20.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 17/15


Avviż tal-Gvern tar-Renju Unit dwar id-Direttiva Nru 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 17/06

Avviż tar-Renju Unit għas-27 ħruġ tal-liċenzji għat-tiftix taż-żejt u l-gass fil-baħar

Dipartiment tal-enerġija u t-tibdil fil-klima

“The Petroleum Act 1998” (L-Att dwar iż-Żejt mhux raffinat tal-1998)

Sensiela ta' ħruġ ta' liċenzji

1.

Is-Segretarju tal-Istat għall-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima jistieden lil persuni interessati biex japplikaw għal Seaward Production Licences għal erja speċifika ta’ art mill-Blata Kontinentali tar-Renju Unit.

2.

Id-dettalji kollha tal-offerta, inklużi listi u mapep tal-art li qed jiġu offruti u tagħrif dwar il-liċenzji, it-termini li se jinkludu dawk il-liċenzji, u kif wieħed għandu japplika, huma disponibbli fil-websajt tal-Unità tal-Iżvilupp tal-Enerġija (EDU) (ara hawn taħt).

3.

L-applikazzjonijiet kollha se jiġu ddeterminati skont it-termini tar-Regolamenti Hydrocarbons Licensing Directive Regulations 1995 (S.I. 1995 Nru 1434) u fl-isfond tal-ħtieġa kontinwa għal tiftix komprensiv, effiċjenti, sikur u bla telf ta’ żmien sabiex ikunu identifikati r-riżorsi taż-żejt u l-gass tar-Renju Unit filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-kunsiderazzjonijiet ambjentali.

Applikazzjoni għal Liċenzji Tradizzjonali u Liċenzji “Fruntiera” (inklużi għar-Reġjun tal-Punent tal-Iskozja)

4.

Applikazzjonijiet għal Liċenzji Tradizzjonali u Liċenzji “Fruntiera” (kemm għar-reġjun West of Scotland u kemm għal bnadi oħra), se jkunu ddeterminati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-vijabbiltà finanzjarja tal-applikant u l-kapaċità finanzjarja li jwettaq l-attivitajiet li jkunu permessi skont il-liċenzja waqt il-perjodu inizjali inkluż il-programm ta’ xogħol imressaq għall-evalwazzjoni tal-potenzjal sħiħ taż-żona fil-blokk jew il-blokki li saret applikazzjoni għalihom;

(b)

il-kapaċità teknika tal-applikant li jwettaq attivitajiet li jkunu permessi skont il-liċenzja waqt il-perjodu inizjali, inkluża l-identifikazzjoni ta' prospetti ta' idrokarburi fil-blokk jew fil-blokki li saret applikazzjoni għalihom. Il-kapaċità teknika se tiġi evalwata parzjalment fuq il-kwalità tal-analiżi relatata mal-blokk jew il-blokki li saret applikazzjoni għalihom;

(c)

il-mod li bih l-applikant jipproponi li jwettaq l-attivitajiet li jkunu permessi skont il-liċenzja, inkluża l-kwalità tal-programm ta' ħidma mressaq għall-evalwazzjoni tal-potenzjal sħiħ taż-żona li saret applikazzjoni għaliha;

(d)

meta l-applikant ikun detentur jew kien detentur ta' liċenzja mogħtija skont jew meqjusa daqslikieku ngħatat skont il-Petroleum Act 1998, kwalunkwe nuqqas ta’ effiċjenza jew responsabbiltà murija mill-applikant f’operazzjonijiet skont dik il-liċenzja.

5.

L-operatur propost f'kull grupp ta' applikanti (inkluża kwalunkwe kumpanija li tapplika bħala applikant individwali) għandu jressaq dikjarazzjoni tal-politika ambjentali ġenerali tiegħu għat-twettiq ta' attivitajiet liċenzjati f'inħawi viċin il-baħar.

6.

Is-Segretarju tal-Istat mhuwiex se jagħti liċenzji għal Applikazzjonijiet għal Liċenzji Tradizzjonali u Liċenzji “Fruntiera” jekk fl-istess ħin ma jkunx lest li japprova l-għażla tal-operatur mill-applikant. Qabel ma japprova operatur, is-Segretarju tal-Istat għandu jkun sodisfatt li dak li ġie nnominat ikun kompetenti fl-ippjanar u fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta’ tħaffir, f’termini tal-għadd, tal-esperjenza u tat-taħriġ tal-personal tiegħu, fil-proċeduri u l-metodoloġiji proposti, fit-tfassil tal-istruttura tal-kmand tiegħu, fir-relazzjonijiet mal-kuntratturi u fl-istrateġija kumplessiva tal-kumpanija. Meta jkun qed jikkunsidra operatur propost, is-Segretarju tal-Istat se jqis kemm informazzjoni ġdida ppreżentata fl-applikazzjoni kif ukoll ir-rekord ta’ dak li ġie nnominat bħala operatur, kemm fi ħdan ir-Renju Unit kif ukoll f'pajjiżi oħra.

