19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/11


Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2012 dwar strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal

2012/C 393/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JILQA' B'INTERESS:

l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-“Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal” (1) fit-2 ta' Mejju 2012 u JAPPROVA l-attenzjoni tal-istrateġija fuq erba' pilastri ta' azzjoni: (1) l-istimolu tal-kontenut ta’ kwalità tal-Internet għat-tfal, (2) l-intensifikazzjoni ta' sensibilizzazzjoni u responsabbilizzazzjoni, (3) il-ħolqien ta’ ambjent online sikur għat-tfal u (4) l-ġlieda kontra materjal online ta' abbuż sesswali fuq it-tfal;

IFAKKAR:

fl-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2) li tistabbilixxi bħala wieħed mill-objettivi tagħha l-kisba ta' protezzjoni ta' livell għoli għat-tfal fid-dinja diġitali, filwaqt li tappoġġa bis-sħiħ id-dritt tagħhom li jaċċessaw l-Internet għall-benefiċċju tal-iżvilupp soċjali u kulturali tagħhom;

fl-importanza tal-Programmi għal Internet Aktar Sikur li permezz tagħhom l-UE sa mill-1999 kkoordinat u appoġġat sforzi biex l-Internet isir post aktar sikur għat-tfal, kif ukoll ir-rwol kruċjali taċ-Ċentri ta' Internet Aktar Sikur;

fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (3) li l-azzjonijiet tagħha jimmiraw, inter alia, li jtejbu l-litteriżmu medjatiku (4), b'mod partikolari l-kompetenza diġitali (5), l-inklużjoni diġitali, kif ukoll jinkoraġġixxu l-innovazzjoni teknoloġika u l-ħolqien ta' impjiegi, u b'hekk jikkontribwixxu għal suq uniku diġitali;

JENFASIZZA:

1.

ir-rilevanza li għad għandhom il-konklużjonijiet tiegħu tal-2011 dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali (6) li fihom stiednet lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-industrija biex jieħdu azzjonijiet biex joħolqu ambjent online sikur għat-tfal, kif ukoll jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiġi miġġieled il-kontenut illegali, bħal immaġni ta' abbuż sesswali tat-tfal;

2.

l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (7), li l-Istati Membri jridu jimplimentaw;

3.

li peress li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2011 u d-Direttiva 2011/93/UE jkopru azzjonijiet b'mod estensiv taħt it-tielet u r-raba' pilastru tal-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal, dawn il-konklużjonijiet attwali ser jikkonċentraw l-iktar fuq il-kwistjonijiet li tqajmu taħt l-ewwel u t-tieni pilastru tal-Istrateġija Ewropea;

4.

li dawn il-konklużjonijiet u dawk tal-2011 huma komplementari u jikkostitwixxu tweġiba globali tal-Kunsill għall-Istrateġija Ewropea proposta mill-Kummissjoni;

JIEĦU NOTA TA':

1.

l-istabbiliment, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, tal-“Coalition to make the Internet a better place for kids” (Koalizzjoni biex l-Internet isir post aħjar għat-tfal) u l-pjan ta' ħidma tagħha biex isir progress u jinkisbu r-riżultati fil-ħames oqsma ta' azzjoni (għodod ta' rappurtar, konfigurazzjonijiet tal-privatezza addattati skont l-età, klassifikazzjoni tal-kontenut, kontroll mill-ġenituri, tneħħija tal-materjal tal-abbuż fuq it-tfal) (8);

2.

il-proposti tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” (9) u għal Regolament għal netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej (10) li jipprevedi finanzjament għal infrastruttura ta' servizzi tal-Internet Aktar Sikur, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali;

3.

il-proposti tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-“Orizzont 2020” (11) li jipprevedi finanzjament għar-riċerka inter alia fl-oqsma assoċjati mal-interazzjoni tat-tfal u l-Internet u għal Regolament li jistabbilixxi “Erasmus għal Kulħadd” (12) li jipprevedi finanzjament għal inizjattivi għal kompetenza medjatika u diġitali fl-edukazzjoni;

