13.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 384/17


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 384/15

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“FAL OYSTER”

Nru tal-KE: UK-PDO-0005-0885-22.07.2011

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Fal Oyster”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Ir-Renju Unit

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   It-tip ta’ prodott:

Il-kategorija 1.7.

Ħut, molluski u krustaċi friski, u prodotti magħmulin minnhom

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:

L-isem “Fal Oyster” jintuża għall-gajdar maqbud fiż-żona identifikata bl-użu ta’ dgħajjes tradizzjonali tal-qlugħ u tal-qdif fil-perjodu mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu.

Il-gajdar tat-tip “Fal Oyster” huwa gajdar tal-ispeċi Ostrea edulis, magħruf b’mod komuni bħala gajdar ċatt jew gajdar endemiku. Il-qoxra tiegħu ma tkunx tonda għal kollox u tkun irregolari, b’forma ovali u b’wiċċ aħrax u kollu qxur. Hija tkun kannella jew lewn il-krema u jkollha faxex konċentriċi ta’ lewn kannella ċar jew li jagħtu fil-blu fuq in-naħa ta’ barra tagħha. Fuq in-naħa ta’ ġewwa, il-qoxra tkun lixxa ħafna u ġawhrija u tkun ta’ lewn abjad jew griż li jagħti fil-blu, u ħafna drabi jkollha partijiet li jkunu ta’ lewn blu iktar skur.

Iż-żewġ nofsijiet tal-qoxra (iż-żewġ qoxriet tal-gajdra) għandhom forom differenti. Il-qoxra tax-xellug tkun konkava u mwaħħla mas-sottostrat, waqt li dik tal-lemin tkun ċatta u tkun tinsab ġo dik tax-xellug. Il-gajdar jista’ jikber għal madwar 110 millimetri. Il-gajdar tat-tip “Fal Oyster” jinqabad biss bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Marzu bl-użu ta’ metodi tradizzjonali li huma uniċi għaż-żona.

L-Assoċjazzjoni tal-Gran Brittanja tal-frott tal-baħar bil-qoxra kkaratterizzat il-kwalitajiet organolettiċi ta’ dan it-tip ta’ gajdar kif ġej:

l-imnieħer: jodju;

laħam il-gajdar: immerraq u b’togħma ta’ bettieħ, ħass u ħjar;

togħma wara: togħma ħafifa u li tibqa’ ta’ landa u ta’ ram;

konsistenza: soda u mielħa.

Fid-dehra l-laħam huwa lewn il-krema, waqt li t-truf huma opaki u griżi.

Wara li jinqabad u jissaffa mill-impuritajiet, il-gajdar jinbiegħ ħaj “fil-qoxra” lill-bejjiegħa bl-imnut jew jitwassal lir-ristoranti madwar ir-Renju Unit kollu, kif ukoll jiġi esportat barra l-pajjiż. Meta jinħażnu, il-prodotti ħajjin jibqgħu tajbin għall-ikel għal madwar ħamest ijiem.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-gajdar jitkabbar u jinqabad fiż-żona ddefinita fil-perjodu mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu biss, bl-użu ta’ dgħajjes tradizzjonali mingħajr muturi.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Nisgħtu ngħidu li ż-żona fejn jiġi prodott il-gajdar tat-tip “Fal Oyster” taqa’ fi ħdan il-port tas-sajd ta’ Truro. Il-limiti legali ta’ dan il-port huma deskritti fid-digriet dwar is-sajd tal-1936, li ġie emendat fl-1975, bħala l-partijiet kollha tal-port ta’ Truro u tal-port ta’ Falmouth u s-sodod tax-xmajjar Truro, Fal u Tresillian, li b’kollox ikopru żona ta’ 2 721 ejkers (1,101 ettari).

Wieħed jista’ jgħid li din iż-żona tinsab fit-Tramuntana ta’ linja miġbuda bejn il-punt ta’ Trefusis u l-Kastell ta’ St. Mawes sas-sinjal medju ta’ baħar fieragħ meta jkun hemm marea normali. It-tarf taż-żona tas-sajd huwa s-sinjal medju ta’ baħar fieragħ li jikkoinċidi mal-kosta, ħlief fid-daħla ta’ kull qala li tindika l-limiti massimi taż-żona tas-sajd f’Mylor, St Just u Malpas.

