15.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 332/106


L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012
Rakkomandazzjoni lill-Kunsill dwar is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

P7_TA(2012)0240

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar is-67 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2012/2036(INI))

2013/C 332 E/23

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 34 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill minn Alexander Graf Lambsdorff f’isem il-Grupp ALDE dwar is-67 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) (B7-0132/2012),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar is-66 Sessjoni tal-AĠNU (1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha f'organizzazzjonijiet multilaterali (2)

wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-UE għas-66 Sessjoni tal-AĠNU, kif adottati mill-Kunsill fil-10 ta’ Ġunju 2011 (3),

wara li kkunsidra s-66 Sessjoni tal-AĠNU, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tal-korp dwar ‘In-Nazzjonijiet Uniti fil-governanza dinjija’ (4), ‘Il-promozzjoni tal-effiċjenza, ir-responsabbiltà, l-effettività u t-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika billi jissaħħu l-istituzzjonijiet supremi tal-verifika’ (5), ‘Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana’ (6), ‘L-għoti ta’ setgħa u l-iżvilupp tal-persuni’ (7), ‘Lejn sħubiji dinjija’ (8), ‘Kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar’ (9), ‘Ir-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti fil-promozzjoni tal-iżvilupp fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-interdipendenza’ (10), ‘It-tisħiħ tar-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti fit-titjib ta' elezzjonijiet perjodiċi u ġenwini u l-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni' (11), ‘Rapport tal-Konferenza dwar id-Diżarm’ (12), ‘Promozzjoni ta’ ordni internazzjonali demokratiku u ekwu’ (13), u ‘In-natura universali, indiviżibbli, interrelatata, interdipendenti u ta’ tisħiħ reċiproku tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali kollha’ (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-AĠNU tad-19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-intolleranza, l-isterjotipar negattiv, l-istigmatizzazzjoni, id-diskriminazzjoni, l-inċitament għall-vjolenza u vjolenza kontra persuni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-AĠNU tat-3 ta’ Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fix-xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-AĠNU tal-31 ta’ Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 21, il-Programm għal Aktar Implimentazzjoni tal-Aġenda 21 u r-riżultati tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (17),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li fasslet l-Għanijiet ta’ żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala għanijiet stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali biex jinqered il-faqar,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2003 dwar ‘L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti: l-għażla tal-multilateraliżmu’ (COM(2003)0526),

wara li kkunsidra r-rimarki tal-President tal-Kunsill Ewropew wara l-laqgħa tiegħu mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (SĠNU) fis-16 ta’ April 2012,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament fuq id-19-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet Umani tan-NU (UNHRC) (18),

wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC): naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar politiki esterni tal-UE favur id-demokratizzazzjoni (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar il-futur tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Afrika wara t-tielet Samit bejn l-UE u l-Afrika (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar l-10 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar il-Kooperazzjoni ċivili-militari u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ċivili-militari (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti (24),

wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni konġunta tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat dwar id-Drittijiet Umani tas-66 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-28 u d-29 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidra l-Artikoli 121(3) u 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0186/2012),

A.

billi l-valuri u n-normi internazzjonali komuni jimmiraw li jiżguraw il-paċi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà u l-prosperità fid-dinja, u li jaqsmu l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni fost kulħadd fuq bażi aktar ġusta;

B.

billi n-NU hija fil-qalba tal-governanza dinjija, filwaqt li fl-istess ħin qed tmexxi r-riformi tagħha stess sabiex iżżid it-trasparenza, l-effettività u l-effiċjenza;

C.

billi hemm ħtieġa li dejjem qed tikber għal regoli komuni u mekkaniżmi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet sabiex ikunu indirizzati b’mod konġunt sfidi globali emerġenti u l-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika dinjija;

D.

billi l-UE teħtieġ li ssaħħaħ il-koeżjoni tagħha sabiex tibqa’ attur ewlieni f’dinja dejjem aktar multipolari li teħtieġ azzjoni konġunta globali; billi l-Istati Membri tal-UE huma obbligati permezz tat-trattati li jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’organizzazzjonijiet internazzjonali u f’konferenzi internazzjonali;

E.

billi l-UE hija impenjata għal multilateraliżmu effettiv b'NU b'saħħitha fil-qalba tagħha, minħabba li dan huwa essenzjali sabiex jindirizza sfidi globali;

