15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/5


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2012 dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali

2012/C 169/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JQIS LI:

Id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet tal-materjal kulturali tal-Istati Membri u l-konservazzjoni diġitali fit-tul tiegħu huma essenzjali biex jagħtu l-aċċess lil kulħadd għall-kultura u l-għarfien fl-era diġitali u biex jippromwovu r-rikkezza u d-diversità tal-wirt kulturali Ewropew.

Il-materjal kulturali diġitalizzat huwa riżorsa importanti għall-industriji kulturali u kreattivi Ewropej (1). Id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet tal-wirt kulturali tal-Istati Membri, meqjusa f'kuntest nazzjonali kif ukoll transkonfinali, jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u għal kisba tas-suq uniku diġitali permezz ta' offerta dejjem tikber ta' prodotti u servizzi ġodda u innovattivi fuq l-internet.

Hija meħtieġa azzjoni kkoordinata fil-livell tal-Unjoni biex jinħolqu sinerġiji bejn sforzi nazzjonali u biex jiġi żgurat li l-aċċessibbiltà fuq l-internet tal-wirt kulturali tal-Ewropa tilħaq massa kritika.

Il-kuntest għall-isforzi ta' diġitalizzazzjoni u għall-kollaborazzjoni fil-livell Ewropew inbidel minn meta l-Kunsill adotta fl-2006 l-konklużjonijiet dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta' materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (2). Fl-2008 tnediet Europeana bħala punt ta' aċċess multilingwi komuni għall-wirt kulturali diġitali tal-Ewropa u l-aġenda għall-iżvilupp ulterjuri tagħha ġiet stabbilita fl-2010 fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Europeana: il-passi li jmiss” (3);

1.   JILQA'

ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (4) (2011/711/UE) bħala parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (5);

2.   JIRRIKONOXXI

l-isforzi li għaddejjin fl-Istati Membri biex il-materjal tal-istituzzjonijiet kulturali jiġi ddiġitalizzat u jsir disponibbli fuq l-internet, kif ukoll l-isforzi biex jiġi pprovdut finanzjament għad-diġitalizzazzjoni fi żmien ta' kriżi ekonomika;

il-ħidma ta' valur imwettqa mill-Europeana, mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u l-aggregaturi nazzjonali li jikkontribwixxu għall-Europeana f'termini ta' kontenut u koordinazzjoni;

li għalkemm sar progress fid-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropa, huma meħtieġa aktar passi biex dan il-wirt jiġi ttrasformat f'assi dejjiemi għaċ-ċittadini u l-ekonomija tal-Ewropa fl-era diġitali;

3.   JISSOTTOLINJA

il-ħtieġa li tinħareġ ir-rikezza tal-wirt kulturali Ewropew fl-ambjent tal-internet u li jiġi promoss il-ħolqien ta' kontenut u servizzi ġodda fuq l-internet bħala parti mis-soċjetà tal-informazzjoni u l-ekonomiija tal-għarfien;

l-importanza kruċjali li tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tal-Europeana, inkluż f'termini ta' governanza u finanzjament, u l-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar bħala punt ta' aċċess multilingwi komuni għall-wirt kulturali diġitali tal-Ewropa u riżorsa siewja għall-industriji kreattivi, b'mod partikolari bit-titjib fil-kwalità u l-varjetà tal-materjal kulturali diġitalizzat mill-kategoriji kollha (testi, materjal awdjoviżiv, oġġetti tal-mużewijiet, reġistri tal-arkivji eċċ.);

il-ħtieġa għal sforz konġunt mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-istandards tal-kwalità u dawk tekniċi għall-kontenut li jitpoġġa fl-Europeana;

il-ħtieġa li titkompla l-ħidma fuq standards tekniċi għad-diġitalizzazzjoni u l-metadata, inkluż permezz tal-qafas tal-Europeana, kemm għall-benefiċċju tal-aċċessibiltà kif ukoll tal-konservazzjoni fit-tul ta' materjal diġitali;

il-viżjoni sottostanti ta' ħidma mas-sħab rilevanti kollha biex jiġi evitat “vojt iswed tas-seklu 20” fil-materjal disponibbli permezz tal-Europeana, u l-ħtieġa li aktar materjal li għadu mħares mid-drittijiet tal-awtur isir disponibbli fuq is-sit;

il-ħtieġa għall-promozzjoni attiva ta' ftehimiet volontarji (6) għad-diġitalizzazzjoni fuq skala kbira u l-aċċessibilità fuq l-internet ta' xogħlijiet li ma għadhomx fis-suq u li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu għaċ-ċertezza legali meħtieġa f'kuntest nazzjonali u transkonfinali;

li d-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet tal-wirt kulturali tal-Ewropa għandhom jitwettqu b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

