2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Pakkett leġiżlattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013”

2013/C 62/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

japprova bil-qawwa, fid-dawl tan-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), li l-Politika ta’ Koeżjoni teħtieġ kemm infiq effettiv kif ukoll baġit vigoruż; għalhekk isejjaħ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw mill-ġdid ir-restrizzjonijiet baġitarji u jżommu tal-inqas l-istess livell ta’ fondi;

jappoġġja bil-qawwa t-tim tan-negozjar tal-Kumitat REGI fil-proċess tat-trijalogu; b’mod partikolari jfakkar xi pożizzjonijiet ewlenin maqsuma mal-PE, bħar-“reġjuni ta’ tranżizzjoni”, il-bilanċ bejn l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tat-Trattat, il-parteċipazzjoni effettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll ir-rifjut tal-kondizzjonalità makroekonomika u ta’ riżerva għall-prestazzjoni; għalhekk jittama li jistgħu jinżammu fil-pakkett finali;

japprova l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli u parteċipazzjoni iktar qawwija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-twaqqif ta’ “Kuntratti ta’ Sħubija” u “Programmi Operattivi” futuri; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mfassla Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (ECPP); għaldaqstant jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill jirrifjuta għodda bħal din u jitlob lil dawk l-Istati Membri mhux ħerqana biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjonijiet tagħhom għax dan jagħti sinjal negattiv dwar ir-rieda tagħhom li jikkooperaw ma’ msieħba leġittimi;

jappoġġja responsabbiltà demokratika iktar b’saħħitha u jaħseb li l-Kunsill għandu jiddiskuti diversi kwistjonijiet finanzjarji – bħall-metodu ta’ allokazzjoni tal-Fondi fil-livell nazzjonali u reġjonali, ir-rata ta’ limitu, is-sistema ta’ sigurtà, eċċ. – fi ħdan il-qafas tan-negozjati dwar il-pakkett leġislattiv tal-Politika ta’ Koeżjoni minflok tal-QFP, sabiex il-Parlament Ewropew ikun involut b’mod adegwat f’dawn id-diskussjonijiet u l-KtR jiġi kkonsultat;

jiddispjaċih għal darb’oħra li l-PDG/DNG (u sa ċertu punt l-għadd ta’ nies qiegħda) huma l-uniċi kriterji li qed jintużaw sabiex jiġi determinat il-livell ta’ allokazzjoni tal-Fondi Strutturali f’reġjun partikolari u jenfasizza li għandhom jintużaw indikaturi supplementari sabiex jiġu evalwati aħjar il-bżonnijiet u l-isfidi soċjali u ambjentali.

Relatur

Is-Sur WOŹNIAK (PL/PPE), Marixxall tar-reġjun ta’ Wielkopolska

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pakkett leġislattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jadotta riżoluzzjoni politika dwar in-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin bħalissa dwar il-pakkett leġislattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013, billi jqis l-ewwel pożizzjonijiet li adotta bejn Frar u Lulju 2012 u jirreaġixxi għad-diskussjonijiet u l-pożizzjonijiet reċenti meħuda mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill;

2.

fid-dawl tan-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), japprova bil-qawwa li l-Politika ta’ Koeżjoni hija politika ta’ investiment li teħtieġ kemm infiq effettiv kif ukoll baġit vigoruż li ma jistax jitnaqqas jekk irridu nħeġġu t-tkabbir u l-impjiegi, inżidu l-kompetittività u niġġieldu kontra d-differenzi territorjali fir-reġjuni tal-UE u bejniethom, b’mod speċjali fi żminijiet ta’ kriżi. Minħabba l-importanza fundamentali tal-Politika ta’ Koeżjoni sabiex jiġu indirizzati l-kriżi ekonomika u l-isfidi tal-Istrateġija Ewropa 2020, ma jistax ikun li tonqos l-allokazzjoni tagħha b’EUR 19-il biljun (meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea) filwaqt li jinżamm jew saħansitra jiżdied l-infiq f’politiki oħra tal-Unjoni Ewropea, kif ġie propost fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2012;

3.

jesprimi l-ikbar sodisfazzjon dwar il-mandati adottati mill-Kumitat REGI tal-Parlament Ewropew fil-11-12 ta’ Lulju 2012, li fil-biċċa l-kbira tagħhom itennu t-talbiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif espressi u adottati fl-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni; jiddispjaċih, madankollu, li l-kwistjonijiet ewlenin li jikkonċernaw l-abbozz tar-regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ma ġewx adottati fl-abbozz tar-rapport adottat mill-Kumitat EMPL fil-5 ta’ Lulju 2012;

