2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/8


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Futur sostenibbli għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)”

2013/C 62/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI (KtR)

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet finali tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta’ Diċembru 2012;

wara li kkunsidra r-rapport “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” imħejji mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy flimkien mal-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Eurogroup (5 ta’ Diċembru 2012);

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Pjan ta’ Azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina (COM (2012) 777/2 – 28 ta’ Novembru 2012)”;

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2012 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina”;

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM – 2011 u 2012;

1.

jenfasizza li t-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) fl-Istati Membri huwa essenzjali biex jiġu żgurati t-tkabbir sostenibbli, il-progress soċjali u aktar integrazzjoni politika fi ħdan l-UE;

2.

jiddispjaċih li numru ta’ kwistjonijiet ta’ politika baġitarja u ekonomika enfasizzati mill-Kummissjoni Ewropea fil-Pjan ta’ Azzjoni għal UEM profonda u ġenwina u fir-rapport imħejji mill-President tal-Kunsill Ewropew flimkien mal-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro ma ġewx aċċettati fil-konklużjonijiet finali tal-Kunsill Ewropew u ġew posposti għall-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2013;

3.

jitlob lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex ikun involuti fil-proċess tas-Semestru Ewropew fil-livell tal-Istat Membru, u biex il-KtR ikun involut fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE, għaliex il-governanza fiskali tfisser ukoll governanza ekonomika fil-livelli lokali u reġjonali. Biex il-governanza fiskali taħdem b’mod effettiv, hemm bżonn li t-tqassim tar-responsabbiltà bejn l-UE, l-Istati Membri u l-livell lokali u reġjonali jkun ċar u mingħajr ambigwità;

4.

jenfasizza li d-deċiżjonijiet Ewropej marbuta mal-UEM għandhom impatt konsiderevoli mhux biss fuq il-finanzi nazzjonali imma anke fuq dawk sottonazzjonali. Jisħaq li, f’dan il-kuntest, l-awtonomija fiskali fil-livell sottonazzjonali hija garantita, fost oħrajn, mill-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; għaldaqstant isejjaħ għal sinerġiji akbar bejn il-baġits tal-UE, tal-Istati Membri u dawk sottostatali.

5.

ifakkar, f’dan il-kuntest, l-appell li għamel il-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni (1) biex “tindirizza bis-sħiħ”, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha li jmiss, “ir-rwol tal-baġit tal-UE fil-proċess tas-Semestru Ewropew billi tipprovdi data fattwali u konkreta dwar l-effetti li jqanqlu bidla, katalitiċi, sinerġetiċi u kumplimentari fuq in-nefqa pubblika ġenerali fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali”;

6.

Itenni l-appoġġ tiegħu għas-sejħa tal-Parlament Ewropew biex l-Istati Membri jikkunsidraw li jiffirmaw il-“Patt dwar l-Investiment Soċjali” ibbażat fuq il-mudell tal-“Patt Euro Plus”. Dan għandu jistabbilixxi miri għall-investiment soċjali li l-Istati Membri jkollhom jadottaw sabiex jilħqu l-objettivi dwar l-impjieg, dawk soċjali u tal-edukazzjoni taħt l-Istrateġija 2020;

7.

jisħaq li l-isforzi biex tingħeleb il-kriżi ekonomika issa għandhom jiġu ffukati fuq l-iżvilupp tal-mekkaniżmi l-ġodda li diġa nqablu u biex jiġi żgurat li dawn jaħdmu tajjeb, u biex jiġu kkunsidrati l-livelli lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew;

8.

jilqa’ l-fatt li l-konklużjonijiet (2) tal-Kunsill Ewropew jisħqu li “il-possibilitajiet offruti mill-qafas baġitarju eżistenti tal-UE biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina baġitarja” għandhom jiġu “sfruttati” aktar taħt il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan l-objettiv isir aktar ċentrali fl-isfond tas-sejbiet riċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar il-fatt li l-hekk imsejħa multiplikaturi fiskali, u li jkejlu l-impatt negattiv tal-konsolidament baġitarju fuq it-tkabbir, kienu “sostanzjalment ogħla” minn kif mistenni mill-analisti matul il-kriżi tad-dejn. Jistenna għalhekk li l-Kummissjoni tindirizza aktar il-kwistjoni fi ħdan il-komunikazzjoni li tħabbret dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku li għandha tikkunsidra, fost oħrajn, il-kwistjoni dwar l-għażla tal-infiq kurrenti mill-investiment fejn jidħlu kalkoli dwar id-defiċit tal-baġit biex jiġi evitat li jinżammu lura dawk l-investimeti pubbliċi li għandhom benefiċċji fuq il-perjodu twil;

Qafas finanzjarju integrat

9.

