|
5.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 375/18 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2012/C 375/09
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“CEBOLLA FUENTES DE EBRO”
Nru KE: ES-PDO-0005-0817-08.07.2010
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Isem:
“Cebolla Fuentes de Ebro”
2. Stat Membru jew pajjiż terz:
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta' prodott:
|
Klassi 1.6. |
Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott bl-isem mogħti fil-punt 1:
Is-“Cebolla Fuentes de Ebro” hija basla tal-ispeċi Allium cepa L., imnissla mill-varjetajiet “Cebolla Dulce de Fuentes” u “Cebolla Blanca Gruesa de Fuentes”, tal-popolazzjoni indiġena tradizzjonalment minn Fuentes de Ebro, imniżżla fil-Catálogo Común de Variedades de Especies de Plantas Hortícolas (Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċijiet ta’ Ħxejjex).
Skont il-kundizzjonijiet fenoloġiċi fil-mument tal-ħsad, it-tipi kummerċjali koperti minn din id-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini huma kif ġej:
|
I. |
Basla matura, maħsuda fl-istadju 9 tal-iskala fenoloġika għall-basal deskritta minn Suso et al. (1992). |
|
II. |
Basla bikrija, maħsuda fil-perjodu ta' veġetazzjoni sħiħa li fih tissawwar il-basla, l-istadju 7 tat-tismin tal-basla fl-iskala fenoloġika proposta minn Suso et al. (1992). (ITEA, Vol. 88(1): 46-62). |
|
— |
Lewn il-qoxra ta’ barra: Abjad tiben. Fil-każ tal-basla bikrija, il-qoxra ta' barra tkun bajda tagħti fl-aħdar. |
|
— |
Lewn ta’ ġewwa: Abjad |
|
— |
Karatteristiċi organolettiċi: Togħma ħafifa, ftit li xejn pikkanti, b'saffi rotob u mmerrqa; wara li tittiekel, ma tħallix togħma ta' wara fil-ħalq. |
Il-preżentazzjoni tal-basal matur u bikri ssir kif ġej:
|
— |
Bil-basliet sħaħ. |
|
— |
Bil-basliet imqaxxra: jiġifieri mingħajr l-ewwel saffi ta’ barra. |
Is-“Cebolla Fuentes de Ebro” hija prodott agroalimentari indiġenu tar-reġjun ta' Aragona, apprezzata ħafna mill-konsumatur minħabba t-togħma sodisfaċenti tagħha, li ġejja fuq kollox mill-kwalità mmerrqa tagħha u mill-fatt li ftit li xejn hi pikkanti u ma tħallix togħma ta’ wara żgradevoli fil-ħalq; għal din ir-raġuni, tispikka fost varjetajiet oħra ta’ basal.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
—
3.5. Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:
|
— |
It-tkabbir u l-ħsad. |
3.6. Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:
It-tħejjija u l-ħżin xierqa tal-basal sakemm jinbagħat fis-suq għandhom impatt sinifikanti fuq il-kwalità aħħarija tal-prodott. Dan huwa l-każ partikularment tal-varjetà “Dulce de Fuentes”, ikkaratterizzata minn kontenut għoli tal-ilma u b'hekk minn togħma mmerrqa, iżda wkoll, għall-istess raġuni, minn tħassir faċli tul l-ipproċessar u t-trasport, kif inhu indikat fil-ktieb Variedades autóctonas de cebollas españolas ta’ Miguel Carravedo u Cristina Mallor (ISBN 84-8380-0006-5) u fl-artikolu ta’ Cristina Mallor fir-rivista Horticultura Nru 205, Marzu 2008.
Huma l-bejjiegħa lokali li għandhom l-esperjenza meħtieġa fil-manipulazzjoni ta’ dan it-tip ta’ basla, jiġifieri fit-trasport, l-ipproċessar, l-ippakkjar u l-preżervazzjoni, skont tradizzjoni qadima fit-tkabbir ta’ din il-basla fiż-żona ġeografika ddefinita. Tradizzjonalment, fl-ewwel terz tas-seklu 20, missirijiet il-bejjiegħa ta' llum kienu jkabbru l-basal u mbagħad iħejjuhom għas-suq fil-forma ta’ “trenzas” (trizzi) jew “horcas” (faxex) billi jorbtulhom iz-zkuk, u wara jġorruhom b'karrettun. Mis-snin 40 'l hemm bdiet il-kummerċjalizzazzjoni fi swieq iktar imbiegħda miż-żona ta’ produzzjoni, permezz tal-ferrovija jew bit-triq. Dan il-proċess bdewh uħud mill-azjendi li llum jinsabu fil-grupp applikanti tad-DPO. Sa mill-1980, din l-esperjenza akkumulata fil-manipulazzjoni tal-basal wasslet biex l-azjendi msemmija stabbilew l-ewwel impjanti għall-ħżin, għall-ipproċessar u għall-ippakkjar tal-basal.