4.

japprezza l-iżviluppi pożittivi lejn is-semplifikazzjoni kif proposti mill-abbozz tal-pakkett leġislattiv tal-Kummissjoni Ewropea u jilqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji li ġew adottati reċentement applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE, bħal dawk dwar l-użu ta’ rati fissi, ħlasijiet ta’ somma sħiħa (lump sum) u skadenzi ta’ ħlas iqsar; jinsisti li jkun hemm aġenda dejjem iktar ambizzjuża fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġi semplifikat l-aċċess għall-proċeduri tal-fondi tal-UE, ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE u nazzjonali, u l-mekkaniżmi ta’ rappurtar u ta’ kontroll;

5.

jappoġġja bil-qawwa t-tim tan-negozjar tal-Kumitat REGI fil-proċess tat-trijalogu; b’mod partikolari jfakkar xi pożizzjonijiet ewlenin maqsuma mal-PE dwar il-punti li ġejjin, u jittama li jistgħu jinżammu fil-pakkett finali:

appoġġ għal politika ta’ koeżjoni li tinkludi r-reġjuni kollha u tiffoka b’mod indaqs fuq ir-reġjuni l-inqas żviluppati tal-UE;

appoġġ għal kategorija ġdida ta’ “reġjuni ta’ tranżizzjoni” u sistema ta’ sigurtà ta’ żewġ terzi tal-allokazzjoni attwali għar-reġjuni li m’għadhomx eliġibbli għal appoġġ għal konverġenza;

il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-prijoritajiet bejn l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tat-Trattat, kif ukoll il-bżonn għal aktar flessibilità fl-applikazzjoni tal-konċentrazzjoni tematika;

il-parteċipazzjoni effettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil ta’ kuntratti ta’ sħubija u ta’ programmi operattivi li jirrispettaw il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli;

l-appoġġ qawwi għall-inklużjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-sħubija fi ħdan l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni;

ir-rifjut qawwi tal-kondizzjonalità makroekonomika;

il-ħtieġa għal kondizzjonalitajiet ex ante li huma relatati b’mod dirett mal-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni;

ir-rifjut ta’ riżerva għall-prestazzjoni;

it-trasferiment tal-allokazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-Faċilità ġdida “Nikkollegaw l-Ewropa”, bl-applikazzjoni stretta tar-regoli dwar il-Fondi ta’ Koeżjoni u r-rispett tal-kwoti nazzjonali;

l-appoġġ għall-approċċ integrat għall-iżvilupp territorjali promoss mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-istabbiliment ta’ għodod u modi ta’ governanza ġodda bħall-Investimenti Territorjali Integrati (ITI) u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-atturi lokali rigward kwistjonijiet urbani;

ir-rifjut tal-pjattaforma għall-iżvilupp urban iżda jintalab li l-URBACT isir permanenti;

6.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat il-pakkett leġislattiv kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tal-Qafas Finanzarju Pluriennali (QFP); ifakkar dwar kemm hi serja l-kriżi ekonomika u soċjali li qed tiffaċċja l-UE, li jfisser li huwa partikolarment urġenti li l-implimentazzjoni tal-Kuntratti ta’ Sħubija u l-Programmi Operattivi tibda fl-2014, billi dan huwa l-uniku mod kif jingħataw fondi Ewropej li huma vitali għar-riformi tal-investimenti u strutturali fl-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet;

7.

ifakkar li għandu jkun hemm distinzjoni bejn id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ regolament dwar ir-REKT u l-pakkett leġislattiv globali dwar il-Politika ta’ Koeżjoni, u jenfasizza l-importanza li dan ir-regolament speċifiku, li m’għandu l-ebda implikazzjoni partikolari għall-baġit tal-Unjoni Ewropea, jiġi adottat immedjatament u mingħajr ma nistennew li jiġi adottat il-pakkett. Dan jagħmilha possibbli li r-Regolament jidħol fis-seħħ mill-iżjed fis possibbli u jagħti spinta ġdida lill-iżvilupp ta’ proġetti ġodda fil-qasam tar-REKT f’qafas legali sikur;