Applikazzjonijiet ta' “Promozzjoni”

7.

L-applikazzjonijiet se jiġu ddeterminati abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-vijabbiltà finanzjarja tal-applikant.

(b)

il-kapaċità teknika tal-applikant biex iwettaq attivitajiet li jkunu permessi skont il-liċenjza matul l-ewwel sentejn tal-liċenzja inkluża l-identifikazzjoni ta' prospetti ta’ idrokarburi fil-blokk jew il-blokki li saret applikazzjoni għalihom. Il-kapaċità teknika se tiġi evalwata parzjalment fuq il-kwalità tal-analiżi relatata mal-blokk jew il-blokki li saret applikazzjoni għalihom.

(c)

il-kwalità tal-approċċ tal-applikant biex jiżgura riżorsi finanzjarji u tekniċi addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġi komplut il-programm ta' ħidma sostantiva ppjanata għat-tieni sentejn tal-Perjodu Inizjali;

(d)

meta l-applikant ikun detentur jew kien detentur ta' liċenzja mogħtija skont jew meqjusa daqslikieku ngħatat skont il-Petroleum Act 1998, kwalunkwe nuqqas ta’ effiċjenza jew responsabbiltà murija mill-applikant f’operazzjonijiet skont dik il-liċenzja.

8.

Il-liċenzji ta' “Promozzjoni” jiskadu wara sentejn jekk il-liċenżjat ma jkunx issodisfa lid-DECC bil-kapaċità teknika u finanzjarja tiegħu biex itemm il-Programm ta' Ħidma tal-Perjodu Inizjali li jkun jinkludi impenn qawwi f'dak il-mument għat-tħaffir ta' mill-inqas bir wieħed, jew biex iwettaq attività fundamentali ekwivalenti miftiehma. Il-Programm ta' Ħidma tal-Perjodu Inizjali għandu jitwettaq f'erba' snin.

Gwida

9.

Iktar tagħrif ta' gwida li jispjega l-kriterji li jakkumpanjaw din l-offerta jista' jinkiseb mis-sit elettroniku tal-Unità tal-Iżvilupp tal-Enerġija (EDU): http://www.og.decc.gov.uk/

Offerti għal Liċenzji

10.

Sakemm ma jkunx hemm bżonn ta' valutazzjoni ambjentali għal Blokk partikolari (ara l-Paragrafu 14 iktar 'l isfel), meta s-Segretarju tal-Istat joffri liċenzja skont din l-istedina, din l-offerta għandha ssir fi żmien tnax-il xahar mid-data ta' dan l-Avviż.

11.

Is-Segretarju tal-Istat ma jaċċetta l-ebda responsabbiltà għal kwalunkwe spejjeż imġarrba mill-applikant meta dan iqis li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu jew meta japplika.

Valutazzjonijiet Ambjentali

12.

Is-Segretarju tal-Istat wettaq Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (SEA) skont id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-Evalwazzjoni tal-Effetti ta’ Ċerti Pjanijiet u Programmi għall-Ambjent, taż-żona kollha li se tkun offruta f'dan iċ-Ċiklu. Ir-riżultati ta' dik is-SEA jistgħu jinstabu fil-websajt tad-DECC – offshore energy SEA:

http://www.offshore-sea.org.uk/consultations/Offshore_Energy_SEA/index.php

13.

Il-liċenzji skont din l-istedina ser ikunu offruti biss jekk, skont id-Direttivi tal-Habitat (Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa):

(a)

l-attivitajiet li għandhom jitwettqu skont il-liċenzja aktarx mhux ser ikollhom effett sinifikanti fuq il-ġestjoni ta’ Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni (ŻSK) jew Żona Speċjali ta’ Protezzjoni (ŻSP) jew jekk

(b)

valutazzjoni xierqa tkun aċċertat li l-attivitajiet mhux ser ikollhom effetti negattivi fuq dawn iż-ŻSK jew iż-ŻSP; jew

(c)

f’każ meta l-attivitajiet jkunu vvalutati bħala li x’aktarx jikkawżaw effetti negattivi, soġġetti għal

(i)

li jkun hemm raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku għall-ħruġ tal-liċenzja,

(ii)

li jkunu se jittieħdu miżuri ta' kumpens xierqa, u

(iii)

li ma jkunx hemm soluzzjonijiet alternattivi.

14.

Amministrazzjoni tal-Liċenzji: Energy Development Unit (EDU), Department for Energy and Climate Change, 3 Whitehall Place, London SW1A 2AW, United Kingdom (Tel. +44 03000686042, Fax +44 003000685129).

Is-sit elettroniku tal-Unità tal-Iżvilupp tal-Enerġija (EDU): http://www.og.decc.gov.uk/