Għaldaqstant, l-ippakkjar tal-prodott għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita mid-DPO, anki għax din il-basla, kif diġà ġie spjegat aktar 'il fuq, titħassar faċilment u t-trasport tagħha jista' jolqot ħażin il-kwalità tagħha. Fl-istess ħin, b'hekk jiġu żgurati tul il-proċess kollu l-oriġni u t-traċċabbiltà tal-prodott sad-destinazzjoni tiegħu, u jinżammu fil-minimu l-manipulazzjonijiet suċċessivi li jistgħu jwasslu għal telf fil-kwalità tal-basal kopert mid-DPO.
Min jieħu ħsieb l-ippakkjar għandu jsegwi proċessi li jippermettu l-ippakkjar individwali tal-basal kopert mid-DPO.
3.7. Regoli speċifiċi għat-tikkettar:
Minbarra li jikkonforma mar-regoli ta’ tikkettar skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, kull pakkett jew reċipjent għandu juri:
|
— |
il-logo tad-DPO, bil-kliem “Cebolla Fuentes de Ebro”, |
|
— |
l-isem jew id-ditta tal-ippakkjatur/distributur, |
|
— |
in-numru tal-lott korrispondenti, |
|
— |
il-kelma “bikrija” jew “imqaxxra”, kif xierqa, |
|
— |
kontrattikketta nnumerata. |
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:
Iż-żona ġeografika tad-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Cebolla Fuentes de Ebro” hija magħmula mill-artijiet li jinsabu fil-muniċipalitajiet li ġejjin tal-provinċja ta’ Żaragoża: Fuentes de Ebro, Mediana de Aragón, Osera de Ebro, Pina de Ebro, Quinto, u Villafranca de Ebro.
5. Rabta maż-żona ġeografika:
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika ddefinita:
Iż-żona tat-tkabbir tas-“Cebolla Fuentes de Ebro” tinsab fil-wied nofsani tax-xmara Ebro, u għandha klima deċiżament Mediterranja kontinentali. Din iż-żona hija magħrufa bħala d-“Dipressjoni Terzjarja tal-Ebro”, b'ħamrija ta’ karattru fluvjali ċar, u b'abbundanza ta' ġipsum u ta' karbonat tal-kalċju.
Il-karatteristiċi klimatiċi ta’ din iż-żona huma l-aridità, il-pożizzjoni kontinentali, u r-riħ. L-aridità tiġi riflessa fil-kejl pluvjometriku, madwar 350 mm tax-xita fis-sena mqassma fl-erba' staġuni, b'massimu fl-ekwinozji u b'minimu fis-solstizji. Dan, flimkien mat-temperaturi għoljin, huwa prova tal-eżistenza ta' perjodu mtawwal ta' stress fuq il-provvista tal-ilma (minn Ġunju sa Ottubru).
Bil-klima kontinentali joħorġu kuntrasti qawwijin bejn is-sħana tas-sajf u l-bard tax-xitwa. L-isoterma medja annwali tinsab bejn 13 °C u 15 °C. Rigward it-temperaturi minimi, wieħed jinnota li f'ċerti perjodi, it-temperaturi jistgħu jinżlu taħt il-5 °C, bl-iktar temperaturi estremi jaslu f'Diċembru u Jannar. Il-medji massimi tas-sajf jaqbżu t-30 °C, bl-iktar xhur sħan ikunu Ġunju, Lulju u Awwissu, fejn jistgħu jintlaħqu massimi assoluti qrib l-40 °C.
F'dak li jirrigwarda l-irjieħ, wieħed jinnota l-effett tas-“Cierzo” fuq iż-żona ta’ produzzjoni; is-“Cierzo” huwa riħ qawwi, kiesaħ ħafna u niexef, li jiġi mill-wied tal-Ebro, u jifforma minħabba d-differenza ta' pressjoni bejn il-baħar Kantabriku u l-baħar Mediterran kull meta jsir antiċiklun fil-baħar Kantabriku u meta sseħħ burraxka fil-baħar Mediterran.
Fi ftit kliem, din iż-żona hija kkaratterizzata minn ħamrija għammiela b'abbundanza ta’ ġipsum u ta’ karbonat tal-kalċju b'pH għoljin, kif ukoll minn mikroklima tal-isteppi, mirjieħa u bi ftit xita.
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
Is-“Cebolla Fuentes de Ebro” hija punt ta’ referenza fost il-ħxejjex taż-żona, bis-saħħa tal-karatteristiċi speċjali tagħha. Għandha zokk oħxon, lewn ta’ barra abjad tiben, u s-saffi ta' ġewwa huma bojod u rotob bħal sponża. Iżda l-karatteristika ewlenija ta’ din il-basla hi l-fatt li hi ftit li xejn pikkanti; popularment jingħad li “ma taħraqx, u fiha togħma kemxejn ħelwa”.
Mil-lat nutrizzjonali, billi l-basla b'mod ġenerali tkun aħjar għas-saħħa meta tittiekel nejja, l-itjeb basla f'dan ir-rigward hija s-“Cebolla Fuentes de Ebro” għaliex ma fihiex l-iżvantaġġi ta' varjetajiet oħra ta' basal, bħall-karattru pikkanti u t-togħma li tibqa' anki sigħat wara li tkun ittieklet; għal bosta konsumaturi, dan huwa fattur deċiżiv fl-għażla li ma jinkludux il-basla nejja fid-dieta tagħhom.