Favur baġit ambizzjuż għall-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013

8.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma totalment konxji tal-ħtieġa li jitjiebu r-riżultati tal-Politika ta’ Koeżjoni, permezz ta’ programmazzjoni u nfiq aħjar tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika u l-limiti finanzjarji;

9.

jaħseb li Qafas Finanzjarju Pluriennali b’allokazzjoni inqas minn dik proposta mill-Kummissjoni Ewropea mhuwiex aċċettabbli għaliex dan idgħajjef l-ekonomija u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, u globalment, tas-suq uniku fi żmien meta għandha bżonn tissaħħaħ l-aktar. Għaldaqstant, kif ġie mistqarr fir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-QFP (1), itenni l-appell tiegħu għal baġit pluriennali tal-UE kredibbli bħala għodda ta’ investiment għall-benefiċċju tal-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE tal-inqas fl-istess livell f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn bħala perċentwal tad-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) bħal dak li ġie miftiehem għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2007-2013;

10.

madankollu jaħseb li mhijiex aċċettabbli l-proposta tal-Presidenza Ċiprijotta tad-29 ta’ Ottubru 2012 li jitnaqqas il-baġit allokat lill-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013. Għalhekk isejjaħ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw mill-ġdid ir-restrizzjonijiet baġitarji u jżommu talinqas l-istess livell ta’ fondi;

11.

jisħaq dwar il-ħtieġa li tinżamm Politika ta’ Koeżjoni b’saħħitha u ambizzjuża fil-livell tal-UE, sabiex jiġu rispettati l-objettivi tat-Trattat dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll l-impenn kollettiv li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020; tnaqqis ta’ iktar minn EUR 10 biljun – kif ġie propost mill-Presidenza tal-Kunsill – iżid id-distakk li hemm bejn ir-reġjuni u t-territorji inqas u dawk iktar żviluppati, kif ukoll id-distakk fid-dħul bejn iċ-ċittadini;

12.

jinsisti dwar il-fatt li tnaqqis fil-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni għandu jaffettwa b’mod negattiv l-iżvilupp tas-Suq Uniku u l-kapaċità ta’ investiment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’oqsma kruċjali għall-futur tal-Ewropa, bħar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-appoġġ tal-SMEs, l-ekonomija u l-infrastruttura ekoloġika, li huma komponenti ewlenin tal-ħolqien tal-impjiegi għall-ġejjieni; jaħseb li matul dan il-perjodu attwali ta’ kriżi ekonomika u soċjali, it-tnaqqis baġitarju jipperikola investimenti fit-tul u t-tkabbir sostenibbli futur tal-Ewropa u r-rwol tagħha fid-dinja;

Responsabbiltà demokratika iktar b’saħħitha: ir-rispett għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni

13.

ifakkar li għall-ewwel darba testi legali li jirregolaw il-Politika ta’ Koeżjoni se jiġu adottati kollha taħt il-proċedura leġislattiva ta’ kodeċiżjoni, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, biex b’hekk l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew ikunu f’qagħda bbilanċjata;

14.

għalhekk jaħseb li l-Kunsill għandu jiddiskuti diversi kwistjonijiet finanzjarji – bħall-metodu ta’ allokazzjoni tal-Fondi fil-livell nazzjonali u reġjonali, ir-rata ta’ limitu, is-sistema ta’ sigurtà, eċċ. – fi ħdan il-qafas tan-negozjati dwar il-pakkett leġislattiv tal-Politika ta’ Koeżjoni minflok tal-QFP; kif kien stqarr diġà fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-Ġdid għall-Perjodu ta’ wara l-2013” (2), jikkundanna l-fatt li l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq huma inklużi fil-qafas tan-negozjati tal-Kunsill u jaħseb li, bħala oqsma ta’ kodeċiżjoni, għandhom jiġu diskussi fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew għandu jkun involut b’mod adegwat f’dawn id-diskussjonijiet flimkien mal-Kunsill, u l-KtR għandu jkun ikkonsultat, sabiex tiġi żgurata responsabbiltà demokratika effettiva; ifakkar li l-KtR għandu d-dritt li jidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tippreżentax proposta leġislattiva li dwarha l-KtR jintalab l-opinjoni tiegħu;

Fir-rigward tal-metodu ta’ allokazzjoni tal-Fondi Strutturali

15.