F.

billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar kontributuri finanzjarji tas-sistema tan-NU; billi l-UE-27 tiffinanzja 39 % tal-baġit regolari tan-NU u aktar minn 40 % tal-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi tan-NU;

G.

billi sħubija bejn l-UE u n-NU soda u stabbli hija fundamentali għax-xogħol tan-NU taħt it-tliet pilastri – paċi u sigurtà, drittijiet umani u żvilupp – u hija importanti ħafna wkoll għar-rwol tal-UE bħala attur globali;

H.

billi l-UE u n-NU huma sħab naturali fil-konsolidazzjoni tal-paċi u l-bini tal-istat, u flimkien jipprovdu qafas għal sforzi għall-konsolidazzjoni tal-paċi u l-bini tal-stat kollettivi;

I.

billi d-drittijiet umani u d-demokrazija huma valuri bażiċi tal-UE u prinċipji u objettivi tal-azzjoni esterna Ewropea, inkluż il-kummerċ internazzjonali; billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem huma pedamenti tal-unità u l-integrità Ewropea;

J.

billi l-ġustizzja u l-istat tad-dritt huma pilastri tal-paċi sostenibbli, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) jagħti kontribut deċiziv għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, għal-liġi internazzjonali u għall-ġlieda kontra l-impunità;

K.

billi l-pajjiżi kollha u ċ-ċittadini kollha, kif ukoll il-komunità internazzjonali stess, jibbenefikaw minn appoġġ kontinwu għal proċessi demokratiċi; billi qed jikkonfrontaw l-isfidi ta’ bini, restawr u preservazzjoni tad-demokraziji;

1.   Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

L-UE fin-NU

(a)

biex jikkoordina kemm jista’ jkun, biex jagħti pożizzjonijiet unifikati u jsaħħaħ il-koerenza u l-viżibbiltà tal-UE bħala attur globali fin-NU; biex jilħaq l-aspettattivi tal-membri tan-NU rigward l-abbiltà tal-UE li taġixxi u tagħti riżultati f’waqthom; biex jadotta approċċ wiesa’ u flessibbli fir-rigward tal-pożizzjonijiet fuq il-livell tal-NU dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) sabiex l-UE tingħata l-kapaċità li taġixxi b’mod rapidu u komprensiv fuq kwistjonijiet relatati mal-PESK;

(b)

biex iżid il-kontribuzzjoni tiegħu għax-xogħol tan-NU billi tintlaħaq interpretazzjoni komuni tar-riżoluzzjoni AĠNU dwar il-modi tal-parteċipazzjoni tal-UE fix-xogħol tal-AĠNU u billi jaħdem ma' sħab lejn l-implimentazzjoni bis-sħiħ tagħha; biex jippreżenta rapport lill-Parlament dwar l-applikazzjoni tagħha fil-prattika;

(c)

biex jaħdem ma’ Stati Membri tal-UE bl-għan li jtejjeb il-koordinazzjoni, it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) u d-difiża tal-pożizzjonijiet u l-interessi tal-UE fil-KSNU minn dawk l-Istati Membri li huma membri ta' dak il-korp, jew, alternattivament, minn rappreżentant tal-UE fuq l-istedina tal-President; biex isaħħaħ l-impatt tal-UE fuq deċiżjonijiet tal-KSNU u biex jgħolli l-profil tal-UE fin-NU dwar kwistjonijiet kruċjali tal-KSNU;

(d)

biex jiżgura rappreżentazzjoni b’saħħitha tal-UE fl-istituzzjonijiet tan-NU u aġenziji speċjalizzati kollha;

(e)

biex jiżviluppa strateġija fit-tul li timmira lejn sħubija fin-NU u biex ifittex diplomazija pubblika aktar b’saħħitha dwar l-affarijiet tan-NU;

L-UE u l-governanza globali

(f)

biex imexxi ’l quddiem multilateraliżmu effettiv bħala t-tħassib strateġiku prinċipali tal-UE, billi jtejjeb ir-rappreżentanza, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-effiċjenza u l-effettività tan-NU, bl-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tagħha fil-post; biex ifakkar il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ istituzzjonali bejn ir-rwol emerġenti tal-G-20, in-NU u l-aġenziji u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) tagħha; f’dan ir-rigward, biex itejjeb il-governanza globali u biex ifittex soluzzjonijiet bil-ħsieb li tittejjeb dejjem iktar il-koordinazzjoni bejn il-‘G-formations’ u s-sistema tan-NU, sakemm id-dimensjoni ekonomika tista’ tkun koperta b’mod utli minn dawn il-gruppi, dejjem jekk in-NU iżżomm ir-rwol ċentrali tagħha u tibqa’ l-korp leġittimu għall-azzjoni globali;