jenfasizza li d-dgħufija tas-settur bankarju f’diversi Stati Membri u fl-Unjoni kollha kemm hi, thedded il-finanzi pubbliċi b’impatt partikolari fil-livelli reġjonali u lokali, u jiddispjaċih li l-ispejjeż għall-ġestjoni tal-kriżi bankarja waqgħu prinċipalment fuq dawk li jħallsu t-taxxa u dan qed jagħmel ħsara lit-tkabbir tal-ekonomija reali;

10.

jenfasizza, li kwalunkwe miżura meħuda fil-kuntest ta’ Unjoni Bankarja għandha tiġi akkumpanjata minn titjib fit-trasparenza u l-kontabilità għax il-miżuri jista’ jkollhom effetti profondi fuq il-finanzi pubbliċi, kemm fil-livell tal-Istat Membru u dak lokali u reġjonali, kif ukoll fuq il-banek u ċ-ċittadini;

11.

jilqa’ l-ftehim mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar Mekkaniżmu Superviżoru Uniku bħala qafas regolatorju għall-banek fl-Unjoni Ewropea u jenfasizza, f’dan il-kuntest, ir-rwol tal-banek reġjonali biex jipprovdu l-kapital għall-SMEs kif ukoll għall-proġetti ta’ investiment pubbliku maħsuba għall-iżvilupp territorjali;

12.

jappoġġja l-proposti għal Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni u għal Direttiva dwar l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti u jaqbel li dawn għandhom jiġu adottati bi prijorità; jenfasizza madankollu li huwa meħtieġ li r-regoli introdotti minn din il-leġislazzjoni, partikolarment is-sistema ta’ monitoraġġ u kontroll, ikunu proporzjonali;

13.

jikkunsidra li l-għan għall-perjodu twil fir-rigward tal-qafas Ewropew uniku tad-depożiti jitlob li jkun hemm rekwiżiti uniformi, komuni u strinġenti li jieħdu biżżejjed kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi fis-settur finanzjarju;

14.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta minnufih segwitu leġislattiv għar-rapport Liikanen (3) dwar is-separazzjoni ġudizzjarja ta’ ċerti attivitajiet finanzjarji partikolarment riskjużi minn banek ta’ depożitu fi ħdan il-grupp bankarju;

15.

isaqsi lill-Kummissjoni r-raġuni għalfejn ipposponiet l-impenn tagħha biex tippreżenta rapport dwar it-twaqqif ta’ aġenzija Ewropea tal-klassifikazzjoni tal-kreditu indipendenti għall-aħħar tal-2016;

Qafas finanzjarju integrat

16.

jaqbel li l-UEM għandha bżonn tkun akkumpanjata minn regoli xierqa għall-politka baġitarja, u, f’dan ir-rigward, jappoġġja l-adozzjoni rapida tat-“two-pack” sabiex jikkumplimenta is-“six-pack” u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG, ‘Patt Fiskali’), li daħlu fis-seħħ kmieni fl-2013;

17.

jappoġġja l-istedina tal-Parlament Ewropew lill-Istati Membri “biex jiċċaraw ir-responsabbilta, ir-rwol, it-trasferimenti fiskali u s-sors ta’ dħul fil-livelli differenti tal-gvern (nazzjonali, reġjonali u lokali) fil-ħidma tagħhom biex jiżguraw qafas tal-finanzi pubbliċi b’saħħtu u sostenibbli, b’mod partikolari billi jikkkunsidraw l-impatt tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja fuq l-awtonomija fiskali lokali u reġjonali; għaldaqstant jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b’mod xieraq kemm fl-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn ir-regoli u anke fl-implimentazzjoni tagħhom, b’konformità mal-ispirtu tal-governanza fuq diversi livelli;

18.

jiddispjaċih li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ma jsemmux il-bżonn ta’ kapaċità fiskali mmirata biex tappoġġja r-riformi ekonomiċi nazzjonali u biex tassorbi l-iskossi assimetriċi. Il-KtR jinsab konvint li tali kapaċità fiskali hija meħtieġa biex tinkiseb UEM profonda u ġenwina;

19.

jqis li, jekk tiġi introdotta l-kapaċità fiskali, din għandha tkun suġġetta għat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod konġunt u għall-implimentazzjoni fil-livell tal-UEM, però din għandha tkun miftuħa wkoll għal Stati Membri oħra barra ż-żona tal-euro fuq bażi voluntarja;

20.

japprova s-sejħa tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex tippreżenta kemm jista’ jkun malajr pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni komuni ta’ strumenti tad-dejn pubbliku;

21.