jiddispjaċih għal darb’oħra li l-PDG/DNG (u sa ċertu punt l-għadd ta’ nies qiegħda) huma l-uniċi kriterji li qed jintużaw sabiex jiġi determinat il-livell ta’ allokazzjoni tal-Fondi Strutturali f’reġjun partikolari; għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex jiżdied l-impatt fuq l-għadd ta’ nies qiegħda f’reġjuni inqas żviluppati u ta’ tranżizzjoni, kif indikat fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (verżjoni 22 ta’ Novembru 2012), sabiex ikun hemm kontrobilanċ tal-piż tal-PDG fil-metodu ta’ allokazzjoni u sabiex titqies aħjar id-dimensjoni soċjali tal-koeżjoni. Fl-istess ħin jissuġġerixxi li meta tiġi deċiża l-allokazzjoni tal-fondi strutturali fil-livell tal-Istati Membri jitqiesu indikaturi demografiċi oħrajn, bħall-proporzjon tad-dipendenza demografika;

16.

kif intqal qabel (3), jenfasizza li għandhom jintużaw indikaturi supplementari sabiex jiġu evalwati aħjar il-bżonnijiet u l-isfidi soċjali u ambjentali (bħall-aċċessibilità għal servizzi pubbliċi, is-saħħa, id-dħul per capita, il-mobilità u ambjent nadif). Id-distribuzzjoni ta’ dawn l-indikaturi fil-livell sottoreġjonali (indikatur GINI) tista’ tkun integrata fi ħdan il-metodu tal-allokazzjoni tal-Fondi, sabiex jiġu evalwati aħjar l-isfidi għall-koeżjoni territorjali;

17.

jaħseb li, sabiex jitqiesu x-xejriet fl-iżvilupp reġjonali, l-evoluzzjoni tal-PDG għal kull persuna matul il-perjodu ta’ referenza (abbażi taċ-ċifri disponibbli tal-Unjoni għall-perjodu tat-tliet snin l-iżjed reċenti) għandha tiġi integrata fil-metodu futur għall-allokazzjoni tal-Fondi. Għalhekk, permezz ta’ approċċ aktar flessibbli, l-għajnuna tista’ tiġi orjentata wkoll lejn dawk ir-reġjuni li jiffaċċjaw kriżi ekonomika;

18.

jitlob li l-punt dwar “żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti” jiżdied mal-lista ta’ kriterji li jintużaw għall-allokazzjoni ta’ riżorsi mill-Istati Membri; ifakkar b’mod partikolari li kriterji demografiċi, bħat-tixrid tal-popolazzjoni, it-tnaqqis tal-popolazzjoni f’ċerti partijiet ta’ reġjuni, jew it-tixjiħ demografiku, għandhom impatt serju fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-ispiża tas-servizzi pubbliċi; ifaħħar lill-Parlament Ewropew għall-appoġġ tiegħu dwar din il-kwistjoni u jitlob lill-Kunsill biex jallinja ruħu mal-pożizzjoni tal-Parlament;

19.

b’mod indipendenti mill-metodu magħżul, jistqarr mill-ġdid il-prinċipji li ġejjin:

il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni għandhom jikkonċentraw fuq reġjuni inqas żviluppati, filwaqt li jiġi rispettat it-tqassim bejn tipi ta’ reġjuni kif propost mill-Kummissjoni Ewropea;

“reġjuni fi tranżizzjoni” għandhom jiġu trattati fuq bażi ġusta, u jiġi evitat il-ħolqien ta’ wisq differenzi bejn ir-reġjuni li m’għadhomx eliġibbli għall-objettiv ta’ konverġenza u t-tip l-ieħor ta’ reġjuni fi tranżizzjoni;

reġjuni aktar żviluppati għandhom jiġu appoġġati wkoll, billi ħafna minnhom qed jiffaċċjaw problemi soċjali sinifikanti, żoni ta’ faqar f’ħafna miż-żoni rurali u sfidi ambjentali u ta’ kompetittività ekonomika;

20.

jaħseb li l-prinċipju tal-addizzjonalità huwa wieħed fundamentali għall-effikaċja tal-Politika ta’ Koeżjoni u mingħajru l-isforzi kollha mwettqa fil-politika reġjonali Ewropea jistgħu jsiru inutli;

21.

