15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/9


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv

2012/C 169/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

1.   WAQT LI JFAKKRU:

1.

fil-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (1), adottat fl-20 ta’ Mejju 2011, li enfasizza l-ġlieda kontra d-doping bħala tema ta’ prijorità u li stabbilixxa Grupp ta’ Esperti dwar l-antidoping,

2.

fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport tal-11 ta’ Lulju 2007 (2) li appellat lill-atturi kollha b’responsabbiltà għas-saħħa pubblika biex iqisu l-aspetti tar-riskju tad-doping, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Jannar 2011 dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (3), li ddikjarat li d-doping jibqa’ theddida importanti għall-isport u li l-użu ta’ sustanzi tad-doping minn atleti dilettanti joħloq perikoli serji għas-saħħa pubblika u tappella għal azzjoni preventiva, inkluż fiċ-ċentri tas-saħħa fiżika,

3.

li l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-isport għandha tkun fil-mira, fost l-oħrajn, waqt li tiġi protetta l-integrità fiżika u morali tal-atleti nisa u rġiel, speċjalment l-iżgħar fosthom,

2.   WAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:

1.

Id-doping fl-isport rikreattiv u f’ambjenti tal-isport rikreattiv bħaċ-ċentri tas-saħħa fiżika, huwa problema importanti fl-Istati Membri kollha tal-UE li:

thedded is-saħħa tal-utenti individwali tad-doping

thedded lil persuni fl-ambjent immedjat tal-utenti tad-doping

tagħmel il-ħsara lill-integrità tal-isport rikreattiv

hija marbuta ma’ fenomeni soċjali negattivi, inklużi attivitajiet kriminali bħat-traffikar illegali ta’ sustanzi tad-doping

b’mod partikolari taffettwa liż-żgħażagħ,

2.

L-għarfien tad-doping fl-isport rikreattiv, li jinkludi l-ambitu u d-daqs tal-problema u miżuri effettivi tal-prevenzjoni, l-edukazzjoni, il-kontroll, is-sanzjonar u l-irkupru mill-abbuż ta’ sustanzi, huwa limitat kemm f’livell tal-UE kif ukoll f’livell internazzjonali, (4)

3.

Filwaqt li l-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-ġlieda kontra d-doping fl-isports tal-elite hija żviluppata sew, il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv, bejn l-Istati Membri tal-UE kif ukoll internazzjonalment, s’issa kienet limitata,

4.

Il-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv m’għandhiex tiddevja l-attenzjoni mill- ġlieda kontra d-doping fl-isports tal-elite, iżda pjuttost tissupplimenta l-isforzi għall-iżgurar ta’ ambjenti sportivi nodfa u siguri fil-livelli kollha,

5.

Filwaqt li l-motiv ewlieni għall-użu tad-doping fl-isport tal-elite huwa t-tisħiħ tal-prestazzjoni, l-istudji juru li l-utenti tad-doping fl-isports rikreattiv għandhom ukoll firxa ta’ motivi oħrajn, inklużi l-estetika, il-bini tal-fiduċja fihom infushom u li l-esperjenzar tal-ewforija mill-użu ta’ sustanzi tad-doping, u l-problema tad-doping fl-isport rikreattiv għandhom għaldaqstant jinftehmu u jiġu ttrattati,

6.

Filwaqt li l-Kodiċi Dinji Kontra d-Doping (il-Kodiċi) jiffoka fuq il-ġlieda kontra d-doping fl-isports tal-elite internazzjonali u nazzjonali, il-Kodiċi jiddikjara wkoll li xi Organizzazzjonijiet Nazzjonali Kontra d-Doping (NADOs) jistgħu jagħżlu li jittestjaw u japplikaw regoli kontra d-doping għal-livell rikreattiv jew il-kompetituri ewlenin, iżda li l-NADOs mhumiex meħtieġa li japplikaw l-aspetti kollha tal-kodiċi għal tali persuni u minflok jistgħu jistabbilixxu regoli nazzjonali speċifiċi għall-kontroll tad-doping għal kompetituti tal-livell mhux internazzjonali jew tal-livell mhux nazzjonali mingħajr ma jkunu f’konflitt mal-Kodiċi (5),

3.   JAPPELLAW LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE BIEX:

1.

Jinkoraġġixxu u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ programmi edukattivi, kampanji ta’ informazzjoni jew miżuri preventivi oħra rigward id-doping fl-isport rikreattiv u kwistjonijiet relatati li jistgħu jiġu applikati mill-movimenti sportivi, mis-settur tas-saħħa fiżika, u mis-sistema edukattiva u s-settur tas-saħħa,

2.