(g)

biex jinvolvi ruħu b’mod aktar attiv ma' sħab strateġiċi u sħab bilaterali u multilaterali oħra, speċjalment l-Istati Uniti, sabiex jippromwovi soluzzjonijiet effettivi għal problemi li jaffettwaw kemm iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll id-dinja f’sens ġenerali, inklużi dawk l-aktar fqar u vulnerabbli;

(h)

biex jappoġġja attivament riforma komprensiva tal-KSNU sabiex tissaħħaħ il-leġittimità, ir-rappreżentanza reġjonali u l-effettività tiegħu; biex ifakkar li l-għan li jkun hemm kwartieri tal-UE f’KSNU jibqa’ għan ċentrali u fit-tul tal-Unjoni Ewropea; biex jitlob lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President (RGħ/VP) jiżviluppa pożizzjoni komuni tal-Istati Membri għal dan il-fini; biex jikseb dak il-għan fil-futur, biex jaħdem fuq koordinazzjoni minn qabel ta’ pożizzjonijiet fil-Kunsill tal-UE dwar l-introduzzjoni ta’ membri ġodda tal-KSNU u dwar ir-riforma tal-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-KSNU;

(i)

biex jinvolvi aktar ruħu fir-riflessjoni mibdija fl-AĠNU fuq ir-rwol tan-NU fil-governanza dinjija, bl-għan li jittejbu t-trasparenza u l-kooperazzjoni: biex jippromwovi kooperazzjoni akbar bejn l-UE u l-AĠNU;

(j)

biex jgħin biex l-AĠNU tingħata ħajja ġdida, inter alia billi jappoġġja x-xogħol tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc, billi jiffaċilita dibattiti tematiċi aktar profondi u mmirati lejn ir-riżultati fuq kwistjonijiet topiċi importanti, u permezz ta’ involviment aktar mill-qrib tal-AĠNU ma’ partijiet interessati oħra, inklużi s-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet u forums internazzjonali u reġjonali oħra; biex jenfasizza l-ħtieġa għal aktar simplifikazzjoni tal-aġendi tal-AĠNU u l-kumitati ewlenin tagħha; biex jenfasizza l-fatt li r-rivitalizzazzjoni tista’ tkun żgurata biss jekk l-AĠNU tieħu azzjoni rilevanti u xierqa fuq kwistjonijiet ta’ tħassib komuni għall-komunità internazzjonali;

(k)

biex jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jiżgura li r-riżorsi finanzjarji tan-NU jkunu ġestiti b'mod effiċjenti u effettiv, skont il-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u koerenza, f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali;

Paċi u Sigurtà

Żamma tal-paċi u konsolidazzjoni tal-paċi

(l)

biex isaħħaħ is-sħubija operazzjonali u biex jippromwovi l-koerenza u l-effettività strateġika tal-isforzi kollettivi għall-konsolidazzjoni tal-paċi, inter alia permezz tax-xogħol tal-Kumitat Speċjali dwar l-Operazzjonijiet għaż-żamma tal-Paċi;

(m)

biex imexxi ’l quddiem il-kooperazzjoni u jibni sħubiji fil-qasam tal-prevenzjoni ta' konflitti u l-ġestjoni ta' kriżijiet ċivili u militari man-NU, l-OSKE, l-Unjoni Afrikana (UA), il-Lega Għarbija u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali oħra, kif ukoll mas-soċjetà ċivili; biex itejjeb il-kapaċitajiet tal-konsolidazzjoni tal-paċi tal-organizzazzjonijiet reġjonali, inter alia permezz tas-sħubiji bejn tlieta, proposti, UE-NU-UA u UE-NU-ECOWAS;

