest tat-tisħiħ tal-ħiliet fl-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni stabbilixxa l-premju tat-tikketta ‘Reġjun Intrapreditorjali Ewropew (EER). Waħda mill-miri ewlenin tat-tikketta hija l-promozzjoni ta’ spirtu intraprendenti u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jiffavorixxu n-negozji li jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi. Reġjuni EER iffukaw b’mod partikolari fuq li jħeġġu liż-żgħażagħ biex isiru intraprendituri;

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni fuq impjiegi ta’ kwalità filwaqt li rrakkomandat li l-Istati Membri jassiguraw li l-iskemi tagħhom ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ikun fihom offerta ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika m’għandhiex tintuża bħala skuża biex jillaxxkaw ir-rekwiżiti ta’ saħħa u sigurtà okkupazzjonali. Huwa jenfasizza li l-impjegati għandu jkollhom ċerta protezzjoni soċjali bażika, iżda huwa fil-livell nazzjonali li l-imsieħba soċjali jikkonkludu ftehimiet dwar kwistjonijiet relatati mal-liġi tax-xogħol. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu involuti b’mod sħiħ fit-tfassil ta’ qafas ta’ kwalità għall-impjiegi li jiġu offruti fl-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-Kumitat jenfasizza wkoll li ż-żgħażagħ huma ferm aktar esposti għall-faqar kif ġie kkonfermat fil-valutazzjoni tal-2012 li għamlet il-Kummissjoni Ewropea dwar l-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali (4);

iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu mill-qrib lil dawk li jħaddmu anke mis-settur privat fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex iż-żgħażagħ jiġu offruti b’kemm jista’ jkun opportunitajiet;

jisħaq li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa partikolarment għoli fl-Istati Membri li fihom qed jitwettqu restrizzjonijiet baġitarji ħorox. Għalhekk jaqbel li għal dawn l-Istati Membri jkun hemm appoġġ iffukat kontinwu, b’miżuri finanzjarji addizzjonali jekk ikunu meħtieġa, biex ikampaw mal-isfida li jintroduċu u jimplimentaw l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali kif previst pereżempju fil-Patt ta’ Tkabbir ta’ Ġunju 2012;

jaqbel li fl-assenza ta’ fondi speċifiċi previsti mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-inizjattiva għandha tiġi kofinanzjata bl-użu tal-istrumenti tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew; għalhekk iwissi kontra xi tnaqqis mill-baġit tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020;

jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri ħalli jiżguraw li l-Ftehimiet ta’ Sħubija futuri dwar il-politika ta’ koeżjoni jindirizzaw b’mod adegwat il-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mod partikolari u jiffaċilitaw ukoll l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, bl-użu tal-allokazzjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew fl-implimentazzjoni ta’ prattiki tajbin u approċċi innovattivi li diġà qed jitwettqu f’xi pajjiżi oħra;

jappella lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jistabbilixxu l-koordinazzjoni neċessarja bejn is-servizz tal-impjieg u l-amministraturi fl-edukazzjoni bil-għan li ż-żgħażagħ li jabbandunaw is-sistema edukattiva kmieni u jsibu ruħhom bla xogħol ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi Ewropej allokati għall-miżuri għat-taħriġ u għaż-żgħażagħ, speċjalment bil-għan li jitħeġġeġ il-ksib ta’ ħiliet fil-kuntest ta’ edukazzjoni li tagħti opportunità oħra;

jappella lill-Istati Membri li jressqu l-Pjani Nazzjonali dwar l-Impjiegi 2013 li fihom ikun hemm ukoll il-progress li sar lejn l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ;

iħeġġeġ li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jiddaħħlu u jiġu implimentati sa mhux aktar tard minn Jannar 2014;

jagħraf li l-garanzija ta’ impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ ma tistax tinkiseb mingħajr titjib fis-sitwazzjoni ekonomika globali. Għalhekk, jappella lill-Istati Membri li jadottaw politiki mmirati li jsaħħu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi b’mod ġenerali, u li permezz tagħhom iż-żgħażagħ qiegħda li jkunu telqu mis-sistema edukattiva mingħajr ċertifikati jkunu jistgħu jiksbu ħiliet, flimkien ma’ miżuri marbutin mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. F’dan il-kuntest, jilqa’ l-integrazzjoni ta’ din l-inizjattiva fl-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew;

jappella lill-Istati Membri li jagħtu widen lir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jiżguraw l-akbar sensibilizzazzjoni possibbli dwar is-servizzi u l-miżuri ta’ appoġġ il-ġodda li jinsabu fl-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, qasam li fih il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali hija kruċjali minħabba fir-rwol attiv tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-iskemi;

jappella lill-Kummissjoni Ewropea li toħloq mekkaniżmu effikaċi biex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, fosthom l-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ esperjenzi, u jitlob li l-KtR jieħu sehem f’dan il-proċess;

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel il-proposta ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ waħda mill-prijoritajiet ta’ komunikazzjoni tagħha fl-2013 u li l-mezzi ta’ komunikazjoni soċjali jintużaw b’mod wiesa’ għal dan l-iskop;

jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Presidenza Irlandiża tal-UE u lill-Presidenza tal-Kunsill li ġejja, dik Litwana.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Ara r-rapport tal-Eurofund “NEETs- Young people not in employment, education or training: Characteristics, costs and policy responses in Europe” [NEETs – Żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ: karatteristiċi, spejjeż u risposti ta’ politika fl-Ewropa]: http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2012/54/en/1/EF1254EN.pdf.

(2)  Studju tal-ILO/l-Istitut Internazzjonali għall-Istudji dwar ix-Xogħol bl-isem “EuroZone job crisis: trends and policy responses” [Il-kriżi tal-impjiegi fiż-żona tal-euro: tendenzi u risposti ta’ politika], 2012, http://www.ilo.org/global/research/publications/WCMS_184965/lang–en/index.htm.

(3)  CdR 292/2010 fin

(4)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-5_mt.htm