13.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 384/21


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 384/16

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

SAINT-MARCELLIN

Nru tal-KE: FR-PGI-0005-0832-08.10.2010

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Saint-Marcellin”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.3:

Ġobon.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

Is-“Saint-Marcellin” huwa ġobon prodott minn ħalib sħiħ tal-baqra nej jew termizzat, mhux standardizzat mil-lat tax-xaħam u tal-proteini. Huwa għandu forma ta’ ċilindru bi truf li jagħtu fit-tond, b’dijametru ta’ bejn 65 mm u 80 mm, b’għoli ta’ bejn 20 mm u 25 mm u jiżen mill-inqas 80 gramma. Dan il-ġobon għandu parti interna lattika ratba, li la hija maħduma u lanqas ippressata, hija ftit immelħa imma magħha la jiġu miżjuda ħwawar u lanqas taħwir u għandu flora fil-wiċċ li tista’ tkun bajda, beige u griż jagħti fil-blu. Il-parti interna hija omoġenja meta tinqata’.

Is-“Saint-Marcellin” ikun fih bejn 40 gramma u 65 gramma xaħam għal kull 100 gramma ġobon wara li jkun tnixxef kompletament.

It-tnixxif jippermetti li s-“Saint-Marcellin” jiġi ppreżentat b’żewġ modi:

Is-“Saint-Marcellin”“niexef”, li jkollu kontenut niexef ta’ iktar minn 44 %, isegwi t-tradizzjoni lokali, u jiġi mmaturat b'mod li jttejjeb il-kapaċità tiegħu li jiġi kkonservat billi l-proteolisi tiegħu tiġi limitata.

Is-“Saint-Marcellin”“artab”, li, wara tnixxif iktar moderat, ikollu aktar minn 40 % f'kontenut niexef, huwa soġġett għal metodu ta’ maturazzjoni li jippermettilu li jiżviluppa togħmiet partikolari u konsistenza ratba jew saħansitra kremuża. Dan il-ġobon ta’ tradizzjoni iktar reġjonali ta’ spiss jitħalla jimmatura għal perjodu itwal ta’ żmien.

Ikunu meħtieġa mill-inqas għaxart ijiem wara li jiżdied it-tames qabel ma s-“Saint-Marcellin” ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat.

Għall-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, is-“Saint-Marcellin” jista’ jiġi ppakkjat jew le.

Mad-daqqa ta’ għajn, il-qoxra tal-ġobon, xi drabi xi ftit imkemxa, għandha tkun fil-parti kbira, jew totalment, mgħottija b’moffa karatterizzata mill-kuluri li ġejjin: abjad, beige u griż jagħti fil-blu. Meta jitqatta’, il-parti interna tal-ġobon, kulur il-krema, tkun lixxa u omoġenja u jista’ jkollha xi toqob. Meta jittiekel, il-qoxra tiegħu bilkemm tinħass. Is-“Saint-Marcellin” artab jingħaraf mill-konsistenza li tinħall tiegħu, filwaqt li l-konsistenza tas-“Saint-Marcellin” niexef hija waħda soda. It-togħma friska tiegħu għandha rikkezza aromatika ekwilibrata (togħma ta’ frott u ta’ għasel …) karatteristika tas-“Saint-Marcellin”, prinċipalment lattika u moderatament mielħa.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Ħalib sħiħ tal-baqar mhux standardizzat mil-lat tax-xaħam u tal-proteini, li ġej miż-żona ġeografika.

Il-ħalib għandu jintuża nej jew termizzat, li jeskludi t-trattamenti tal-pastorizzazzjoni. Is-“Saint Marcellin” huwa ġobon ta’ tradizzjoni lokali li żviluppa f’żona fejn jitrabbew b’mod partikolari l-bovini tal-ħalib. Il-ħalib użat għall-ipproċessar tal-ġobon dejjem ġie mill-azjendi taż-żona ġeografika. Ir-reputazzjoni tiegħu nbniet minħabba l-koeżjoni ta’ katina ta' produzzjoni li tgħaqqad flimkien produtturi ta’ ħalib ta’ kwalità, li jagħmlu użu mit-territorju u mill-potenzjal tiegħu, ma’ proċessuri li jħarsu l-għarfien lokali.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni hija kkaratterizzata minn żona tal-għalf kbira. Ir-raħħala naturalment dejjem għażlu li jiffavorixxu l-użu ta’ dawn ir-riżorsi lokali, li kkontribwew sabiex jagħtu lis-“Saint-Marcellin” il-karatteristiċi tiegħu. Huma jiddependu fuq il-ħaxix u b’mod iktar partikolari fuq il-ħuxlief għall-għalf tal-annimali u jagħmlu użu limitat mill-għalf supplimentari, sabiex jibqgħu konformi ma’ metodu ta’ trobbija tradizzjonali.