Jippromwovu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-moviment sportiv u s-settur tas-saħħa fiżika, pereżempju permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prevalenza u l-prevenzjoni u permezz tal-iżvilupp ta’ proġetti konġunti, linji gwida u regolamenti fil-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv,

3.

Jinkoraġġixxu kondiviżjoni tal-informazzjoni u kooperazzjoni adegwata u effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali li jittrattaw aspetti tal-problemi ta’ doping fl-isport rikreattiv u tal-investigazzjoni u s-sanzjonar ta’ bejgħ illegali u ta’ traffikar ta’ sustanzi tad-doping, inklużi l-awtoritajiet responsabbli għall-isport, l-antidoping, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-awtoritajiet tal-pulizija u d-dwana,

4.

Jippromwovu qafas ta’ miżuri nazzjonali effettivi u adatti għall-investigazzjoni u s-sanzjonar tal-produzzjoni, it-traffikar, id-distribuzzjoni u l-pussess ta’ sustanzi tad-doping fl-isport rikreattiv sabiex jirrestrinġu d-disponibbiltà u l-użu ta’ tali sustanzi, pereżempju permezz ta’ miżuri ta’ kontroll u miżuri relatati f’ambjenti rilevanti tal-isport rikreattiv bħaċ-ċentri tas-saħħa fiżika,

5.

Jappoġġaw l-isforzi tal-WADA biex jiżviluppaw oqfsa effettivi ta’ kooperazzjoni mal- Europol, l-Interpol, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, l-industrija farmaċewtika, u partijiet interessati internazzjonali rilevanti oħra sabiex jirrestrinġu d-disponibbiltà ta’ sustanzi tad-doping li jistgħu jintużaw kemm fl-isports tal-elite kif ukoll f’dak rikreattiv,

4.   JAQBLU LI:

Jestendu l-mandat tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Antidoping stabbilit taħt il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport 2011-2014 biż-żieda, filwaqt li jenfasizzaw li għandha tingħata prijorità lill-azzjonijiet deskritti fil-Pjan ta’ Ħidma relatati mal-kontribut tal-UE għall-proċess ta’ reviżjoni tal-Kodiċi Dinji dwar l-Antidoping, tal-azzjoni li ġejja: Biex jiġbru, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv fl-Istati Membri tal-UE, fost oħrajn fir-rigward tal-prevenzjoni, l-edukazzjoni, il-kontroll u miżuri relatati kif ukoll l-irkupru mill-abbuż ta; sustanzi, u abbażi ta’ dan, sal-aħħar tal-2013, biex jippreżentaw sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali.

5.   JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

1.

Abbażi tal-ħidma preċedenti f’dan il-qasam tibda studju bl-għan li tiżviluppa l-bażi tal-evidenza għal politiki maħsubin għall-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv, inkluż permezz tal-ġbir tal-informazzjoni dwar l-użu ta’ sustanzi tad-doping fl-isport rikreattiv fl-Istati Membri tal-UE,

2.

Tippromwovi u tappoġġa l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-UE rigward il-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv, fost l-oħrajn permezz tal-appoġġ għall-kampanji ta’ għarfien pubbliku transnazzjonali u d-disseminazzjoni tar-riżultati tal-proġetti rigward il-ġlieda kontra d-doping appoġġata permezz tal-Azzjonijiet Preparatorji fil-qasam tal-isport kif ukoll ir-riżultati ta’ kwalunkwe proġett rigward id-doping fl-isport rikreattiv li għandhom jiġu appoġġati fil-futur, partikolarment fir-rigward ta’: Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki tista’ tkun dwar:

L-edukazzjoni, l-informazzjoni u t-tqajjim ta’ għarfien pubbliku

L-ittestjar għal sustanzi tad-doping fl-isport rikreattiv

It-trattament u l-irkupru mill-abbuż tad-doping fl-isport rikreattiv

It-tikkettar u l-ikkontrollar tal-kontenut f’supplimenti nutrittivi sabiex jiġi evitat it-teħid involontarju ta’ sustanzi tad-doping

Il-miżuri leġiżlattivi li wrew li huma effettivi fit-trattar tad-doping fl-isport rikreattiv fi Stati Membri individwali tal-UE.


(1)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(2)  dok. 11811/07.

(3)  dok. 5597/11.

(4)  Fost studji aktar reċenti dwar is-suġġett hemm il-proġetti tan-netwerk rigward id-doping fl-isport rikreattiv ikkofinanzjati permezz tal-Azzjonijiet Preparatorji 2010 fil-qasam tal-isport, “Saħħa Fiżika Kontra d-Doping” u “Strateġija biex Jitwaqqfu l-Isterojdi”.

(5)  Kodiċi Dinji Kontra d-Doping, Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping, 2009, p. 126 (Appendiċi I, Definizzjonijiet, Atleta).