(n)

biex jippromwovi l-kollaborazzjoni ta’ atturi differenti fl-arkitettura tal-konsolidazzjoni tal-paċi, b’mod partikolari s-Segretarjat tan-NU, il-KSNU, l-AĠNU, u l-Istati Membri tan-NU involuti f’missjonijiet ta’ konsolidazzjoni tal-paċi; biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura li l-Istati Membri tal-UE jikkontribwixxu għall-missjonijiet ta’ paċi tan-NU b’kapaċitajiet speċjali, bħal trasport u loġistika, u taħriġ; biex jikkunsidra l-għażla li jniedi operazzjoni militari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), inkluż l-iskjerament possibbli ta’ grupp tattiku biex jiġi qabel missjoni ta’ paċi tan-NU jekk mitlub min-NU, waqt li jagħti attenzjoni speċjali lejn il-protezzjoni tal-membri kollha tal-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi u ta' kwalunkwe grupp tattiku; biex jappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità tal-prevenzjoni u tal-immaniġġjar ta’ konflitti kif ukoll tal-medjazzjoni, iż-żamma tal-paċi u l-konsolidazzjoni tal-paċi fuq livelli nazzjonali u sottonazzjonali; biex jippromwovi l-iskambju tan-‘know-how’ u prattiki tajba fost is-sħab;

(o)

biex jipprovdi appoġġ għall-Eżami tal-Kapaċità Ċivili tan-NU fl-identifikazzjoni ta’ modi prattiċi għat-tqabbil tad-domanda mal-provvista f’oqsma ta’ kapaċità ċivili kritiċi; biex iħaffef ir-reklutaġġ, jelimina inkompatibilitajiet operattivi u jevita d-duplikazzjoni meta jiġu skjerati kapaċitajiet ċivili tal-PSDK b’appoġġ tal-azzjonijiet tan-NU; biex jesplora għażliet għal skjerament konġunt ta’ timijiet għar-reazzjoni għall-kriżijiet fi ħdan operazzjoni tan-NU f’każijiet fejn ikunu meħtieġa kapaċitajiet ta’ skjerament mgħaġġel;

(p)

biex jiżgura l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istadji kollha tal-proċessi tal-paċi u biex jinvolvihom b’mod sistematiku fid-diplomazija preventiva, it-twissija bikrija u l-monitoraġġ tas-sigurtà; biex jiffoka, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1325(2000) tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, fuq il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-perspettivi tal-ġeneru fil-prevenzjoni tal-kunflitt, iż-żamma tal-paċi, l-operazzjonijiet, l-assistenza umanitarja, ir-rikostruzzjoni wara l-kunflitt u inizjattivi DDR (25); biex jaħdem b'mod attiv biex jiżgura l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU mill-istati membri kollha tan-NU;

(q)

biex jikkoopera man-NU biex jindirizzaw it-theddidiet globali attwali bħat-tibdil fil-klima, il-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, u l-pandemiji;

(r)

biex jikkontribwixxi għar-riżultat ta’ suċċess u s-segwitu tal-Konferenza tan-NU dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi tal-2012 u tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Armi Ħfief u ta’ Kalibru żgħir tal-2012;

Responsabbiltà għall-Protezzjoni (R2P)

(s)

biex jassissti l-istati biex iwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jħarsu l-popli tagħhom; jenfasizza l-bżonn għal azzjoni internazzjonali f'waqtha u adegwata għall-prevenzjoni u t-twaqqif tal-ġenoċidju, tindif etniku, reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità;

(t)

biex jiġġenera aktar progress politiku u internazzjonali fl-implimentazzjoni tal-kunċett R2P f’korpi tan-NU, b’mod partikolari fil-KSNU, l-AĠNU u l-UNHRC, billi jasal għal konklużjonijiet u jitgħallem kemm mill-intervent fil-Libya kif ukoll mill-inabbiltà li tittieħed azzjoni rapida fil-każ tas-Sirja; biex jiffaċilita d-dibattitu dwar kif il-korpi tan-NU, b’mod partikolari l-KSNU, jistgħu jużaw dan il-kunċett biex jiżguraw kooperazzjoni akbar bejn l-istati membri tan-NU waqt kriżijiet; biex imexxi ’l quddiem ir-rwol pożittiv tal-organizzazzjonijiet reġjonali, fl-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ approċċ operazzjonali għar-R2P;