Għaldaqstant, il-kriterji applikabbli għall-għalf tal-baqar tal-ħalib huma:

L-awtonomija fl-għalf: mill-inqas 80 % tal-materja niexfa tal-għalf totali annwali għandu jkun oriġina miż-żona ġeografika.

Il-ħaxix f’kull forma tiegħu jirrappreżenta mill-inqas 50 % f’materja niexfa tal-għalf bażiku annwali.

Għall-erba’ xhur tax-xitwa (Diċembru, Jannar, Frar u Marzu), il-ħuxlief jirrappreżenta 15 % tal-materja niexfa tal-għalf bażiku.

L-għalf supplimentari awtorizzat jirrappreżenta mhux iktar minn 30 % tal-materja niexfa tal-għalf totali annwali. F’dan il-kuntest, l-għalf supplimentari awtorizzat huwa: iż-żrieragħ u l-prodotti sekondarji taċ-ċereali, żrieragħ taż-żejt u wċuħ tar-raba’ tal-proteini speċjalizzati, l-għalf magħmul mill-ġewż u l-legumi diżidratati. Huma awtorizzati mhux iktar minn 10 % tas-supplimenti msemmija iktar ’il fuq: ix-xorrox, il-patata u tuberi oħrajn, il-polpa tal-pitravi diżidrata, il-melassa u s-supplimenti nutrizzjonali: minerali, vitamini, oligoelementi, il-bikarbonat u l-melħ.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-istadji kollha involuti fil-produzzjoni tal-ħalib, fl-ipproċessar u fil-maturazzjoni tas-“Saint-Marcellin” għandhom isiru fiż-żona ġeografika identifikata.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Mhux applikabbli.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Minbarra l-indikazzjonijiet obbligatorji previsti mir-regolamenti dwar it-tikkettar tal-ġobon, it-tikkettar ta’ kull ġobna għandu jinkludi:

l-isem “Saint-Marcellin”,

l-identifikazzjoni tal-azjenda tal-produzzjoni,

il-logo tal-IĠP tal-Unjoni Ewropea u/jew l-indikazzjoni “Indication Géographique Protégée” (Indikazzjoni Ġeografika Protetta).

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tas-“Saint-Marcellin” tinstab fuq ix-xatt tal-Lvant tax-xmara Rhône u tmiss mal-meded tal-muntanji ta’ Vercors. Iċ-ċentru ta’ din iż-żona hija l-commune ta’ Saint-Marcellin (li jinsab f’Isère) li tat isimha lill-prodott u li kienet iċ-ċentru tal-kummerċjalizzazzjoni inizjali tas-“Saint-Marcellin”. Iż-żona ġeografika ġiet iddefinita skont kriterji storiċi (il-post minn fejn bdew il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-“Saint-Marcellin”) u skont kriterji ġeografiċi (il-konsistenza tal-pajsaġġi u l-użu tal-ambjent).

Iż-żona ġeografika hija magħmula mill-cantons li ġejjin:

 

Fid-dipartiment ta’ Drôme:

Il-cantons kollha ta’: (La) Chapelle-en-Vercors, l-ewwel u t-tieni cantons ta’ Romans-sur-Isère, Saint-Donat-sur-l’Herbasse u Saint-Jean-en-Royans,

Il-canton ta’ Bourg-de-Péage ħlief għall-communes ta’ Alixan, Bourg-de-Péage u Châteauneuf-sur-Isère,

Il-canton ta’ Chabeuil: il-communes ta’ (Le) Chaffal, Chateaudouble u Peyrus biss,

Il-canton ta’ Crest-Nord: il-communes ta’ Omblèze u Plan-de-Baix biss,

Il-canton ta’ (Le) Grand-Serre: il-communes ta’ Le Grand-Serre, Hauterives, Montrigaud, Saint-Christophe-et-le-Laris u Tersanne biss,

Il-canton ta’ Saint-Vallier: il-communes ta’ Châteauneuf-de-Galaure, Claveyson, Fay-le-Clos, La-Motte-de-Galaure, Mureils, Ratières, Saint-Avit, Saint-Barthélémy-de-Vals, Saint-Martin-D'Août u Saint-Uze biss,

 

Fid-dipartiment ta’ Isère:

Il-cantons kollha ta’: (La) Côte-Saint-André, (Le) Grand-Lemps, (Le) Pont-Beauvoisin, Pont-en-Royans, Rives, Roybon, Saint-Etienne-de-Saint-Geoirs, Saint-Geoire-en-Valdaine, Saint-Marcellin, Tullins, Vinay u Virieu,

Il-canton ta’ Saint-Jean-de-Bournay: il-communes ta’ Chatonnay, Eclose, Lieudieu, Meyssies, Saint-Anne-sur-Gervonde, Saint-Jean-de-Bournay, Tramole u Villeneuve-de-Marc biss,

Il-canton ta’ Saint-Laurent-du-Pont ħlief għall-communes ta’ Saint-Pierre-d’Entremont u Saint-Pierre-de-Chartreuse,

Il-canton ta’ Fontaine-Sassenage: il-commune ta’ Veurey-Voroize biss,

Il-canton ta’ (La) Tour-du-Pin: il-communes ta’ Montagnieu, Sainte-Blandine, Saint-Victor-de-Cessieu u Torchefelon biss,

Il-canton ta’ Villard-de-Lans ħlief għall-communes ta’ Engins u Saint-Nizier-du-Moucherotte,

Il-canton ta’ Voiron: ħlief għall-commune ta’ Voreppe,

 

Fid-dipartiment ta’ Savoie:

Il-canton ta’ (Le) Pont-de-Beauvoisin: il-communes ta’ Belmont-Tramonet, (La) Bridoire, Domessin, (Le) Pont-de-Beauvoisin, Saint-Beron u Verel-de-Montbel biss,

Il-canton ta’ Saint-Genix-sur-Guiers ħlief għall-communes ta’ Gerbaix, Marcieux u Novalaise.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Fatturi naturali

It-territorju tas-“Saint-Marcellin” huwa parti mir-reġjun ta’ Bas Dauphiné, bejn il-pjanuri tar-reġjun Lyon u l-muntanji tal-franka ta’ Chartreuse u tal-Punent ta’ Vercors. Huwa magħmul minn għoljiet u minn meded ta’ art tal-era Terzjarja maqtugħa b’widien kbar u fil-Lvant imdawra b’żoni muntanjużi. Huwa jimmarka tranżizzjoni bla xkiel bejn il-muntanja u l-pjanura, bejn l-Alpi u Provence.

Il-klima hija fil-parti l-kbira moderata, tipika tal-għoljiet, b’temperaturi medji ta’ bejn id-9 °C u l-11 °C u b’ammonti ta’ xita li jvarjaw bejn it-800 mm u l-1 100 mm.

Dan it-territorju huwa kkaratterizzat mill-irjieħ li jonfħu prinċipalment mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u li huma ankrati fl-istorja u fil-kultura tal-produtturi u tal-proċessuri. Dan ir-riħ ippermetta t-tnixxif tal-ġewż u wkoll tat-tabakk kif ukoll tal-ġobon u influwenza l-arkitettura lokali. Huwa ffavorixxa t-twaqqif inizjali u l-istabbiliment tal-azjendi tal-ġobon f’dan it-territorju kollu. Din l-istruttura ilha s-snin ma tinbidel.

Fatturi umani

It-territorju tas-“Saint-Marcellin” huwa prinċiplament wieħed rurali u ferm agrikolu, b’perċentwal għoli ta’ żoni bil-ħaxix (żona tal-għalf ta’ bejn 40 % u 80 % tal-Art Agrikola Użata). Hawnhekk, wieħed isib taħlita ta' biedja mħallta u trobbija tal-bhejjem, irrappreżentati prinċipalment mit-tkabbir tas-siġar (b’mod partikolari s-siġar tal-ġewż, li jipproċudu d-DPO “noix de Grenoble”) u mill-produzzjoni tal-ħalib.

Il-ġobon li inizjalment kien magħruf bħala “tomme” u prodott fl-irziezet sab, b’mod naturali għall-aħħar, l-identità tiegħu fi ħdan il-belt ta’ “Saint-Marcellin”, fejn mis-seklu 15 beda jsir l-iktar suq importanti tar-reġjun.

It-tnixxif tal-ġobon, tal-ġewż (u tat-tabakk) kien megħjun mill-irjieħ li jikkaratterizzaw dan it-territorju, u din hija r-raġuni għall-preżenza tal-kmamar ta’ tnixxif għall-ġewż fiż-żona kollha. Il-kmamar tat-tnixxif għall-ġewż setgħu wkoll iservu għat-tnixxif tal-ġobon, li kienu jitqiegħdu fi qfief imdendla biex l-irjieħ jilħquhom mid-direzzjonijiet kollha msejħa “tommiers”.