Ir-reputazzjoni tajba ta’ din il-basla ilha tinxtered ma' Spanja kollha, bħala alternattiva għall-basla iktar pikkanti; fl-istess ħin, is-“Cebolla Fuentes de Ebro” progressivament saret iktar magħrufa għall-konsistenza pjaċevoli tagħha, kif ukoll għat-togħma rinfreskanti tagħha. Fil-fatt, l-ewwel tliet kwalitajiet tas-“Cebolla Fuentes de Ebro” apprezzati mill-konsumaturi huma: it-togħma ftit li xejn pikkanti, it-togħma mmerrqa fl-insalata, u l-oriġni minn Aragona. Dan kien ir-riżultat ta' stħarriġ imwettaq mis-Centro de Tecnología Agroalimentaria del Gobierno de Aragón (Ċentru tat-Teknoloġija Agroalimentari tal-Gvern ta' Aragona), ippubblikat fir-rivista teknika Surcos de Aragón Nru 66 (2000).
Dawn l-aspetti jimmarkaw id-differenza mill-bqija tal-varjetajiet ta' basal, u għalhekk is-“Cebolla Fuentes de Ebro” l-iktar li tittiekel nejja.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO), jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP):
Il-karatteristiċi tal-ħamrija, l-aridità ta' klima niexfa u mirjieħa, il-possibbiltajiet tas-saqi li ilhom is-sekli jeżistu fiż-żona, flimkien mal-metodi ta' tkabbir u l-materja veġetali użati għall-produzzjoni tas-“Cebolla Fuentes de Ebro”, huma fatturi essenzjali biex jinkisbu l-livelli baxxi ta’ togħma pikkanti ta’ dan it-tip ta’ basla. Dan in-nuqqas ta’ togħma pikkanti huwa l-karatteristika ewlenija li tiddistingwi s-“Cebolla Fuentes de Ebro” minn varjetajiet oħra ta’ basal.
Il-materja ġenetika minn din il-basla ntużat għat-tkabbir tagħha lil hinn mill-firxa edafika u klimatika taż-żona ġeografika ddefinita, u ġie osservat li l-basla tiċkien u titlef ukoll mill-konsistenza tagħha, filwaqt li, b'mod partikulari, il-livell ta’ togħma pikkanti tagħha jiżdied (Informaciones Técnicas Nri 110 u 127, ippubblikati mid-Dirección General de Tecnología Agraria del Gobierno de Aragón fis-snin 2002 u 2003 rispettivament).
L-aktar aspetti relevanti li jispjegaw din ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-prodott miksub, speċjalment fir-rigward tat-togħma pikkanti, huma kif ġej: minn banda, il-klima estremament niexfa, li twassal għal ċertu stress idroloġiku fi stadji speċifiċi taċ-ċiklu tat-tkabbir, u dan minkejja l-opportunitajiet ta' saqi mix-xmara Ebro; mill-banda l-oħra, il-karatteristiċi speċjali tal-ħamrija fiż-żona ġeografika ddefinita, b'taħlita ta' tipi ta' ħamrija żviluppati fuq materja Kwaternarja ġejja mid-dinamika fluvjali tal-Ebro, flimkien ma' tipi ta' ħamrija b'kontenut għoli ta' ġipsum u ta' karbonat tal-kalċju, tipiċi tal-istrixxa nofsanija tad-dipressjoni tal-Ebro. It-taħlita u l-iżvilupp ta’ dawn il-materji tul is-sekli, bis-saħħa tad-dinamika alluvjali u kolluvjali, wasslu għal tagħqida ta’ tipi ta’ ħamrija tajbin għat-tkabbir tal-ħxejjex, fosthom il-basla, b'konsistenzi li (skont il-klassifikazzjoni tal-United States Department of Agriculture) jinkludu l-lom, il-lom ramli u l-lom bil-ħama, b'kontenuti għoljin ta’ ġipsum u ta’ karbonat tal-kalċju, b'pH kemxejn alkalin, u b'livelli baxxi ta’ materja organika mifruxa mas-saffi kollha tal-ħamrija. Dan kollu jikkonferma l-kwalitajiet speċifiċi ta’ fertilità, ikkaratterizzati mill-abbundanza ta' ċerti makronutrijenti u mikronutrijenti, li d-disponibbiltà tagħhom għall-pjanta tibqa' kkundizzjunata minn livelli ta' pH għoljin; b'hekk jinkiseb livell baxx ta' togħma pikkanti, u dan huwa l-fattur li jiddistingwi l-prodott aħħari minn varjetajiet oħra ta' basal.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
http://www.aragon.es/estaticos/GobiernoAragon/Departamentos/AgriculturaGanaderiaMedioAmbiente/AgriculturaGanaderia/Areas/08_Calidad_Agroalimentaria/02_Alimentos_calidad_diferenciada/-CebollaFuentesdeEbro.pdf
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.