(u)

jaħdmu mas-sħab biex jiżguraw li dan il-kunċett jiffoka fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u r-rikostruzzjoni wara kunflitt, bi qbil mal-diviżjoni bejn tliet partijiet tar-R2P fir-rigward tar-responsabbiltà li tipprevjeni, li tipproteġi u li tibni mill-ġdid; biex jgħin lill-Istati fil-bini tal-kapaċitajiet għal dan il-fini, inter alia billi isaħħaħ il-mekkaniżmi ta' twissija bikrija u l-kapaċitajiet relevanti ta' medjazzjoni tan-NU; biex iħeġġeġ, b’kooperazjoni mal-istati membri tan-NU, l-istabbiliment ta’ punti fokali biex jiġu ssorveljati sitwazzjonijiet ta’ konflitt emerġenti, u biex jibni kapaċitajiet rilevanti f’delegazzjonijiet tal-UE;

(v)

jerġgħu jikkonfermaw bil-qawwi l-impenn tal-UE għall-kunċett ta' R2P u biex jagħtu bidu għall-iżvilupp ta' konsensus interistituzzjonali dwar R2P bejn il-Parlament Ewropew, l-SEAE u l-Istati Membri tal-UE li jista' jiżgura azzjoni tal-UE aktar konsistenti fir-rigward ta' kwestjonijiet bħal dawn fil-forums tan-NU;

Medjazzjoni

(w)

biex jippromwovi medjazzjoni bħala għodda kosteffettiva fil-prevenzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll fil-prevenzjoni ta’ pajjiżi li għadhom kemm ħarġu minn konflitt milli jerġgħu jispiċċaw f’konflitt; biex jiżviluppa linji gwida ta’ medjazzjoni aktar effettivi fil-qasam tar-regola tal-liġi u r-responsabbiltà demokratika;

(x)

biex jagħti prijorità u jiżviluppa l-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument kif ukoll biex jiżviluppa l-kapaċitajiet ta’ medjazzjoni fis-SEAE, abbażi tal-Kunċett ta’ Tisħiħ tal-Medjazzjoni u l-Kapaċitajiet ta’ Djalogu tal-UE;

(y)

biex jikkoopera mill-qrib man-NU u ma’ atturi oħra fil-medjazzjoni; biex jistinka ħalli jintlaħqu sinerġiji fl-attivitajiet ta’ medjazzjoni mad-Dipartiment għall-Affarijiet Politiċi tan-NU (DPA); biex imexxi ’l quddiem sħubijiet u kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sottoreġjonali u n-NU, u bejn is-soċjetà ċivili, pereżempju, permezz ta' sħubija konġunta bejn l-UE u n-NU dwar il-kapaċitajiet ta’ medjazzjoni; biex itejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni sabiex jiżgura l-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-isforzi tal-atturi involuti f’medjazzjoni speċifika;

Ġustizzja Internazzjonali

(z)

biex issaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali; jenfasizza l-irwol tal-ICC fil-ġlieda kontra l-impunità u barra minn hekk biex jippromwovi l-ICC bħala l-uniku korp ġudizzjarju permanenti b'ġurisdizzjoni fuq individwi li nsatbu ħatja għal reati tal-gwerra, għal atti kriminali kontra l-unmanità u għall-ġenoċidju, meta l-qrati nazzjonali mhumiex kapaċi jew ma jixtiqux jagħmlu dan;

(aa)

biex isaħħaħ il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) permezz ta’ appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku; biex iħeġġeġ l-istati membri tan-NU kollha jingħaqdu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma; biex irawwem kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-Qorti u n-NU u l-korpi u l-aġenziji tagħha;

Drittijiet tal-Bniedem

(ab)

biex isaħħaħ l-isforzi internazzjonali bl-għan li jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem kollha li jaqgħu taħt il-konvenzjonijiet tan-NU jitqiesu bħala universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; biex jgħin biex jissaħħew il-kapaċitajiet nazzjonali għall-ilħuq tal-obbligi internazzjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li jiżgura d-dritt għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin għal kulħadd;

(ac)

b'mod attiv jappoġġja l-inizjattiva mmexxija mill-Afrika u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa billi jaħdem lejn l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-UNGA fl-2012 bil-ħsieb li tiġi pprojbita mutilazzjoni tal-ġenitali femminili (FGM) madwar id-dinja; jitlob lill-HR/VP u lill-Kummissjoni jagħtu l-akbar prijorità għall-iżgurar tas-suċċess ta' dan il-proċess;