4.

l-appell tal-Kummissjonijiet biex l-Istati Membri jaħtru rebbieħ diġitali nazzjonali li l-ħidma tiegħu jkollha l-għan li tippromwovi l-benefiċċji ta' soċjetà diġitali inklużiva (13);

5.

il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa taħt l-istrateġija tiegħu ta' governanza tal-Internet (2012-2015) fir-rigward tal-protezzjoni u l-awtodeterminazzjoni tat-tfal fuq l-Internet;

6.

il-kisbiet u l-prassi ferm pożittivi tal-proġetti eżistenti fil-livell nazzjonali, li jappoġġaw għanijiet simili bħall-ħolqien ta' kontenut ta' kwalità online għat-tfal, jew il-protezzjoni ta' minorenni, pereżempju, permezz ta' għodod ta' kontroll, sensibilizzazzjoni u responsabbilizzazzjoni;

JENFASIZZA LI:

1.

in-natura interattiva u ubikwa tal-Internet toffri ħafna opportunitajiet għall-iżvilupp ta' litteriżmu medjatiku, b'mod partikolari l-kompetenzi diġitali, li jassistu l-ħsieb kritiku, il-ħiliet analitiċi, l-innovazzjoni u l-kreattività. L-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku, b'mod partikolari l-kompetenzi diġitali, huwa importanti biex it-tfal jadattaw b'mod sigur għat-tekonoloġiji l-ġodda li qed jevolvu l-ħin kollu, u b'mod aktar ġenerali biex jagħtu forma lid-dinja tagħhom b'mod sigur u kreattiv;

2.

l-effetti fit-tul fuq is-soċjetajiet tagħna tan-nuqqas ta' investiment f'politiki li jaffettwaw lit-tfal jistgħu jkunu serji (14), li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet partikolari tat-tfal fuq l-Internet, u biex l-Internet isir post ta' opportunità għat-tfal kollha tal-Ewropa irrispettivament mill-isfond etniku, kulturali u soċjali, u għat-tfal b'diżabbiltà u bżonnijiet speċjali, bil-għan li jitnaqqsu d-differenzi diġitali li hemm attwalment;

3.

huwa importanti li tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni tal-attivitajiet mnedija taħt l-Istrateġija Eropea kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, filwaqt li tiġi promossa interazzjoni bejn il-partijiet interessati li tinvolvi b'mod partikolari t-tfal, id-dipartimenti tal-gvern, l-istituzzjonijiet kompetenti, l-NGOs u l-industrija; eżempju ta' kooperazzjoni msaħħa fil-livell Ewropew hu li tiġi żgurata koordinazzjoni kontinwa u aktar intensiva tal-ħidma magħmula fi ħdan in-netwerk iffinanzjat mill-UE ta' Ċentri ta' Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri;

4.

l-awtoregolamentazzjoni hija importanti għax l-Internet huwa ambjent li jinbidel malajr li jeħtieġ flessibbiltà biex ma jiġux ristretti il-potenzjal tiegħu li jikber u l-abbiltà għal adattament; madankollu biex tkun effettiva, l-awtoregolamentazzjoni teħtieġ li tkun sorveljata u evalwata independentament kif ukoll tkun ikkombinata mill-qrib ma' inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni u għoti ta' setgħa;

JIRRAKKOMANDA LI TITTIEĦED AZZJONI FL-OQSMA LI ĠEJJIN:

QASAM 1: Kontenut ta' aktar kwalità fuq l-Internet għat-tfal

META JITQIES LI:

1.

it-tfal huma esposti għall-Internet minn firxa dejjem akbar ta' apparati u f'età dejjem iżgħar, iżda spiss ma jsibux biżżejjed kontenut ta' kwalità adegwat għall-età tagħhom;

2.

