19.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/8


Sommarju tad-deċiżjoni tal-kummissjoni

tat-28 ta’ Marzu 2012

dwar proċediment għall-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat

(Każ COMP/39.793 – EPH u oħrajn)

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 1999 final)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

2012/C 316/05

Fit-28 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċediment għall-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat  (1) B’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (2), il-Kummissjoni b’dan qed tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inklużi kwalunkwe penali imposti, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Energetický a průmyslový holding (“EPH”) u s-sussidjarja sħiħa tagħha EP Investment Advisors (“EPIA”). Timponi multa fuqhom għar-rifjut li jissottomettu ruħhom għal ispezzjoni, ksur fis-sens tal-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003. Ir-rifjut kien fil-forma ta' nuqqas milli jiġi mblukkat kont tal-emails u diverżjoni tal-emails li daħlu matul l-ispezzjoni li twettqet fl-istabbilimenti komuni ta’ EPH u EPIA.

2.   PROĊEDURA

(2)

Fis-17 ta' Mejju 2010 il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedimenti kontra J&T IA (issa EPIA (3)) u EPH bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni li tissanzjona ksur allegat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.

(3)

Fis-17 ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (“DO”) kontra EPIA u EPH dwar ksur allegat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003. Id-DO ġiet innotifikata lill-partijiet fit-22 ta' Diċembru 2010. Il-partijiet issottomettew it-tweġiba tagħhom fis-17 ta’ Frar 2011. Is-seduta orali saret fil-25 ta' Marzu 2011.

(4)

Fil-15 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet (“DSO”) li tistabbilixxi elementi fattwali u legali addizzjonali fir-rigward ta' waħda mill-istanzi ta' ksur allegat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003. Id-DSO ġiet innotifikata lill-partijiet fid-19 ta' Lulju 2011. Il-partijiet issottomettew it-tweġiba tagħhom fit-12 ta’ Settembru 2011. Is-seduta orali saret fit-13 ta' Ottubru 2011.

(5)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ġie kkonsultat dwar l-eżistenza ta' ksur u dwar l-ammont propost tal-multa fit-12 ta' Marzu 2011. Il-Kumitat Konsultattiv wassal opinjoni pożittiva unanima dwar l-abbozz tad-deċiżjoni, inkluża l-multa proposta.

(6)

L-Uffiċjal tas-Seduta ppreżenta r-rapport finali tiegħu fit-13 ta’ Marzu 2012. Ir-rapport jikkonkludi li d-dritt tal-partijiet li jinstemgħu ġie rrispettat.

3.   FATTI

(7)

Id-Deċiżjoni tindirizza żewġ inċidenti relatati mat-trattament tal-emails li seħħew matul l-ispezzjoni tal-24-26 ta’ Novembru 2009: (i) In-nuqqas li jiġi mblukkat kont tal-emails u (ii) id-devjazzjoni tal-e-mails li daħlu.

In-nuqqas li jimblukkaw il-kont tal-emails

(8)

Fl-24 ta' Novembru 2009, wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ispezzjoni, l-ispetturi tal-Kummissjoni talbu li jiġu mblukkati l-kontijiet tal-emails tal-persuni ewlenin sa ma jingħata avviż ulterjuri. Dan sar billi ġiet stabbilita password ġdida magħrufa biss lill-ispetturi tal-Kummissjoni. Din hija miżura standard meħuda fil-bidu tal-ispezzjonijiet, biex jiżguraw li l-ispetturi jkollhom aċċess esklużiv għall-kontenut tal-kontijiet tal-emails u ma jħallux li dawk il-kontijiet jiġu modifikati waqt it-tfittxija. Fit-tieni jum tal-ispezzjoni l-ispetturi tal-Kummissjoni skoprew li password għal kont wieħed kienet ġiet modifikata matul l-ewwel jum sabiex jippermettu li d-detentur jaċċessa l-kont.

Id-devjazzjoni tal-e-mails li daħlu

(9)

Fit-tielet jum tal-ispezzjoni, l-ispetturi tal-Kummissjoni skoprew li fit-tieni jum tal-ispezzjoni wieħed mill-impjegati kien talab lid-dipartiment tal-IT biex jiddevja l-emails kollha li jidħlu lejn il-kontijiet ta' diversi persuni ewlenin ‘il barra minn dawn il-kontijiet għal server tal-kompjuter. Il-kumpanija ammettiet li kienet implimentat l-istruzzjoni fil-każ ta’ mill-inqas wieħed mill-kontijiet tal-emails. B’riżultat ta’ dan, l-emails li daħlu ma kinux viżibbli fl-inboxes ikkonċernati u ma setgħux jiġu mfittxija mill-ispetturi.

4.   VALUTAZZJONI LEGALI

(10)

L-ewwel nett, id-Deċiżjoni tinnota li l-ġurisprudenza f’Orkem  (4) u f’Société Générale  (5) u l-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (6) jikkonfermaw li s-sottomissjoni sħiħa għal spezzjoni tinkludi l-obbligu li jikkooperaw attivament mal-Kummissjoni fl-aspetti kollha. Dan ifisser li l-kontijiet tal-emails tal-impriża jiġu mblukkati fuq talba tal-ispetturi billi tinbidel il-password u jipprovdulhom password ġdida magħrufa esklużivament lill-ispetturi. L-aċċess esklużiv għall-kont mill-ispetturi jrid jiġi żgurat sakemm l-ispetturi jippermettu espliċitament li jiġi żblukkat sabiex jiżguraw l-integrità tal-kontenut tal-mailbox.