huwa inkwetat b’mod partikolari li l-Presidenza tal-Kunsill iżżomm it-tliet snin ta’ bejn l-2007 u l-2009 bħala l-perjodu ta’ analiżi għall-proposti tagħha dwar ir-reġjuni. Fi żmien ta’ kriżi bħal dak ta’ bħalissa, il-kalkoli tal-ġid relattiv tar-reġjuni f’dan il-perjodu ma jagħtux stampa reali għaliex ikunu għadhom ibbażati fuq snin ta’ tkabbir ekonomiku, għad-detriment b’mod speċjali tar-reġjuni fejn il-kriżi qed ikollha impatt akbar. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli l-introduzzjoni tal-klawżola ta’ reviżjoni fl-2016, iżda fl-istess ħin jipproponi li jingħata appoġġ speċjali, lil hinn mis-sistema ta’ sigurtà, li jikkumpensa lil dawk ir-reġjuni li t-tnaqqis fil-ġid relattiv tagħhom minħabba l-kriżi jpoġġihom f’pożizzjoni tat-tluq żvantaġġata meta mqabbla mar-reġjuni l-oħra tal-kategorija tagħhom;

Fir-rigward tar-rata ta’ limitu

22.

jappoġġja r-rata ta’ limitu proposta fil-qafas ta’ negozjar tat-18 ta’ Settembru 2012 fuq il-QFP (2,5 %) li tqis il-fatt li l-Istati Membri tal-UE-12 qed jilħqu lill-oħrajn u d-diffikultajiet ta’ assorbiment li qed jiffaċċjaw xi Stati Membri matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali; għalhekk jirrifjuta t-tnaqqis propost fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Novembru (2,35 %); madankollu, jipprevedi li fil-każ tal-Istati Membri li ssieħbu qabel l-2013, u li l-medja tal-PDG reali ta’ tkabbir tagħhom bejn l-2008 u l-2010 kien anqas minn – 1 %, dawn jiggarantixxu livell tal-limitu massimu li jippermetti l-istess livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn bħal dak li ġie miftiehem għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2007-2013;

Fir-rigward tas-sistema ta’ sigurtà

23.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar “sistema ta’ sigurtà” ugwali għal mill-inqas żewġ terzi tal-allokazzjoni attwali għal reġjuni li mhux se jibqgħu taħt l-objettiv ta’ konverġenza; jiddispjaċih dwar l-aħħar proposti tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fejn din is-“sistema ta’ sigurtà” tonqos aktar minn din l-allokazzjoni;

Fir-rigward tal-primjum urban

24.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tħassir reċenti ta’ “primjum urban” fid-dokumenti tal-Presidenza tal-Kunsill fir-rigward tal-qafas ta’ negozjar fuq il-QFP, li kien qed jalloka EUR 4 għal kull ċittadin li qed jgħix fi bliet ta’ 250 000 ruħ u iżjed. Dan il-primjum kien jagħti vantaġġ finanzjarju lir-reġjuni iktar urbanizzati, filwaqt li d-distakk fl-iżvilupp bejn iż-żoni rurali u urbani għadu kbir ħafna;

Fir-rigward tal-baġit għal kooperazzjoni territorjali

25.

jappoġġja bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni biex tiżdied l-allokazzjoni lill-kooperazzjoni territorjali Ewropea (ETC) għal EUR 11,8 biljun, minflok 8,7 biljuni taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali; ifakkar fil-valur miżjud tal-ETC lejn l-integrazzjoni Ewropea u l-koeżjoni territorjali, bis-saħħa tal-minimizzar tal-effetti negattivi tal-fruntieri, it-titjib fl-effiċjenza tal-politika, it-titjib fil-kwalità tal-ħajja, it-tisħiħ tal-bini tal-kapaċità kif ukoll il-promozzjoni tal-fiduċja u l-fehim reċiproku; għalhekk jiddispjaċih dwar it-tnaqqis ta’ 3 biljuni propost fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Novembru, kif ukoll l-introduzzjoni mill-ġdid tar-rekwiżit ta’ 150 km għall-kooperazzjoni transkonfinali, fil-każ ta’ fruntieri marittimi; madankollu, jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill huwa allinjat mas-sejħa tal-KtR u l-pożizzjoni tal-PE dwar il-ħtieġa biex tiżdied ir-rata ta’ konfinanzjament għal 85 % għal programmi tal-ETC;