it-terminu “kontenut ta' kwalità tal-Internet għat-tfal” għandu jinftiehem bħala l-kontenut li b'xi mod huwa ta' benefiċċju għat-tfal - pereżempju billi jżid l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom b'enfasi speċjali fuq il-kreattività - minbarra li jkun attraenti u jista' jintuża minnhom, affidabbli u sikur, u jekk rilevanti, kontenut li jagħmel ir-reklamar jew il-komunikazzjoni kummerċjali identifikabbli b'mod ċar bħala tali (15);

3.

id-disponibbiltà ta' kontenut ta' kwalità fuq l-Internet għat-tfal jista' jżid l-użu aħjar mit-tfal tal-Internet u jista' jiffaċilita b'mod sinifikanti l-penetrazzjoni u l-użu attiv tal-Internet bil-broadband fid-djar fl-UE (16) u vice versa;

4.

iż-żieda fis-sensibilazzjoni, il-kunfidenza u l-fiduċja tal-konsumaturi (tfal, ġenituri u edukaturi) fl-użu tal-kontenut f'diversi pajjiżi u ta' apparati li jistgħu jnaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq diġitali uniku, filwaqt li jirrispetta l-ispeċifiċitajiet lingwistiċi u kulturali ta' kull Stat Membru;

5.

il-promozzjoni, il-produzzjoni u t-tixrid ta' kontenut ta' kwalità tal-Internet jirrikjedu kooperazzjoni dinamika u mill-qrib bejn produtturi ta' kontenut pubbliċi u privati, l-esperti fis-sikurezza tat-tfal fuq l-Internet (pereżempju NGOs u ċentri ta' sikurezza fuq l-Internet), il-fornituri ta' servizzi tal-Internet u dawk li għandhom rwol fl-edukazzjoni tat-tfal (pereżempju ġenituri u għalliema), kif ukoll it-tfal infushom;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, LILL-KUMMISSJONI U LILL-INDUSTRIJA, FL-ISFERI RISPETTIVI TAL-KOMPETENZA TAGĦHOM, BIEX:

1.

iħeġġu l-innovazzjoni permezz tal-użu ta' software minn sorsi miftuħa u standards miftuħa għall-produzzjoni ta' kontenut online ta' kwalità mit-tfal u għalihom billi jiġu appoġġati proġetti u inizjattivi, inkluż l-iżvilupp ta' pjattaformi interoperabbli, li permezz tagħhom jingħata aċċess għal tali kontenut;

2.

jikklassifikaw aspetti kwantitattivi u kwalitattivi ta' kontenut fuq l-Internet permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' klassifikazzjoni tal-kontenut u skont l-età (inkluża klassifikazzjoni bbażata fuq is-sodisfazzjon tal-utent u l-analiżi mill-esperti) li huma affidabbli u paragunabbli f'pajjiżi u apparati differenti, filwaqt li jkunu permessi differenzi ta’ bażi kulturali bejn l-Istati Membri;

3.

jinvestigaw modi kif jiġi ttrattat l-ostaklu tal-lingwi meta jinħoloq kontenut ta' kwalità tal-Internet pereżempju permezz ta' traduzzjonijiet awtomatiċi mtejba, u b'hekk jikkontribwixxi għall-ħolqien tas-suq uniku diġitali;

QASAM 2: Intensifikazzjoni tas-sensibilizzazzjoni u tal-awtodeterminazzjoni

META JITQIES LI:

biex it-tfal ikunu jistgħu jużaw l-Internet b'mod sikur, jenħtieġ, min-naħa l-waħda, li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-għodda tekniċi li jagħmlu possibbli n-navigazzjoni sikura tal-Internet, u min-naħa l-oħra, li t-tfal jiġu mogħnija bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi adatti biex huma jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-ambjent online b'mod effettiv u responsabbli;

is-settur tal-edukazzjoni kif ukoll il-ġenituri għandhom rwol importanti xi jwettqu biex jgħinu lit-tfal jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-Internet b'mod kreattiv u ta' benefiċċju, kif ukoll li jidentifikaw u jittrattaw ir-riskji li jiltaqgħu magħhom fuq l-Internet. Madankollu, huwa wkoll rikonoxxut li l-għalliema u l-ġenituri nfushom jeħtieġu l-appoġġ u t-taħriġ mhux biss biex ilaħħqu mal-bidliet rapidi u imprevedibbli fil-ħajja virtwali tat-tfal, iżda wkoll mat-teknoloġiji l-ġodda li qed jevolvu l-ħin kollu;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