(ad)

barra minn hekk jippromwovi l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-aspetti kollha tax-xogħol tan-NU, filwaqt li jafferma mill-ġdid il-fatt li d-drittijiet tal-bniedem huma intrinsikament marbuta mal-għanijiet l-oħra tan-NU dwar is-sigurtà u l-iżvilupp;

(ae)

biex jipparteċipa b’mod proattiv fix-xogħol tal-UNHRC billi jisponsorja bis-sħab riżoluzzjonijiet riżoluzzjonijiet, joħroġ stqarrijiet u jipparteċipa fi djalogi u dibattiti interattivi sabiex jiżgura bilanċ aħjar fil-ħidma tal-UNHRC;

(af)

biex itejjeb il-kapaċità ta’ twissija bikrija tal-Proċeduri Speċjali billi jipprovdi mekkaniżmu li jippermettilhom li awtomatikament jagħtu bidu għal kunsiderazzjoni ta’ qagħda mill-UNHRC; biex isaħħaħ il-proċess ta’ segwitu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Proċeduri Speċjali;

(ag)

biex ifittex li jsaħħaħ il-proċess ta’ Eżami Perjodiku Universali (EPU) billi jagħmel rakkomandazzjonijiet fi djalogi bilaterali u multilaterali ma’ stati membri tan-NU, u billi jibbaża dawn id-djalogi fuq u madwar normi u standards internazzjonali;

(ah)

biex ikompli l-isforzi tiegħu fil-AĠNU u l-kumitati tagħha fir-rigward tas-sejħa għal moratorju fl-użu tal-piena tal-mewt, li għadha tirċievi appoġġ dejjem ikbar minn numru ta’ pajjiżi li qed jiżdied, u fir-rigward tad-drittijiet tat-tifel jew tifla, tal-midja ħielsa u t-tolleranza reliġjuża; biex jappoġġa l-isforzi kollha biex tinqered it-tortura; b' mod partikolari biex iħeġġeġ l-adozzjoni tal-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni dwar it-Tortura tan-NU;

Appoġġ għad-demokrazija

(ai)

biex jgħin biex jiżgura sjieda tal-proċess demokratiku u l-iżvilupp ta’ kultura ta’ demokrazija u l-istat tad-dritt; biex jespandi l-appoġġ għad-demokrazija lil hinn mill-proċess ta’ elezzjoni sabiex isostnih fit-tul u jkun kapaċi jagħti riżultati tanġibbli liċ-ċittadini; biex jiżgura inklużjoni akbar mill-parlamenti u partiti politiċi fi programmi li jappoġġaw id-demokrazija; biex jenfasizza l-importanza ta' NGOs indipendenti li jistgħu jiffunzjonaw liberament għall-iżvilupp ta' kultura ċivika qawwija;

(aj)

biex jiffoka fuq l-inklużjoni soċjali u ekonomika, il-proċessi ta’ tranżizzjoni demokratika u politika/elettorali, il-bini ta’ kapaċità, it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’demokrazija parlamentari u l-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni, libertà ta’ kuxjenza u libertà tar-reliġjon u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa, inkluż f'termini tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika u soċjali, fl-livell kemm ta’ prassi soċjali kif ukoll ta’ leġiżlazzjoni;

(ak)

biex jintegra aħjar l-appoġġ għad-demokrazija fl-azzjoni esterna Ewropea; biex jappoġġaw il-governanza demokratika permezz tad-diversi strumenti finanzjarji tiegħu, billi juża ir-riżorsi tad-delegazzjonijiet tal-UE meta jkun possibbli; biex jaħdem globalment u lokalment man-NU u ma’ sħab oħra sabiex isaħħaħ l-istat tad-dritt, iħeġġeġ il-midja indipendenti u jibni u jsaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi li jistgħu jagħtu riżultati tajbin;

(al)

biex jiżgura li l-mandati tal-missjonijiet taż-żamma tal-paċi jirriflettu l-bżonn għall-appoġġ ta’ missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali u biex jipprovdihom il-mezzi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-osservaturi fuq il-post;

Żvilupp

(am)

biex jintegra l-politiki tal-UE relatati mal-iżvilupp fuq kull livell, sabiex jiġu evitati kontradizzjonijiet bejn politiki li huma favur l-iżvilupp min-naħa waħda u ostakoli għall-iżvilupp tal-pajjiżi sħab fi ftehimiet u forums bilaterali, plurilaterali u multilaterali, min-naħa l-oħra; biex jagħti attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-bniedem u l-implikazzjonijiet tal-iżvilupp fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u waqt negozjati fil-livell tal-WTO;