Rifjut tal-kondizzjonalità makroekonomika u s-sanzjonijiet/premji finanzjarji

26.

jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-kondizzjonalità makroekonomika, b’mod partikolari għal kwalunkwe sospensjoni jew kanċellazzjoni tal-fondi tal-QSK marbuta mas-sanzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, billi dan joħloq ir-riskju li jiġu penalizzati ħafna dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li mhumiex responsabbli għall-falliment tal-Istati Membri tagħhom li jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti;

27.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ tal-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni u jittama li t-tim ta’ negozjar jirnexxielu – fi ħdan it-trijalogu – jikkonvinċi lill-Istati Membri biex jirtiraw il-miżuri kollha marbuta mal-kondizzjonalità makroekonomika fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni;

28.

jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għar-rabta parzjali tal-Fondi tal-QSK u l-governanza ekonomika ġdida tal-UE, billi tinfetaħ il-possibilità li jiġu emendati l-Kuntratti ta’ Sħubija u l-Programmi Operattivi abbażi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż fi ħdan is-Semestru Ewropew, iżda jirrifjuta bil-qawwa l-ipoteżi ta’ sospensjoni parzjali jew totali tal-pagamenti;

29.

itenni r-rifjut tiegħu tal-premji ta’ “riżerva għall-prestazzjoni” lir-reġjuni li kellhom l-ikbar suċċess, billi dan il-mekkaniżmu jista’ jinċentiva lil dawk li jfasslu l-politika biex jistabbilixxu objettivi modesti ħafna li jistgħu jintlaħqu faċilment, bil-għan li jkollhom aċċess għal riżorsi addizzjonali, u dan jista’ jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ proġetti mhux ambizzjużi u tinqata’ qalb min jimmira lejn l-innovazzjoni; għalhekk jappoġġja l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u jittama li l-Kunsill jibdel l-opinjoni tiegħu dwar dan il-punt; ifakkar fil-proposta tiegħu għal “riżerva ta’ flessibilità” magħmula minn riżorsi ta’ diżimpenn awtomatiku li jintużaw biex jiffinanzjaw inizjattivi esperimentali, li dwarha jista’ jintlaħaq kompromess bejn iż-żewġ koleġislaturi;

30.

jaqbel bis-sħiħ mal-approċċ meħtieġ għal qafas ta’ ġestjoni ġdid imsejjes fuq ir-riżultati, u konsegwentement, mal-importanza li tingħata ’l kejl tal-prestazzjoni. Madankollu jaħseb li jinħtieġu regoli flessibbli, li jippermettu li r-riżultati jitqiesu fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika partikolari ta’ kull reġjun; barra minn hekk, jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni tiegħu għal kull sanzjoni finanzjarja marbuta mal-qafas ta’ prestazzjoni;

Għal sħubija effettiva mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

31.

japprova l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli u parteċipazzjoni iktar qawwija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-preparazzjoni, in-negozjar u l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

32.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Parlament Ewropew biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitqiegħdu fuq l-istess livell bħall-gvernijiet nazzjonali fit-tfassil ta’ “Kuntratti ta’ Sħubija” u “Programmi Operattivi”, b’rispett lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

33.

jistenna li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ fit-tfassil ta’ “Kuntratti ta’ Sħubija” sabiex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ approċċ minn isfel għal fuq u integrat lejn l-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali; isejjaħ lill-Istati Membri biex jibdew jaħdmu fuq l-ippjanar strateġiku tal-Politika ta’ Koeżjoni sabiex ikunu lesti jibdew l-ipprogrammar tal-Fondi tal-QSK mill-1 ta’ Jannar 2014; f’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja mill-qrib it-tfassil ta’ dawk il-kuntratti billi jiġi evitat approċċ minn fuq għal isfel u settorjali lejn l-ipprogrammar;

34.

għaldaqstant jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mfassla, għall-ewwel darba, Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (ECPP); jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill jirrifjuta għodda bħal din, li għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tas-sħubijiet fl-Istati Membri kollha u jitlob lil dawk l-Istati Membri mhux ħerqana biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjonijiet tagħhom dwar l-ECPP, għax dan jagħti sinjal negattiv dwar ir-rieda tagħhom li jikkooperaw ma’ msieħba leġittimi;

Arkitettura li tqis id-differenzi territorjali

35.