4.   JIEĦU NOTA TA'

ir-rapport “The New Renaissance” (7) mill-Grupp ta' riflessjoni (“Comité des Sages”) dwar it-tqegħid fuq l-internet tal-wirt kulturali tal-Ewropa, u tal-proposta leġislattiva reċenti tal-Kummissjoni dwar infrastrutturi tas-servizzi diġitali, inkluż dwar il-finanzjament ta' Europeana, bħala parti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (8), kif ukoll il-proposti dwar xogħlijiet orfni (9) u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (10);

5.   JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX

jieħdu l-passi meħtieġa f'konformità mal-prijoritajiet deskritti fl-Anness sabiex:

jikkonsolidaw l-istrateġiji u l-miri tagħhom għad-diġitalizzazzjoni ta' materjal kulturali;

jikkonsolidaw l-organizzazzjoni tad-diġitalizzazzjoni u l-provvediment tal-finanzjament għad-diġitalizzazzjoni, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-użu ta' sħubijiet pubbliku-privat;

itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-aċċessibbiltà fuq l-internet u l-użu ta' materjal kulturali;

jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri tal-Europeana, inkluż bl-inkoraġġiment tal-istituzzjonijiet kulturali biex iġibu l-materjal kulturali diġitalizzat rilevanti kollu fis-sit;

jiżguraw il-konservazzjoni diġitali fit-tul;

waqt li jieħdu kont tal-livelli differenti ta' progress dwar, u l-approċċi lejn, id-diġitalizzazzjoni kif ukoll l-isforzi ġenerali ta' konsolidazzjoni fiskali li qed isiru fl-Istati Membri;

6.   JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX

tkompli tappoġġa l-Europeana bħala punt ta' aċċess multilingwi komuni għall-wirt kulturali diġitali tal-Ewropa f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2010 dwar l-Europeana:

tiġbor, tanalizza u xxerred ir-riżultati u l-esperjenzi miksuba f'livell nazzjonali u ta' Unjoni; kull sentejn tippreżenta fuq din il-bażi rapport dwar il-progress dwar id-diġitalizzazzjoni, l-aċċessibbiltà fuq l-internet u l-konservazzjoni diġitali;

tappoġġa l-iskambju ta' informazzjoni u prattiki tajba inkluż dwar sħubijiet pubbliku-privat u standards għad-diġitalizzazzjoni;

7.   JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, LILL-KUMMISSJONI U LILL-EUROPEANA, FIL-QAFAS TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX

ikomplu, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2010 dwar Europeana, il-ħidma fuq il-pjan direzzjonali dwar il-kontenut għal Europeana, inkluż il-kapulavuri tal-wirt kulturali tal-Ewropa kif magħżulin fl-Istati Membri individwali;

joħloqu għarfien dwar l-Europeana fost il-pubbliku ġenerali;

jippromwovu l-użu ta' materjal aċċessibbli permezz ta' Europeana u metadata relatata għal finijiet innovattivi b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

ikomplu jiżviluppaw l-Europeana bħala punt ta' aċċess li jista' jintuża faċilment;

jagħmlu progress konkret fid-diskussjonijiet dwar l-istruttura ta' governanza ta' Europeana.


(1)  Skont ir-Rapport tal-2010 dwar il-Kompetittività tal-Ewropa, l-industriji kreattivi jammontaw għal 3,3 % tal-PDG tal-UE u 3 % tal-impjiegi fl-UE.

(2)  ĠU C 297, 7.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU C 137, 27.5.2010, p. 19.

(4)  ĠU L 283, 29.10.2011, p. 39.

(5)  COM(2010) 245 final/2.

(6)  Fl-20 ta' Settembru 2011, Memorandum ta' Ftehim dwar il-Prinċipji Ewlenin dwar id-Diġitalizzazzjoni u d-Disponibbiltà ta' Xogħlijiet li ma għadhomx fis-Suq ġie ffirmat fi Brussell minn rappreżentanti ta' partijiet interessati, b'segwitu ta' djalogu għall-partijiet interessati sponsorjat mill-Kummissjoni.

(7)  http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/comite_des_sages/index_en.htm

(8)  COM(2011) 665 final/3.

(9)  COM(2011) 289 final.

(10)  COM(2011) 877 final.


ANNESS

Azzjonijiet ta' prijorità u skeda indikattiva

L-iskeda ssuġġerita ta' attivitajiet u objettivi hija pjan direzzjonali indikattiv għall-ħidma tal-Istati Membri fis-snin 2012-15.

1.

Jikkonsolidaw l-istrateġiji u l-miri tagħhom għad-diġitalizzazzjoni ta' materjal kulturali billi:

2.

Jikkonsolidaw l-organizzazzjoni tad-diġitalizzazzjoni u l-provvediment tal-finanzjament għad-diġitalizzazzjoni, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-użu ta' sħubijiet pubbliku-privat billi:

 (1)

3.

Itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-aċċessibbiltà fuq l-internet u l-użu ta' materjal kulturali billi;

4.

Jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri tal-Europeana billi:

5.

Jiżguraw il-konservazzjoni diġitali billi:


(1)  Dawn il-konklużjonijiet ma jippreġudikawx in-negozjati tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.