1.

jintensifikaw l-implimentazzjoni ta' strateġiji sabiex jiġi inkluż it-tagħlim dwar is-sikurezza fuq l-Internet u l-kompetenzi diġitali fl-iskejjel, biex jinkoraġġixxu l-użu tal-Internet fis-suġġetti skolastiċi kollha u f'dan ir-rigward jappoġġaw taħriġ adegwat tal-għalliema;

2.

isaħħu l-kisba tal-kompetenzi diġitali mill-ġenituri u mit-tfal fil-kuntest tat-tagħlim informali u dak mhux formali, inkluż f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ permezz ta' ħaddiema maż-żgħażagħ li jkunu mħarrġa adegwatament;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

3.

jappoġġaw b'mod attiv il-parteċipazzjoni tat-tfal meta dawn jiżviluppaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni nazzjonali u pan-Ewropej, leġiżlazzjoni jew miżuri u attivitajiet oħrajn b’impatt fuq l-attivitajiet tat-tfal fuq l-Internet, billi pereżempju jkomplu l-appoġġ għall-Gruppi nazzjonali taż-Żgħażagħ imħaddma miċ-Ċentri tal-Internet Aktar Sikur;

4.

jiżviluppaw aktar il-litteriżmu medjatiku, b'mod partikolari l-kompetenzi diġitali u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni fil-livell nazzjonali u f'dak pan-Ewropew;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, LILL-KUMMISSJONI U LILL-INDUSTRIJA, FL-ISFERI RISPETTIVI TAL-KOMPETENZA TAGĦHOM, BIEX:

5.

jappoġġaw sħubiji pubbliċi-privati biex jintensifikaw is-sensibilizzazzjoni u r-responsabbilizzazzjoni, filwaqt li jenfasizzaw l-opportunitajiet offruti mill-Internet, fil-livell nazzjonali u dak tal-UE, li jilħqu lill-ġenituri u lit-tfal fl-isfondi soċjali, etniċi u kulturali kollha, inklużi tfal minn sfondi soċjo-ekonomikament żvantaġġati u tfal bi bżonnijiet speċjali;

6.

ikomplu jipprovdu evidenza u fehim tal-imġiba tat-tfal fuq l-Internet u tal-impatti ta' servizzi u teknoloġiji fuq l-użu tal-Internet mit-tfal;

7.

itejbu l-għodod ta' kontroll mill-ġenituri biex dawn jaħdmu b'mod effiċjenti fuq kwalunkwe apparat u jkunu interoperabbli u disponibbli fl-akbar għadd ta' lingwi possibbli, u biex jiżviluppaw strateġiji biex il-ġenituri jsiru konxji tal-eżistenza ta' għodod ta' kontroll mill-ġenituri, b'kont meħud tad-dritt tat-tfal għall-privatezza, l-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni;

8.

jikkoordinaw rappurtar standardizzat minimu u komuni ta' kategoriji ta' kontenut ta' ħsara u kriterji tal-prestazzjoni għall-proċeduri ta' rappurtar sabiex jagħmluhom paragunabbli, trasparenti u li jistgħu jintużaw f'pajjiżi u apparati differenti;

9.

jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-istabbiliment, l-użu u l-monitoraġġ ta' mekkaniżmi effettivi ta' rappurtar ta' kontenut ta' ħsara u ta' segwitu, biex isaħħu l-kooperazzjoni fi ħdan l-industrija u mal-aġenziji tal-gvern, l-NGOs u hotlines u jiżguraw l-użu ta' mekkaniżmi u pjattaformi u apparati rilevanti meħtieġa għall-kooperazzjoni internazzjonali;

10.

jimplimentaw u jeżegwixxu inizjattivi awtoregolatorji eżistenti dwar reklamar online u jżommuhom aġġornati rigward forom ġodda ta' reklamar.