jafferma mill-ġdid l-appoġġ ċar tiegħu għall-kategorija ġdida ta’ “reġjuni ta’ tranżizzjoni” u jappoġġja lill-Parlament Ewropew fin-negozjati interistituzzjonali attwali; jitlob lill-Presidenza tal-Kunsill biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni sa tmiem in-negozjati, billi din il-kategorija ġdida tissodisfa parzjalment l-objettiv ta’ koeżjoni territorjali billi toffri appoġġ iktar ekwitabbli lir-reġjuni kollha;

36.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Parlament Ewropew biex tinħoloq sistema ta’ sigurtà oħra ta’ erbgħa minn kull ħamsa tal-allokazzjoni għall-2007-2013 lil “reġjuni Stati Gżejjer uniċi eliġibbli għall-Fond ta’ Koeżjoni fl-2013” u għar-“reġjuni ultraperiferiċi” li mhux se jibqgħu jagħmlu parti mill-kategorija ta’ reġjuni inqas żviluppati wara l-2013;

37.

ifakkar fil-ħtiġijiet u l-isfidi ta’ reġjuni ultraperiferiċi u ta’ dawk b’popolazzjoni baxxa u jitlob li jiġu allokati għalihom riżorsi baġitarji suffiċjenti u proporzjonali sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll l-integrazzjoni aħjar tagħhom fis-Suq Uniku; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon l-intensità ikbar tal-għajnuna għar-reġjuni ultraperiferiċi (minn EUR 20 għal 30 għal kull abitant) kif propost fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2012;

38.

jinsisti dwar il-fatt li t-Trattat ta’ Lisbona żied il-koeżjoni territorjali fl-objettiv ta’ politika tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u jesprimi d-dubji tiegħu dwar in-nuqqas ta’ referenza għal din id-dimensjoni territorjali, kif ukoll għar-reġjuni li għaddejjin minn tibdil industrijali, u reġjuni gżejjer, b’popolazzjoni baxxa, muntanjużi jew ultraperiferiċi fir-rapport tal-kumitat EMPL dwar l-abbozz tar-regolament tal-FSE;

Konċentrazzjoni tematika: lejn iktar flessibilità

39.

jilqa’ b’sodisfazzjon approċċ iktar flessibbli għall-konċentrazzjoni tematika fl-Istrateġija Ewropa 2020, kif adottat mill-kompromessi tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill; ifakkar fl-objettivi politiċi ewlenin tat-Trattat (koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) u l-ħtieġa li jitqiesu iżjed id-differenzi u l-isfidi nazzjonali u reġjonali li ġew appoġġati miż-żewġ leġislaturi;

40.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-objettivi tematiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment kif dikjarati fit-testi għal mandat tal-Parlament Ewropew li jirrigwardaw l-abbozz tar-regolamenti tal-FEŻR u tal-ETC, kif ukoll fil-kompromessi adottati mill-Presidenza tal-Kunsill dwar il-blokk ta’ “konċentrazzjoni tematika”; madankollu ifakkar fl-importanza li tingħata l-ikbar attenzjoni lit-temi marbuta mal-iżvilupp tal-patrimonju kulturali u tat-turiżmu; min-naħa l-oħra jiddispjaċih li r-rapport tal-kumitat EMPL dwar l-FSE ma jipproponi l-ebda tnaqqis fil-perċentwal ta’ konċentrazzjoni proposti mill-Kummissjoni Ewropea, għall-kuntrarju tas-suġġeriment tal-KtR;

41.

jilqa’ b’mod partikolari l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-estensjoni tal-qasam tal-ICT għar-reġjuni kollha sabiex jinkludi infrastruttura bażika, iżda jiddispjaċih li l-Kunsill qed jibqa’ sieket dwar din il-kwistjoni; għaldaqstant jitlob lill-Istati Membri biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni, billi netwerks ta’ veloċità għolja tal-ICT għadhom neqsin f’ħafna żoni rurali remoti, anke f’reġjuni iktar żviluppati;

42.

jilqa’ l-fatt li l-Kunsill neħħa l-konċentrazzjoni tematika imposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-allokazzjoni speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi fir-Regolament tal-FEŻR, u jittama li l-Parlament Ewropew jimmodifika l-mandat ta’ negozjar tiegħu f’dan ir-rigward biex jallinja ruħu mal-pożizzjoni tal-Kunsill fid-dawl tan-negozjati interistituzzjonali attwali;