Mill-1870, xi kolletturi magħrufa bħala “coquetiers” kienu bdew iduru l-irziezet f’dati regolari. Huma bdew jikkonsenjaw dan il-ġobon fiċ-ċentri l-kbar ġirien: Romans, Grenoble, Lyon, Saint-Étienne u Avignon, li minn dak iż-żmien 'l hawn baqgħu konsumaturi prinċipali ta’ dan il-ġobon. Il-bdiewa, imħeġġa b'dan, bdew jipproduċu iktar ġobon, u b’hekk żviluppaw il-kummerċjalizzazzjoni tas-“Saint-Marcellin”.

Fis-snin 20 tas-seklu l-ieħor, dawk li qabel kienu l-kolletturi żviluppaw il-manifattura tal-ġobon b’teknika tal-produzzjoni tal-ġobon li kienet ispirata minn dik tal-irziezet (baqta tal-ħalib, l-użu ta’ qwieleb identiċi …). Huwa b’hekk li fir-reġjun ta’ Saint-Marcellin tfaċċaw l-ewwel azjendi tal-ġobon wara li ġiet stabbilita l-ewwel definizzjoni uffiċjali tas-Saint-Marcellin.

Il-katina ta’ produzzjoni tas-“Saint-Marcellin” ipprovat torganizza ruħha u tipproteġi l-prodott minn stadju ferm bikri. Fil-bidu kien hemm l-Union des Fabricants du «Saint-Marcellin» (l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tas-“Saint-Marcellin”), imwaqqfa fl-1971 u wara l-Comité Interprofessionnel du Saint-Marcellin (il-Kumitat Interprofessjonali tas-“Saint-Marcellin”) imwaqqaf fl-1994 li jinkludi wkoll il-produtturi tal-ħalib u l-produtturi tal-azjendi. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-katina kollha saret involuta fil-promozzjoni tas-“Saint-Marcellin”, fit-titjib tal-kwalità u fl-istabbiliment ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-isem.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Karatteristiċi partikolari tal-ġobon

Is-“Saint-Marcellin” huwa ġobon ta’ daqs ċkejken li huwa kkaratterizzat mill-forma tiegħu ta’ ċirku bi truf li jagħtu fit-tond, minn dijametru ta’ madwar 7 cm, minn piż ta’ mill-inqas 80 gramma u minn għoli ta’ madwar 2 cm.

Mad-daqqa ta’ għajn, il-qoxra tiegħu, xi drabi xi ftit imkemxa, hija fil-parti l-kbira jew totalment mgħottija b’moffa bajda, beige jew griża tagħti fil-blu.

Meta jinqata’, il-parti interna tal-ġobon, kulur il-krema, tkun lixxa u omoġenja. Meta jittiekel, il-qoxra tiegħu bilkemm tinħass. Is-“Saint-Marcellin” artab jingħaraf mill-konsistenza li tinħall tiegħu, filwaqt li l-konsistenza tas-“Saint-Marcellin” niexef hija waħda soda.

It-togħma friska tiegħu għandha rikkezza aromatika ekwilibrata (togħma ta’ frott, ta’ għasel …) karatteristika tas-“Saint-Marcellin”, prinċipalment lattika u moderatament mielħa.

Għarfien tradizzjonali

L-għalf lokali u b’mod partikolari l-ħaxix għandu post importanti fl-għalf tal-merħla tal-ħalib, billi l-bhejjem jirgħu f’meded kbar għal perjodu minimu ta’ 180 jum fis-sena (popolazzjoni tal-azjendi limitata għal 1,4 LU/ha (unitajiet ta’ bhejjem għal kull ettaru)). Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jiggarantixxu livell għoli ta’ kwalità tal-ħalib użat.

Il-ħalib użat jiġi soġġett biss għal trattamenti termiċi limitati (projbizzjoni tal-pastorizzazzjoni) u ma jiġix standardizzat sabiex ikun jistgħu jiġu ppreservati l-kwalitalijiet oriġinali tiegħu kollha u sabiex ir-rikkezza aromatika tas-“Saint-Marcellin” tkun tista’ tiġi espressa.

Is-“Saint-Marcellin” jikseb l-identità sħiħa tiegħu u l-karattru tiegħu permezz ta' teknika ta’ pproċessar speċifika, il-wirt ta' metodi antiki. Il-karatteristiċi organolettiċi tipiċi tas-“Saint-Marcellin” jinkisbu permezz ta’ baqta tat-tip “lattiku”, li la tkun ippressata u lanqas maħduma u li tiġi xi ftit immelħa biex imbagħad titnixxef u titħalla timmatura.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-rabta mal-oriġini tas-“Saint-Marcellin” hija msejsa fuq ir-reputazzjoni tiegħu, fuq il-karatteristiċi partikolari tal-ġobon kif ukoll fuq l-għarfien tradizzjonali.