jassumi li jekk tiddaħħal il-kapaċità fiskali din għandha tiġi trattata separatament mill-QFP fil-perjodu l-qasir u bħala proċedura baġitarja separata u speċifika għall-UEM fil-perjodu twil, u dan bil-kondizzjoni li l-proċeduri tat-Trattat jiġu segwiti u b’hekk jitħarsu t-trasparenza u s-superviżjoni demokratika;

Qafas ta’ politka ekonomika integrat

22.

jikkunsidra li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija kruċjali għat-tisħiħ tal-parti ekonomika tal-UEM filwaqt li fl-aħħar snin l-enfasi kienet prinċipalment fuq il-parti monetarja;

23.

jisħaq dwar l-importanza tal-potenzjal għat-tkabbir permezz tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku, sakemm dan jaħdem b’manjiera adegwata u jiffoka fuq oqsma ewlenin fejn hemm lok għall-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità;

24.

jinnota bi pjaċir it-twaqif ta’ mekkaniżmu għal koordinazzjoni, konverġenza u infurzar imsaħħa tal-politiki strutturali bbażati fuq arranġamenti ta’ natura kuntrattwali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijet tal-UE, bil-kondizzjoni li ma tiġix evitata r-responsabbiltà demokratika. Jaqbel li dawn l-arranġamennti għandhom jiġu konklużi każ b’każ u jinnota bi pjaċir li dawn għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja temporanja, immirata u flessibbli. Jissottolinja, f’dan il-kuntest, ir-rwol speċifiku tal-iffinanzjar lokali u reġjonali għall-investimenti, u għalhekk jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-iżvilupp ta’ ftehimiet kuntrattwali, bir-rispett dovut tal-liġijiet nazzjonali;

25.

jaqbel bis-sħiħ li l-politiki ekonomiċi għandhom ikunu mmirati lejn il-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu, sostenibbli u inklużiv, lejn it-titjib tal-kompetittività u ż-żieda tal-impjiegi sabiex l-Ewropa tibqa’ ekonomija soċjali tas-suq attraenti ħafna, u lejn iż-żamma tal-mudell soċjali Ewropew. Jissottolinja li l-mezzi prinċipali biex jintlaħaq dan l-objettiv huma l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir;

26.

jilqa’ s-suġġeriment biex ir-riformi tal-politika ekonomika kollha li l-Istati Membri jippjanaw biex iwettqu għandhom jiġu diskussi ex-ante u, fejn xieraq, koordinati fost l-Istati Membri. Jenfasizza li fil-livell Ewropew tali diskussjoni għandha tinvolvi l-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-UE u li fil-livell tal-Istati Membri din għandha tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-partijiet interessati l-oħra;

27.

jilqa’ l-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għall-2012 dwar il-finanzi pubbliċi fl-UEM jiddedika kapitolu għall-finanzi pubbliċi lokali u reġjonali u jitlob li l-Kummissjoni żżomm il-kapaċità tal-analiżi tagħha dwar id-deċentralizzazzjoni fiskali fir-rapporti futuri;

28.

jilqa’ l-proposta tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir biex jinżammu l-ħames prijoritajiet stabbiliti f’Marzu 2012 u jappoġġja l-introduzzjoni ta’ dawn l-elementi li ġejjin:

iż-żieda ta’ dimensjoni reġjonali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li tissottolinja d-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tad-diviżjoni tas-setgħat f’kull Stat Membru kemm għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kif ukoll fit-tħejjija tal-programmi tar-riforma nazzjonali;

l-involviment tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, partikolarment dwar kwistjonijiet marbuta direttament mal-kompetenenzi lokali u reġjonali;

Governanza msaħħa: leġittimità u responsabbiltà demokratika

29.

jenfasizza li hemm bżonn jiġu żgurati d-demokrazija u l-leġittimità fl-iżvilupp tal-UEM. Il-KtR għaldaqstant jilqa’ r-rwol ewlieni previst għall-Parlament Ewropew, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, u jsejjaħ għall-parteċipazzjoni tal-livelli lokali u reġjonali f’dan il-proċess, partikolarment tar-reġjuni li għandhom setgħat leġislattivi u l-parlamenti tagħhom;

30.

jixtieq jara livell ogħla ta’ responsabbiltà demokratika tat-Trojka permezz tas-seduti tas-smigħ tal-membri tagħha mill-Parlament Ewropew;

31.

jinnota li d-diskussjoni dwar l-UEM hija marbuta b’mod qawwi mad-diskussjoni ġenerali dwar il-futur tal-UE, li għaliha l-KtR jixtieq jagħti kontribut sabiex jirrappreżenta l-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE;

32.

jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea u lill-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-UE u lill-Presidenza li ġejja Litwana.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew: “Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2012”.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 13 u 14 ta’ Diċembru 2012, I. Politka Ekonomika Pt.2

(3)  http://ec.europa.eu/internal_market/bank/docs/high-level_expert_group/report_en.pdf