JISTIEDEN LILL-INDUSTRIJA BIEX:

11.

timplimenta parametri ta' privatezza prestabbiliti awtomatikament u tiżviluppa u timplimenta modi effettivi kif it-tfal u l-ġenituri jiġu infurmati dwar il-parametri tal-privatezza online tagħhom;

12.

tiżviluppa aktar inizjattivi awtoregolatorji dwar reklamar online;

Sabiex jiġi żgurat segwitu effettiv għal dawn il-konklużjonijiet, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA jistieden

1.

lill-Koalizzjoni CEO biex tippreżenta lill-Kunsill ir-rapport finali tagħha, mistenni għal Jannar 2013;

2.

lill-Kummissjoni biex tipprovdi rispons u informazzjoni frekwenti dwar il-progress rigward l-azzjonijiet imniżżla fl-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal, partikolarment b'rabta mal-valutazzjoni komparattiva u l-proċessi ta' evalwazzjoni li għandhom isiru sabiex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea;

3.

lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, biex jagħmlu użu adegwat mill-programmi ta' finanzjament eżistenti u futuri tal-UE għall-kisba tal-miri tal-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal f'kull wieħed mill-erba' pilastri u ta' dawn il-konklużjonijiet.


(1)  COM(2012) 196 final — dok. 9486/12.

(2)  COM(2011) 60 final — dok. 7226/11.

(3)  9981/10 REV 1 (COM(2010) 245 final/2).

(4)  Il-litteriżmu medjatiku hija “l-kapaċità li persuna taċċessa l-medja u tifhem, tevalwa b'mod kritiku, toħloq u tikkomunika kontenut tal-medja” (Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar il-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali — ĠU C 301, 11.12.2009, p. 12).

(5)  “(…) Il-kompetenza diġitali teħtieġ konoxxenza u għarfien sodi tan-natura, ir-rwol u l-opportunitajiet tal-IST fil-ħajja ta' kuljum (…) u konoxxenza tal-opportunitajiet u riskji potenzjali li joffru l-Internet u l-komunikazzjoni permezz tal-medja elettronika (posta elettronika, għodod tan-networks) (…). Il-ħiliet meħtieġa jinkludu l-kapaċità li persuna tfittex, tiġbor u tipproċessa t-tagħrif u tagħmel użu minnu b'mod kritiku u sistematiku (…). Individwi għandhom ikunu wkoll kapaċi jużaw l-IST bħal appoġġ għal ħsieb kritiku, il-kreattività u l-innovazzjoni (…).” (Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2006/962/KE), ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

(6)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 15.

(7)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1, u r-rettifika għad-Direttiva (ĠU L 18, 21.1.2012, p. 7).

(8)  Il-koalizzjoni hija inizjattiva mmexxija mill-industrija li l-membri tagħha huma kumpaniji tal-ICT u medjatiċi f'livell Ewropew u dak dinji (http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/docs/ceo_coalition/ceo_coalition_statement.pdf).

(9)  16176/11.

(10)  16006/11.

(11)  17933/11.

(12)  17188/11.

(13)  Għall-informazzjoni: https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/digital-champions;

https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/about-0

(14)  Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

(15)  Abbażi ta': “Il-produzzjoni u l-provvediment ta' kontenut fuq l-Internet għat-tfal u ż-żgħażagħ — Inventarju”, http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/docs/competition/final_draft.pdf

(16)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar il-Broadband (SWD(2012) 68 final), p. 17.