Iż-żona ddefinita hija l-unika żona regolatorja għas-sajd tal-gajdar endemiku fil-Lbiċ tal-Ingilterra.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Ix-xmara Fal hija żona tas-sajd naturali u selvaġġa li fiha ma jiġix ikkultivat jew imnissel il-gajdar. Iseħħ ammont żgħir ta’ “tnissil” tal-irqajja’ selvaġġi u naturali minħabba li, waqt is-sajd, is-sottostrat (il-massa ta’ biċċiet tal-ġebel, qxur u ramel oħxon li jiffurmaw il-bażi tas-sodda tal-gajdar, bl-Ingliż magħrufa bħala “cultch”) jiċċaqlaq bil-gangmu. Dan iżomm iż-żona tas-sajd f’kundizzjoni tajba u t-tħammil żejjed minn żmien għall-ieħor tal-irqajja’ mingħajr il-qbid tal-gajdar (deskritt bħala tixtib) ikompli jtejjeb l-irqajja’ tal-gajdar u jinkuraġġixxi ħafna frieħ tal-gajdar biex jeħlu mar-roqgħa (jinkuraġġixxi l-gajdar żgħir biex jissetilja).

Ix-xmajjar taż-żona ta’ Fal jimtlew bl-ilma minn widien bi ġnub weqfin u fihom kontenut minerali u bijoloġiku għani. L-estwarju wkoll huwa fond ħafna u għalhekk l-ilma jiċċirkola minbarra li jinbidel ma’ kull marea. Dan l-ambjent uniku jiġġenera l-plankton li l-gajdar imbagħad jiekol.

Barra minn hekk, l-evidenza turi li l-minjieri ta’ madwar Cornwall kollha huma minjieri bl-ilma li lkoll ikollhom jiġu żvojtati bil-pompi jew li jitbattlu b’mod naturali għal ġol-Wied ta’ Carnon li jagħti għall-estwarju ta’ Fal u għaż-żona tal-qbid. Dan l-ilma fih ħafna minerali li huma uniċi għaż-żona. Huma dawn il-minerali, b’mod speċifiku r-ram u ż-żingu, li jikkontribwixxu għal dik it-togħma distintiva metallika tal-gajdar tat-tip “Fal Oyster”. Minħabba f’hekk, il-gajdar tat-tip “Fal Oyster” huwa differenti, mil-lat organolettiku, mill-gajdar l-ieħor li jikber f’din iż-żona.

Il-rabta qawwija li hemm bejn iż-żona tas-sajd u l-prodott tidher biċ-ċar mir-reġistri tas-sajd li jiddeskrivu l-operazzjoni tal-qbid, it-tkabbir u l-kummerċjalizzazzjoni tal-gajdar tat-tip “Fal Oyster” fix-xmara Fal u madwarha, u fix-xmajjar li jmissu magħha u madwarhom. Ir-reġistri storiċi jiddeskrivu d-dgħajjes tal-qlugħ u d-dgħajjes tal-qdif jistadu bil-gangmi. Id-deskrizzjonijiet huma simili ħafna għall-metodi u t-tagħmir użat illum il-ġurnata. Hemm bosta reġistri li jiddeskrivu metodi storiċi u kontemporanji tal-qbid li ma jintużaw f’ebda żona oħra.

Huma u jsegwu metodi storiċi u tradizzjonali, is-sajjieda jirmunkaw il-gangmi mad-dgħajjes tal-qlugħ u mad-dgħajjes tal-qdif u ma jużaw l-ebda mutur biex jaqbdu l-gajdar. Din it-tradizzjoni tas-sajd li ilha teżisti għal bosta snin tidher biċ-ċar fl-għarfien u t-tagħmir li ngħaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra ta’ sajjieda. Hemm provi li d-dgħajjes użati ngħaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra u xi wħud mid-dgħajjes għandhom iktar minn mitt sena. Eżempji tal-ħiliet li ngħaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra jinkludu l-ħila li wieħed isib fejn jinsab il-gajdar, it-tqandil b’attenzjoni tal-qabda u l-metodi ta’ tħammil ta’ ċerti rqajja’ partikulari tal-gajdar skont il-marea u r-riħ.

Ir-referenzi storiċi li nsibu tul is-seklu dsatax jirreferu għall-kummerċ fil-qbid u t-tkabbir tal-gajdar fiż-żona tal-port ta’ Falmouth, li kien jinkludi s-sajd, it-tkabbir, l-għażla u l-bejgħ tal-gajdar.

Tul is-seklu għoxrin saru ordinamenti biex il-metodi tas-sajd jiġu llimitati għat-tekniki tradizzjonali biss, b’mod partikulari biex jitħallew jintużaw biss dgħajjes tal-qlugħ u tal-qdif u wkoll biex dan it-tip ta’ sajd jiġi protett fit-tul. Madankollu, il-flotta ta’ madwar 100 dgħajsa tnaqqset b’mod katastrofiku fis-snin tmenin meta l-istokkijiet tal-gajdar naqsu ħafna wara li l-gajdar marad u dan it-tip ta’ sajd ma baqax irendi. L-irkupru minn din il-marda seħħ bil-mod, iżda l-flotta kibret bil-mod il-mod, u grupp imsejjaħ il-Grupp għall-Ġestjoni tas-Sajd tal-Gajdar għaqqad flimkien lis-sajjieda tal-gajdar, lil dawk li jipproċessawh u lir-regolatur sabiex ikun hemm ġestjoni ta’ dan is-sajd.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Il-karatteristiċi tal-gajdar tat-tip “Fal Oyster” huma marbutin maż-żona abbażi tat-tradizzjoni lokali tal-metodu tal-qbid li huwa uniku għaż-żona. Il-metodu tas-sajd juża gangmi rmunkati f’qiegħ il-baħar minn dgħajjes tal-qlugħ u tal-qdif. Dawn id-dgħajjes u l-gangmi huma tal-istess stil bħal dawk użati b’mod storiku u li jmorru lura għal deskrizzjonijiet mogħtija fl-1750.