Fond Soċjali Ewropew

43.

itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma, u jridu jibqgħu jkunu, atturi ewlenin fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-FSE, u għalhekk jirrifjuta l-konsiderazzjoni inkluża fir-rapport tal-kumitat EMPL li tgħid li l-Istati Membri għandhom jibqgħu “intermedjarji prinċipali” tal-politiki kollha tal-FSE meta wieħed iqis l-importanza tal-politiki nazzjonali ta’ impjieg;

44.

itenni t-talba tiegħu għal referenza fir-regolament tal-FSE għal żoni bi żvantaġġi naturali u demografiċi simili għal dik prevista fl-Artikolu 10 tal-abbozz ta’ regolament dwar il-FEŻR, kif ukoll għar-reġjuni ultraperiferiċi; jenfasizza l-ħtieġa biex tiġi estiża l-kooperazzjoni territorjali taħt l-FSE għal kooperazzjoni transkonfinali u interreġjonali flimkien mal-kooperazzjoni transnazzjonali;

45.

jiddispjaċih għat-tnaqqis propost fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta’ Novembru fil-baġit tal-programm ta’ għajnuna ta’ ikel għall-persuni l-iżjed fqar (EUR 2,1 minflok 2,5 biljun); isejjaħ għal separazzjoni ċara tal-programm mill-FSE u jinsisti fuq allokazzjoni ta’ riżorsi adegwati trasferita mill-intestatura 2 tal-QFP (PAK);

Lejn “Kunsill għall-Politika ta’ Koeżjoni” formali

46.

jilqa’ u jappoġġja l-proposta tal-Presidenza Ċiprijotta biex jinħoloq “Kunsill għall-Politika ta’ Koeżjoni” formali li jkun “magħmul minn Ministri responsabbli għall-Politika ta’ Koeżjoni”; il-KtR ilu żmien twil jisħaq favur laqgħa formali bħal din, peress li tagħti iktar viżibilità u tiżgura dibattitu politiku kontinwu dwar il-Politika ta’ Koeżjoni; jixtieq jipparteċipa b’mod attiv fid-diskussjonijiet politiċi ta’ Kunsill formali, billi dan jaffettwa l-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, li huma kkonċernati u involuti b’mod dirett fl-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-prattika;

47.

jiddispjaċih li qed ikompli jiġi impost l-isforz tal-prefinanzjament tal-investimenti fuq l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali li jgawdu mill-awtorità ta’ ġestjoni. Dan jimplika sforz finanzjarju diffiċli fis-sitwazzjoni attwali ta’ restrizzjonijiet fuq is-swieq finanzjarji. Jekk jiġi impost il-prinċipju tal-prefinanzjament tal-investimenti, l-Unjoni Ewropea ser titlef opportunità unika biex tinjetta riżorsi finanzjarji maħsubin b’mod speċifiku għall-impuls ekonomiku u t-tibdil strutturali, u b’hekk tipprovdi avvanzi tar-riżorsi aktar qawwija li jippermettu l-finanzjament bir-ritmu neċessarju biex jibdew jinkisbu r-rimborżi;

Ġestjoni Finanzjarja tal-Programmi Operattivi

48.

fir-rigward tar-regolamentazzjoni dwar il-ġestjoni u l-kontroll, il-Kumitat ma jaqbilx ma’ kif tiġi ttrattata t-taxxa fuq il-valur miżjud, peress li l-eliġibilità tagħha bħala spiża operattiva tiġi limitata għal każijiet partikolari ħafna li fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni ma jkunx possibbli li titqies bħala nefqa eliġibbli. Fil-prattika, dan jimplika tnaqqis reali fir-rata ta’ kofinanzjament tal-fondi li jista’ jitla’ sa 23 %;

49.

jaqbel li tinżamm ir-regola N+3 fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020;

50.

jaqbel li l-kategoriji kollha ta’ infiq ikunu eliġibbli għall-VAT meta din it-taxxa ma tkunx tista’ tiġi rkuprata mill-benefiċjarji.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Ara CdR 2263/2012 fin.

(2)  Ara CdR 1777/2012 fin (relatur: Mercedes Bresso (IT/PSE)).

(3)  Ara l-Opinjoni dwar “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG”, CdR 163/2010 fin (relatur: Vicente Alvarez Areces (ES/PSE)).