Il-produzzjoni tas-“Saint-Marcellin” hija bbażata fuq prattiki storiċi ta’ trobbija tal-bhejjem (biedja mħallta u wkoll trobbija tal-bhejjem) u ta’ pproċessar li huma marbuta mill-qrib mal-ambjent naturali:

l-importanza tal-mergħa u l-għalf lokali fl-alimentazzjoni tal-annimali minħabba l-meded kbar tal-għalf preżenti fiż-żona ġeografika;

in-natura mirjieħa taż-żona ġeografika li kkundizzjonat it-tradizzjoni tal-konservazzjoni tal-ġobon bit-tnixxif u bil-maturazzjoni.

Dawn il-kundizzjonijiet kollha ffavorixxew l-iżvilupp tal-produzzjoni ta’ ġobon ċkejken li minn ferm kmieni kiseb l-isem ta’ “Saint-Marcellin” (mis-seklu 15) billi ħa l-isem tas-suq prinċipali ta’ dak iż-żmien. L-ewwel drabi li ssemma s-“Saint-Marcellin” kien fil-kontabbiltà tal-amministrazzjoni ta’ Louis XI (is-seklu 15).

Mill-1935, il-ġobon “Saint-Marcellin” ġie deskritt uffiċjalment fi Franza fuq it-talba tal-operaturi taż-żona. Id-definizzjoni saret uffiċjali fl-1942, u nbidlet diversi drabi. Ilha sa mill-1980 tikkonforma mal-ispeċifikazzjoni attwali: “dijametru ta’ madwar 70 millimetru, b’għoli ta’ bejn l-20 millimetru u l-25 millimetru, jiżen mill-inqas 80 gramma, manifatturat bil-ħalib tal-baqra miżjud bit-tames, bil-parti interna ratba, li la hija maħduma u lanqas ippressata, hija ftit immelħa imma magħha la jiġu miżjuda ħwawar u lanqas taħwir […]”. Din id-deskrizzjoni ppermettiet l-iżvilupp ikkontrollat tal-produzzjoni tas-“Saint-Marcellin”.

Il-festa tas-“Saint-Marcellin” kif ukoll il-mużew tas-“Saint-Marcellin” u l-parteċipazzjoni tal-Comité pour le Saint-Marcellin fil-wirjiet agrikoli lokali u nazzjonali wasslu biex il-prodott iżomm ir-reputazzjoni tiegħu.

Xhieda tar-reputazzjoni attwali tas-“Saint-Marcellin” hija l-preżenza tiegħu f’għadd ta’ menus gastronomiċi tar-restoranti ta’ Dauphiné u tal-bliet ġirien (Lyon, Grenoble, u Saint-Étienne): huwa jista’ jiġi ppreżentat fil-platt tal-ġobon jew sħun fuq l-insalati, f'ikel tal-għaġina jew “en gratin” … . “L’inventaire du patrimoine culinaire français” (l-inventarju tal-patrimonju kulinarju Franċiż, edizzjoni Rhône-Alpes) tal-1995, jikkonferma din ir-reputazzjoni u jiddedika artiklu lis-“Saint-Marcellin”.

Bħalissa, l-isem “Saint-Marcellin” jintuża b’mod wiesa’ mis-seba’ azjendi tal-ġobon taż-żona tal-produzzjoni, kif jixhdu l-eżempji tat-tikketti pprovduti, u huwa magħruf sew kemm fuq il-livell reġjonali kif ukoll lil minn hekk. Fil-fatt, il-produzzjoni tal-2008 kienet ta’ 35,5 miljun ġobon ittikkettati “Saint-Marcellin”.

L-istorja antika ta’ dan il-ġobon u d-definizzjoni bikrija tiegħu ppermettew l-iżvilupp ta' dan il-ġobon mingħajr ma ntilfet l-identità tiegħu. Illum, minħabba l-koeżjoni tal-katina ta' produzzjoni u l-identifikazzjoni tiegħu mat-territorju u mal-għarfien lokali, ir-reputazzjoni tas-“Saint-Marcellin” hija affermata sew fuq il-livell nazzjonali, minkejja li l-produzzjoni baqgħet prinċipalment lokalizzata fl-inħawi minn fejn oriġina.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCIGPSaint-MarcellinV2.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.