Laħam il-gajdar huwa sod u jleqq bħall-ħarir b’wiċċ lixx. Huwa lewn il-krema, waqt li t-truf huma opaki u griżi. Huwa mielaħ u ħelu fit-togħma u t-togħma tixbah lil dik immerrqa tal-bettieħ, il-ħass u l-ħjar. It-togħma ta’ wara tal-gajdar hija waħda metallika, ħafifa u li tibqa’ ta’ landa u ta’ ram.

5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):

It-togħma tal-gajdar tiddependi mill-ambjent fejn tkun kibret. Iż-żona tas-sajd ta’ Fal timtela bl-ilma mill-widien ta’ madwarha li fihom kontenut minerali u bijoloġiku għani. Barra minn hekk, l-estwarju fond ta’ din iż-żona jippermetti lill-ilma jiċċirkola u jinbidel ma’ kull marea u b’hekk hemm livell uniku ta’ ilma mielaħ tal-baħar u ta’ ilma ħelu tax-xmara. Dan l-ambjent jiġġenera l-plankton li l-gajdar imbagħad jiekol, u jwassal għall-kwalità tal-ikel tal-gajdar tat-tip “Fal Oyster”, li huwa deskritt bħala aktar mielaħ, metalliku, kremuż u ħelu minn speċijiet oħrajn li jkunu ġejjin minn żoni oħrajn.

Il-karatteristiċi tal-gajdar tat-tip “Fal Oyster” huma marbutin maż-żona abbażi tat-tradizzjoni lokali tal-metodu tal-qbid li huwa uniku għaż-żona u tal-ħiliet li ngħaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra, li jinkludu l-ħila li wieħed isib fejn jinsab il-gajdar, it-tqandil b’attenzjoni tal-qabda u l-metodi ta’ tħammil ta’ ċerti rqajja’ partikulari tal-gajdar skont il-marea u r-riħ.

L-użu tal-isem “Fal Oyster” u l-fama tiegħu ta’ togħma fina u kwalità tajba kibru permezz tax-xogħol iebes ta’ dawk li jipproċessaw il-gajdar u tal-membri tal-Grupp għall-Ġestjoni tas-Sajd tal-Gajdar. Il-membri kollha jużaw l-isem “Fal Oyster” u jippreżentaw għall-bejgħ prodott ta’ kwalità għolja permezz tal-katina tal-provvista bl-ingrossa u lil hinn minnha, fejn dan it-tip ta’ gajdar huwa mfittex ferm mir-ristoranti kemm fir-Renju Unit kif ukoll f’pajjiżi oħra.

Sa mill-1996 ’l hawn, sar festival tal-gajdar tat-tip “Fal Oyster” sabiex jiġu ċċelebrati l-bidu tal-istaġun ta’ tħammil tal-gajdar, id-diversità u l-kwalità tal-frott tal-baħar tar-reġjun ta’ Cornwall u, b’mod partikulari, sabiex jiġi ċċelebrat wieħed mill-aħħar tipi ta’ sajd tradizzjonali għall-gajdar li għad baqa’, jiġifieri t-tħammil bid-dgħajjes tal-qlugħ u tal-qdif.

Il-kok famuż Rick Stein jappoġġa dan il-festival u fetaħ ristorant fil-belt ta’ Falmouth li jinkludi bar bil-frott tal-baħar sabiex jiċċelebra l-gajdar tat-tip “Fal Oyster”. Il-gajdar tat-tip “Fal Oyster” issemma b’tifħir ukoll fil-films u fil-kotba tat-tisjir u mill-ġurnalisti li jiktbu dwar l-ikel.

Il-gajdar tat-tip “Fal Oyster” ġie rrikonoxxut fil-katalgu msejjaħ “Arka tat-Togħma” tal-moviment tal-ikel imsejjaħ “Slow Food Movement” u ġie deskritt bħala gajdar li ġej minn wieħed mill-ftit stokkijiet li għad baqa’ tal-gajdar endemiku fir-Renju Unit.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://archive.defra.gov.uk/foodfarm/food/industry/regional/foodname/products/documents/fal-oyster-pdo-120912.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.