(an)

biex ikompli jaħdem biex iċ-ċittadini jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-proċess tal-iżvilupp; biex isegwi d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp, billi jiffoka fuq passi prattiċi għall-implimentazzjoni tagħha;

(ao)

biex jiżgura li ma jitnaqqasx is-sehem globali tal-għajnuna Ewropea mgħotija permezz tal-baġit tal-UE u li din tibqa' ffukata fuq il-faqar u l-ġuħ; biex jikkunsidra li jiddedika 20 % mit-total tal-assistenza tal-UE lil servizzi soċjali bażiċi, kif definiti min-NU, b’enfasi partikolari fuq l-aċċess ħieles u universali għall-kura tas-saħħa primarja u l-edukazzjoni bażika, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-appoġġ tal-UE għall-inizjattiva "Edukazzjoni għall-Kulħadd", u l-impenn tiegħu li jaqdi rwol fis-saħħa globali;

(ap)

biex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koerenza politika fl-iżvilupp u biex itejjeb l-effettività tal-iżvilupp, minħabba li dawn jibqgħu kwistjonijiet ewlenin għall-kisba tal-MDGs;

(aq)

biex imexxi u jħaffef l-isforzi fin-NU biex jintlaħqu l-MDGs billi ssir enfasi partikolari fuq dawk l-għanijiet li s'issa l-inqas li sar progress fir-rigward tal-ilħuq tagħhom;

(ar)

filwaqt li jibqa' impenjat biex jeqred il-faqar b'kollaborazzjoni mal-komunità internazzjonali, biex jaħdem lejn definizzjoni tal-Aġenda MDG ambizzjuża għal wara l-2015, b'kunsiderazzjoni għall-progress li sar iżda wkoll għall-isfidi li għad iridu jiġu indirizzati;

(as)

biex ikompli jsegwi, u jaħdem lejn l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżultat tal-Konferenza Rio+20 tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, inter alia billi jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli bħala l-prinċipju ta’ gwida għal żvilupp globali fit-tul;

(at)

biex joħloq bord tan-NU ta’ persuni eminenti;

(au)

biex isegwi b'mod attiv il-konklużjonijiet adottati f’Busan;

(av)

biex jagħti kontribut sinifikanti għall-ġlieda kontra l-ispekulazzjoni tal-ikel u għas-soluzzjoni tal-problema urġenti tal-faqar u l-ġuħ;

(aw)

biex jgħati prijorità lis-sigurtà tal-ikel, il-kapaċità produttiva fl-agrikoltura, l-infrastruttura, il-bini tal-kapaċità, it-tkabbir ekonomiku inklużiv, is-swieq favorevoli u n-negozji ġodda, l-aċċess għat-teknoloġiji, u l-iżvilupp uman u soċjali f'LDCs, skont il-Programm ta’ Azzjoni ta' Istanbul u l-konklużjonijiet adottati fit-13-il sessjoni tal-UNCTAD f’Doha fis-26 ta’ April 2012;

(ax)

biex itenni l-impenn tiegħu għall-prinċipji ta’ Ruma dwar is-sigurtà tal-ikel; biex jiddeplora l-konsegwenzi tal-ispekulazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel;

(ay)

biex iħeġġeġ il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-appoġġ tad-donaturi internazzjonali, sabiex jieħdu miżuri fuq perjodu ta’żmien twil biex jiżguraw li n-nixfa ma twassalx b'mod inevitabbli għall-ġuħ; biex jimplimentata strateġiji għat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u sistemi ta’ twissija bikrija;

(az)

biex jappoġġa bis-sħiħ ir-rwol ewlieni tan-NU, u partikolarment tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji;

(ba)

biex jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE fuq perjodu ta’żmien twil għall-appoġġ tal-benesseri tan-nies fil-Qarn tal-Afrika u biex jiġu indirizzati l-fatturi li jikkawżaw in-nuqqas ta’ sigurtà strutturali fil-qasam tal-ikel u l-konflitti;

It-tibdil fil-klima, il-protezzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali globali