(11)

It-tieni, id-Deċiżjoni tinnota li s-sottomissjoni għal spezzjoni teħtieġ li l-ispetturi tal-Kummissjoni jrid ikollhom aċċess għall-emails kollha fil-kont, inkluż l-emails li jidħlu fil-kont waqt l-ispezzjoni kollha sal-punt li tintemm l-ispezzjoni.

(12)

It-tielet, id-Deċiżjoni tiddetermina li l-iżblukkar tal-kont tal-emails twettaq b’negliġenza u li d-devjazzjoni tal-emails li daħlu twettqet b’intenzjoni.

(13)

Ir-raba', id-Deċiżjoni tiddetermina li filwaqt li ż-żewġ inċidenti jistgħu jikkostitwixxu ksur fit-tifsira tal-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 innifsu, wara li kkunsidrat l-elementi komuni, ma jkunx xieraq li kull kondotta tiġi meqjusa f'iżolament. Għalhekk, ġie konkluż li EPIA u EPH kienu involuti fi ksur wieħed ġenerali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(14)

Il-ħames, minħabba li EPH tikkontrolla lil EPIA bħala l-proprjetarju sħiħ tagħha fi struttura ta’ tmexxija komuni kif ukoll il-fatt li l-inċidenti involvew persuni li jirrappreżentaw liż-żewġ entitajiet matul l-ispezzjoni u huma wkoll relatati ma’ kontijiet tal-emails ta’ persuni li jaħdmu mat-tnejn li huma, id-Deċiżjoni tiddetermina li EPIA u EPH għandhom jitqiesu responsabbli in solidum għall-ksur.

5.   MULTI

(15)

Peress li l-ksur imsemmi fl-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġie stabbilit, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq l-impriżi li ma jaqbżux il-1 % tal-fatturat tagħhom.

(16)

Għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-Deċiżjoni qieset kemm il-gravità kif ukoll it-tul tal-ksur skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(17)

Fir-rigward tal-gravità, id-Deċiżjoni tinnota li l-ksur huwa ta' natura serja. Ġie nnutat b’mod partikulari li s-setgħa li jitwettqu spezzjonijiet hija waħda mill-aktar setgħat investigattivi importanti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni biex jinkixef ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. Ġie nnutat ukoll li matul l-aħħar deċennju provi fuq il-karta saru inqas importanti u ħafna mid-dokumenti miġbura llum matul l-ispezzjonijiet huma estratti minn kontijiet tal-emails u fajls elettroniċi u li d-dejta maħżuna fil-format elettroniku kapaċi tinqered ħafna aktar faċilment u malajr minn fajls tal-karti. Fl-aħħar nett, ġie meqjus li hemm żewġ inċidenti li fihom EPIA u EPH ostakolaw l-ispezzjoni: in-nuqqas li jimblukkaw kont tal-emails u d-diverżjoni tal-emails.

(18)

F'termini ta' tul, id-Deċiżjoni tqis li l-ksur kompla għal perjodu ta' żmien sinifikanti matul l-ispezzjoni fl-istabbiliment ta’ EPIA u EPH.

(19)

Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni tqis li l-partijiet ikkooperaw b’mod li għen lill-Kummissjoni biex taċċerta ċ-ċirkustanzi tar-rifjut li jissottomettu ruħhom għall-ispezzjoni fir-rigward tal-emails. Madankollu, ġie nnutat li filwaqt li l-partijiet ma kkontestawx ċerti fatti, b’mod ġenerali ppruvaw ipoġġu f’dubju l-eżistenza ta’ kwalunkwe vjolazzjoni proċedurali.

6.   KONKLUŻJONI

(20)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, id-Deċiżjoni tikkonkludi li EPH u EPIA rrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-ispezzjoni mwettqa fl-istabbilimenti tagħhom fl-24-26 ta’ Novembru 2009 skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 billi b’negliġenza ppermettew aċċess għal kont tal-emails imblukkat u billi ddevjaw l-emails lejn server b’intenzjoni, b'hekk wettqu ksur fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 23(1)(c) ta’ dak ir-Regolament. Id-Deċiżjoni timponi multa ta' EUR 2 500 000 konġuntament u separatament fuq EPH u EPIA.


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-TFUE. Fiż-żewġ każi, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-artikoli rispettivi huma sostanzjalment identiċi. Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi magħmula għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftiehmu, jekk ikun il-każ, bħala magħmula rispettivament għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE.

(2)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08 Volum 02 p. 205-229). Speċjali bil-Malti: Kapitolu 07 Volum 08 p. 17-18).

(3)  Fl-10 ta’ Novembru 2010, J&T IA issemmiet mill-ġdid EPIA mingħajr ma saru tibdiliet fl-istruttura korporattiva jew fl-organizzazzjoni tal-kumpanija. It-test li ġej jirreferi għalll-EPIA wkoll għaż-żmien meta kien jisimha J&T IA.

(4)  Il-Każ 374/87 Orkem vs il-Kummissjoni Ewropea [1989] Ġabra 3283 paragrafu 27 li huwa relatat ma’ talba għal informazzjoni wara li twettqet spezzjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Il-Każ T-34/93 Société Générale vs il-Kummissjoni [1995] Ġabra II-545, paragrafu 72 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/735/KE tal-14 ta' Ottubru 1994 li timponi multa skont l-Artikolu 15(1) (c) tar-Regolament Nru 17 dwar Akzo Chemicals BV, ĠU L 294, 15/11/1994, p. 31 (mhix disponibbli bil-Malti).