(bb)

biex jieħu l-inizjattiva fil-qasam tal-governanza globali fuq il-klima u l-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima; biex jikkontribwixxi lejn arkitettura istituzzjonali li hija inklużiva, trasparenti u ekwitabbli li tipprovdi għal rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ pajjżi kemm żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw tal-korpi governattivi relevanti; biex barra minn hekk ikompli jiżviluppa djalogu mal-atturi ewlenin, bħall-pajjiżi BRICS u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li bidla fil-klima sar element ewlieni tar-relazzjonijiet internazzjonali; biex barra minn hekk ikompli jiżviluppa l-kapaċitajiet tas-SEAE biex ifassal politika ta' diplomazija tal-EU dwar il-klima;

(bc)

biex ikompli jagħti s-setgħa liċ-ċittadini fil-governanza ambjentali permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-Prinċipju 10 ta’ Rio; biex f’dan ir-rigward, jespandi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus lil hinn mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) permezz ta’ konvenzjoni globali jew billi l-Konvenzjoni ta’ Aarhus tinfetaħ għal partijiet barra min-NU/KEE; biex jippromwovi governanza mtejba fl-iżvilupp sostenibbli, inter alia billi jsaħħaħ il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP); biex b'mod attiv jikkoopera mas-sħab għal infurzar globali aktar b'saħħtu tal-liġijiet ambjentali;

(bd)

biex jagħti spinta lill-pożizzjoni konġunta tal-UA u l-UE favur l-aġġornament tal-UNEP għal aġenzija speċjalizzata tan-NU bil-kwartieri tagħha fin-Najrobi, il-Kenja; biex jindirizza, fi ħdan dan il-qafas istituzzjonali ġdid, il-kwistjonijiet ta’ finanzjament, trasferiment ta’ teknoloġija u l-bini tal-kapaċità għall-iżvilupp sostenibbli;

(be)

biex jappoġġja l-bijodiversità u l-protezzjoni tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bi qbil mal-objettivi stabbiliti skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika; biex l-ibħra u l-oċeani jsiru wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Qafas ta’ Rio, flimkien mal-protezzjoni tal-klima u tal-bijodiversità;

(bf)

biex jappoġġa l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni fid-dibattitu li għaddej dwar il-Lakuni fil-Protezzjoni u r-Rispons imnedi mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) bħala parti mid-Djalogu tal-2010 tal-Kummissarju Għoli dwar l-Isfidi fil-Protezzjoni, li huwa mmirat biex itejjeb il-protezzjoni internazzjonali eżistenti għal nies li ġew spostati b’mod sfurzat u li sfaw mingħajr stat; biex jipparteċipa attivament fid-dibattitu dwar it-terminu ‘rifuġjat minħabba t-tibdil fil-klima’ (intiż biex jiddeskrivi nies li huma sfurzati li jitilqu mid-djar tagħhom u jfittxu rifuġju f’pajjiż ieħor bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima), inkluża definizzjoni legali possibli ta’ dan it-terminu, li għad mhuwiex rikonoxxut fil-liġi internazzjonali jew fi ftehim internazzjonali li huwa legalment vinkolanti;

Kwistjonijiet varji

(bg)

biex jippromwovi l-interazzjoni fi kwistjonijiet globali bejn il-gvernijiet u l-parlamenti u jinkoraġġixxi dibattitu dwar ir-rwol globali tal-parlamenti; biex isaħħaħ in-natura demokratika, ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-governanza globali u jippermetti parteċipazzjoni pubblika u parlamentari akbar fl-attivitajiet tan-NU;

2.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-RGħ/VP, lill-Kunsill u, għal finijiet ta’ informazzjoni, lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0255.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0229.

(3)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 11298/2011.

(4)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/256 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(5)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/209 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(6)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/253 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(7)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/224 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(8)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/223 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(9)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/219 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(10)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/210 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(11)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/163 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(12)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/59 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(13)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/159 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(14)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/151 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(15)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/66/167 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(16)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/65/276 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(17)  Ir-Riżoluzzjoni A/RES/64/236 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(18)  Testi adottati, P7_TA(2012)0058.

(19)  Testi adottati, P7_TA(2011)0507.

(20)  Testi adottati, P7_TA(2011)0334.

(21)  Testi adottati, P7_TA(2010)0482.

(22)  ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 56.

(23)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 7.

(24)  ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 549.

(25)  Id-diżarm, id-demobilizzazzjoni, l-inklużjoni mill-ġdid u reintegrazzjoni.